European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/884

19.3.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/884 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Marzu 2024

li temenda d-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Awwissu 2012, u ssostitwiet id-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(2)

Il-pannelli fotovoltajċi, li ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/96/KE, ġew inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE mit-13 ta’ Awwissu 2012, billi ġew inklużi fil-kategorija 4 tal-Annessi I u II, kif imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2012/19/UE.

(3)

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE jipprevedi li l-Istati Membri għandhom l-obbligu jiżguraw li l-produtturi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) iġarrbu l-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi ta’ skart EEE (WEEE) li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent minn utenti għajr djar privati li jirriżultaw minn prodotti mqiegħda fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005.

(4)

Fil-25 ta’ Jannar 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti”), fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-181/20 (5), iddikjarat li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE huwa invalidu sa fejn jikkonċerna pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u t-13 ta’ Awwissu 2012, minħabba effett retroattiv mhux ġustifikat. Il-Qorti ddeċidiet li, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla lill-Istati Membri l-għażla li jirrikjedu li l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi jiġġarrbu mid-detenturi attwali jew preċedenti tal-iskart jew mill-produttur jew mid-distributur tal-pannelli fotovoltajċi, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Sussegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa regola, fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE, skont liema dawk l-ispejjeż għandhom jiġġarrbu mill-produtturi fl-Istati Membri kollha, inkluż fir-rigward ta’ prodotti li l-produtturi kienu diġà qiegħdu fis-suq fi żmien meta kienet fis-seħħ id-Direttiva 2008/98/KE. Il-Qorti ddeċidiet li jrid titqies li dik ir-regola tapplika retroattivament, u għalhekk jaf tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali, u li tali retroattività tinvalidah fir-rigward tal-pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2012/19/UE.

(5)

Il-Qorti ddeċidiet ukoll, fis-sentenza tagħha, li l-fatt li Stat Membru jkun adotta leġiżlazzjoni li tmur kontra direttiva tal-Unjoni qabel l-adozzjoni ta’ dik id-direttiva ma jikkostitwix, fih innifsu, ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li ma jistax jitqies li l-kisba tar-riżultat previst mid-direttiva tkun kompromessa serjament qabel ma d-direttiva tkun tifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

(6)

Is-sentenza tal-Qorti timplika direttament li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex ma japplikax għal skart minn pannelli fotovoltajċi minn utenti għajr djar privati mqiegħda fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u t-13 ta’ Awwissu 2012. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti, huwa neċessarju li d-Direttiva 2012/19/UE tiġi emendata wkoll b’rabta mal-finanzjament ta’ skart minn pannelli fotovoltajċi minn djar privati li għalih japplika l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2012/19/UE, u b’rabta ma’ EEE ieħor, fir-rigward ta’ skart kemm minn djar privati kif ukoll minn utenti għajr djar privati, li huwa f’pożizzjoni komparabbli ma’ dik tal-pannelli fotovoltajċi.

(7)

L-Artikolu 2(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2012/19/UE jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva għall-EEE kollu mill-15 ta’ Awwissu 2018. B’mod simili għall-pannelli fotovoltajċi, l-EEE li ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE skont l-Artikolu 2(1), il-punt (a), tagħha, iżda li sar jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha mill-15 ta’ Awwissu 2018 skont l-Artikolu 2(1), il-punt (b), tagħha (“EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett”), qabel ukoll ma kienx inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/96/KE. Għalhekk, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE, l-Istati Membri tħallitilhom, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98/KE, l-għażla li jirrikjedu li l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni tal-iskart minn dak l-EEE jiġġarrbu mid-detenturi attwali jew preċedenti tal-iskart jew mill-produttur jew mid-distributur ta’ dak it-tagħmir. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE għall-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett tmur, għar-raġunijiet stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti, kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2012/19/UE tinkludi l-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett mill-15 ta’ Awwissu 2018 biss, l-Artikolu 13(1) jenħtieġ li jiġi emendat b’tali mod li ma japplikax għall-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett imqiegħed fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u l-15 ta’ Awwissu 2018.

(8)

Bħala dispożizzjoni li tirrifletti l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2012/19/UE, li japplika fir-rigward ta’ utenti għajr djar privati, l-Artikolu 12(1) ta’ dik id-Direttiva meta jinqara flimkien mal-Artikolu 12(3) tagħha jimponi l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn djar privati fuq il-produtturi fir-rigward tal-prodotti mqiegħda fis-suq aktar tard mit-13 ta’ Awwissu 2005. Għar-raġunijiet stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti, sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-finanzjament ta’ dawk l-ispejjeż ta’ ġestjoni tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u t-13 ta’ Awwissu 2012 u għall-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett imqiegħed fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u l-15 ta’ Awwissu 2018, japplikaw daqstant ieħor retroattivament b’mod li jmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali. Għalhekk, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2012/19/UE jenħtieġ li jiġi emendat b’tali mod li ma japplikax għall-pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u t-13 ta’ Awwissu 2012 jew għall-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett imqiegħed fis-suq bejn it-13 ta’ Awwissu 2005 u l-15 ta’ Awwissu 2018.

(9)

Id-Direttiva 2012/19/UE tissupplimenta d-Direttiva 2008/98/KE, li hija wieħed mill-atti leġiżlattivi ġenerali dwar il-ġestjoni tal-iskart fl-Unjoni. L-Artikoli 8 u 14 tad-Direttiva 2008/98/KE għalhekk japplikaw għall-ġestjoni ta’ skart minn pannelli fotovoltajċi u ta’ skart minn EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett għall-perjodu meta l-pannelli fotovoltajċi u l-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE minħabba l-emendi għall- Artikoli 12 u 13 tagħha premezz ta’ din id-Direttiva.

(10)

L-Artikoli 14(4) u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2012/19/UE jipprevedu li l-EEE mqiegħed fis-suq ikun immarkat, preferibbilment f’konformità mal-istandard Ewropew EN 50419, li ġie adottat mis-Cenelec f’Marzu 2006. Dak l-istandard ġie rivedut sabiex jiġu aġġornati r-referenzi li fih għad-Direttiva 2012/19/UE. Ir-referenza għall-istandard f’dawk l-Artikoli jenħtieġ għalhekk li tiġi aġġornata biex tirreferi għall-verżjoni riveduta tal-istandard Ewropew EN 50419, li ġiet adottata mis-Cenelec f’Lulju 2022.

(11)

L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2012/19/UE jipprevedi li, sabiex id-data li fiha l-EEE jkun tqiegħed fis-suq tkun tista’ tiġi stabbilita mingħajr l-ebda dubju, l-Istati Membri għandhom l-obbligu jiżguraw li marka fuq l-EEE tkun tispeċifika li l-EEE jkun tqiegħed fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005. B’konsegwenza tal-emendi għall-Artikoli 12 u 13, l-Artikolu 15(2) jenħtieġ li jiġi emendat fir-rigward tal-pannelli fotovoltajċi u tal-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett, sabiex jiċċara li l-obbligu ta’ mmarkar japplika biss mit-13 ta’ Awwissu 2012 b’rabta mal-pannelli fotovoltajċi u biss mill-15 ta’ Awwissu 2018 b’rabta mal-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett.

(12)

Sabiex il-prinċipju taċ-ċertezza legali jinżamm fir-reviżjonijiet futuri tad-Direttiva 2012/19/UE, huwa importanti li tingħata attenzjoni partikolari lill-prevenzjoni tal-adozzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li potenzjalment jista’ jkollha effetti retroattivi mhux ġustifikati. Barra minn hekk, huwa neċessarju li jingħataw ċarezza u prevedibbiltà lill-produtturi tal-EEE fir-rigward tal-kundizzjonijiet operattivi li kienu fis-seħħ meta l-prodotti tagħhom tqiegħdu fis-suq. Dak l-approċċ jgħin biex jiġi evitat ir-riskju li jiġġarrbu spejjeż imprevedibbli assoċjati mal-ġestjoni futura tal-WEEE. Barra minn hekk, huwa importanti li tali reviżjonijiet jirrispettaw il-ġerarkija tal-iskart kif stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE.

(13)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (7), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(14)

It-trattament mhux xieraq tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi u tal-iskart minn EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett iwassal għal impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa u fuq l-ambjent. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat trattament xieraq tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi u li jiġi massimizzat l-irkupru tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi. Mingħajr preġudizzju għall-bidliet fl-obbligi finanzjarji li huma neċessarji biex ikopru l-ġbir u t-trattament tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq qabel it-13 ta’ Awwissu 2012 u tal-iskart mill-EEE kollu b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett imqiegħed fis-suq qabel il-15 ta’ Awwissu 2018 introdotti b’din id-Direttiva, huwa importanti li l-Istati Membri jiżguraw li l-WEEE relatat jiġi ġestit b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. L-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu lill-produtturi, permezz tal-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi individwali jew kollettivi tagħhom, biex jiġbru u jittrattaw kif xieraq l-iskart storiku relatat mill-pannelli fotovoltajċi u mill-EEE b’kamp ta’ applikazzjoni mhux ristrett.

(15)

Meta tkun qed tiġi riveduta d-Direttiva 2012/19/UE, u meta jkunu qed jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tagħha, huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-WEEE ma jiġux trasferiti fuq il-konsumaturi jew iċ-ċittadini b’mod sproporzjonat. Dan jinkludi l-kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, l-indirizzar ta’ dispożizzjonijiet potenzjali relatati mal-objettivi tal-ġbir tal-WEEE u l-aderenza mal-ġerarkija tal-iskart kif stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE.

(16)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2012/19/UE

Id-Direttiva 2012/19/UE hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 24a

Rieżami

1.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa ta’ reviżjoni ta’ din id-Direttiva u, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva f’dak ir-rigward, akkumpanjata minn valutazzjoni approfondita tal-impatt soċjoekonomiku u ambjentali.

2.   Fil-valutazzjoni tal-impatt imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, il-ħtieġa għal:

(a)

dispożizzjonijiet li jiżguraw b’mod speċifiku li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jiġi rispettat u li ma jkun hemm l-ebda effett retroattiv mhux ġustifikat fi kwalunkwe Stat Membru;

(b)

dispożizzjonijiet li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(c)

dispożizzjonijiet li jiżguraw li ċ-ċittadini u l-konsumaturi ma jitgħabbewx bi spejjeż sproporzjonati, f’konformità mal-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’;

(d)

dispożizzjonijiet li jiżguraw l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miri tal-ġbir adegwati, kif ukoll fir-rigward tal-prevenzjoni tal-kummerċ illegali tal-WEEE;

(e)

il-ħolqien ta’ kategorija ġdida ta’ EEE għall-‘pannelli fotovoltajċi’ skont din id-Direttiva bil-għan li l-pannelli fotovoltajċi jiġu diżassoċjati mill-kategorija 4 eżistenti tal-EEE, ‘tagħmir kbir’, kif imsemmi fl-Annessi III u IV, u l-kalkolu tal-miri tal-ġbir abbażi tal-iskart minn pannelli fotovoltajċi disponibbli għall-ġbir fuq il-bażi tal-ħajja mistennija tagħhom, aktar milli tal-kwantità ta’ prodotti mqiegħda fis-suq;

(f)

l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu maħsub biex jiżgura li, f’każ ta’ falliment jew likwidazzjoni tal-produttur, l-ispejjeż futuri tal-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħasara lill-ambjent ta’ skart minn pannelli fotovoltajċi kemm minn djar privati kif ukoll minn utenti għajr djar privati jkunu finanzjarjament koperti.”

;

(2)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi jipprevedu minn tal-inqas il-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn djar privati li jkun ġie ddepożitat f’faċilitajiet ta’ ġbir imwaqqfa skont l-Artikolu 5(2) kif ġej:

(a)

għall-WEEE li jirriżulta mill-EEE msemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), għajr il-pannelli fotovoltajċi, fejn tali EEE jkun tqiegħed fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005;

(b)

għall-WEEE li jirriżulta minn pannelli fotovoltajċi fejn tali pannelli fotovoltajċi jkunu tqiegħdu fis-suq mit-13 ta’ Awwissu 2012; u

(c)

għall-WEEE li jirriżulta mill-EEE msemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), u li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1), il-punt (a), fejn tali EEE jkun tqiegħed fis-suq mill-15 ta’ Awwissu 2018.”

;

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Kull produttur għandu jkun responsabbli għall-finanzjament tal-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 relatati mal-iskart iġġenerat mill-prodotti tiegħu stess. Il-produttur jista’ jagħżel li jissodisfa dan l-obbligu jew individwalment jew billi jingħaqad ma’ skema kollettiva.”

;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Ir-responsabbiltà għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-ġestjoni tal-WEEE minn prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), għajr pannelli fotovoltajċi, imqiegħda fis-suq fit-13 ta’ Awwissu 2005 jew qabel (‘skart storiku’) għandha tiġġarrab minn sistema waħda jew aktar li l-produtturi kollha li jkunu jeżistu fis-suq meta jseħħu l-ispejjeż rispettivi jikkontribwixxu b’mod proporzjonat, pereżempju bi proporzjon għas-sehem rispettiv tagħhom fis-suq skont it-tip ta’ tagħmir.”

;

(3)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn utenti għajr djar privati għandu jiġi pprovdut mill-produtturi kif ġej:

(a)

għall-WEEE li jirriżulta mill-EEE msemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), għajr il-pannelli fotovoltajċi, fejn tali EEE jkun tqiegħed fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005;

(b)

għall-WEEE li jirriżulta minn pannelli fotovoltajċi fejn tali pannelli fotovoltajċi jkunu tqiegħdu fis-suq mit-13 ta’ Awwissu 2012; u

(c)

għall-WEEE li jirriżulta mill-EEE msemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), u li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1), il-punt (a), fejn tali EEE jkun tqiegħed fis-suq mill-15 ta’ Awwissu 2018.

Għall-iskart storiku mill-EEE msemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), għajr il-pannelli fotovoltajċi, li jkunu qed jiġu sostitwiti bi prodotti ekwivalenti ġodda jew bi prodotti ġodda li jaqdu l-istess funzjoni, il-finanzjament tal-ispejjeż għandu jiġi pprovdut mill-produtturi ta’ dawk il-prodotti meta jkunu qed ifornuhom. L-Istati Membri jistgħu, alternattivament, jistipulaw li l-utenti għajr id-djar privati jsiru wkoll responsabbli, parzjalment jew totalment, għal dak il-finanzjament.

Għal skart storiku ieħor mill-EEE msemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), għajr il-pannelli fotovoltajċi, il-finanzjament tal-ispejjeż għandu jiġi pprovdut mill-utenti għajr djar privati.”

;

(4)

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Bil-għan li jiġi mminimizzat ir-rimi tal-WEEE bħala skart muniċipali mhux isseparat u biex jiġi ffaċilitat il-ġbir separat tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi jimmarkaw kif xieraq — preferibbilment f’konformità mal-istandard Ewropew EN 50419:2022 — l-EEE mqiegħed fis-suq bis-simbolu muri fl-Anness IX. F’każijiet eċċezzjonali, fejn dan ikun neċessarju minħabba d-daqs jew il-funzjoni tal-prodott, is-simbolu għandu jiġi stampat fuq l-imballaġġ, fuq l-istruzzjonijiet għall-użu u fuq il-garanzija tal-EEE.”

;

(5)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Sabiex id-data li fiha l-EEE jkun tqiegħed fis-suq tkun tista’ tiġi stabbilita mingħajr l-ebda dubju, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li marka fuq l-EEE tkun tispeċifika li dan tal-aħħar tqiegħed fis-suq wara t-13 ta’ Awwissu 2005. Preferibbilment, l-istandard Ewropew EN 50419:2022 għandu jiġi applikat għal dan il-għan.

Għall-pannelli fotovoltajċi, l-obbligu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għall-pannelli fotovoltajċi mqiegħda fis-suq mit-13 ta’ Awwissu 2012.

Għall-EEE msemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), u li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1), il-punt (a), l-obbligu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu japplika biss għall-EEE mqiegħed fis-suq mill-15 ta’ Awwissu 2018.”

.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sad-9 ta’ Ottubru 2025. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 184, 25.5.2023, p. 102.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Frar 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Marzu 2024.

(3)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

(4)  Id-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24).

(5)  Is-sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tal-25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND a.s. v Česká republika – Ministerstvo životního prostředí, C-181/20, ECLI:EU:C:2022:51).

(6)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(7)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/884/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)