European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/882

19.3.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/882

tat-18 ta’ Marzu 2024

li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ April 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/231/PESK (1).

(2)

Fl-1 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2713 (2023). Dik ir-Riżoluzzjoni tistabbilixxi embargo ġenerali u sħiħ fuq il-konsenji kollha ta’ armi u tagħmir militari lill-Al-Shabaab fis-Somalja. Ir-Riżoluzzjoni 2713 (2023) tal-KSNU tistabbilixxi wkoll obbligu fuq l-Istati kollha, għall-finijiet li jipprevjenu l-intenzjoni ta’ Al-Shabaab u ta’ atturi oħra li jdgħajfu l-paċi u s-sigurtà fis-Somalja u fir-reġjun milli jiksbu armi u munizzjon, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu l-konsenji kollha ta’ armi, munizzjon u tagħmir militari lis-Somalja, inkluż il-projbizzjoni tal-finanzjament tal-akkwisti u l-konsenji kollha ta’ armi, munizzjon u tagħmir militari, u tistabbilixxi li dawk il-miżuri ma japplikawx għal konsenji jew provvisti lill-Gvern tar-Repubblika Federali tas-Somalja (GFRS), lill-Armata Nazzjonali Somala (SNA), lill-Aġenzija Nazzjonali għall-Intelligence u s-Sigurtà (NISA), lill-Forza tal-Pulizija Nazzjonali Somala (SNPF) jew lill-Korpi ta’ Kustodja Somali.

(3)

Fl-1 ta’ Diċembru 2023 ukoll, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 2714 (2023), li neħħiet l-embargo fuq l-armi fuq ir-Repubblika Federali tas-Somalja stabbilit qabel skont ir-Riżoluzzjoni 733 (1992) tal-KSNU.

(4)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni 2010/231/PESK tiġi emendata skont dan.

(5)

Hija neċessarja aktar azzjoni mill-Unjoni biex jiġu implimentati ċerti miżuri f’din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/231/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

It-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja”;

(2)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet tar-rikambju għalihom, lis-Somalja minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri għandu jkun ipprojbit sew jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom u sew jekk le.

2.   Il-forniment dirett jew indirett lis-Somalja ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjara jew assistenza oħra jew taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, inkluż b’mod partikolari taħriġ tekniku jew assistenza teknika relatati mal-provvista, manifattura, manutenzjoni jew użu tal-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1, minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri, għandu jkun ipprojbit.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi jew materjal relatat ta’ kull tip, u l-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja jew assistenza oħra jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari, lill-Gvern tar-Repubblika Federali tas-Somalja (GFRS), lill-Armata Nazzjonali Somala (SNA), lill-Aġenzija Nazzjonali għall-Intelligence u s-Sigurtà (NISA), lill-Forza tal-Pulizija Nazzjonali Somala (SNPF) jew lill-Korpi ta’ Kustodja Somali; jew

(b)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, u għall-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja jew assistenza oħra jew taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, lill-Istati Membri Federali u lill-gvernijiet reġjonali tas-Somalja jew lill-kumpaniji privati tas-sigurtà liċenzjati li joperaw fis-Somalja; il-konsenja tal-oġġetti stipulati fl-Annessi II u III, u l-għoti ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja jew assistenza oħra, jew taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti rilevanti ta’ approvazzjoni jew ta’ notifika kif ġej:

(i)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip stipulat fl-Anness II lill-Istati Membri Federali u lill-gvernijiet reġjonali tas-Somalja jew lil kumpaniji privati tas-sigurtà liċenzjati li joperaw fis-Somalja biex jipprovdu sigurtà għall-bini u l-persunal internazzjonali u kummerċjali fis-Somalja jistgħu jiġu pprovduti fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà skont ir-riżoluzzjoni 2713 (2023) dwar Al-Shabaab (il-“Kumitat tas-Sanzjonijiet”) fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta jirċievu notifika mill-GFRS;

(ii)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip stipulat fl-Anness III lill-Istati Membri Federali u lill-gvernijiet reġjonali tas-Somalja jew lil kumpaniji privati tas-sigurtà liċenzjati li joperaw fis-Somalja biex jipprovdu sigurtà għall-bini u l-persunal internazzjonali u kummerċjali fis-Somalja huma soġġetti għal notifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, għall-informazzjoni biss, mill-inqas ħamest ijiem ta’ xogħol minn qabel mill-GFRS;

(c)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, jew il-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja jew assistenza oħra jew taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, maħsuba unikament għall-appoġġ ta’ jew għall-użu mill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż il-Missjoni ta’ Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Somalja (UNSOM) u l-Uffiċċju ta’ Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja (UNSOS);

(d)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi jew materjal relatat ta’ kull tip, jew il-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja jew assistenza oħra jew taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari maħsuba unikament għall-appoġġ ta’ jew għall-użu mill-Missjoni ta’ Tranżizzjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (ATMIS) u l-pajjiżi tagħha li jikkontribwixxu truppi u pulizija, kif ukoll is-sħab strateġiċi tagħha, li qed joperaw unikament skont il-Kunċett Strateġiku l-aktar reċenti tal-Operazzjonijiet tal-Unjoni Afrikana (UA), u f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-ATMIS;

(e)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi jew materjal relatat ta’ kull tip, jew l-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja jew assistenza oħra jew taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, maħsuba unikament għall-appoġġ ta’ jew l-użu minn: l-attivitajiet ta’ taħriġ u appoġġ tal-Unjoni Ewropea, it-Turkija, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jew l-Istati Uniti tal-Amerka, kif ukoll kwalunkwe Forza statali oħra bi ftehim dwar l-istatus tal-forzi jew memorandum ta’ qbil mal-GFRS, dment li jinfurmaw lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, għal fini ta’ informazzjon biss, dwar l-eżistenza ta’ tali ftehimiet;

(f)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ lbies protettiv, inkluż ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn is-Somalja minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti tal-media, kuntratturi privati tas-sigurtà jew ħaddiema u persunal assoċjat fl-ambitu umanitarju u fil-qasam tal-iżvilupp għall-użu personali tagħhom biss;

(g)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ tagħmir militari mhux letali mill-Istati Membri, jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali reġjonali jew sottoreġjonali, maħsub unikament għal użu umanitarju jew protettiv;

(h)

id-dħul fil-portijiet Somali għal żjarat temporanji ta’ bastimenti li jġorru armi jew tagħmir militari għal finijiet difensivi, dment li tali oġġetti jibqgħu dejjem abbord dawk il-bastimenti.

4.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, il-bejgħ mill-ġdid, it-trasferiment, jew id-disponibbilità għall-użu ta’ kwalunkwe arma jew tagħmir militari, mibjugħ jew fornut f’konformità mal-Artikolu 1(3), il-punti (a), (b), (c), (d) jew (e), lil kwalunkwe individwu jew entità li ma jkunux fis-servizz tar-riċevitur li oriġinarjament ġie mibjugħ jew fornut lilhom, jew lill-Istat Membru li qed ibigħ jew iforni jew l-organizzazzjoni internazzjonali, reġjonali jew sottoreġjonali.”

;

(3)

Fl-Artikolu 1c, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-GFRS għall-għarfien tiegħu u lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bil-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien 15-il jum ta’ xogħol wara li jsir il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment. In-notifiki għandu jkun fihom l-informazzjoni rilevanti kollha, inkluż l-iskop tal-użu tal-oġġetti, l-utent finali, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-kwantità tal-oġġetti li jridu jiġu ttrasportati u l-post tal-ħżin maħsub. Huma għandhom jiżguraw li l-GFRS u l-Istati Membri Federali tas-Somalja jingħataw assistenza finanzjarja u assistenza teknika adegwata biex jistabbilixxu salvagwardji xierqa għall-ħażna u d-distribuzzjoni ta’ dawn il-materjali.

4.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-eżerċizzju ta’ viġilanza minn persuni fiżiċi u ġuridiċi soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tagħhom, fir-rigward tal-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett ta’ prekursuri esplożivi u materjali lejn is-Somalja li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ apparat esplożiv improvviżat, minbarra l-oġġetti elenkati fl-Annessi IV u V ta’ din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri għandhom iżommu reġistri tat-tranżazzjonijiet li jafu bihom rigward xiri suspettuż ta’ oġġetti oħra bħal dawn, jew mistoqsijiet dwarhom, minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi fis-Somalja, u għandhom jaqsmu din l-informazzjoni mal-Gvern Federali tas-Somalja, mal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mal-Bord ta’ Esperti skont ir-Riżoluzzjoni 2713 (2023).”

;

(4)

L-Annessi II, III, IV u V tad-Deċiżjoni 2010/231/PESK huma emendati kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17).


ANNESS

(1)   

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/231/PESK huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS II

LISTA TA’ OĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(3), IL-PUNT (b)(i)

1.   

Missili mill-art għas-sema, inkluż is-Sistemi ta’ Difiża li Jinġarru mill-Bniedem kontra Attakki mill-Ajru (MANPADS).

2.   

Armi b’kalibru akbar minn 12,7 mm, u komponenti ddisinjati apposta għalihom, u munizzjon assoċjat. (Dan ma jinkludix tagħmir li jispara r-rokits minn fuq l-ispallejn kontra t-tankijiet bħall- RPGs (granati bi propulsjoni ta’ rokit) jew l-LAWs (armi ħfief ta’ kontra t-tankijiet), azzarini mingħajr imbuttatura wara l-isparatura, granati tal-azzarini, jew lanċaturi tal-granati).

3.   

Busijiet b’kalibru akbar minn 82 mm u munizzjon assoċjat.

4.   

Armamenti ggwidati anti-tank, inkluż Missili Ggwidati Anti-tank (ATGMs) u munizzjon u komponenti speċjali ddisinjati għal dawk l-oġġetti.

5.   

Kargi u apparat iddisinjati jew modifikati speċifikament għall-użu militari; mini u materjal relatat; u fuses.

6.   

Apparat tal-mira b’kapaċità ta’ viżjoni billejl, inkluż dawk termali u infraħomor, u aċċessorji.

7.   

Inġenji tal-ajru bi ġwienaħ fissi, bi ġwienaħ b’ġometrija varjabbli, rotor li jinklina jew bi ġwienaħ li jinklinaw, iddisinjati jew modifikati speċifikament għal użu militari.

8.   

“Bastimenti” u vetturi amfibi ddisinjati jew modifikati speċifikament għall-użu militari. (“Bastiment” tinkludi kwalunkwe vapur, vettura b’effett tal-wiċċ, bastiment ta’ żona ta’ pjan tal-ilma żgħir jew aliskaf u l-buq jew parti tal-buq ta’ bastiment.)

9.   

Vetturi tal-ajru għall-ġlied bla bdot (elenkati bħala Kategorija IV fir-Reġistru tan-NU ta’ Armi Konvenzjonali).

;

(2)   

L-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/231/PESK huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS III

LISTA TA’ OĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(3), IL-PUNT (b)(ii)

1.   

Kull tip ta’ arma b’kalibru sa 12,7 mm u l-munizzjon assoċjat.

2.   

RPG-7s (granati bi propulsjoni ta’ rokit Tip-7), LAWs (armi ħfief ta’ kontra t-tankijiet) u azzarini mingħajr imbuttatura wara l-isparatura, u munizzjon assoċjat.

3.   

Apparat tal-mira.

4.   

Inġenji tal-ajru bi ġwienaħ b’rotors jew ħelikopters iddisinjati jew modifikati speċifikament għall-użu militari.

5.   

Korazza tal-ġisem jew ilbies protettiv, kif ġej: Korazzi kontra l-balal iebsa li jipprovdu protezzjoni ballistika sal-livell III jew aktar (NIJ 0101 06, ta’ Lulju 2008) jew l-ekwivalenti nazzjonali.

6.   

Vetturi ta’ fuq l-art iddisinjati jew modifikati speċifikament għall-użu militari.

7.   

Tagħmir ta’ komunikazzjoni ddisinjat jew immodifikat speċifikament għall-użu militari.

;

(3)   

L-Anness IV tad-Deċiżjoni 2010/231/PESK huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS IV

LISTA TA’ OĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1C(1)

1.   

Tetril (trinitrofenilmetilnitrammina);

2.   

Nitroċellulożju (li fih aktar minn 12,5 % nitroġenu skont il-piż);

3.   

Tagħmir li jkun kemm iddisinjat apposta għal użu militari kif ukoll iddiżinjat apposta biex jattiva, jimmotorizza b’output operattiv ta’ darba, jispara jew jiddetona Apparat Splussiv Improvviżat (IEDs).

4.   

“Teknoloġija”“meħtieġa” għall-“produzzjoni” jew l-“użu” tal-oġġetti elenkati fil-paragrafu 1 u l-paragrafu 3. (Id-definizzjonijiet tat-termini “teknoloġija”“meħtieġa”, “produzzjoni” u “użu” huma derivati mil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (*1).)

;

(*1)   ĠU C 98, 15.3.2018, p. 1."

(4)   

L-Anness V tad-Deċiżjoni 2010/231/PESK huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS V

LISTA TA’ OĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1c(2)

1.   

Tagħmir u apparat, mhux speċifikati fil-punt 3 tal-Anness IV, iddisinjati apposta biex jinizjaw splussivi b’mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, (pereżempju, settijiet tal-isparar, detonaturi, tagħmir tat-tqabbid, ħabel detonanti).

2.   

“Teknoloġija”“meħtieġa” għall-“produzzjoni” jew l-“użu” tal-oġġetti elenkati fil-paragrafu 1 u l-paragrafu 3. (Id-definizzjonijiet tat-termini “teknoloġija”“meħtieġa”, “produzzjoni” u “użu” huma derivati mil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea.)

3.   

Materjali u prekursuri splussivi, kif ġej, u taħlitiet li jkun fihom xi wieħed jew aktar minn dawn:

a.

Nitrogliċerina komposta jew imħallta mal-“materjal enerġetiku” speċifikat minn ML8.a. jew metalli fi trab speċifikati minn ML8.c. tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (ħlief meta ppakkjati/ippreparati f’dożi mediċinali individwali);

b.

Aċidu nitriku;

c.

Aċidu sulfuriku.

.

(*1)   ĠU C 98, 15.3.2018, p. 1.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/882/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)