European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/867

18.3.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/867 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Marzu 2024

li tagħti s-setgħa lir-Repubblika Franċiża biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-Trattat bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-bini u t-tħaddim minn konċessjonarji privati ta’ Kollegament Fiss tal-Kanal, iffirmat f’Canterbury fit-12 ta’ Frar 1986 (‘it-Trattat ta’ Canterbury’) stabbilixxa Kummissjoni Intergovernattiva biex tissorvelja l-kwistjonijiet kollha dwar il-bini u t-tħaddim tal-Kollegament Fiss tal-Kanal (‘il-Kummissjoni Intergovernattiva’).

(2)

Minn tmiem il-perjodu tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3), il-maniġer tal-infrastruttura tal-Kollegament Fiss tal-Kanal u l-impriżi ferrovjarji li joperaw fil-Kollegament Fiss tal-Kanal kienu soġġetti għal żewġ oqfsa legali separati fir-rigward tas-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja.

(3)

Permezz tal-ittra tas-16 ta’ Lulju 2020, ir-Repubblika Franċiża talbet l-għoti tas-setgħa mill-Unjoni biex tinnegozja u tikkonkludi ftehim internazzjonali mar-Renju Unit dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal. F’konformità ma’ dik it-talba, id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tat is-setgħa lir-Repubblika Franċiża li tinnegozja ftehim biex tiżgura l-applikazzjoni unifikata u dinamika tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttivi (UE) 2016/797 (6) u (UE) 2016/798 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fil-Kollegament Fiss tal-Kanal kollu. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 stipulat il-kundizzjonijiet biex il-Kummissjoni Intergovernattiva tkun tista’ tkompli taqdi r-rwol tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza responsabbli għall-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża.

(4)

Ħareġ ċar min-negozjati bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit li ftehim skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dik id-deċiżjoni mhux ser iwassal għal ftehim li huwa sodisfaċenti għaż-żewġ Partijiet. Għalhekk, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2023, ir-Repubblika Franċiża wriet l-intenzjoni tagħha li tinnegozja u tikkonkludi ftehim differenti. Għalhekk qed jiġi propost għoti ta’ setgħa alternattiv.

(5)

Ftehim internazzjonali ma’ pajjiż terz dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabilità ferrovjarja f’sitwazzjonijiet transkonfinali x’aktarx li jaffettwa qasam li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa kopert mil-liġi tal-Unjoni, u b’mod partikolari mir-Regolament (UE) 2016/796 u mid-Direttivi (UE) 2016/798 u (UE) 2016/797. Għalhekk, kwalunkwe ftehim bħal dan jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw, jew jikkonkludu, tali ftehim biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex jagħmlu dan. Peress li tali ftehim jikkonċerna oqsma koperti mil-liġi eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport, jeħtieġ ukoll li t-tali setgħa tingħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 91 TFUE.

(6)

Meta wieħed iqis il-pożizzjoni speċjali tal-Kollegament Fiss tal-Kanal bħala kollegament ferrovjarju li jinvolvi struttura tal-inġinerija waħdanija u kumplessa li tinsab parzjalment fit-territorju tar-Repubblika Franċiża u parzjalment f’pajjiż terz, jixraq li r-Repubblika Franċiża tingħata s-setgħa li tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali mar-Renju Unit dwar l-applikazzjoni ta’ regoli koerenti dwar is-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal (“il-Ftehim”), kif ukoll biex tiżgura l-kooperazzjoni bejn l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza Franċiża, jiġifieri l-Établissement Public de Sécurité Ferroviaire (“EPSF”) u l-awtorità tas-sikurezza nazzjonali tar-Renju Unit, jiġifieri l-Office of Rail and Road (“ORR”).

(7)

Il-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża jenħtieġ li tibqa’ soġġetta għal-liġi tal-Unjoni. Il-prinċipji ta’ primazija, u fejn applikabbli, ta’ effett dirett tal-liġi tal-Unjoni u l-kompetenzi rispettivi tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu salvagwardjati.

(8)

It-tilwim bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim jenħtieġ li ma jiġix ippreżentat lit-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit skont l-Artikolu 19 tat-Trattat ta’ Canterbury jew lil kwalunkwe mezz ieħor ta’ soluzzjoni tat-tilwim legalment vinkolanti.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2016/796, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji jenħtieġ li jibqa’ jkollha r-responsabbiltà unika għall-funzjonijiet u s-setgħat assenjati lilha u, f’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2016/798, l-EPSF jenħtieġ li tibqa’ indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. Konsegwentement, fir-rigward tal-kwistjonijiet indirizzati fil-Ftehim, ir-rwol tal-Kummissjoni Intergovernattiva u l-Awtorità tas-Sikurezza stabbiliti skont it-Trattat ta’ Canterbury jenħtieġ li jkun limitat għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-EPSF u l-ORR. L-atti regolatorji tal-Kummissjoni Intergovernattiva u tal-Awtorità tas-Sikurezza jew l-effetti tagħhom jenħtieġ li ma jaffettwawx l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-EPSF, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-liġi tal-Unjoni tiġi implimentata b’mod korrett f’kull ħin fil-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża, u sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja l-applikazzjoni tagħha taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż f’ċirkostanzi ta’ urġenza, ir-Repubblika Franċiża jenħtieġ li żżomm id-dritt li tissospendi jew ittemm il-ftehim unilateralment.

(11)

Sabiex jitqiesu l-bidliet possibbli tal-liġi tal-Unjoni fil-ġejjieni, b’mod partikolari tar-Regolament (UE) 2016/796 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, il-Ftehim jenħtieġ li jipprevedi wkoll regoli għall-emendar tiegħu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża temenda l-Ftehim f’konformità mal-proċedura emendatorja stipulata f’dak il-Ftehim, dejjem jekk dawn l-emendi jkunu limitati għal adattamenti biex jirriflettu bidliet fil-liġi tal-Unjoni.

(12)

Fl-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li r-Repubblika Franċiża tingħata wkoll is-setgħa li tinnegozja aktar emendi għall-ftehim konkluż abbażi tas-setgħa f’din id-deċiżjoni, u b’hekk ikunu riflessi l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531. Jenħtieġ għalhekk li s-setgħa mogħtija mill-Unjoni fid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tibqa’ valida sa fejn il-ftehim konkluż abbażi ta’ din is-setgħa jista’ jiġi emendat biex jirrifletti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-deċiżjoni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni b’dan tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom ir-Repubblika Franċiża tingħata s-setgħa li tinnegozja, tiffirma, tikkonkludi u fil-futur temenda ftehim internazzjonali mar-Renju Unit dwar ir-rekwiżiti għas-sikurezza u l-interoperabbiltà fil-Kollegament Fiss tal-Kanal, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Établissement Public de Sécurité Ferroviaire (EPSF) u l-Office of Rail and Road (ORR) (“il-ftehim”).

Il-ftehim għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Fir-rigward tal-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika Franċiża, il-ftehim għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-ftehim għandu jkun kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni f’kull aspett. Konformità mal-prinċipji ta’ primazija u, fejn applikabbli, ta’ effett dirett tal-liġi tal-Unjoni għandhom jiġu żgurati.

(b)

Tilwim bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim ma għandux jiġi ppreżentat lit-tribunal tal-arbitraġġ stipulat skont l-Artikolu 19 tat-Trattat ta’ Canterbury jew lil kwalunkwe mezz ieħor ta’ soluzzjoni ta’ tilwim legalment vinkolanti.

(c)

Ir-Repubblika Franċiża għandha żżomm id-dritt li tissospendi jew ittemm il-ftehim unilateralment, bil-ħsieb li tiżgura l-applikazzjoni sħiħa, korretta u rapida tal-liġi tal-Unjoni fil-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.

(d)

Il-ftehim għandu jipprevedi mekkaniżmu għall-emendar tiegħu, sabiex jiġi adattat għal bidliet fil-liġi tal-Unjoni.

(e)

L-indipendenza u s-setgħat rispettivi mogħtija mil-liġi tal-Unjoni lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-EPSF, bħala awtorità nazzjonali tas-sikurezza skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/798, għandhom jiġu żgurati, u b’mod partikolari:

atti tal-ORR għandhom jiġu rikonoxxuti biss għall-finijiet tal-ftehim fi kwistjonijiet fejn ikun ġie konkluż ftehim preċedenti skont l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8),

l-ekwivalenza tal-atti tal-ORR għandha tiġi rikonoxxuta biss meta dan ikun previst mill-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF), u

fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim, il-kompiti u s-setgħat tal-Kummissjoni Intergovernattiva u tal-Awtorità tas-Sikurezza stabbiliti mit-Trattat ta’ Canterbury ma għandhomx jaffettwaw l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-EPSF, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 3

Ir-Repubblika Franċiża għandha żżomm lill-Kummissjoni regolarment infurmata dwar in-negozjati mar-Renju Unit dwar il-ftehim u, fejn xieraq, tistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa bħala osservatur.

Meta jitlestew in-negozjati, ir-Repubblika Franċiża għandha tippreżenta l-abbozz tal-ftehim li jirriżulta lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan l-abbozz tal-ftehim li jirriżulta.

Fi żmien xahar mis-sottomissjoni tal-abbozz tal-ftehim lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 humiex sodisfatti. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li dawk il-kundizzjonijiet huma sodisfatti, ir-Repubblika Franċiża tista’ tiffirma u tikkonkludi l-ftehim korrispondenti.

Ir-Repubblika Franċiża għandha tipprovdi kopja tal-ftehim iffirmat lill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu, jew, meta l-ftehim irid jiġi applikat proviżorjament, fi żmien xahar mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu.

Artikolu 4

Matul id-durata tal-ftehim, ir-Repubblika Franċiża għandha tiżgura l-applikazzjoni sħiħa, korretta u rapida tal-liġi tal-Unjoni fuq il-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha. Ir-Repubblika Franċiża għandha tieħu miżuri xierqa f’dak ir-rigward inkluż, fejn meħtieġ, is-sospensjoni jew id-denunzja tal-ftehim.

Artikolu 5

1.   Ir-Repubblika Franċiża tingħata s-setgħa li tinnegozja emendi għall-ftehim, skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, dejjem jekk dawn l-emendi jkunu meħtieġa biex jadattaw il-ftehim għal bidliet futuri fil-liġi tal-Unjoni, u b’mod partikolari għall-emendi tar-Regolament (UE) 2016/796 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, u dment ukoll li tali emendi jkunu meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa, korretta u rapida tal-liġi tal-Unjoni fil-parti tal-Kollegament Fiss tal-Kanal taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.

2.   Ir-Repubblika Franċiża tingħata wkoll is-setgħa li tinnegozja aktar emendi għall-ftehim, skont il-proċedura stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, sabiex tiżgura li dak il-ftehim jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1531.

3.   Ir-Repubblika Franċiża għandha żżomm lill-Kummissjoni regolarment infurmata dwar kwalunkwe negozjati mar-Renju Unit rigward emendi għall-ftehim u, fejn xieraq, tistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa bħala osservatur. Ir-Repubblika Franċiża għandha tippreżenta l-emendi previsti lill-Kummissjoni flimkien ma’ nota ta’ spjegazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dan. Ir-Repubblika Franċiża għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali dwar l-emendi previsti kif mitlub mill-Kummissjoni.

4.   Fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-emenda prevista u n-nota ta’ spjegazzjoni li takkumpanjaha lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2 jkunux sodisfatti. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, u r-Repubblika Franċiża tista’ tipproċedi bl-emenda tal-ftehim. Kopja tal-ftehim emendat għandha tingħata lill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tal-emenda, jew, meta l-emenda trid tiġi applikata proviżorjament, fi żmien xahar mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tagħha.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tibqa’ applikabbli sal-punt imsemmi fl-Artikolu 5(2).

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C, C/2023/879, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/879/oj.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Frar 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Marzu 2024.

(3)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link (ĠU L 352, 22.10.2020, p. 4).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).

(8)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/867/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)