European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/830

8.3.2024

FTEHIM GĦALL-FAĊILITAZZJONI TAL-INVESTIMENT SOSTENIBBLI BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAL-ANGOLA

WERREJ

PREAMBOLU

KAPITOLU I –

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

KAPITOLU II –

TRASPARENZA U PREVEDIBBILTÀ

KAPITOLU III –

SIMPLIFIKAZZJONI TAL-PROĊEDURI TA’ AWTORIZZAZZJONI

KAPITOLU IV –

PUNTI FOKALI U INVOLVIMENT TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

KAPITOLU V –

INVESTIMENT U ŻVILUPP SOSTENIBBLI

KAPITOLU VI –

EVITAR U SOLUZZJONI TA’ TILWIM

KAPITOLU VII –

DISPOŻIZZJONIJIET TA’ KOOPERAZZJONI U ISTITUZZJONALI

KAPITOLU VIII –

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

PREAMBOLU

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

u

R-REPUBBLIKA TAL-ANGOLA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Angola”,

minn hawn ’il quddiem imsejħa b’mod konġunt “il-Partijiet” jew imsejħa individwalment “il-Parti”,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ix-xewqa tagħhom li jkomplu jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi tagħhom u jistabbilixxu relazzjonijiet mill-qrib u dejjiema bbażati fuq sħubija u kooperazzjoni bil-għan li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli,

FILWAQT LI JIXTIEQU jimmobilizzaw u jżommu l-investiment, joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjieg, u jtejbu l-istandards tal-għajxien fit-territorji tagħhom,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-investiment billi jittejbu t-trasparenza u l-prevedibbiltà, jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati biex tittejjeb il-klima tal-investiment,

FILWAQT LI HUMA KONVINTI li l-miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-investiment itejbu l-investiment f’intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u minnhom (minn hawn ’il quddiem imsejħa “MSMEs”),

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-investiment jista’ jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku, id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi, u jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-għanijiet definiti fl-ambitu tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata fil-25 ta’ Settembru 2015 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Aġenda 2030 tan-NU”),

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim,

FILWAQT LI JTENNU l-impenn tagħhom li jirrispettaw il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u filwaqt li jqisu l-prinċipji artikolati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

FILWAQT LI JQISU l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Cotonou”), inklużi l-elementi essenzjali u fundamentali tiegħu,

QABLU FUQ DAN LI ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Objettivi

Dan il-Ftehim għandu l-għan li jiffaċilita l-attrazzjoni, l-espansjoni u ż-żamma ta’ investiment dirett barrani bejn il-Partijiet għall-finijiet ta’ diversifikazzjoni ekonomika u żvilupp sostenibbli.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan il-Ftehim japplika għall-miżuri adottati jew miżmuma mill-Partijiet li jaffettwaw l-investiment.

2.   Il-Partijiet itennu d-dritt li jirregolaw fit-territorji tagħhom biex jilħqu objettivi ta’ politika leġittimi, bħall-ħarsien tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, inkluż it-tibdil fil-klima, il-morali pubbliċi, il-protezzjoni soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali.

3.   Dan il-Ftehim ma joħloqx jew ma jimmodifikax impenji relatati mal-liberalizzazzjoni tal-investimenti, u lanqas ma joħloq jew jimmodifika regoli dwar il-protezzjoni ta’ investituri stabbiliti fit-territorji tal-Partijiet, jew tal-investimenti tagħhom, jew dwar is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“attivitajiet imwettqa fl-eżerċitar ta’ awtorità governattiva” tfisser attivitajiet li jitwettqu, inklużi servizzi li jiġu fornuti, la fuq bażi kummerċjali u lanqas f’kompetizzjoni ma’ operatur ekonomiku wieħed jew aktar;

(2)

“awtorizzazzjoni” tfisser il-permess biex titwettaq kwalunkwe attività ekonomika relatata ma’ investiment, li jirriżulta minn proċedura li investitur jeħtieġlu jaderixxi magħha sabiex juri konformità mar-rekwiżiti meħtieġa;

(3)

“awtorità kompetenti” tfisser gvern jew awtorità ċentrali, reġjonali jew lokali jew korp mhux governattiv li jeżerċitaw is-setgħat delegati minn gvernijiet jew minn awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali, li jkunu intitolati jieħdu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni;

(4)

“attività ekonomika” tfisser kwalunkwe attività ta’ natura industrijali, kummerċjali jew professjonali jew attivitajiet ta’ nies tas-sengħa, inkluża l-provvista ta’ servizzi, ħlief għal attivitajiet imwettqa fl-eżerċitar ta’ awtorità governattiva;

(5)

“intrapriża” tfisser persuna ġuridika jew fergħa jew uffiċċju rappreżentattiv ta’ persuna ġuridika;

(6)

“stabbiliment” tfisser l-istabbiliment jew l-akkwist ta’ persuna ġuridika, inkluż permezz ta’ parteċipazzjoni kapitali, jew permezz tal-ħolqien ta’ fergħa jew ta’ uffiċċju rappreżentattiv, fit-territorju ta’ Parti, bil-għan li jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi dejjiema;

(7)

“investiment” tfisser: l-istabbiliment u l-operazzjoni biex jitwettqu attivitajiet ekonomiċi minn investituri ta’ Parti waħda fit-territorju tal-Parti l-oħra;

(8)

“investitur ta’ Parti” tfisser persuna fiżika jew ġuridika ta’ Parti li tfittex li tistabbilixxi, li qed tistabbilixxi, jew li stabbiliet intrapriża f’konformità mal-punt (6), fit-territorju tal-Parti l-oħra;

(9)

“persuna ġuridika” tfisser kwalunkwe entità legali debitament ikkostitwita jew organizzata b’xi mod ieħor skont il-liġi applikabbli, kemm jekk għall-profitt jew għal fini ieħor u kemm jekk tkun proprjetà privata jew tal-gvern, inkluża kwalunkwe korporazzjoni, fond fiduċjarju, sħubija, impriża konġunta, impriża individwali jew assoċjazzjoni;

(10)

“persuna ġuridika ta’ Parti” tfisser:

(a)

għall-Unjoni Ewropea: persuna ġuridika kkostitwita jew organizzata skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri tagħha u involuta f’operazzjonijiet kummerċjali sostantivi (1) fit-territorju tal-Unjoni Ewropea;

(b)

għall-Angola: persuna ġuridika kkostitwita jew organizzata skont il-liġi tal-Angola u involuta f’operazzjonijiet kummerċjali sostantivi fit-territorju tal-Angola;

(11)

“miżura” tfisser kwalunkwe miżura minn Parti, kemm jekk fil-forma ta’ liġi, regolament, regola, proċedura, deċiżjoni, azzjoni amministrattiva, jew kull forma oħra;

(12)

“miżura ta’ Parti” tfisser kwalunkwe miżura adottata jew miżmuma minn (2) :

(a)

gvernijiet jew awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali; jew

(b)

entitajiet mhux governattivi fl-eżerċizzju ta’ setgħat iddelegati minn gvernijiet jew minn awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali;

(13)

“persuna fiżika ta’ Parti” tfisser:

(a)

għall-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni skont il-liġi tiegħu (3);

(b)

għall-Angola, ċittadin tal-Angola skont il-liġi tagħha;

(14)

“operazzjoni” tfisser it-twettiq, il-ġestjoni, il-manutenzjoni, l-użu, it-tgawdija jew il-bejgħ jew forma oħra ta’ disponiment ta’ intrapriża; u

(15)

“pubblikazzjoni” tfisser li ssir disponibbli f’pubblikazzjoni uffiċjali, bħal ġurnal uffiċjali, jew sit web uffiċjali.

Artikolu 4

Trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit

1.   Kull Parti għandha tagħti immedjatament u mingħajr kundizzjoni lill-investituri tal-Parti l-oħra u l-investimenti tagħhom trattament xejn anqas favorevoli minn dak li tagħti, f’sitwazzjonijiet simili, lill-investituri ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor u l-investimenti tagħhom, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim fit-territorju tagħha.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jiġi interpretat li jobbliga lil xi Parti biex testendi lill-investituri tal-Parti l-oħra jew l-investimenti tagħhom il-benefiċċju ta’ kwalunkwe trattament li jirriżulta minn:

(a)

miżuri li jipprevedu r-rikonoxximent, inkluż ir-rikonoxximent tal-istandards jew tal-kriterji għall-awtorizzazzjoni, għal-liċenzjar, jew għaċ-ċertifikazzjoni ta’ persuna fiżika jew ta’ intrapriża biex twettaq attività ekonomika, jew ir-rikonoxximent ta’ miżuri prudenzjali kif imsemmi fil-paragrafu 3 tal-Anness dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi stabbilit fl-Anness 1B tal-Ftehim ta’ Marrakesh li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, magħmul f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994; jew

(b)

kwalunkwe ftehim bilaterali, reġjonali jew multilaterali li jinkludi impenji biex jitneħħew sostanzjalment l-ostakoli kollha għall-investiment fost il-partijiet jew jeħtieġ l-approssimizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-partijiet f’settur ekonomiku wieħed jew aktar.

3.   Għal aktar ċertezza, id-dispożizzjonijiet inklużi fi ftehimiet internazzjonali oħra konklużi minn Parti minnhom infushom ma jikkostitwixxux “trattament” kif imsemmi fil-paragrafu 1 u għalhekk ma jistgħux jitqiesu meta jiġi vvalutat ksur ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 5

Miżuri kontra l-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-impatt negattiv tal-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet, inkluż billi jimpedixxu l-iżvilupp sostenibbli u jiskoraġġixxu l-investiment.

2.   Kull Parti tikkonferma l-impenn tagħha li tieħu miżuri adegwati biex tipprevjeni u tiġġieled il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim, f’konformità ma’ standards miftiehma internazzjonalment li ġew approvati jew li huma appoġġati minn dik il-Parti bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-31 ta’ Ottubru 2003, u l-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (minn hawn ’il quddiem imsejħa “OECD”) għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-2011, kif ukoll l-istandards attwali fil-qasam tat-tassazzjoni internazzjonali.

KAPITOLU II

TRASPARENZA U PREVEDIBBILTÀ

Artikolu 6

Amministrazzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali

Kull Parti għandha tiżgura li l-miżuri kollha ta’ applikazzjoni ġenerali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jiġu amministrati b’mod raġonevoli, oġġettiv u imparzjali.

Artikolu 7

Rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni

Kull Parti għandha tippubblika fil-pront jew b’xi mod ieħor tagħmel disponibbli għall-pubbliku bil-miktub u, ħlief f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, mhux aktar tard minn meta jidħlu fis-seħħ, il-miżuri rilevanti kollha ta’ applikazzjoni ġenerali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim b’tali mod li l-investituri jkunu jistgħu jiġu infurmati bihom.

Artikolu 8

Pubblikazzjoni minn qabel u opportunità li jsiru kummenti

1.   Sa fejn ikun prattikabbli u b’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha għall-adozzjoni ta’ miżuri, kull Parti (4) għandha tippubblika minn qabel:

(a)

il-proposti għal-liġijiet u r-regolamenti ta’ applikazzjoni ġenerali li għandhom jiġu adottati fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim; jew

(b)

dokumenti li jipprovdu biżżejjed dettalji dwar il-proposti msemmija fil-punt (a) biex jippermettu lill-investituri u lil persuni interessati oħrajn jivvalutaw jekk u kif l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati b’mod sinifikanti.

2.   Sa fejn ikun prattikabbli u b’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha għall-adozzjoni ta’ miżuri, kull Parti hija mħeġġa tapplika l-paragrafu 1 għal proċeduri u deċiżjonijiet amministrattivi ta’ applikazzjoni ġenerali li tipproponi li tadotta fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

3.   Sa fejn ikun prattikabbli u b’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha għall-adozzjoni ta’ miżuri, kull Parti għandha tipprovdi lill-investituri u lil persuni interessati oħra, fuq bażi mhux diskriminatorja, opportunità raġonevoli biex jikkummentaw dwar il-miżuri proposti jew id-dokumenti ppubblikati skont il-paragrafu 1 jew 2.

4.   Sa fejn ikun prattikabbli u b’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha għall-adozzjoni ta’ miżuri, kull Parti għandha tikkunsidra l-kummenti li tkun irċeviet skont il-paragrafu 3 (5).

5.   Fil-pubblikazzjoni ta’ liġi jew regolament ta’ applikazzjoni ġenerali msemmija fil-paragrafu 1, jew qabel tali pubblikazzjoni, sa fejn ikun prattikabbli u b’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha għall-adozzjoni ta’ miżuri, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tispjega l-għan u r-raġunament ta’ dik il-liġi jew dak ir-regolament.

6.   Kull Parti, sa fejn ikun prattikabbli, għandha tagħmel ħilitha biex tippermetti żmien raġonevoli bejn il-pubblikazzjoni ta’ liġi jew regolament imsemmija fil-paragrafu 1 u d-data tal-applikazzjoni tagħha għall-investituri.

Artikolu 9

Trasparenza tal-qafas ta’ investiment

1.   Kull Parti għandha tagħmel disponibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi bħal sit web u, fejn ikun prattikabbli, aċċessibbli permezz ta’ portal uniku, u taġġorna sa fejn ikun possibbli u kif xieraq, dan li ġej:

(a)

il-liġijiet u r-regolamenti li jikkonċernaw speċifikament l-investiment;

(b)

ir-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-investiment; u

(c)

l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-awtorizzazzjoni tal-investiment.

2.   Kull Parti għandha tagħmel disponibbli, fejn ikun prattikabbli permezz ta’ mezzi elettroniċi bħal sit web u aċċessibbli permezz tal-portal uniku msemmi fil-paragrafu 1, u taġġorna sa fejn ikun possibbli u kif xieraq, deskrizzjoni li tinforma lill-investituri u lil persuni interessati oħrajn dwar il-passi prattiċi meħtieġa għall-investiment fit-territorju tagħha inklużi r-rekwiżiti u l-proċeduri relatati ma’:

(a)

l-istabbiliment tal-kumpanija u r-reġistrazzjoni tan-negozju;

(b)

il-konnessjoni ma’ infrastruttura essenzjali bħall-provvista tal-elettriku u tal-ilma;

(c)

l-akkwist u r-reġistrazzjoni ta’ proprjetà bħad-drittijiet tas-sjieda tal-art;

(d)

il-permessi tal-kostruzzjoni;

(e)

ir-riżoluzzjoni tal-insolvenza;

(f)

it-trasferimenti kapitali u l-pagamenti;

(g)

il-konvertibbiltà tal-munita;

(h)

il-ħlas tat-taxxi; u

(i)

l-aċċess għall-finanzjament, speċjalment għall-MSMEs.

3.   Ma għandha tiġi imposta l-ebda tariffa fuq kwalunkwe investitur fit-territorju ta’ Parti għall-aċċess għall-informazzjoni pprovduta skont dan l-Artikolu jew skont l-Artikolu 7.

Artikolu 10

Trasparenza tal-inċentivi għall-investiment

1.   Kull Parti għandha tagħmel disponibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi bħal sit web u, fejn ikun prattikabbli, aċċessibbli permezz ta’ portal uniku, u taġġorna sa fejn ikun possibbli u kif xieraq, informazzjoni dwar l-inċentivi għall-investiment.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkopri l-inċentivi kollha disponibbli għall-investituri, inklużi inċentivi finanzjarji, inċentivi fiskali u trasferimenti in natura, inklużi inċentivi mhux finanzjarji.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

il-bażi ġuridika tal-inċentiv;

(b)

il-forma tal-inċentiv;

(c)

ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà tal-inċentiv;

(d)

il-proċess ta’ applikazzjoni għall-inċentiv, inklużi l-formoli u d-dokumenti meħtieġa; u

(e)

informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti.

Artikolu 11

Rabtiet mal-ekonomija ospitanti

Kull Parti hija mħeġġa tagħmel disponibbli għall-investituri u għall-persuni li jfittxu li jinvestu fit-territorju tagħha informazzjoni dwar il-fornituri domestiċi bil-għan li ssaħħaħ ir-rabtiet mal-ekonomija lokali, iżżid il-kompetittività tal-fornituri domestiċi u ttejjeb il-kontribut tal-investiment għall-iżvilupp sostenibbli.

Artikolu 12

Żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali

Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jobbliga li Parti tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali li l-iżvelar tagħha jxekkel l-infurzar tal-liġi, jew li jkun kuntrarju mod ieħor għall-interess pubbliku, jew li jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ intrapriżi partikolari, pubbliċi jew privati.

KAPITOLU III

SIMPLIFIKAZZJONI TAL-PROĊEDURI TA’ AWTORIZZAZZJONI

Artikolu 13

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Kapitolu japplika għall-miżuri tal-Partijiet relatati mal-awtorizzazzjoni tal-investiment.

Artikolu 14

Sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet

Kull Parti għandha, sa fejn ikun prattikabbli, tevita li applikant ikun meħtieġ li jikkuntattja aktar minn awtorità kompetenti waħda għal kull applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. Jekk attività li għaliha tintalab awtorizzazzjoni taqa’ fil-ġuriżdizzjoni ta’ diversi awtoritajiet kompetenti, jistgħu jkunu meħtieġa diversi applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.

Artikolu 15

Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni

Jekk Parti tkun teħtieġ awtorizzazzjoni, għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha, sa fejn ikun prattikabbli, jippermettu s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni fi kwalunkwe żmien matul is-sena. Jekk jeżisti perjodu ta’ żmien speċifiku għall-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, il-Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jippermettu perjodu ta’ żmien raġonevoli għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni.

Artikolu 16

Applikazzjonijiet elettroniċi u aċċettazzjoni ta’ kopji

Jekk Parti tkun teħtieġ awtorizzazzjoni, hija għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha:

(a)

sa fejn ikun possibbli, jaċċettaw applikazzjonijiet f’format elettroniku; u

(b)

jaċċettaw kopji ta’ dokumenti, li jkunu awtentikati f’konformità mal-liġi tal-Parti, minflok dokumenti oriġinali, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jeħtieġu dokumenti oriġinali sabiex jipproteġu l-integrità tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni.

Artikolu 17

Ipproċessar ta’ applikazzjonijiet

1.   Jekk Parti tkun teħtieġ awtorizzazzjoni, hija għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha:

(a)

sa fejn ikun prattikabbli, jipprovdu perjodu ta’ żmien indikattiv għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni;

(b)

fuq it-talba tal-applikant, jipprovdu, mingħajr dewmien żejjed, informazzjoni dwar l-istatus tal-applikazzjoni;

(c)

sa fejn ikun prattikabbli, jaċċertaw, mingħajr dewmien żejjed, il-kompletezza tal-applikazzjoni għall-ipproċessar skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti;

(d)

jekk jikkunsidraw applikazzjoni bħala kompluta għall-finijiet tal-ipproċessar skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti (6), f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni jiżguraw li:

(i)

l-ipproċessar tal-applikazzjoni jkun komplut; u

(ii)

l-applikant jiġi informat bid-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, sa fejn ikun possibbli, bil-miktub (7);

(e)

jekk jikkunsidraw applikazzjoni bħala inkompluta għall-finijiet tal-ipproċessar skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, sa fejn prattikabbli:

(i)

jinformaw lill-applikant li l-applikazzjoni ma hijiex kompluta;

(ii)

fuq talba tal-applikant, jidentifikaw l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa sabiex l-applikazzjoni titqies kompluta, jew inkella jipprovdu gwida dwar għaliex l-applikazzjoni tkun meqjusa bħala inkompluta; u

(iii)

jipprovdu lill-applikant bl-opportunità li jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa sabiex tiġi kkompletata l-applikazzjoni (8);

jekk l-ebda waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) ma tkun prattikabbli, u l-applikazzjoni tiġi rrifjutata minħabba inkompletezza, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jinformaw lill-applikant f’perjodu ta’ żmien raġonevoli; u

(f)

jekk applikazzjoni tiġi rrifjutata, jinformaw lill-applikant, jew fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba tal-applikant, bir-raġunijiet għar-rifjut u bil-perjodu ta’ żmien għal appell, u, jekk applikabbli, bil-proċeduri għas-sottomissjoni mill-ġdid ta’ applikazzjoni; applikant ma għandux jinżamm milli jissottometti applikazzjoni oħra biss għaliex qabel tkun ġiet miċħuda applikazzjoni.

2.   Kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jagħtu awtorizzazzjoni malli jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ eżami xieraq, li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jiksibha.

3.   Kull Parti għandha tiżgura li l-awtorizzazzjoni, ladarba tingħata, tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien żejjed, soġġetta għat-termini u għall-kundizzjonijiet applikabbli (9).

Artikolu 18

Tariffi

1.   Għall-attivitajiet ekonomiċi kollha minbarra s-servizzi finanzjarji, kull Parti għandha tiżgura li t-tariffi tal-awtorizzazzjoni mitluba mill-awtoritajiet kompetenti tagħha jkunu raġonevoli u trasparenti u li fihom infushom ma jirrestrinġux l-investiment.

2.   Fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, kull Parti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha, fir-rigward tat-tariffi tal-awtorizzazzjoni li huma jitolbu, jipprovdu lill-applikanti skeda ta’ tariffi jew informazzjoni dwar kif jiġu ddeterminati l-ammonti tat-tariffi, u ma jużawx it-tariffi bħala mezz sabiex jevitaw l-impenji jew l-obbligi tal-Parti.

3.   It-tariffi tal-awtorizzazzjoni ma jinkludux tariffi għall-użu ta’ riżorsi naturali, pagamenti għall-irkant, il-proċedura tal-offerta jew mezzi nondiskriminatorji oħrajn għall-għoti ta’ konċessjonijiet jew kontribuzzjonijiet obbligatorji għall-forniment ta’ servizzi universali.

4.   Ħlief f’ċirkostanzi urġenti, kull Parti għandha tippermetti żmien adegwat bejn il-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ tariffi u imposti ġodda jew emendati relatati mal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-investiment, jew bejn il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li tippermetti lill-investituri jifhmu l-kalkolu ta’ dawk it-tariffi u l-imposti u d-dħul fis-seħħ tagħhom. Dawk it-tariffi u l-imposti ma għandhomx jiġu applikati qabel ma tkun ġiet ippubblikata dik l-informazzjoni.

5.   Kull Parti għandha, sa fejn ikun prattikabbli, tadotta jew iżżomm proċeduri li jippermettu l-għażla ta’ ħlas elettroniku għal tariffi u imposti miġbura minn awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-awtorizzazzjoni tal-investimenti.

Artikolu 19

Oġġettività, imparzjalità u indipendenza

Jekk Parti tadotta jew iżżomm miżura relatata mal-awtorizzazzjoni, hija għandha tiżgura li l-awtorità kompetenti kkonċernata tipproċessa applikazzjoni, tieħu u tamministra d-deċiżjonijiet tagħha b’mod oġġettiv u imparzjali u b’mod indipendenti mill-influwenza indebita ta’ kwalunkwe persuna li twettaq l-attività ekonomika li għaliha tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 20

Pubblikazzjoni u informazzjoni disponibbli

1.   Jekk Parti tkun teħtieġ awtorizzazzjoni, hija għandha tippubblika minnufih l-informazzjoni meħtieġa għall-investituri jew għall-persuni li jkunu qed ifittxu li jinvestu biex jikkonformaw mar-rekwiżiti, mal-istandards tekniċi u mal-proċeduri għall-kisba, għaż-żamma, għall-emendar jew għat-tiġdid ta’ dik l-awtorizzazzjoni (10). Tali informazzjoni għandha tinkludi, sa fejn tkun teżisti:

(a)

ir-rekwiżiti u l-proċeduri ta’ liċenzjar u ta’ kwalifika;

(b)

informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti;

(c)

it-tariffi ta’ awtorizzazzjoni;

(d)

l-istandards tekniċi applikabbli;

(e)

il-proċeduri għall-appell jew għar-rieżami ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet;

(f)

il-proċeduri għall-monitoraġġ jew għall-infurzar tal-konformità mat-termini u mal-kundizzjonijiet tal-liċenzji jew tal-kwalifiki;

(g)

l-opportunitajiet għall-involviment pubbliku, bħal permezz ta’ seduti jew kummenti; u

(h)

il-perjodi taż-żmien indikattivi għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni.

2.   Kull Parti hija mħeġġa tikkonsolida l-pubblikazzjonijiet elettroniċi f’portal uniku.

Artikolu 21

Żvilupp ta’ miżuri

Jekk Parti tadotta jew iżżomm miżuri relatati mal-awtorizzazzjonijiet, hija għandha tiżgura li:

(a)

dawk il-miżuri jkunu bbażati fuq kriterji ċari, oġġettivi u trasparenti, li jistgħu jinkludu l-kompetenza u l-kapaċità li titwettaq l-attività ekonomika awtorizzata, inkluż f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji ta’ Parti bħar-rekwiżiti tas-saħħa u ambjentali, filwaqt li jinftiehem li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jivvalutaw il-piż li għandu jingħata lil kull kriterju;

(b)

il-proċeduri jkunu imparzjali, faċilment aċċessibbli għall-applikanti kollha, u jkunu adegwati għall-applikanti sabiex ikunu jistgħu juru jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti; u

(c)

il-proċeduri fihom infushom ma jimpedixxux it-twettiq tar-rekwiżiti b’mod mhux ġustifikat.

KAPITOLU IV

PUNTI FOKALI U INVOLVIMENT TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

Artikolu 22

Punti fokali għall-faċilitazzjoni tal-investiment

1.   B’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha, kull Parti għandha żżomm jew tistabbilixxi punti fokali xierqa għall-faċilitazzjoni tal-investiment biex iservu bħala l-ewwel punti ta’ kuntatt għall-investituri fir-rigward ta’ miżuri li jaffettwaw l-investiment.

2.   Kull Parti għandha tiżgura li l-punti fokali għall-faċilitazzjoni tal-investiment jirrispondu għall-mistoqsijiet mill-investituri kif ukoll mill-punti fokali għall-faċilitazzjoni tal-investiment stabbiliti mill-Parti l-oħra skont dan l-Artikolu sabiex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim.

3.   Jekk punt fokali għall-faċilitazzjoni tal-investiment ma jkunx jista’ jwieġeb għal mistoqsija skont il-paragrafu 2, huwa għandu jagħmel ħiltu biex jipprovdi l-assistenza meħtieġa lil min qed jagħmel il-mistoqsija biex jikseb l-informazzjoni rilevanti.

4.   Kull Parti għandha tiżgura li l-mistoqsijiet u l-informazzjoni skont dan l-Artikolu jkunu jistgħu jiġu ppreżentati permezz ta’ mezzi elettroniċi.

5.   L-informazzjoni pprovduta skont dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju dwar jekk il-miżura hijiex konsistenti ma’ dan il-Ftehim.

Artikolu 23

Mekkaniżmi għas-soluzzjoni tal-problemi

1.   Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tistabbilixxi jew iżżomm mekkaniżmi xierqa biex issolvi problemi għall-investituri jew għall-persuni li jfittxu li jinvestu li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ applikazzjoni ġenerali koperta minn dan il-Ftehim.

2.   Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu faċilment aċċessibbli, inkluż għall-MSMEs, marbuta biż-żmien u trasparenti. Huma għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċedura ta’ appell jew eżami li l-Partijiet jistabbilixxu jew ikollhom jew għall-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbilit skont il-Kapitolu VI ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 24

Koordinazzjoni domestika bejn l-aġenziji

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ koordinazzjoni domestika mill-qrib tal-awtoritajiet u l-aġenziji responsabbli għar-regolamentazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri u proċeduri relatati mal-investiment bħala mezz biex jiffaċilitaw, jattiraw, iżommu u jespandu l-investiment.

2.   Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tistabbilixxi jew iżżomm mekkaniżmi ħalli tikkoordina l-attivitajiet bil-għan li:

(a)

tiffaċilita l-investiment;

(b)

tinkoraġġixxi l-koerenza regolatorja u l-prevedibbiltà tal-miżuri u l-proċeduri tal-gvern; u

(c)

tippromwovi l-koerenza ta’ miżuri u proċeduri ta’ investiment ċentrali, reġjonali u lokali.

3.   Sabiex jiġi ffaċilitat il-kompitu ta’ koordinazzjoni, kull Parti hija mħeġġa taħtar aġenzija ewlenija b’mod konsistenti mas-sistema legali tagħha.

Artikolu 25

Koerenza regolatorja u valutazzjonijiet tal-impatt

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ qafas regolatorju effettiv, konsistenti, trasparenti u prevedibbli għall-investiment.

2.   Kull Parti hija mħeġġa twettaq, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri rispettivi tagħha, valutazzjoni tal-impatt ta’ miżuri ewlenin (11) ta’ applikazzjoni ġenerali li tkun qed tħejji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

3.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li, meta jwettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt imsemmija fil-paragrafu 2, għandu jitqies l-impatt potenzjali tal-miżuri proposti fuq l-MSMEs u fuq l-iżvilupp sostenibbli.

Artikolu 26

Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u rieżamijiet perjodiċi

1.   Kull Parti hija mħeġġa tirrieżamina, f’intervalli li tqis xierqa, il-miżuri tagħha ta’ applikazzjoni ġenerali koperti minn dan il-Ftehim li jaffettwaw l-investiment sabiex tiddetermina jekk il-miżuri speċifiċi li tkun implimentat għandhomx jiġu mmodifikati, issimplifikati, estiżi jew revokati, sabiex il-qafas ta’ investiment tal-Parti jsir aktar effettiv fl-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tiegħu u fl-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-MSMEs.

2.   Kull Parti hija mħeġġa tirrieżamina perjodikament it-tariffi u l-imposti tal-awtorizzazzjoni tagħha bil-għan li tnaqqas l-għadd u d-diversità tagħhom.

3.   Kull Parti hija mħeġġa, fl-eżerċizzji ta’ rieżami tagħha, tikkunsidra r-rispons tal-partijiet ikkonċernati u tagħmel użu mill-indikaturi tal-prestazzjoni internazzjonali rilevanti.

4.   Il-Partijiet huma mistiedna jaqsmu fil-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment imsemmi fl-Artikolu 43 l-esperjenzi tagħhom fit-twettiq ta’ rieżamijiet perjodiċi u rakkomandazzjonijiet ta’ politika li jirriżultaw minnhom.

Artikolu 27

Non-applikazzjoni tas-soluzzjoni tat-tilwim

Il-Kapitolu VI ma japplikax għall-Artikoli 24, 25 u 26.

KAPITOLU V

INVESTIMENT U ŻVILUPP SOSTENIBBLI

Artikolu 28

Objettivi

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-iżvilupp sostenibbli jinkludi l-iżvilupp ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-protezzjoni ambjentali, filwaqt li t-tlieta huma interdipendenti u jsaħħu lil xulxin, u jaffermaw l-impenn tagħhom li jiffaċilitaw l-investiment b’mod li jikkontribwixxi għall-objettiv ta’ żvilupp sostenibbli.

2.   L-objettiv ta’ dan il-Kapitolu huwa li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fid-dimensjonijiet tax-xogħol u ambjentali tiegħu, fir-relazzjoni ta’ investiment tal-Partijiet b’mod li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp sostenibbli tal-Aġenda UN 2030.

Artikolu 29

Dritt ta’ regolamentazzjoni u livelli ta’ protezzjoni

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull Parti li tiddetermina l-politiki u l-prijoritajiet ta’ żvilupp sostenibbli tagħha, li tistabbilixxi l-livelli ta’ protezzjoni ambjentali u tax-xogħol domestiċi li tqis xierqa u li tadotta jew timmodifika l-liġijiet u l-politiki rilevanti tagħha. Tali livelli ta’ protezzjoni, liġijiet u politiki għandhom ikunu konsistenti mal-impenji ta’ kull Parti għall-ftehimiet u għall-istandards rikonoxxuti internazzjonalment imsemmijin f’dan il-Kapitolu.

2.   Kull Parti għandha tagħmel ħilitha sabiex tiżgura li l-liġijiet u l-politiki rilevanti tagħha jipprevedu u jħeġġu livelli għoljin ta’ protezzjoni ambjentali u tal-ħaddiema, u għandha tagħmel ħilitha sabiex ittejjeb tali livelli, liġijiet u politiki.

3.   Parti ma għandhiex iddgħajjef jew tnaqqas il-livelli ta’ protezzjoni mogħtija fil-liġijiet tagħha dwar l-ambjent jew ix-xogħol sabiex tħeġġeġ l-investiment.

4.   Parti ma għandhiex tirrinunzja jew tidderoga b’xi mod ieħor mil-liġijiet tagħha dwar l-ambjent jew ix-xogħol, jew toffri li tirrinunzja jew b’xi mod ieħor tidderoga minnhom, sabiex tħeġġeġ l-investiment.

5.   Parti ma għandhiex tonqos, permezz ta’ kors ta’ azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni sostnut jew rikorrenti, milli tinforza b’mod effettiv il-liġijiet tagħha dwar l-ambjent jew ix-xogħol sabiex tħeġġeġ l-investiment.

6.   Il-Partijiet ma għandhomx jużaw il-liġijiet rispettivi tagħhom dwar l-ambjent jew ix-xogħol b’mod li jkun jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew inġustifikabbli jew restrizzjoni moħbija fuq l-investiment internazzjonali.

Artikolu 30

Standards u ftehimiet multilaterali dwar ix-xogħol

1.   Il-Partijiet jaffermaw l-impenn tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp tal-investiment b’mod li jwassal għal xogħol deċenti għal kulħadd, kif espress fid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ILO”) dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, adottata f’Ġinevra fl-10 ta’ Ġunju 2008 mill-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Dikjarazzjoni tal-ILO tal-2008 dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta”).

2.   F’konformità mal-Kostituzzjoni tal-ILO u d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u s-Segwitu tagħha, adottata f’Ġinevra fit-18 ta’ Ġunju 1998 mill-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, kull Parti għandha tirrispetta, tippromwovi u timplimenta b’mod effettiv fit-territorju kollu tagħha, inkluż f’“żoni tal-ipproċessar għall-esportazzjoni” u f’“żoni ekonomiċi speċjali” oħrajn, l-istandards tax-xogħol ewlenin rikonoxxuti internazzjonalment kif definiti fil-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, u jimplimentaw b’mod effettiv Konvenzjonijiet ulterjuri tal-ILO li l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Angola rratifikaw rispettivament.

3.   F’konformità mal-impenn tagħhom li jtejbu l-kontribut tal-investiment għall-għan tal-iżvilupp sostenibbli, inklużi l-aspetti tax-xogħol tiegħu, kull Parti għandha tippromwovi politiki ta’ investiment li javvanzaw l-objettivi tal-Aġenda għal Xogħol Deċenti, f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-2008 dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, u d-Dikjarazzjoni ta’ Ċentenarju tal-ILO għall-Futur tax-Xogħol, adottata f’Ġinevra fil-21 ta’ Ġunju 2019 mill-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol.

4.   Kull Parti għandha tistabbilixxi, jekk tkun għadha ma għamlitx dan, u żżomm sistema effettiva ta’ spezzjoni tax-xogħol għas-setturi ekonomiċi kollha, inkluż għall-attivitajiet tal-agrikoltura u tal-minjieri.

5.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar aspetti relatati mal-investiment tal-politiki u tal-miżuri tax-xogħol, b’mod bilaterali, reġjonali u f’fora internazzjonali, inkluż fl-ILO, kif xieraq.

Artikolu 31

Governanza u ftehimiet ambjentali multilaterali

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“UNEA”) tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-“UNEP”) u tal-governanza u l-ftehimiet ambjentali multilaterali bħala rispons tal-komunità internazzjonali għall-isfidi ambjentali globali jew reġjonali u jenfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ reċiproku bejn il-politiki ta’ investiment u dawk ambjentali.

2.   Kull Parti għandha timplimenta b’mod effettiv il-ftehimiet, il-protokolli u l-emendi ambjentali multilaterali li tkun irratifikat (minn hawn ’il quddiem imsejħa “MEAs”). Il-Partijiet jaffermaw l-impenn tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp tal-investiment b’mod li jwassal għal livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali.

3.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar aspetti relatati mal-investiment tal-politiki u tal-miżuri ambjentali, b’mod bilaterali, reġjonali u f’fora internazzjonali, kif xieraq, inkluż fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, l-UNEP, l-UNEA, l-MEAs, jewl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (minn hawn ’il quddiem imsejħa “WTO”).

Artikolu 32

Investiment u tibdil fil-klima

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li tittieħed azzjoni urġenti biex jiġu miġġielda t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu, u r-rwol tal-investiment fl-ilħuq ta’ dak l-objettiv, f’konformità mal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, magħmula fi New York fid-9 ta’ Mejju 1992 (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“UNFCCC”), l-iskopijiet u l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, magħmul f’Pariġi fit-12 ta’ Diċembru 2015 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Pariġi”), u ma’ MEAs u strumenti multilaterali oħrajn fil-qasam tat-tibdil fil-klima.

2.   Kull Parti għandha:

(a)

timplimenta b’mod effettiv l-UNFCCC u l-Ftehim ta’ Pariġi, inklużi l-impenji tagħha fir-rigward tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali tagħha; u

(b)

tippromwovi l-appoġġ reċiproku tal-politiki u tal-miżuri dwar l-ambjent u l-klima, u b’hekk tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u lejn żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

3.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f’aspetti relatati mal-investiment tal-politiki u tal-miżuri dwar it-tibdil fil-klima bilateralment, reġjonalment u f’fora internazzjonali, kif xieraq, inkluż fil-UNFCCC, fid-WTO, fil-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu, magħmul f’Montreal fis-16 ta’ Settembru 1987 u fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

Artikolu 33

Investiment li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli

1.   F’konformità mal-impenn tagħhom biex itejbu l-kontribut tal-investiment għall-għan tal-iżvilupp sostenibbli, il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw u jħeġġu l-investiment fil-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, fil-prodotti u s-servizzi ambjentali, u l-investiment ta’ rilevanza għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

2.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-konservazzjoni u tal-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika u tar-rwol tal-investiment fl-ilħuq ta’ dawn l-objettivi, b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, magħmula f’Rio de Janeiro fil-5 ta’ Ġunju 1992 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “CBD”) u l-protokolli tagħha, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu, magħmula f’Washington D.C. fit-3 ta’ Marzu 1973 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “CITES”), MEAs rilevanti oħra li huma parti għalihom, u d-deċiżjonijiet adottati taħthom.

3.   Kull Parti għandha tiffaċilita l-investiment għall-użu sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, u tieħu miżuri biex tikkonserva d-diversità bijoloġika meta tkun soġġetta għal pressjonijiet marbuta mal-investiment.

4.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f’aspetti relatati mal-investiment tal-politiki u tal-miżuri dwar il-bijodiversità b’mod bilaterali, reġjonali u f’fora internazzjonali, kif xieraq, inkluż fis-CBD u s-CITES.

5.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u r-rwol tal-investiment fl-ilħuq ta’ dan l-objettiv. Għaldaqstant, kull Parti għandha tiffaċilita l-investiment b’mod li jkun konsistenti mal-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

6.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-konservazzjoni u tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u tal-ekosistemi tal-baħar u r-rwol tal-investiment fl-ilħuq ta’ dawn l-objettivi. Għaldaqstant, kull Parti għandha tiffaċilita l-investiment b’mod li jkun konsistenti mal-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u tal-ekosistemi tal-baħar.

Artikolu 34

Responsabbiltà soċjali korporattiva u mġiba responsabbli tan-negozju

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-investituri li jimplimentaw id-diliġenza dovuta sabiex jidentifikaw u jindirizzaw l-impatti negattivi, bħal fuq l-ambjent u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-operazzjonijiet tagħhom, il-ktajjen tal-provvista tagħhom u relazzjonijiet kummerċjali oħra.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-adozzjoni mill-intrapriżi u mill-investituri ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva jew ta’ prattiki kummerċjali responsabbli bil-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u għall-investiment responsabbli.

3.   Il-Partijiet għandhom jappoġġaw it-tixrid u l-użu ta’ strumenti rilevanti miftiehma internazzjonalment li ġew approvati jew li huma appoġġati minnhom, bħall-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO tal-Prinċipji Dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-2011 u l-gwida relatata dwar id-diliġenza dovuta.

4.   Il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni kif ukoll l-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet koperti minn dan l-Artikolu, inkluż dwar modi possibbli biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni mill-intrapriżi u mill-investituri ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva, prattiki responsabbli u rapportar, fil-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment. Għal dak il-għan, il-Kumitat għandu jżomm kuntatt mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti attivi fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva jew l-imġiba kummerċjali responsabbli.

Artikolu 35

Investiment u ugwaljanza bejn il-ġeneri

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li politiki ta’ investiment inklużivi jistgħu jikkontribwixxu għall-avvanz tal-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, f’konformità mal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 5 tal-Aġenda UN 2030. Huma jirrikonoxxu l-kontribut importanti tan-nisa għat-tkabbir ekonomiku permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attività ekonomika, inkluż l-investiment. Il-Partijiet jenfasizzaw l-intenzjoni tagħhom li jimplimentaw dan il-Ftehim b’mod li jippromwovi u jsaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

2.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien b’mod bilaterali u f’fora rilevanti, kif xieraq, biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar aspetti relatati mal-investiment tal-politiki u l-miżuri dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inklużi attivitajiet imfassla biex itejbu l-kapaċità u l-kundizzjonijiet għan-nisa, inklużi l-ħaddiema, in-nisa tan-negozju u l-imprendituri, biex jaċċessaw u jibbenefikaw mill-opportunitajiet maħluqa minn dan il-Ftehim.

KAPITOLU VI

EVITAR U SOLUZZJONI TA’ TILWIM

Artikolu 36

Konsultazzjonijiet

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isolvu kwalunkwe tilwima bejniethom rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, ħlief kif previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, billi jidħlu f’konsultazzjonijiet in bona fide bil-għan li jaslu għal soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku.

2.   Parti għandha titlob il-konsultazzjonijiet permezz ta’ talba bil-miktub mibgħuta lill-Parti l-oħra fejn tidentifika l-miżuri inkwistjoni u l-obbligi skont dan il-Ftehim li hija tqis li l-Parti l-oħra naqset milli tissodisfa.

3.   Il-Parti li lilha ssir it-talba għal konsultazzjonijiet għandha twieġeb għat-talba fi żmien 10 ijiem wara d-data tar-riċevuta tat-talba.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-konsultazzjonijiet għandhom isiru mhux aktar tard minn 30 jum wara d-data tal-konsenja tat-talba u jsiru fit-territorju tal-Parti li lilha ssir it-talba.

4.   Matul il-konsultazzjonijiet, kull Parti għandha tipprovdi biżżejjed informazzjoni fattwali sabiex tippermetti eżami sħiħ tal-mod li bih il-miżura inkwistjoni tista’ tikser l-obbligi rilevanti skont dan il-Ftehim.

Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura l-parteċipazzjoni tal-persunal ta’ awtoritajiet governattivi kompetenti tagħha li jkollhom għarfien espert fil-kwistjoni soġġetta għall-konsultazzjonijiet.

5.   Bħala parti mill-konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-ftehimiet jew l-istrumenti multilaterali ambjentali jew tax-xogħol imsemmija f’dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom iqisu l-informazzjoni mill-ILO jew mill-korpi jew l-organizzazzjonijiet rilevanti stabbiliti skont ftehimiet ambjentali multilaterali sabiex jippromwovu l-koerenza bejn il-ħidma tal-Partijiet u dawk il-korpi jew l-organizzazzjonijiet. Meta rilevanti, il-Partijiet għandhom ifittxu parir mingħand dawk il-korpi jew l-organizzazzjonijiet, jew mingħand kwalunkwe espert jew korp ieħor li jqisu xieraq.

6.   Kull Parti tista’ tfittex, jekk ikun xieraq, il-fehma tas-soċjetà ċivili kif imsemmi fl-Artikolu 46.

7.   Il-konsultazzjonijiet, u b’mod partikolari l-informazzjoni kollha żvelata u l-pożizzjonijiet meħuda mill-Partijiet matul il-konsultazzjonijiet, għandhom ikunu kunfidenzjali.

Artikolu 37

Soluzzjonijiet miftiehma b’mod reċiproku

1.   Il-Partijiet jistgħu jsibu soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku fi kwalunkwe waqt fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwima msemmija fl-Artikolu 36.

2.   Kull Parti għandha tadotta l-miżuri meħtieġa biex timplimenta s-soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku. Jekk l-implimentazzjoni immedjata ma tkunx possibbli, il-Partijiet għandhom jaqblu dwar perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-implimentazzjoni.

3.   Mhux aktar tard mill-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien miftiehem imsemmi fil-paragrafu 2, il-Parti li tkun qiegħda timplimenta għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra, bil-miktub, dwar kwalunkwe miżura li hija tkun adottat biex timplimenta s-soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku.

4.   Jekk il-Partijiet ma jkunux jistgħu jilħqu soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku fi żmien 120 jum mid-data tat-talba għall-konsultazzjonijiet, jew meta s-soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku ma tiġix implimentata fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 2, il-Parti li tkun talbet konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 36 tista’ titlob li jirrikorru għal arbitraġġ bejn l-Istati biex isolvu t-tilwima. Il-Parti li lilha ssir it-talba għall-arbitraġġ għandha taċċetta jew tirrifjuta dik it-talba fi żmien 30 jum mid-data tat-talba. Fin-nuqqas ta’ tweġiba, it-talba għandha titqies li ġiet miċħuda.

Artikolu 38

Arbitraġġ

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar il-kompożizzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim bħal dan fi żmien 30 jum mill-aċċettazzjoni tat-talba għall-arbitraġġ skont l-Artikolu 37(4), kull Parti għandha taħtar arbitru fi żmien 30 jum ieħor.

L-arbitri maħtura mill-Partijiet għandhom jaħtru b’mod konġunt il-President tat-tribunal, li ma għandux ikollu n-nazzjonalità ta’ xi waħda mill-Partijiet.

2.   It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jagħmel valutazzjoni oġġettiva tal-kwistjoni quddiemu. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, it-tribunal tal-arbitraġġ għandu jiddetermina r-regoli ta’ proċedura applikabbli.

3.   Jekk it-tribunal tal-arbitraġġ jikkonkludi li l-miżura inkwistjoni ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, il-Parti li jkun sar l-ilment kontriha għandha tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex minnufih issir konformi.

4.   F’każ li t-talba għall-arbitraġġ tkun ġiet miċħuda mill-Parti li lilha tkun saret it-talba għall-arbitraġġ, jew f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rapport tat-tribunal, il-Parti li tkun talbet arbitraġġ tista’ tadotta miżuri fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim li jkunu proporzjonati għan-nuqqas li jiġu ssodisfati l-obbligi speċifiċi.

Artikolu 39

Trasparenza

Kull Parti għandha tippubblika minnufih:

(a)

talba għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 36;

(b)

soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku skont l-Artikolu 37; u

(c)

miżuri skont l-Artikolu 38.

Artikolu 40

Perjodi ta’ żmien

1.   Il-perjodi ta’ żmien kollha stabbiliti f’dan il-Kapitolu għandhom jingħaddu f’jiem tal-kalendarju mill-jum ta’ wara l-att li jirreferu għalih, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

2.   Kwalunkwe perjodu ta’ żmien stabbilit f’dan il-Kapitolu jista’ jiġi mmodifikat bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

Artikolu 41

Proċedura ta’ Medjazzjoni

1.   Parti tista’ fi kwalunkwe ħin titlob li tidħol fi proċedura ta’ medjazzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura minn Parti li allegatament taffettwa b’mod negattiv l-investiment bejn il-Partijiet.

2.   Il-proċedura ta’ medjazzjoni tista’ tinbeda biss permezz ta’ ftehim reċiproku tal-Partijiet sabiex jesploraw soluzzjonijiet miftiehma b’mod reċiproku u jqisu kwalunkwe parir u soluzzjoni proposta minn medjatur maħtur mill-Partijiet.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku fi żmien 60 jum mid-data tal-ħatra tal-medjatur.

4.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-passi kollha tal-proċedura ta’ medjazzjoni, inkluż kwalunkwe parir jew soluzzjoni proposta, huma kunfidenzjali. Parti tista’ tiżvela lill-pubbliku l-fatt li tkun qed isseħħ il-medjazzjoni.

5.   Il-proċedura ta’ medjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-obbligi tal-Partijiet skont l-Artikoli 36 u 38 jew skont il-proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim skont kwalunkwe ftehim ieħor.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET TA’ KOOPERAZZJONI U ISTITUZZJONALI

Artikolu 42

Assistenza teknika u bini tal-kapaċità għall-faċilitazzjoni tal-investiment

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità u jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw fit-tisħiħ tal-klima ta’ investiment fl-Angola u li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

2.   Dawk l-attivitajiet għandhom jitwettqu fil-qafas tar-regoli u tal-proċeduri rilevanti tal-kooperazzjoni u l-istrumenti għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea.

3.   It-talbiet għall-assistenza jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-ħtiġijiet identifikati u f’konformità mar-riformi domestiċi għall-faċilitazzjoni tal-investiment. L-assistenza għandha tkun soġġetta għal termini u kundizzjonijiet miftiehma b’mod reċiproku.

4.   Il-Partijiet fil-qafas tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandhom:

(a)

jiskambjaw informazzjoni u jirrieżaminaw il-progress dwar l-assistenza teknika u l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim; u

(b)

jidentifikaw il-ħtiġijiet għall-assistenza teknika u għall-bini tal-kapaċità.

Artikolu 43

Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment

1.   Sabiex jiġi żgurat li dan il-Ftehim jopera kif suppost u b’mod effettiv, il-Partijiet b’dan jistabbilixxu Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment li jinkludi rappreżentanti taż-żewġ Partijiet.

2.   Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jiltaqa’ l-ewwel darba mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Wara dan, il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jiltaqa’ fuq bażi annwali, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mir-rappreżentanti tal-Partijiet, jew mingħajr dewmien żejjed fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

3.   Il-laqgħat tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandhom isiru fl-Unjoni jew fl-Angola, b’mod alternanti, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mir-rappreżentanti tal-Partijiet. Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment jista’ jiltaqa’ wiċċ imb wiċċ jew b’mezzi ta’ komunikazzjoni xierqa oħrajn, kif jaqblu r-rappreżentanti tal-Partijiet.

4.   Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jkun kopresedut, għall-Angola, mill-Ministru għall-Ekonomija u għall-Ippjanar u mill-Ministru għall-Industrija u għall-Kummerċ, u, għall-Unjoni, mill-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Kummerċ, jew minn dawk innominati minnhom.

Artikolu 44

Funzjonijiet tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment

1.   Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu:

(a)

iqis modi kif jippromwovi aktar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Partijiet;

(b)

jissorvelja u jiffaċilita l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u jippromwovi l-għanijiet ġenerali tiegħu;

(c)

ifittex modi u metodi xierqa sabiex jipprevjeni jew isolvi l-problemi li jistgħu jinqalgħu fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim, jew biex isolvi t-tilwim li jista’ jinqala’ rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(d)

jikkunsidra kwalunkwe materja oħra ta’ interess relatata ma’ qasam kopert minn dan il-Ftehim, skont kif jaqblu r-rappreżentanti tal-Partijiet;

(e)

jikkunsidra l-inkjesti li jkunu għaddejjin kif imsemmi fl-Artikolu 22 u t-talbiet għal assistenza amministrattiva; u

(f)

jiddiskuti titjib possibbli ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari fid-dawl tal-esperjenza u l-iżviluppi f’fora internazzjonali oħra u skont ftehimiet oħra konklużi mill-Partijiet.

2.   Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fl-ewwel laqgħa tiegħu.

Artikolu 45

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment

1.   Għall-finijiet li jilħaq l-objettivi ta’ dan il-Ftehim, il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fejn previst f’dan il-Ftehim. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Partijiet għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw dawk id-deċiżjonijiet.

2.   Għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim, il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha koperti minn dan il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu b’kunsens.

Artikolu 46

Djalogu mas-soċjetà ċivili

1.   Il-Partijiet għandhom jorganizzaw djalogu mas-soċjetà ċivili (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ id-“djalogu”) biex jiddiskutu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu fid-djalogu rappreżentanza bilanċjata tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tan-negozju u ta’ min iħaddem u trade unions, attivi dwar kwistjonijiet ekonomiċi, ta’ żvilupp sostenibbli, soċjali, ambjentali u kwistjonijiet oħra.

3.   Id-djalogu għandu jsir fuq bażi annwali, flimkien mal-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.

4.   Għall-finijiet tad-djalogu, il-Partijiet għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Il-fehmiet u l-opinjonijiet espressi matul id-djalogu jistgħu jiġu sottomessi lill-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment u jistgħu jsiru disponibbli għall-pubbliku.

5.   Il-Partijiet jistgħu jagħżlu li jorganizzaw id-djalogu permezz ta’ mekkaniżmi eżistenti stabbiliti mill-Partijiet għall-involviment tas-soċjetà ċivili, kif xieraq.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 47

Eċċezzjonijiet ġenerali

Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li qed jipprevjeni l-adozzjoni jew l-infurzar tal-miżuri minn kwalunkwe Parti:

(a)

neċessarji sabiex iħarsu s-sigurtà pubblika jew il-morali pubblika jew sabiex iżommu l-ordni pubbliku (12);

(b)

neċessarji sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem, il-ħajja jew is-saħħa tal-annimali jew tal-pjanti;

(c)

neċessarji sabiex jassiguraw il-konformità ma’ liġijiet jew ma’ regolamenti li ma humiex inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim inklużi dawk relatati :

(i)

mal-prevenzjoni ta’ prattiki li jqarrqu u frawdolenti jew sabiex ikunu ttrattati l-effetti ta’ inadempjenza kuntrattwali;

(ii)

mal-protezzjoni tal-privatezza tal-individwi b’relazzjoni għall-ipproċessar u għat-tixrid ta’ data personali u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ rekords u ta’ kontijiet individwali;

(iii)

mas-sikurezza.

Artikolu 48

Eċċezzjonijiet tas-sigurtà

Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li:

(a)

qed jobbliga xi Parti sabiex tagħti xi informazzjoni li hija tqis li d-divulgazzjoni tagħha tmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha; jew

(b)

qed jipprevjeni lil Parti milli tieħu kwalunkwe azzjoni li hija tqis neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha:

(i)

marbutin mal-produzzjoni jew mat-traffikar tal-armi, tal-munizzjon u tal-istrumenti tal-gwerra u ma’ tali traffikar u tranżazzjonijiet li jsiru f’oġġetti u f’materjali oħrajn, f’servizzi u f’teknoloġija, u ma’ attivitajiet ekonomiċi, imwettqa direttament jew indirettament għall-fini ta’ provvista lil stabbiliment militari;

(ii)

relatati ma’ materjali fissjonabbli u fużjonabbli jew mal-materjali li huma dderivati minnhom; jew

(iii)

meħudin fi żmien ta’ gwerra jew ta’ emerġenza oħra f’relazzjonijiet internazzjonali; jew

(c)

qed jipprevjeni lil Parti milli tieħu xi azzjoni fit-twettiq tal-obbligi tagħha skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali.

Artikolu 49

Relazzjonijiet mal-Ftehim ta’ Cotonou

Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala li qed jipprevjeni l-adozzjoni minn kwalunkwe Parti ta’ miżuri xierqa skont il-Ftehim ta’ Cotonou.

Artikolu 50

Durata

Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu ta’ 20 sena, li jista’ jiġġedded awtomatikament għal perjodi ta’ żmien ugwali u suċċessivi.

Artikolu 51

Terminazzjoni

1.   Kull Parti tista’ tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra ta’ dan il-Ftehim dwar l-intenzjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim. Notifika lill-Unjoni għandha tintbagħat lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u notifika lill-Angola għandha tintbagħat lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, Direttur Nazzjonali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali.

2.   It-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data li fiha l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 52

Applikazzjoni territorjali

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika

(a)

fir-rigward tal-Unjoni, għat-territorji li fihom jiġu applikati t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati; u

(b)

fir-rigward tal-Angola, għat-territorji li fihom l-Angola teżerċita sovranità jew drittijiet sovrani f’konformità mad-dritt internazzjonali u l-liġi domestika tagħha, inklużi t-territorju tal-art, l-ilmijiet interni, il-baħar territorjali u l-ispazju tal-ajru fuqhom, kif ukoll iż-żoni marittimi maġenb il-baħar territorjali, inkluż qiegħ il-baħar, il-blata kontinentali u s-sottoswol korrispondenti.

2.   Ir-referenzi għal “territorju” f’dan il-Ftehim għandhom jinftiehmu fis-sens imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   Għal aktar ċertezza, ir-referenzi għad-dritt internazzjonali f’dan l-Artikolu jinkludu, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar, magħmula fil-Bajja ta’ Montego fl-10 ta’ Diċembru 1982. F’każ ta’ inkonsistenza bejn id-dritt domestiku u d-dritt internazzjonali, dan tal-aħħar għandu jipprevali.

Artikolu 53

Emendi

Il-Partijiet jistgħu jaqblu, bil-miktub, li jemendaw dan il-Ftehim. Dawn l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 57.

Artikolu 54

L-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Unjoni Ewropea

1.   L-Unjoni għandha tinforma lill-Angola bi kwalunkwe talba għall-adeżjoni ta’ pajjiż terz biex isir Stat Membru tal-Unjoni.

2.   L-Unjoni għandha tinnotifika lill-Angola bid-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe Trattat dwar l-adeżjoni ta’ pajjiż terz mal-Unjoni.

Artikolu 55

Drittijiet u obbligi skont dan il-Ftehim

Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li jagħti lil persuni drittijiet jew jimponi fuqhom obbligi, għajr dawk maħluqa bejn il-Partijiet skont id-dritt internazzjonali pubbliku, lanqas li jippermetti li dan il-Ftehim jiġi direttament invokat fl-ordinamenti ġuridiċi interni tal-Partijiet.

Artikolu 56

Referenzi għal liġijiet u għal Ftehimiet oħra

1.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, meta ssir referenza għal-liġijiet u għar-regolamenti ta’ Parti, dawk il-liġijiet u r-regolamenti għandhom jinftiehmu li jinkludu l-emendi tagħhom.

2.   Meta ssir referenza għal ftehimiet internazzjonali jew meta dawn jiġu inkorporati f’dan il-Ftehim, fis-sħuħija tagħhom jew f’parti minnhom, għandha tinftiehem li dawn jinkludu l-emendi tagħhom jew il-ftehimiet suċċessuri tagħhom li jidħlu fis-seħħ għaż-żewġ Partijiet fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim jew wara. Jekk tqum xi kwistjoni rigward l-implimentazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim bħala riżultat ta’ tali emendi jew ftehimiet suċċessuri, il-Partijiet jistgħu, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, jikkonsultaw ma’ xulxin bil-għan li jsibu soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku.

Artikolu 57

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jiskambjaw notifiki bil-miktub li jiċċertifikaw li jkunu kkompletaw r-rekwiżiti u l-proċeduri legali applikabbli tagħhom għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim

2.   In-notifiki bil-miktub msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Angola, id-Direttur Nazzjonali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali.

Artikolu 58

Lingwi u testi awtentiċi

Dan il-Ftehim huwa mfassal duplikatament bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bit-Taljan u bl-Ungeriż, b’kull test ugwalment awtentiku.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji ffirmati hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Ftehim

Съставено в Луанда на седемнадесети ноември две хиляди двадесет и трета година.

Hecho en Luanda, el diecisiete de noviembre de dos mil veintitrés.

V Luandě dne sedmnáctého listopadu dva tisíce dvacet tři.

Udfærdiget i Luanda, den syttende november to tusind og treogtyve.

Geschehen zu Luanda am siebzehnten November zweitausenddreiundzwanzig.

Luandas kahe tuhande kahekümne kolmanda aasta novembrikuu seitsmeteistkümnendal päeval.

Έγινε στη Λουάντα, στις δεκαεπτά Νοεμβρίου δύο χιλιάδες είκοσι τρία.

Done at Luanda, on the seventeenth day of November in the year two thousand and twenty three.

Fait à Luanda, le dix-sept novembre deux mille vingt-trois.

Arna dhéanamh i Luanda, an seachtú lá déag de Shamhain sa bhliain dhá mhíle fiche a trí.

Sastavljeno u Luandi sedamnaestog studenoga dvije tisuće dvadeset treće.

Fatto a Luanda, addì diciassette novembre duemilaventitré.

Luandā, divtūkstoš divdesmit trešā gada septiņpadsmitajā novembrī.

Priimta Luandoje, du tūkstančiai dvidešimt trečių metų lapkričio septynioliktą dieną.

Kelt Luandában, a kétezerhuszonharmadik év november havának tizenhetedik napján.

Magħmul f'Luanda, fis-sbatax-il jum ta' Novembru fis-sena elfejn u tlieta u għoxrin.

Gedaan te Luanda, de zeventiende november tweeduizend drieëntwintig.

Sporządzono w Luandzie dnia siedemnastego listopada dwa tysiące dwudziestego trzeciego roku.

Feito em Luanda, aos dezassete dias do mês de novembro de dois mil e vinte e três.

Întocmit la Luanda, la șaptesprezece noiembrie două mii douăzeci și trei.

V Luande sedemnásteho novembra dvetisícdvadsaťtri.

V Luandi, sedemnajstega novembra dva tisoč triindvajset.

Tehty Luandassa seitsemäntenätoista päivänä marraskuuta vuonna kaksituhattakaksikymmentäkolme.

Som skedde i Luanda den sjuttonde november tjugohundratjugotre.

Image 1


(1)  Skont in-notifika tagħha tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea lid-WTO (WT/REG39/1), l-Unjoni Ewropea tifhem li l-kunċett ta’ “rabta effettiva u kontinwa” mal-ekonomija ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea mnaqqax fl-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huwa ekwivalenti għall-kunċett ta’ “operazzjonijiet kummerċjali sostantivi”.

(2)  Għal aktar ċertezza, “miżuri ta’ Parti” tkopri miżuri minn entitajiet elenkati fil-punti (12) (a) u (12) (b), li jiġu adottati jew li jinżammu billi jingħataw struzzjonijiet, direzzjonijiet jew permezz ta’ kontrolli, b’mod dirett jew indirett, fuq l-imġiba ta’ entitajiet oħrajn fir-rigward ta’ dawk il-miżuri.

(3)  Id-definizzjoni ta’ persuna fiżika tinkludi wkoll persuni li jirrisjedu b’mod permanenti fir-Repubblika tal-Latvja li ma humiex ċittadini tar-Repubblika tal-Latvja jew ta’ kwalunkwe Stat ieħor iżda li huma intitolati, skont id-dritt tar-Repubblika tal-Latvja, li jirċievu passaport ta’ persuna mhux ċittadina.

(4)  Il-Partijiet jifhmu li l-paragrafi 1 sa 4 jirrikonoxxu li l-Partijiet għandhom sistemi differenti biex jikkonsultaw dwar ċerti miżuri qabel ma jkunu finali, u li l-alternattivi stabbiliti fil-paragrafu 1 jirriflettu sistemi legali differenti.

(5)  Din id-dispożizzjoni ma tqiegħed l-ebda obbligu fuq id-deċiżjoni finali ta’ Parti li tadotta jew iżżomm kwalunkwe miżura għall-awtorizzazzjoni ta’ investiment.

(6)  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-informazzjoni kollha tiġi sottomessa f’format speċifikat sabiex jikkunsidrawha “kompluta għall-finijiet tal-ipproċessar”.

(7)  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżit stabbilit fil-punt (ii) billi jinformaw lil applikant bil-quddiem bil-miktub, inkluż permezz ta’ miżura ppubblikata, li nuqqas ta’ tweġiba wara perjodu ta’ żmien speċifikat mid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni jindika aċċettazzjoni tal-applikazzjoni. Ir-referenza għal "bil-miktub" għandha tinftiehem bħala li tinkludi format elettroniku.

(8)  Tali “opportunità” ma tirrikjedix li awtorità kompetenti tipprovdi estensjonijiet tal-iskadenzi.

(9)  L-awtoritajiet kompetenti ma humiex responsabbli għal dewmien minħabba raġunijiet barra mir-responsabbiltà tagħhom.

(10)  Il-Partijiet jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet mingħajr ma jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin relatati mal-idrokarburi:

a)

iż-żona tkun ġiet soġġetta għal proċedura preċedenti li tikkonforma ma’ dan l-Artikolu li ma tkunx irriżultat fl-għoti ta’ awtorizzazzjoni;

b)

iż-żona tkun disponibbli fuq bażi permanenti għall-esplorazzjoni jew għall-produzzjoni; jew

c)

l-awtorizzazzjoni mogħtija tkun ġiet irrinunzjata qabel id-data ta’ skadenza tagħha.

(11)  Kull Parti tista’ tiddetermina x’jikkostitwixxi miżuri “ewlenin” ta’ applikazzjoni ġenerali għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.

(12)  L-eċċezzjonijiet tas-sigurtà pubblika u tal-ordni pubbliku jistgħu jiġu invokati biss meta tinqala’ theddida ġenwina u serja biżżejjed għal wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.


ELI: http://data.europa.eu/eli/agree/2024/830/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)