European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/785

6.3.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/785

tal-5 ta’ Marzu 2024

li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija maħsuba għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-notifika tal-bidu”), il-bidu fuq l-inizjattiva tagħha stess ta’ investigazzjoni antisussidji (“l-investigazzjoni antisussidji”) fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija maħsuba għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”).

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(2)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa vetturi elettriċi ġodda bil-batterija (battery electric vehicles, “BEVs”), prinċipalment maħsuba għat-trasport ta’ disa’ persuni jew inqas, inkluż is-sewwieq, li jaħdmu (3) biss b’mutur elettriku wieħed jew aktar. Il-muturi huma esklużi mill-investigazzjoni. Il-prodott ikkonċernat huwa attwalment ikklassifikat taħt il-kodiċi NM 8703 80 10.

2.   RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(3)

Skont l-Artikolu 24(5a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’, fuq l-inizjattiva tagħha stess, tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu l-passi adatti biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati sussegwentement kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ tali reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament bażiku.

2.1.   Ċirkostanzi kritiċi fejn ikun ġie kkawżat dannu, li jkun diffiċilment rimedjabbli, minn importazzjonijiet kbar ħafna, fi żmien relattivament qasir, ta’ prodott sussidjat

(4)

Fir-rigward tas-sussidjar, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li għandha t-tendenza turi li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ qed jiġu sussidjati. Is-sussidji allegati jikkonsistu, fost l-oħrajn, fi:

(i)

trasferiment dirett ta’ fondi u trasferimenti potenzjalment diretti ta’ fondi jew obbligazzjonijiet,

(ii)

dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur, u

(iii)

forniment mill-gvern ta’ prodotti jew servizzi għal remunerazzjoni inqas minn adegwata.

(5)

L-evidenza tas-sussidjar saret disponibbli fil-memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza.

(6)

Qiegħed jiġi allegat li l-miżuri deskritti fil-premessa (4) jammontaw għal sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tar-RPĊ jew minn gvernijiet reġjonali oħra (inklużi korpi pubbliċi), jew minn korpi privati diretti jew fdati mill-Gvern tar-RPĊ, u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat. Dawn jidhru li huma speċifiċi u, għalhekk, kumpensabbli, fost l-oħrajn, peress li huma limitati għal ċerti setturi, prodotti u/jew reġjuni.

(7)

Għalhekk, f’dan l-istadju l-evidenza disponibbli għandha t-tendenza turi li l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat qed jibbenefikaw minn sussidji kumpensabbli.

(8)

L-evidenza turi wkoll ċirkostanzi kritiċi fil-forma ta’ importazzjonijiet massivi f’perjodu relattivament qasir kif ukoll żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 8703 80 10 fil-perjodu minn Ottubru 2023 sa Jannar 2024. B’mod speċifiku, l-evidenza disponibbli turi li l-ammont ta’ importazzjonijiet bejn Ottubru 2023 u Jannar 2024 huwa ta’ 177 839 unità. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 11 % meta mqabbel mal-perjodu ta’ investigazzjoni (Ottubru 2022 – Settembru 2023) f’termini tal-medja ta’ kull xahar (ara t-Tabella 1), u ta’ 14 % meta mqabbel mal-perjodu rispettiv bejn Ottubru 2022 u Jannar 2023 (ara t-Tabella 2).

Tabella 1

Importazzjonijiet mir-RPĊ fil-PI u wara l-investigazzjoni

 

Perjodu ta’ investigazzjoni

Medja ta’ kull xahar tal-perjodu ta’ investigazzjoni

Ottubru 2023–Jannar 2024

Ottubru 2023–Jannar 2024 medja ta’ kull xahar

Bidla

Importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni (unitajiet)

479 720

39 977

177 839

44 460

+11 %

Sors:

Il-bażi ta’ data tas-Sorveljanza.

Tabella 2

Importazzjonijiet mir-RPĊ Ottubru–Jannar Sena wara Sena

 

Ottubru 2022–Jannar 2023

Ottubru 2023–Jannar 2024

Bidla

Importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni (unitajiet)

155 873

177 839

+14  %

Sors:

Il-bażi ta’ data tas-Sorveljanza

(9)

F’dan l-istadju huwa possibbli li, fuq il-bażi tad-data miġbura matul l-investigazzjoni, id-dannu, li jkun diffiċli li jiġi rimedjat, ikun beda jimmaterjalizza anki qabel it-tmiem tal-investigazzjoni.

(10)

Jeżisti wkoll ir-riskju li għadd dejjem akbar ta' produtturi tal-Unjoni se jbatu minn tnaqqis fil-bejgħ u fil-livelli ta’ produzzjoni jekk l-importazzjonijiet ikomplu fil-livelli ogħla attwali bi prezzijiet allegatament sussidjati mir-RPĊ kif muri sa issa wara li bdiet l-investigazzjoni. Huwa ċar li r-riskju se jkollu impatt negattiv fuq l-impjiegi u fuq il-prestazzjoni kumplessiva tal-produtturi tal-Unjoni. Dan ikun jikkostitwixxi dannu li jkun diffiċli li jiġi rimedjat.

2.2.   Preklużjoni ta’ rikorrenza tad-dannu

(11)

Minħabba d-data u l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (8) sa (10), il-Kummissjoni qieset li kien hemm bżonn li tħejji l-impożizzjoni retroattiva potenzjali tal-miżuri billi timponi reġistrazzjoni sabiex tipprekludi r-rikorrenza ta’ tali dannu. Għalhekk, kieku l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-industrija domestika tkun qed issofri dannu materjali fi tmiem l-investigazzjoni attwali, il-ġbir tad-dazji kumpensatorji fuq importazzjonijiet reġistrati jkun jista’ jitqies xieraq biex jipprekludi r-rikorrenza ta’ tali dannu.

2.3.   Konklużjoni

(12)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għal reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku.

3.   PROĊEDURA

(13)

Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn jenħtieġ li jinstemgħu.

4.   REĠISTRAZZJONI

(14)

Skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jkunu soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, f’każ li l-investigazzjoni tirriżulta f’konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji kompensatorji, dawn id-dazji jkunu jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jintlaħqu, jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(15)

Kwalunkwe obbligazzjoni fil-futur tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni.

(16)

F’dan l-istadju tal-investigazzjoni għadu ma huwiex possibbli li jiġi stmat b’mod preċiż l-ammont ta’ sussidjar. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tqisx li huwa xieraq li tipprovdi ammont stmat ta’ obbligazzjoni futura.

5.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(17)

Kull data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2016/1037, sabiex jieħdu l-passi adatti biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija, prinċipalment maħsuba għat-trasport ta’ disa’ persuni jew inqas, inkluż is-sewwieq, li jaħdmu biss (irrispettivament min-numru ta’ roti mċaqalqa) b’mutur elettriku wieħed jew aktar, attwalment ikklassifikati taħt il-kodiċi NM 8703 80 10 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-muturi huma esklużi mill-investigazzjoni preżenti.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta’ sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)   ĠU C, C/2023/160, 4.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/160/oj.

(3)  Irrispettivament min-numru ta’ roti mċaqalqa.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/785/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)