European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/781

6.3.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/781

tal-5 ta’ Marzu 2024

dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat tal-alfa-galattożidażi prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u tal-endo-1,4-beta-glukanażi prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604 bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għall-ispeċijiet minuri tal-pollam tas-simna, u għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd (detentur tal-awtorizzazzjoni: Kerry Ingredients & Flavours Ltd.) u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 237/2012 u (UE) Nru 1365/2013

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali, kif ukoll ir-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni.

(2)

Preparat tal-alfa-galattożidażi prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u tal-endo-1,4-beta-glukanażi prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604 kien ġie awtorizzat għal 10 snin bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 237/2012 (2), u għall-ispeċijiet minuri tal-pollam tas-simna u għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1365/2013 (3).

(3)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-alfa-galattożidażi prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u tal-endo-1,4-beta-glukanażi prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604, bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għall-ispeċijiet minuri tal-pollam għas-simna u għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd, li fiha ġie mitlub li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u fil-grupp funzjonali “sustanzi li jsaħħu d-diġestibbiltà”. Mal-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tas-6 ta’ Lulju 2023, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) (4) ikkonkludiet li l-preparat tal-alfa-galattożidażi prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u tal-endo-1,4-beta-glukanażi prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604 għadu sikur għat-tiġieġ tas-simna, għall-ispeċijiet minuri tal-pollam tas-simna u għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd, għall-konsumaturi u għall-ambjent, skont il-kundizzjonijiet tal-użu li huma awtorizzati bħalissa. Ikkonkludiet ukoll li l-preparat tal-alfa-galattożidażi prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u tal-endo-1,4-beta-glukanażi prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604, huwa irritant tal-ġilda u tal-għajnejn u sensitizzatur dermali, u li jenħtieġ li jitqies bħala sensitizzatur respiratorju. Indikat ukoll li ma hemmx bżonn li tiġi vvalutata l-effikaċja tal-preparat tal-alfa-galattożidażi prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u tal-endo-1,4-beta-glukanażi prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604, peress li l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ma tinkludix proposta biex jiġu emendati jew issupplimentati l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet oriġinali li kieku jkollhom impatt fuq l-effikaċja tal-addittiv. L-Awtorità ma qisitx li hemm il-ħtieġa ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ ta’ wara l-introduzzjoni fis-suq.

(5)

Il-Laboratorju ta’ Referenza, stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003, qies li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet milħuqa fil-valutazzjoni mwettqa fir-rigward tal-metodu ta’ analiżi tal-preparat tal-alfa-galattożidażi prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u tal-endo-1,4-beta-glukanażi prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604 bħala addittiv tal-għalf fil-kuntest tal-awtorizzazzjonijiet preċedenti huma validi u applikabbli għall-applikazzjoni attwali. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 5(4), il-punt (c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (5), mhuwiex meħtieġ rapport ta’ evalwazzjoni tal-Laboratorju ta’ Referenza.

(6)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-preparat tal-alfa-galattożidażi prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u tal-endo-1,4-beta-glukanażi prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604 jissodisfa l-kundizzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ dak l-addittiv tiġġedded. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv. Jenħtieġ li dawk il-miżuri protettivi jkunu mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra tas-sikurezza tal-ħaddiema skont id-dritt tal-Unjoni.

(7)

Jenħtieġ li bħala konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-alfa-galattożidażi prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u tal-endo-1,4-beta-glukanażi prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604 bħala addittiv, jitħassru r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 237/2012 u (UE) Nru 1365/2013.

(8)

Peress li r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-alfa-galattożidażi prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u tal-endo-1,4-beta-glukanażi prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604, jixraq li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni ħalli l-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mit-tiġdid tal-awtorizzazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni tal-preparat speċifikat fl-Anness, li jappartjeni għall-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u għall-grupp funzjonali “sustanzi li jsaħħu d-diġestibbiltà”, tiġġedded skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Tħassir

Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 237/2012 u (UE) Nru 1365/2013 jitħassru.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

1.   Il-preparat speċifikat fl-Anness u l-premixxeli li jkun fihom dak il-preparat, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-26 ta’ Settembru 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-26 ta’ Marzu 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li jkun fihom il-preparat speċifikat fl-Anness, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-26 ta’ Marzu 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-26 ta’ Marzu 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 237/2012 tad-19 ta’ Marzu 2012 li tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-alfa-galattożidażi (EC 3.2.1.22) prodotta minn Saccharomyces cerevisiae (CBS 615.94) u endo-1,4-beta-glukanażi (EC 3.2.1.4) prodotta minn Aspergillus niger (CBS 120604) bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għat-tismin (detentur tal-awtorizzazzjoni Kerry Ingredients and Flavours), (ĠU L 80, 20.3.2012, p. 1. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/237/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1365/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ alfa-galattożidażi prodotta minn Saccharomyces cerevisiae (CBS 615.94) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 120604) bħala addittiv mal-għalf għal speċi minuri tat-tjur tas-simna u għal tiġieġ tal-bajd (detentur tal-awtorizzazzjoni Kerry Ingredients and Flavours) (ĠU L 343, 19.12.2013, p. 31. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1365/oj).

(4)   EFSA Journal 2023;21(8):8175.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 tal-4 ta’ Marzu 2005 regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ addittivi fl-għalf tal-annimali (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/378/oj).


ANNESS

Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

Unitajiet ta’ attività/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija tal-addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: sustanzi li jtejbu d-diġestibbiltà

4a17

Kerry Ingredients and Flavours Ltd.

Alfa-galattożidażi (EC 3.2.1.22) Endo–1,4-beta-glukanażi (EC 3.2.1.4)

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparat tal-alfa-glattożidażi prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u tal-endo-1,4-beta-glukanażi prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604, b’attività minima ta’:

1 000 U (1) ta’ alfa-galattożidażi/g,

5 700 U (2) ta’ endo-1,4-beta-glukanażi/g.

Forma solida.

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Alfa-galattożidażi (EC 3.2.1.22) prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u endo-1,4-beta-glukanażi (EC 3.2.1.4) prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604.

Metodu analitiku  (3)

Għad-determinazzjoni tal-alfa-galattożidażi: fl-addittiv tal-għalf, fil-premixxeli u fl-għalf kompost: metodu kolorimetriku li jkejjel il-p-nitrofenol rilaxxat bl-azzjoni tal-alfa-galattożidażi mis-substrat tal-p-nitrofenil-alfa-galattopiranożid.

Għad-determinazzjoni tal-endo-1,4-beta-glukanażi fl-addittiv tal-għalf, fil-premixxeli u fl-għalf kompost: metodu kolorimetriku li jkejjel il-kulurant li jinħall fl-ilma rilaxxat bl-azzjoni tal-endo–1,4-beta-glukanażi mis-subtrat tal-glukan tax-xgħir retikolat mal-ażurina.

Tiġieġ tas-simna

Speċijiet minuri tal-pollam tas-simna

Tiġieġ imrobbija għall-bajd

50 U ta’ alfa-galattożidażi

285 U ta’ endo–1,4-beta-glukanażi

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxela, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu, indika:

“Id-doża massima rrakkomandata:

100 U ta’ alfa-galattożidażi/kg ta’ għalf komplet

570 U ta’ endo–1,4-beta-glukanażi/kg ta’ għalf komplet”

3.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzazzjonali biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati b’dawn il-proċeduri u l-miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali għan-nifs, għall-għajnejn u għall-ġilda.

is-26 ta’ Marzu 2034

Kategorija tal-addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: sustanzi li jtejbu d-diġestibbiltà

4a17

Kerry Ingredients and Flavurs Ltd.

Alfa-galattożidażi (EC 3.2.1.22) Endo-1,4-beta-glukanażi (EC 3.2.1.4)

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparat tal-alfa-glattożidażi prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u tal-endo-1,4-beta-glukanażi prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604, b’attività minima ta’:

500 U ta’ alfa-galattożidażi/g,

2 850 U ta’ endo-1,4-beta-glukanażi/g.

Forma likwida.

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Alfa-galattożidażi (EC 3.2.1.22) prodotta mis-Saccharomyces cerevisiae CBS 615.94 u endo-1,4-beta-glukanażi (EC 3.2.1.4) prodotta mill-Aspergillus niger CBS 120604.

Metodu analitiku

Għad-determinazzjoni tal-alfa-galattożidażi: fl-addittiv tal-għalf, fil-premixxeli u fl-għalf kompost: metodu kolorimetriku li jkejjel il-p-nitrofenol rilaxxat bl-azzjoni tal-alfa-galattożidażi mis-substrat tal-p-nitrofenil-alfa-galattopiranożid.

Għad-determinazzjoni tal-endo-1,4-beta-glukanażi fl-addittiv tal-għalf, fil-premixxeli u fl-għalf kompost: metodu kolorimetriku li jkejjel il-kulurant li jinħall fl-ilma rilaxxat bl-azzjoni tal-endo-1,4-beta-glukanażi mis-subtrat tal-glukan tax-xgħir retikolat mal-ażurina.

Tiġieġ tas-simna

50 U ta’ alfa-galattożidażi

285 U ta’ endo-1,4-beta-glukanażi

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxela, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu, indika:

“Id-doża massima rrakkomandata:

100 U ta’ alfa-galattożidażi/kg ta’ għalf komplet

570 U ta’ endo–1,4-beta-glukanażi/kg ta’ għalf komplet”

3.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzazzjonali biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati b’dawn il-proċeduri u l-miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali għan-nifs, għall-għajnejn u għall-ġilda.

is-26 ta’ Marzu 2034


(1)  Unità waħda ta’ alfa-galattożidażi (U) hija l-ammont ta’ enzimi li jipproduċi mikromol wieħed ta’ para-nitrofenol fil-minuta mill-p-nitrofenil-alfa-galattopiranożid (pNPG) skont il-kundizzjonijiet speċifikati (pH = 5,0; temperatura ta’ 37 °C).

(2)  Unità waħda ta’ endo-1,4-beta-glukanażi (U) hija l-ammont ta’ enzima li tipproduċi milligramma waħda ta’ zokkor riduċenti (ekwivalenti ta’ glukożju) kull minuta mill-idroliżi tal-beta-D-glukani skont il-kundizzjonijiet speċifikati (pH = 5,0; temperatura ta’ 50 °C).

(3)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/781/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)