European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/751

27.2.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/751

tal-11 ta’ Diċembru 2023

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mapep indikattivi tan-network trans-Ewropew tat-trasport

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 49(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 jipprevedi l-possibilità li l-mapep indikattivi tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) ta’ pajjiżi ġirien speċifiċi jiġu adattati jew li jiżdiedu mapep ġodda abbażi ta’ ftehimiet ta’ livell għoli dwar in-networks tal-infrastruttura tat-trasport bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien ikkonċernati.

(2)

F’Mejju-Lulju 2023 ġew iffirmati ftehimiet ta’ livell għoli bejn l-Unjoni u l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (*1), il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja. Il-ftehimiet dwar il-bidliet fil-mapep indikattivi tat-TEN-T jikkonċernaw it-trasport ferrovjarju, it-trasport bit-triq u t-trasport fuq passaġġi tal-ilma interni. Il-bidliet fil-mapep indikattivi għandhom jippermettu li l-Unjoni tkun tista’ timmira aħjar il-kooperazzjoni tagħha mas-sħab tal-Balkani tal-Punent.

(3)

L-ewwel nett, dawn il-bidliet se jikkontribwixxu għal prijoritizzazzjoni aħjar tal-proġetti ta’ infrastruttura li jinsabu fit-TEN-T fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari billi jtejbu l-konnessjoni ferrovjarja bejn Durrës u Skopje minn network ewlieni komprensiv għal wieħed estiż. It-tieni, dawn il-bidliet se jtejbu l-konnessjonijiet tat-trasport fir-reġjun u bejn ir-reġjun u l-Istati Membri tal-UE billi jżidu l-konnessjonijiet bil-ferrovija u bit-triq mat-TEN-T. It-tielet, it-TEN-T rivedut jinkludi nodi addizzjonali (ajruporti u portijiet) u b’hekk isaħħaħ il-koerenza tat-TEN-T fir-reġjun.

(4)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.

(*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


ANNESS

Fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013, il-mapep 13.1, 13.2, 13.3 u 13.4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

Image 1

Image 2

Image 3

Image 4


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/751/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)