European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/743

5.4.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/743

tat-23 ta’ Frar 2024

fir-rigward tal-progress skont ir-Regolament (UE) 2018/842 fl-abbozz aġġornat tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima taċ-Ċekja li jkopri l-perjodu 2021–2030

(It-test biċ-Ċek biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(6) u l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Iċ-Ċekja ppreżentat l-abbozz aġġornat tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tagħha (NECP) fit-23 ta’ Ottubru 2023.

(2)

Fit-18 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni adottat ir-rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozz aġġornat tal-NECP taċ-Ċekja li jkopri l-perjodu 2021–2030 u dwar il-konsistenza tal-miżuri taċ-Ċekja mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni. (2)

(3)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward it-twassil tal-miri nazzjonali skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (3) (ESR) huma bbażati fuq il-probabbiltà li l-Istati Membri se jirrispettaw il-miri tal-2030, u jikkunsidraw ir-regoli dwar l-użu ta’ flessibbiltà skont l-ESR.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ESR hija aġġornament għar-rakkomandazzjoni tal-ESR ipprovduta fir-rakkomandazzjoni tat-18 ta’ Diċembru 2023 imsemmija hawn fuq. Kien hemm xi diskrepanzi fil-projezzjonijiet tal-emissjonijiet tal-ESR ipprovduti fl-abbozz aġġornat tal-NECP taċ-Ċekja iżda wara kjarifika miċ-Ċekja dwar iċ-ċifri tal-projezzjoni, din ir-rakkomandazzjoni se tissostitwixxi l-ewwel rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ESR liċ-Ċekja.

(5)

Iċ-Ċekja pprovdiet ċifri ta’ projezzjoni lill-Kummissjoni biex tikkjarifika li x-xenarju ta’ projezzjoni tal-ESR b’miżuri eżistenti (WEM) huwa 43,7 MtCO2eq fl-2030 u b’miżuri addizzjonali (WAM) huwa 43,4 MtCO2eq fl-2030. Il-projezzjoni tad-WEM se twassal għal tnaqqis ta’ 32,7 % u l-projezzjoni tad-WAM se twassal għal tnaqqis ta’ 33,2 %, meta mqabbla mal-livelli tal-2005, li huwa tnaqqis akbar mill-mira nazzjonali ta’ –26 % taċ-Ċekja li ġiet stabbilita mill-ESR għall-2030. It-tnaqqis fl-emissjonijiet sal-2030 jitkejlu mal-livell ta’ emissjonijiet tal-2005 kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni (UE) 2020/2126 tas-16 ta’ Diċembru 2020. Għaċ-Ċekja dan in-numru huwa 64,97 MtCO2 eq. fl-2005.

B’DIN TIRRAKKOMANDA LIĊ-ĊEKJA TIEĦU AZZJONI BIEX:

1.

Tikkomplementa l-informazzjoni dwar il-politiki u l-miżuri eżistenti u ppjanati, fosthom fis-setturi tat-trasport u tal-binjiet, u għall-emissjonijiet mhux tas-CO2 fosthom il-metan, l-N2O u l-gassijiet F, mill-proċessi industrijali u l-użu ta’ prodotti, l-agrikoltura, u l-immaniġġjar tal-iskart, li huma mistennija jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira nazzjonali skont l-ESR. Tispjega b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskeda ta’ żmien u, meta possibbli, l-impatt mistenni tat-tnaqqis fil-gassijiet serra tagħhom, inkluż għal miżuri fil-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni bħall-politika agrikola komuni.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Wopke HOEKSTRA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

(2)  C(2023) 9616 final.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26). kif emendat mir-Regolament (UE) 2023/857 tad-19 ta’ April 2023 (ĠU L 111, 26.4.2023, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/743/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)