European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/669

20.2.2024

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/669

tad-19 ta’ Frar 2024

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/628 tad-19 ta’ Frar 2024 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 (2) jagħti effett għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (3).

(2)

Fid-19 ta’ Frar 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/628, li emendat il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK sabiex tintroduċi eżenzjoni umanitarja skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2664 (2022), mekkaniżmu ta’ deroga ulterjuri għal dawk l-organizzazzjonijiet u l-atturi involuti f’attivitajiet umanitarji li ma jistgħux jibbenefikaw minn dik l-eżenzjoni umanitarja, u klawżola ta’ rieżami relatata ma’ dawk l-eċċezzjonijiet.

(3)

Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, notevolment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn ikunu implimentati.

(4)

Jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2580/2001 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 jiżdiedu l-paragrafi segwenti:

“3.   L-Artikolu 2(1) u (2) ma għandux japplika għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem meta tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn dawn li ġejjin:

(a)

in-Nazzjonijiet Uniti (NU), inkluż il-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħha;

(b)

organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c)

organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-NU u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji;

(d)

organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-NU, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati, appelli oħra tan-NU jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji;

(e)

organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali;

(f)

aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri;

(g)

l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji, jew is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (f) waqt u sal-punt li jkunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, u b’deroga mill-Artikolu 2(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati taħt tali kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huwa meħtieġ biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem.

5.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 4, dik l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

6.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 4 fi żmien erba’ ġimgħat mill-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.

7.   Il-paragrafi 3 u 4 għandhom jiġu rieżaminati mill-inqas kull 12-il xahar, jew fuq talba urġenti ta’ Stat Membru, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jew il-Kummissjoni wara bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi.

8.   Il-paragrafu 3 għandu japplika sat-22 ta’ Frar 2025.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Frar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L, 2024/628, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/628/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70).

(3)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/669/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)