European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/649

19.2.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/649

tal-15 ta’ Novembru 2023

dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fl-10 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 u l-Artikolu 168(5), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (“FCTC tad-WHO”) (1), innegozjat taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ġiet konkluża mill-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE (2) u daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Frar 2005.

(2)

Skont l-Artikolu 23(5) tal-FCTC tad-WHO, il-Konferenza tal-Partijiet (COP) trid tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-FCTC tad-WHO.

(3)

L-objettiv tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huwa li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tal-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u tal-prodotti relatati sabiex jiġi żgurat, fost l-oħrajn, li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-FCTC tad-WHO. L-objettiv tad-Direttiva 2003/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) huwa li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati mar-reklamar tal-prodotti tat-tabakk u l-promozzjoni tagħhom.

(4)

Fl-10 sessjoni tagħha, il-COP mistennija tadotta ċerti atti li jista’ jkollhom effetti legali, inkluż att li jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni relatat mal-kontroll fuq it-tabakk. B’mod partikolari, id-deċiżjoni prevista relatata mar-reklamar, il-promozzjoni u l-isponsorizzazzjoni tat-tabakk, inkluż l-adozzjoni ta’ linji gwida supplimentari u speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tal-FCTC tad-WHO, u d-deċiżjonijiet previsti relatati ma’ emendi possibbli għar-Regoli ta’ Proċedura tal-COP, inkluża emenda tal-proċedura għall-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-FCTC tad-WHO, jikkostitwixxu atti li jista’ jkollhom effetti legali jew li jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mill-Unjoni..

(5)

Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-10 sessjoni tal-COP rigward dawk l-atti. Ċerti partijiet minn dik il-pożizzjoni huma relatati ma’ oqsma fejn l-Unjoni tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri tagħha. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tinftiehemx bħala li tbiddel it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(6)

F’konformità mal-pożizzjoni tal-Unjoni espressa fit-tmien sessjoni tal-COP, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-adozzjoni tal-linji gwida proposti l-ġodda għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tal-FCTC tad-WHO dwar ir-reklamar, il-promozzjoni u l-isponsorizzazzjoni tat-tabakk u r-rappreżentazzjoni tat-tabakk fil-media tad-divertiment, f’konformità mal-objettiv ġenerali tal-Unjoni li jitnaqqas il-konsum tal-prodotti tat-tabakk u tan-nikotina.

(7)

Sabiex ikunu hemm tħejjija u rappreżentanza xierqa tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni fis-sessjonijiet tal-COP, l-Unjoni jenħtieġ li tipproponi emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-COP li teħtieġ li s-Segretarjat tal-FCTC tad-WHO jintalab iqassam dokumenti uffiċjali tal-konferenza mill-inqas 120 jum qabel kull COP.

(8)

Għall-fini tas-simplifikazzjoni tal-ħidma fil-COP u biex ikunu jistgħu jsiru sessjonijiet virtwali tal-COP, kif ukoll biex tiġi prevista l-possibbiltà li jinħatar aġent Kap tas-Segretarjat tal-FCTC tad-WHO, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi proposti għar-Regoli ta’ Proċedura tal-COP li jsegwu tali għanijiet.

(9)

L-Unjoni jenħtieġ ukoll li tappoġġa t-titjib tal-proċess għall-għażla u l-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-FCTC tad-WHO, b’mod partikolari billi tissimplifika l-proċedura għal tiġdid uniku tal-mandat, filwaqt li tirrispetta l-kriterji oġġettivi tal-prestazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-10 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP) għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (WHO FCTC), hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Irfinar tal-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 jista’ jiġi maqbul, fid-dawl ta’ żviluppi fl-10 sessjoni tal-COP għall-FCTC tad-WHO, mir-rappreżentanti tal-Unjoni b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri waqt il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU L 213, 15.6.2004, p. 9.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta’ Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 8).

(3)  Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2003/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-reklamar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk (ĠU L 152, 20.6.2003, p. 16).


ANNESS

ADDENDUM

għad-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni Ewropea fl-10 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC)

Il-pożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu diskussi fl-10 sessjoni tas-COP għall-FCTC, fil-Panama mill-20 sal-25 ta' Novembru 2023.

I.   Reklamar, promozzjoni u sponsorizzazzjoni tat-tabakk: ir-rappreżentazzjoni tat-tabakk fil-media tad-divertiment: rapport tal-Grupp ta' Ħidma (id-dokument FCTC/COP/10/8). L-Unjoni:

Tirringrazzja lill-grupp ta' ħidma għar-rapport,

1.

F'konformità mal-objettivi tal-FCTC, tappoġġa l-adozzjoni ta' linji gwida speċifiċi skont il-linji proposti mill-Grupp ta' Ħidma dwar ir-reklamar, il-promozzjoni u l-isponsorizzazzjoni transkonfinali tat-tabakk (TAPS), li jindirizzaw fost l-oħrajn strateġiji ta' kummerċjalizzazzjoni ġodda u innovattivi, jivvalutaw il-bidu u l-konsum b'enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ u t-tfal, filwaqt li tirrakkomanda l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet tat-TAPS jew ir-restrizzjoni, għal dawk il-Partijiet li mhumiex f'pożizzjoni li jwettqu projbizzjoni komprensiva minħabba l-kostituzzjonijiet jew il-prinċipji kostituzzjonali tagħhom, għat-tipi kollha ta' media, inkluż il-media diġitali u l-pjattaformi ta' komunikazzjoni tal-media diġitali.

2.

Tilqa' r-rakkomandazzjoni biex jitnaqqsu r-rappreżentazzjonijiet tat-tabakk fil-media tad-divertiment.

3.

Dawn il-linji gwida għandhom, b'mod partikolari:

 

jissupplimentaw il-Linji Gwida eżistenti dwar l-Artikolu 13 tal-FCTC, u bl-ebda mod ma jissostitwuhom jew joħdulhom posthom;

 

jiżguraw li s-soċjetà ċivili jkollha rwol kruċjali fl-iżgurar, il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-infurzar u l-implimentazzjoni tagħhom; għandu jiġi evitat kunflitt ta' interess, b'mod partikolari mal-industrija tat-tabakk jew mar-rappreżentanti tagħha.

 

ikopru l-pjattaformi ta' komunikazzjoni tal-media diġitali bl-aktar mod wiesa' possibbli, inkluż spazji online aċċessibbli permezz tal-internet fejn l-utenti jistgħu jippowstjaw, jixtru, jaraw, jikkondividu, joħolqu, itellgħu, jagħmlu streaming jew jinteraġixxu ma' kontenut li jinkludi kwalunkwe forma ta' media elettronika bħal vidjos diġitali, awdjo, stampi, media soċjali, apps, logħob, paġni web u media interattiva;

 

jiżguraw infurzar effettiv tal-projbizzjonijiet tat-TAPS billi jitolbu lill-Partijiet jaħdmu b'mod kollaborattiv u sistematiku biex jimmonitorjaw, jidentifikaw, ineħħu u/jew jipprevjenu t-TAPS transkonfinali u t-TAPS fil-pjattaformi kollha ta' komunikazzjoni tal-media diġitali;

 

jirrakkomandaw projbizzjoni/restrizzjoni komprensiva, f'konformità mal-Artikolu 13.2 u 13.3 tal-FCTC, fuq ir-reklamar, il-promozzjoni u l-isponsorizzazzjoni tal-prodotti kollha tat-tabakk, speċjalment dawk ġodda u emerġenti, inkluż apparati użati magħhom, li għandhom il-funzjoni li jippermettu l-konsum ta' prodotti bħal dawn;

 

jimponu obbligi partikolari, f'konformità mad-dritt nazzjonali, fuq l-ospitanti tal-kontenut biex jidentifikaw it-TAPS u jneħħu t-TAPS mill-inqas meta jiġu nnotifikati mill-awtoritajiet kompetenti jew mis-soċjetà ċivili dwar ir-reklamar, il-promozzjoni u l-isponsorizzazzjoni tat-tabakk.

II.   Emendi possibbli għar-Regoli ta' Proċedura tal-Konferenza tal-Partijiet: rapport mis-Segretarjat (dokument FCTC/COP/21)

L-Unjoni:

1.

Tappoġġa l-emendi proposti biex tiġi ssimplifikata u razzjonalizzata l-ħidma fis-COP, bħal pereżempju l-aċċettazzjoni tal-approvazzjoni tar-rekords verbatim wara l-għeluq tas-sessjoni jew l-introduzzjoni tal-possibbiltà ġenerali ta' webcasting dirett tal-punti tal-aġenda tas-sessjonijiet tas-COP, soġġett għal approvazzjoni tas-COP fil-bidu ta' kull sessjoni.

2.

Taqbel li tiċċara, mingħajr ma temenda r-Regoli ta' Proċedura tas-COP, li r-rekords verbatim tal-laqgħat plenarji huma mifhuma li jinkludu fajls awdjo.

3.

Tappoġġa l-emenda relatata mal-arranġament għal sessjonijiet virtwali tas-COP, meta miżuri eċċezzjonali jkunu meħtieġa minn sitwazzjoni straordinarja. Fl-istess ħin, jenħtieġ li tqis ukoll il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-kostijiet ambjentali tas-sessjoni fil-preżenza u l-ħtieġa għal sessjonijiet bħal dawn kull meta jkun possibbli. Il-laqgħat virtwali għandhom dejjem jiġu organizzati bil-protezzjoni massima mill-influwenza tal-industrija tat-tabakk.

4.

Tappoġġa l-emenda biex tiġi definita b'mod aktar ċar il-parteċipazzjoni tal-membri tal-Bureau tal-Laqgħa tal-Partijiet (MOP) fil-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat, kif ukoll l-emenda li tipprevedi l-possibbiltà li jinħatar aġent Kap tas-Segretarjat, meta jkun meħtieġ.

5.

Tappoġġa l-emenda relatata mal-preżenza tal-media akkreditata fis-sessjonijiet pubbliċi, peress li din l-emenda twassal għal konsistenza aħjar bejn ir-Regoli 2 u 32.

6.

Tipproponi emenda għar-Regola 8 li attwalment tobbliga lis-Segretarjat iqassam l-aġenda proviżorja, flimkien ma' dokumenti oħra tal-konferenza, lill-Partijiet mill-inqas 60 jum qabel il-jum tal-ftuħ tas-sessjoni. Dan il-perjodu jenħtieġ li jiġi estiż għal 120 jum qabel il-ftuħ tas-sessjoni sabiex l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika u l-pajjiżi federali jkunu jistgħu jħejju u jistabbilixxu l-pożizzjonijiet tagħhom b'mod xieraq. Dan il-perjodu jenħtieġ li tal-inqas jiġi żgurat għad-dokumenti tal-konferenza għad-deċiżjonijiet tas-COP li huma legalment vinkolanti fuq il-Partijiet jew li għandhom implikazzjonijiet politiċi jew legali importanti.

[pożizzjoni ta' riżerva: L-Unjoni tista' taqbel ma' kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta' distribuzzjoni lil hinn minn 60 jum attwali qabel il-ftuħ tas-sessjoni, u mill-inqas għal dokumenti tal-konferenza għal deċiżjonijiet tas-COP li huma legalment vinkolanti fuq il-Partijiet jew li għandhom implikazzjonijiet politiċi jew legali importanti.]

III.   Ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni: rapport tal-Bureau (id-dokument FCTC/COP/23)

L-Unjoni:

1.

Tirringrazzja lill-Bureau għar-rapport, li fih rakkomandazzjonijiet konġunti tal-Bureau tas-COP u tal-Bureau tal-MOP biex jittejjeb il-proċess tal-għażla u l-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat u l-kriterji għall-għażla tal-kandidati għall-kariga tal-Kap tas-Segretarjat.

2.

Tappoġġa t-titjib propost tal-proċess għall-għażla u l-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat, stabbilit bid-Deċiżjonijiet FCTC/COP8(8) u FCTC/MOP1(12), inkluż modifiki biex jiġi ssimplifikat tiġdid uniku tal-mandat tal-Kap tas-Segretarjat għal erba' snin oħra, dment li l-prestazzjoni tiegħu/tagħha tiġi evalwata minn qabel u vvalutata b'mod pożittiv.

3.

Tappoġġa l-kriterji mtejba għall-għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni tal-Kap tas-Segretarjat; madankollu, titlob li aspetti relatati mal-Protokoll tal-FCTC jiżdiedu fil-kriterji tal-għażla. B'mod partikolari, il-kriterji dokumentarji 1 jenħtieġ li jinkludu wkoll sfond, għarfien u esperjenza possibbli fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, u l-kriterji dokumentarji 2 jenħtieġ li jinkludu wkoll esperjenza possibbli fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u rabtiet b'saħħithom jew network mal-komunità internazzjonali ta' kontra l-frodi.

[pożizzjoni ta' riżerva: L-Unjoni tista' taqbel mal-kriterji mtejba proposti wkoll jekk l-aspetti relatati mal-Protokoll ma jiġux miżjuda magħhom jew jiżdiedu biss sa ċertu punt.]


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/649/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)