European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/645

20.2.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/645

tad-19 ta’ Frar 2024

b’appoġġ għat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi fl-Amerka Latina f’konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva.

(2)

Fil-21 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill approva dokument intitolat “Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża”, li jirreferi għat-theddida persistenti tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom, u jesprimi l-objettiv tal-Unjoni li ssaħħaħ azzjonijiet konkreti b’appoġġ għall-għanijiet tad-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi.

(3)

L-Unjoni qed timplimenta b’mod attiv l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari dawk il-miżuri relatati mar-rinfurzar, l-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC), u billi tipprovdi riżorsi għal proġetti ta’ assistenza teknika u għarfien espert fir-rigward ta’ firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ nonproliferazzjoni, u billi trawwem ir-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU).

(4)

Fit-28 ta’ April 2004, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 1540 (2004) (“UNSCR 1540 (2004)”), li stabbiliet obbligi vinkolanti għall-Istati kollha, u kellha l-għan li tipprevjeni u tiskoraġġixxi atturi mhux Statali milli jiksbu aċċess għall-armi ta’ qerda massiva u materjal relatat. Il-KSNU rriżolva wkoll li l-Istati kollha għandhom jieħdu u jinfurzaw miżuri effettivi biex jistabbilixxu kontrolli domestiċi għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta’ armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-mezzi ta’ twassil tagħhom, inkluż billi jistabbilixxu kontrolli adegwati fuq materjal relatat. L-objettivi tal-KSNU stabbiliti fl-UNSCR 1540 (2004) ġew imsaħħa bir-Riżoluzzjoni 2663 (2022).

(5)

Fl-2017 u sussegwentement fl-2023, il-Kunsill adotta Deċiżjonijiet b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004): jiġifieri d-Deċiżjonijiet (PESK) 2017/809 (1) u (PESK) 2023/654 (2). L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2023/654 hija fdata lill-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA) f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali reġjonali rilevanti, inkluż l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (“OAS”).

(6)

L-Unjoni tappoġġa wkoll il-ħidma u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi, permezz tal-Azzjonijiet Konġunti 2006/184/PESK (3) u 2008/858/PESK (4), u permezz tad-Deċiżjonijiet 2012/421/PESK (5), (PESK) 2016/51 (6) u (PESK) 2019/97 (7).

(7)

Fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva, id-Deċiżjoni (PESK) 2019/2108 (8) tappoġġa l-attivitajiet tal-OAS dwar it-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi ġenerali fl-Amerka Latina f’konformità mal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004). L-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jitkompla.

(8)

Jenħtieġ li s-Segretarjat tal-OAS/Kumitat Inter-Amerikan kontra t-Terroriżmu (“CICTE”) jiġi fdat bl-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-proġetti li jitwettqu skont din id-Deċiżjoni.

(9)

Jenħtieġ li s-Segretarjat tal-OAS/CICTE jiżgura kooperazzjoni effiċjenti mal-organizzazzjonijiet u l-korpi internazzjonali rilevanti bħall-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-BTWC, il-Kumitat tal-KSNU stabbilit skont il-UNSCR 1540 (2004), l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali, u s-Sħubija Globali Kontra l-Firxa ta’ Armi u Materjal ta’ Qerda Massiva. Jenħtieġ li s-Segretarjat tal-OAS/CICTE jiżgura wkoll il-komplementarjetà u s-sinerġija ta’ proġetti mwettqa abbażi ta’ din id-Deċiżjoni ma’ proġetti rilevanti tal-passat u dawk attwali, ma’ attivitajiet fl-Amerka Latina li huma appoġġati minn Stati Membri individwali tal-Unjoni, u ma’ programmi oħra sponsorjati mill-Unjoni f’dan il-qasam, inkluż l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-UE dwar il-Mitigazzjoni ta’ Riskji Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   F’konformità mal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva adottata fit-12 ta’ Diċembru 2003, l-Unjoni għandha tappoġġa ulterjorment l-attivitajiet tal-OAS/CICTE permezz ta’ azzjoni operazzjonali b’appoġġ għat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi fl-Amerka Latina.

2.   L-objettivi ġenerali tal-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu li:

(a)

issaħħaħ l-oqfsa normattivi nazzjonali eżistenti relatati mas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi fl-Istati benefiċjarji;

(b)

trawwem konformità akbar mar-reġimi internazzjonali billi tippromwovi l-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati parteċipanti permezz ta’ eżerċizzji innovattivi bħal “eżerċizzji ta’ rieżami bejn il-pari” u wkoll billi tgħin lill-Istati parteċipanti fis-sottomissjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħhom relatati mal-istrumenti rilevanti tal-armi bijoloġiċi;

(c)

issaħħaħ il-kapaċità tas-settur pubbliku u privat biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-armi bijoloġiċi permezz ta’ attivitajiet ta’ taħriġ;

(d)

toħloq komunità reġjonali jew network ta’ atturi mis-settur pubbliku u privat involuti fis-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi.

3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-OAS/CICTE.

3.   L-OAS/CICTE għandu jwettaq il-kompitu msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-OAS/CICTE.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 2 686 427.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ għotja mal-OAS/CICTE. Il-ftehim ta’ għotja għandu jistipula li l-OAS/CICTE għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mill-OAS/CICTE. Ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk l-ebda ftehim bħal dan ma jkun ġie konkluż f’dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Frar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/809 tal-11 ta’ Mejju 2017 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom (ĠU L 121, 12.5.2017, p. 39).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/654 tal-20 ta’ Marzu 2023 b’appoġġ għall-implimentazzjoni prattika tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom (ĠU L 81, 21.3.2023, p. 29)

(3)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/184/PESK tas-27 ta’ Frar 2006 b’appoġġ għall-Konvenzjoni tal-Armi Bioloġiċi u Tossiniċi, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 51).

(4)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/858/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC), fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 302, 13.11.2008, p. 29).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/421/PESK tat-23 ta’ Lulju 2012 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC), fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 61).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/51 tat-18 ta’ Jannar 2016 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bioloġiċi u Tossiniċi (BTWC) fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 12, 19.1.2016, p. 50).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/97 tal-21 ta’ Jannar 2019 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bioloġiċi u Tossiniċi fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 19, 22.1.2019, p. 11).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2108 tad-9 ta’ Diċembru 2019 b’appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza bijoloġiċi fl-Amerka Latina f’konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom (ĠU L 318, 10.12.2019, p. 123).


ANNESS

Appoġġ tal-Unjoni għat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi fl-Amerka Latina f’konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom

SFOND

F’konformità mal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea (UE) kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva adottata fit-12 ta’ Diċembru 2003, li tistabbilixxi l-objettiv li jitrawwem ir-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u jittejjeb l-għarfien espert tiegħu biex jindirizza l-isfidi tal-proliferazzjoni, l-UE appoġġat ukoll l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (“UNSCR 1540 (2004)”) u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti tiegħu.

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA) iggarantixxa l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004), permezz tal-implimentazzjoni teknika ta’ proġetti preċedenti, peress li l-Uffiċċju ngħata l-mandat li jipprovdi appoġġ sostantiv u loġistiku lill-Kumitat 1540 u lill-esperti tiegħu.

Sommarju tal-Proġett

Dan il-proġett “It-Tisħiħ tas-Sikurezza u s-Sigurtà Bijoloġiċi fl-Amerka Latina” (il-”Proġett”) għandu l-għan li jsaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sikurezza u sigurtà bijoloġiċi fi 11-il pajjiż tal-Amerka Latina (l-Arġentina, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Costa Rica, ir-Repubblika Dominicana, l-Ekwador, il-Messiku, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj) f’konformità mar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (minn hawn ’il quddiem “UNSCR 1540”). Il-Proġett ifittex ukoll li jtejjeb il-kapaċità ta’ dawk il-11-il pajjiż biex jantiċipaw u jirrispondu b’mod effettiv għal kwalunkwe inċident fuq skala kbira li jinvolvi aġenti bijoloġiċi.

Permezz ta’ taħlita ta’ attivitajiet nazzjonali u reġjonali, il-Proġett ser ilaqqa’ flimkien l-awtoritajiet tal-gvern, kif ukoll rappreżentanti ewlenin mis-settur privat, is-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika biex titqajjem kuxjenza u tinbena kapaċità akbar ta’ sikurezza u sigurtà bijoloġiċi fil-Kontinent Amerikan. B’mod speċifiku, il-Proġett għandu erba’ objettivi prinċipali: 1) li jsaħħaħ l-oqfsa normattivi nazzjonali eżistenti (inkluż ir-regolamenti u l-istandards); 2) li jżid il-konformità mar-reġimi internazzjonali billi jħeġġeġ is-sottomissjoni ta’ rapporti nazzjonali mitluba taħt dawk l-istrumenti; 3) li jiżviluppa attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni; u 4) li jippromwovi komunità jew network reġjonali ta’ partijiet ikkonċernati mis-settur pubbliku u dak privat involuti fis-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi.

1.   Introduzzjoni u objettivi

1.1.   Introduzzjoni

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 1540 (“UNSCR 1540”) fl-2004 biex jiġġieled kontra kwalunkwe theddid minn atturi mhux Statali li jkollhom aċċess għal armi nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi, il-materjali relatati tagħhom u l-mezzi ta’ twassil tagħhom. Fost affarijiet oħra, il-UNSCR 1540 teħtieġ li l-Istati jieħdu miżuri effettivi u jinfurzawhom biex jistabbilixxu kontrolli domestiċi għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta’ armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-mezzi ta’ twassil tagħhom. Skont il-paragrafu operattiv 3(a) u (b), dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-istabbiliment ta’ kontrolli xierqa u l-iżvilupp u ż-żamma ta’ miżuri effettivi biex jinżamm kont ta’ tali oġġetti u tiġi garantita s-sigurtà tagħhom fil-produzzjoni, l-użu, il-ħżin jew it-trasport.

Mod wieħed kif l-Istati jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-UNSCR 1540 huwa billi jsiru parti għall-ftehimiet ewlenin ta’ nonproliferazzjoni u jimplimentaw l-obbligi tagħhom skont dawn il-ftehimiet. Pereżempju, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi (“BWC”) daħlet fis-seħħ fl-1975 u ġiet ratifikata minn kważi l-Istati Membri kollha tal-OAS. Il-BWC tistabbilixxi li kull Stat Parti għandu, f’konformità mal-proċessi kostituzzjonali tiegħu, jieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex jipprojbixxi u jipprevjeni l-iżvilupp, il-produzzjoni, il-ħżin, l-akkwist jew iż-żamma ta’ aġenti, tossini, armi, tagħmir u mezzi ta’ twassil. Dan jinkludi l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ bijosikurezza u bijosigurtà tal-laboratorji speċifikati fl-Artikolu IV.

Għalkemm l-Istati parteċipanti proposti f’dan il-Proġett huma, f’ħafna każijiet, partijiet għal dawn l-istrumenti internazzjonali ewlenin, spiss ma jkollhomx l-oqfsa legali u regolatorji domestiċi meħtieġa biex jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi tagħhom taħt il-BWC u strumenti ta’ implimentazzjoni relatati. Barra minn hekk, fl-aħħar Rieżami Komprensiv tiegħu tal-konformità tal-Istati mal-obbligi tal-UNSCR 1540, il-Kumitat 1540 ħareġ dokument finali li wera livell relattivament baxx ta’ konformità mal-obbligi tal-UNSCR 1540 madwar id-dinja, u livell saħansitra aktar baxx ta’ konformità fil-Kontinent Amerikan.

Pereżempju, fir-rigward ta’ miżuri relatati mal-armi bijoloġiċi, ġie nnotat biss titjib minimu fil-livelli ta’ implimentazzjoni madwar id-dinja, u fir-reġjun tal-Amerka Latina u l-Karibew is-sitwazzjoni hija saħansitra iktar dgħajfa: ittieħdu biss 19 % tal-miżuri relatati mal-armi bijoloġiċi.

L-aħħar data tal-Indiċi Globali tas-Sigurtà tas-Saħħa (1) turi wkoll livelli baxxi simili ta’ konformità. Ta’ tħassib partikolari huwa l-fatt li hemm diversi laboratorji tal-Livell ta’ Bijosikurezza (BSL) 3 (2) u laboratorji BSL-4 tal-annimali (skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali) fir-reġjun, li ma implimentawx bis-sħiħ politiki effettivi ta’ bijosigurtà. Qed jinbnew tal-inqas żewġ laboratorji BSL-4 oħra fl-Istati proposti għal dan il-Proġett.

F’dan il-kuntest, ir-rapport finali tal-proċess ta’ Rieżami Komprensiv tal-Kumitat 1540 innota li l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-UNSCR 1540 mill-Istati Membri għadha objettiv fit-tul, u nnota wkoll li ħafna mill-Istati tal-OAS għandhom bżonn assistenza biex jiksbu dan l-għan (3). Barra minn hekk, il-Kumitat ikkonkluda li l-Istati għandhom jieħdu azzjoni urġenti biex jadottaw miżuri biex iżommu kont tal-materjali relatati mal-armi bijoloġiċi u jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom.

L-użu ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja previsti fil-BWC huwa mod ieħor biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-istandards tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà. Dawn il-miżuri, stabbiliti mill-Istati Partijiet għall-BWC fl-1986, huma mfassla biex jipprevjenu jew inaqqsu l-okkorrenza ta’ ambigwitajiet, dubji u suspetti u biex itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta’ attivitajiet bijoloġiċi paċifiċi. Madankollu, 10 biss minn 34 Stat Membru tal-OAS ippreżentaw is-CBMs tagħhom lill-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-BWC (“ISU”) fl-2022 (4).

Il-livell baxx ta’ involviment mill-gvernijiet tar-reġjun dwar is-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi jirriżulta minn taħlita ta’ fatturi, inkluż għarfien insuffiċjenti ta’ dawk li jfasslu l-politika fir-rigward tat-theddid u l-kostijiet potenzjali ta’ inċident bijoloġiku fuq skala kbira; prijoritajiet relatati mas-sigurtà li jikkompetu għar-riżorsi skarsi disponibbli fil-livell nazzjonali; u l-isfidi inerenti għall-iżvilupp ta’ kapaċità nazzjonali integrata ta’ tħejjija u rispons għall-bijoinċidenti.

Inċident li jinvolvi t-tixrid intenzjonat ta’ aġent patoġeniku, kemm jekk ikun minn attur bl-intenzjoni li jagħmel ħsara lil popolazzjoni fil-mira kif ukoll jekk iseħħ b’mezzi naturali, għandu l-potenzjal li jikkawża konsegwenzi soċjali, ekonomiċi, u politiċi sinifikattivi. Eżempju wieħed huwa l-għadd kbir u sproporzjonat ta’ mwiet fil-Kontinent Amerikan mit-tifqigħa globali tal-H1N1 fl-2009, li jenfasizza l-vulnerabbiltajiet tar-reġjun. Bl-istess mod, u aktar reċentement, jekk il-viruses H5N1 tal-Influwenza Avjarja b’Livell Patoġeniku Għoli (HPAI) jiksbu l-kapaċità għal trażmissjoni effiċjenti u sostnuta fost il-bnedmin, tista’ tirriżulta pandemija tal-influwenza, b’rati potenzjalment għoljin ta’ mard u mwiet madwar id-dinja. Għalhekk, din l-epiżootija tkompli tkun ta’ theddida importanti għas-saħħa pubblika li teħtieġ li jitmexxew ’il quddiem il-miżuri ta’ prevenzjoni u li jkomplu jitjiebu l-kontrolli eżistenti.

Dawn l-isfidi jenfasizzaw il-ħtieġa għal rispons koordinat għal inċidenti bijoloġiċi fir-reġjun tal-OAS. Tali rispons għandu jinvolvi atturi multipli, inkluż ministeri tal-gvern (saħħa, agrikoltura, sigurtà, ġustizzja, difiża, intelligence, trasport, affarijiet barranin, kummerċ internazzjonali, ekonomija, xjenza u teknoloġija, u oħrajn), il-komunità tal-infurzar tal-liġi u persuni tal-ewwel rispons, entitajiet tas-settur privat (speċjalment l-industrija u d-dinja akkademika), u s-soċjetà ċivili.

1.2.   Objettivi

Dan il-proġett ta’ tliet snin ifittex li jsaħħaħ il-prattiki tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi fi 11-il pajjiż tal-Amerka Latina, f’konformità mal-UNSCR 1540 (2004), inkluż l-istabbiliment u l-infurzar ta’ miżuri effettivi għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta’ armi bijoloġiċi.

L-attivitajiet, li huma spjegati fid-dettall fit-Taqsima 5 hawn taħt, ser ikunu bbażati fuq l-erba’ objettivi ewlenin li ġejjin:

it-tisħiħ tal-oqfsa normattivi nazzjonali eżistenti relatati mas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi fl-Istati benefiċjarji.

it-trawwim ta’ konformità akbar mar-reġimi internazzjonali billi jiġu promossi l-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati parteċipanti permezz ta’ eżerċizzji innovattivi bħal “eżerċizzji ta’ rieżami bejn il-pari” u wkoll billi tingħata għajnuna lill-pajjiżi parteċipanti fis-sottomissjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħhom relatati mal-istrumenti rilevanti tal-armi bijoloġiċi.

it-tisħiħ tal-kapaċità tas-settur pubbliku u dak privat biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-armi bijoloġiċi, permezz ta’ attivitajiet ta’ taħriġ.

il-ħolqien ta’ komunità jew network reġjonali ta’ atturi mis-settur privat u pubbliku involuti fis-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi.

2.   Għażla tal-aġenzija ta’ implimentazzjoni u koordinazzjoni ma’ inizjattivi ta’ finanzjament rilevanti oħra

2.1.   Aġenzija ta’ Implimentazzjoni – l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS)

Il-Kumitat Inter-Amerikan kontra t-Terroriżmu tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (“OAS/CICTE”) ilu jappoġġa b’mod attiv l-isforzi ta’ nonproliferazzjoni fil-Kontinent Amerikan sa mill-2005. Fl-2010, l-OAS/CICTE ngħata mandat speċifiku biex jgħin lill-Istati Membri tiegħu jimplimentaw il-UNSCR 1540. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-OAS/CICTE għen lill-Istati Membri b’diversi modi: fl-abbozzar ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali skont il-UNSCR 1540, fit-tisħiħ tal-oqfsa legali u regolatorji; fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar u l-kuntrabandu ta’ materjal nukleari, radjoloġiku, bijoloġiku u kimiku; fil-promozzjoni tal-iskambju ta’ prattiki effettivi bl-użu tal-metodoloġija ta’ rieżami bejn il-pari; u fl-iffaċilitar tal-koordinazzjoni fil-livell politiku biex jiġu identifikati oqsma għal kooperazzjoni reġjonali u subreġjonali.

Mill-2009 ‘l hawn, l-OAS/CICTE mexxa diversi eżerċizzji ta’ maniġġar ta’ kriżijiet ta’ bijoinċidenti nazzjonali mmirati biex iqajmu kuxjenza dwar it-theddid għall-bijosigurtà u jlaqqgħu flimkien uffiċjali u rappreżentanti minn aġenziji u organizzazzjonijiet biex jitgħallmu kif jikkoordinaw ir-risponsi tagħhom għal bijoinċident. Min-naħa l-oħra, diversi Stati Membri tal-OAS speċifikament talbu l-assistenza tas-CICTE biex ifasslu jew jaġġornaw il-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Rispons għal Bijoemerġenza.

Aktar reċenti, is-CICTE implimenta proġett ta’ tliet snin iffinanzjat mill-UE bit-titlu “B’appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza bijoloġiċi fl-Amerka Latina f’konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom” (Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2108). Din l-inizjattiva rivoluzzjonarja kienet strumentali biex tinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ miżuri effettivi għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta’ armi bijoloġiċi u l-mezzi ta’ twassil tagħhom fi tmien pajjiżi tal-Amerka Latina (l-Arġentina, iċ-Ċilì, il-Kolombja, ir-Repubblika Dominicana, il-Messiku, il-Panama, il-Paragwaj, u l-Urugwaj). Is-CICTE kkontribwixxa wkoll għall-approvazzjoni reċenti ta’ digriet fl-Urugwaj u abbozz ta’ leġiżlazzjoni fil-Paragwaj; ikkontribwixxa għall-proċess ta’ abbozzar leġiżlattiv fl-Arġentina u l-Kolombja; u ta pariri dwar proposti leġiżlattivi fir-Repubblika Dominicana, kif ukoll rigward liġi dwar il-kontroll strateġiku ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali sensittivi, li bħalissa tinsab taħt rieżami leġiżlattiv fiċ-Ċilì.

Barra minn hekk, u b’appoġġ mill-Istati Uniti, l-OAS/CICTE reċentement implimenta wkoll żewġ proġetti oħra dwar kwistjonijiet relatati. Wieħed, intitolat “It-Tisħiħ tar-Reġimi Strateġiċi ta’ Kontroll fl-Amerka Latina u l-Karibew (l-Ewwel Fażi 2020-2021)”, kien iddedikat għall-promozzjoni ta’ kontrolli aktar robusti fuq it-trasferiment ta’ oġġetti sensittivi, inkluż aġenti bijoloġiċi u kimiċi. It-tieni proġett intitolat “Il-Ġlieda kontra l-Kummerċ Illeċitu ta’ materjali CBRN (Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari) fiż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles tal-Amerka Latina” ġie implimentat fl-2022 għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ materjali u teknoloġiji relatati mal-armi ta’ qerda massiva f’sitt pajjiżi tal-Amerka Latina (l-Arġentina, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Messiku, il-Panama u l-Paragwaj) li jinsabu f’erba’ Żoni ta’ Kummerċ Ħieles permezz tal-iżgurar u l-ottimizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u t-tisħiħ tal-kontrolli strateġiċi tal-kummerċ.

Dawn l-isforzi u oħrajn għat-tisħiħ tat-tħejjija u l-kapaċitajiet ta’ rispons għal bijoinċidenti taw riżultati importanti. Pereżempju, l-OAS/CICTE żviluppa network ta’ aktar minn 240 professjonist politiku u tekniku (inkluż xjenzati u persunal tal-laboratorju) mir-reġjun kollu li bħalissa qed jirċievu taħriġ virtwali jew wiċċ imb wiċċ. Permezz ta’ dan il-Proġett il-ġdid, l-OAS/CICTE ser jibni fuq in-network eżistenti u jippromwovi l-aċċess għal pjattaforma maħluqa mill-OAS li fiha kuntatti, pubblikazzjonijiet, libreriji, attivitajiet u avvenimenti minn organizzazzjonijiet internazzjonali, gruppi ta’ riflessjoni, organizzazzjonijiet mhux governattivi, fost oħrajn, dwar suġġetti ta’ bijosikurezza u bijosigurtà, eċċ (5). Dawn it-tipi ta’ networks urew li huma kritiċi għall-kondiviżjoni f’waqtha tal-informazzjoni.

Il-qafas reġjonali tal-OAS iġib miegħu vantaġġ komparattiv minħabba n-natura tranżnazzjonali tat-theddid, li neċessarjament jimplika kooperazzjoni bejn pajjiżi ġirien biex jilqgħu għal dawk l-isfidi. Jgħin ukoll biex tiġi żgurata l-effiċjenza u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi. Fil-fatt, bis-saħħa ta’ ftehim bejn l-OAS/CICTE u l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA), is-sjieda tal-Koordinatur Emisferiku tal-1540 għall-Kontinent Amerikan ilha mill-2017 fi ħdan l-OAS/CICTE. Dan ir-rwol kritiku ta’ tmexxija ppermetta lill-OAS/CICTE jieħu t-tmexxija fil-promozzjoni ta’ fehim reġjonali akbar rigward l-importanza tar-riżoluzzjoni, kif ukoll fl-implimentazzjoni nazzjonali u reġjonali tal-miżuri tagħha.

F’dan ir-rigward, l-OAS — bħala l-organizzazzjoni reġjonali ewlenija fil-Kontinent Amerikan — tinsab f’pożizzjoni unika fl-Emisfera biex turi effettività minħabba n-network eżistenti tagħha ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali, il-preżenza estensiva tagħha fir-reġjun kollu u l-kapaċità tagħha li taħdem fuq il-post mal-pajjiżi benefiċjarji proposti. Fir-rigward tal-iżvilupp tal-politika, l-OAS/CICTE ser ikompli jaħdem permezz ta’ korpi politiċi ewlenin fi ħdan l-OAS, bħall-Kumitat dwar is-Sigurtà Emisferika tal-Kunsill Permanenti tal-OAS u permezz tal-laqgħat annwali regolari tas-CICTE.

Il-proposta deskritta hawn taħt hija mfassla biex tibni fuq l-isforzi msemmija hawn fuq u tkompli ssaħħaħ il-livell ta’ tħejjija tar-reġjun u l-implimentazzjoni ta’ miżuri dwar il-bijosigurtà u l-bijosikurezza fir-reġjun.

2.2.   Koordinazzjoni ma’ Inizjattivi ta’ Finanzjament Rilevanti Oħra

Bħala prattika ġenerali, l-OAS/CICTE jikkoordina l-attivitajiet tiegħu ma’ aġenziji u organizzazzjonijiet oħra li jirċievu fondi kemm mill-istess gvernijiet u korpi internazzjonali donaturi kif ukoll minn gvernijiet u korpi internazzjonali differenti.

L-OAS/CICTE għandu sħubija strateġika li ilha teżisti mal-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA) – inkluż l-uffiċċju reġjonali tiegħu tal-Amerka Latina, UNLIREC --, u mal-Grupp ta’ Esperti tal-Kumitat 1540, biex jissimplifika u jiffaċilita l-assistenza teknika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet fir-reġjun rigward il-UNSCR 1540.

L-OAS/CICTE diġà jaħdem mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Unjoni Ewropea għal ħidma relatata mal-attivitajiet proposti taħt dan il-Proġett. Minbarra dawk elenkati hawn fuq, entitajiet oħra jinkludu l-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi (BWC-ISU), iċ-Ċentru Reġjonali għall-Paċi, id-Diżarm u l-Iżvilupp fl-Amerka Latina u fil-Karibew (UNLIREC), u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH). Il-koordinazzjoni ma’ dawn il-korpi ser titwettaq minn tim ta’ ġestjoni bbażat fil-Kwartieri Ġenerali tal-OAS, biex jiġi żgurat li l-isforzi kollha jkunu komplementari u tiġi evitata d-duplikazzjoni, u jiġi żgurat li l-attivitajiet tal-proġett ikunu allinjati mal-obbligi tal-UNSCR 1540 u tal-BWC.

L-attivitajiet proposti ser ikunu mmirati lejn dawk li jfasslu l-politika, il-leġiżlaturi u x-xjenzati tal-ħajja mis-settur pubbliku u dak privat li jaħdmu fil-qasam tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà. L-attivitajiet jinkludu korsijiet ta’ taħriġ wiċċ imb wiċċ għall-pajjiżi benefiċjarji, kif ukoll kors ta’ taħriġ online biex jintlaħqu saħansitra aktar benefiċjarji fir-reġjun. Għal taħriġ u kompiti speċjalizzati ħafna, l-OAS tista’ wkoll tikkuntratta appoġġ għal perjodu qasir (eż. esperti, ħarrieġa u riċerkaturi), u ser taħdem mas-sħab tagħha f’dawk l-oqsma (inkluż il-BWC-ISU, l-UNODA, il-WOAH u l-UE u d-dinja akkademika) sabiex jiġi żgurat li l-persunal jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi kollha, inkluż, fejn possibbli, abbażi tal-listi miżmuma minn dawk l-organizzazzjonijiet.

Dan il-Proġett huwa wkoll konformi b’mod ċar mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-2019 li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-BWC barra mill-UE billi jgħin biex titnaqqas it-theddida tal-proliferazzjoni tal-armi bijoloġiċi fir-reġjun. Biex jagħmel dan, il-Proġett jgħin biex jiġi żgurat li l-oqfsa legali u regolatorji tal-gvernijiet ikunu adegwati biex iqisu l-avvanzi rapidi fix-xjenzi tal-ħajja u jilħqu l-istandards internazzjonali attwali.

Billi r-Rieżami Komprensiv tal-2022 jiddikjara b’mod ċar li l-livelli u l-ambitu tal-miżuri ta’ sigurtà u responsabbiltà fir-reġjun għadhom baxxi, huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jitrawmu sikurezza u sigurtà bijoloġiċi akbar fir-reġjun kollu. Saru avvanzi importanti, b’mod partikolari bis-saħħa tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, iżda għad fadal aktar xogħol xi jsir. Din il-fażi l-ġdida tal-Programm tgħin biex tibni fuq il-bosta riżultati diġà miksuba, tilħaq aktar pajjiżi fir-reġjun, u tiżgura impatt sostnut tal-investimenti finanzjarji u tekniċi sinifikanti li diġà saru.

3.   Deskrizzjoni tal-proġett

3.1.   Deskrizzjoni

Il-proġett ser ilaqqa’ flimkien l-awtoritajiet nazzjonali, ir-rappreżentanti tas-settur privat u s-soċjetà ċivili, u esperti internazzjonali minn massimu ta’ 11-il Stat fl-Amerka Latina biex jesploraw passi li jistgħu jittieħdu biex jiġu żgurati kapaċitajiet ta’ sikurezza u sigurtà bijoloġiċi msaħħa f’dawn l-oqsma. Il-Proġett ser ifittex li jagħmel l-aħjar użu mill-esperjenza preċedenti tas-Segretarjat dwar dawn il-kwistjonijiet fil-Kontinent Amerikan, kif ukoll min-network stabbilit sew tiegħu ta’ kuntatti u sħab, inkluż il-professjonisti li pparteċipaw fil-proġett implimentat bejn l-2019 u l-2024 dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà.

Il-Proġett ser juża approċċ fuq żewġ binarji li jinkorpora kemm attivitajiet nazzjonali kif ukoll dawk subreġjonali. L-isforzi fil-livell nazzjonali ser jiffokaw fuq il-ħidma ma’ Stati Membri individwali tal-OAS biex isaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali, jabbozzaw leġiżlazzjoni u regolamenti u jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni speċifiċi għal kull pajjiż għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet operazzjonali. Fil-livell reġjonali, l-attivitajiet tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ser jiffokaw fuq il-promozzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ prattiki tajba, kif ukoll fuq id-definizzjoni tal-parametri strutturali, sostantivi u funzjonali minn approċċ reġjonali.

Barra minn hekk, bħala parti mill-approċċ reġjonali tiegħu, il-Proġett ser jipprova jagħmel l-aħjar użu minn proċess ta’ “rieżami bejn il-pari” li ġie żviluppat fis-snin reċenti, li skontu l-Istati jaqblu b’mod volontarju li jaħdmu flimkien biex jivvalutaw il-punti reċiproċi ta’ saħħa u dgħufija tagħhom fl-implimentazzjoni tal-obbligi tal-UNSCR 1540 u jidentifikaw prattiki u oqsma effettivi għat-tkomplija tal-kooperazzjoni bilaterali. Wara t-tliet eżerċizzji ta’ rieżami bejn il-pari skont il-UNSCR 1540 li rnexxew fir-reġjun — bejn iċ-Ċilì u l-Kolombja (2017), ir-Repubblika Dominicana u l-Panama (2019) u l-Paragwaj u l-Urugwaj (2019) — l-eżerċizzju ta’ segwitu bejn ir-Repubblika Dominicana u l-Panama (2022) u l-attivitajiet skedati għall-2023 mal-Messiku, il-Brażil u ċ-Ċilì (Settembru/Ottubru 2023) u l-Urugwaj u ċ-Ċilì (Ottubru 2023), il-Proġett ser ifittex li jniedi eżerċizzji addizzjonali ta’ rieżami bejn il-pari għal dawn l-istati. Xi wħud minn dawn l-eżerċizzji addizzjonali ta’ rieżami bejn il-pari jkollhom enfasi speċifiku (eż. orjentati lejn il-kontroll strateġiku tal-kummerċ u/jew il-bijoloġija), għal pajjiżi li għadhom ma wettqux eżerċizzji bħal dawn.

Fl-aħħar nett, il-Proġett ifittex li jippromwovi u jtejjeb il-kooperazzjoni kontinwa bejn il-pajjiżi, jippromwovi l-aħjar prattiki u l-prattika tal-pubblikazzjoni ta’ dokumenti tekniċi (minbarra r-rapporti finali ppreżentati mill-Istati) biex jiġu riflessi l-avvanzi li saru f’dawn ir-rieżamijiet bejn il-pari.

3.2.   Metodoloġija

3.2.1.   Struttura organizzazzjonali

Dan il-proġett ser jiġi implimentat mill-OAS/CICTE, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri appoġġati tal-OAS. It-tim ta’ ġestjoni tal-OAS/CICTE għall-proġett ser ikun magħmul minn tliet membri tal-persunal u assistent ta’ appoġġ amministrattiv/finanzjarju bbażati fil-kwartieri ġenerali tal-OAS f’Washington DC, f’koordinazzjoni ma’ persunal estern ikkuntrattat abbażi tal-attivitajiet speċifiċi li għandhom jiġu eżegwiti, u taħt is-superviżjoni ġenerali u l-gwida tas-Segretarju Eżekuttiv tas-CICTE.

Kif innotat hawn fuq, il-persunal estern ikkuntrattat ser jinkludi speċjalista legali u speċjalista tekniku għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet. Għal taħriġ u kompiti speċjalizzati ħafna, l-OAS tista’ tikkuntratta wkoll appoġġ għal perjodu qasir (esperti, ħarrieġa u riċerkaturi) minn listi ta’ esperti ta’ organizzazzjonijiet sħab tekniċi oħra, inkluż il-BWC-ISU, l-UNODA, il-WOAH u l-Unjoni Ewropea.

It-tim ta’ ġestjoni tal-programm tal-OAS/CICTE ser jikkoordina direttament mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li preċedentement talbu appoġġ fir-rigward tal-UNSCR 1540 (2004). F’diversi każijiet, l-OAS għandha ftehimiet ta’ kooperazzjoni eżistenti biex tassisti lill-Istati Membri fl-oqsma ta’ implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 li ser jiffurmaw il-bażi għall-assistenza teknika.

3.2.2.   Approċċ tekniku

It-talbiet għal assistenza leġiżlattiva u teknika ser jeħtieġu valutazzjoni u analiżi inizjali tal-leġiżlazzjoni u r-regolamenti eżistenti li għandhom jitwettqu minn speċjalista legali f’koordinazzjoni mat-tim ta’ ġestjoni tal-proġett u l-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi benefiċjarji permezz ta’ missjonijiet ta’ assistenza leġiżlattiva u teknika, sabiex jiġu identifikati lakuni speċifiċi u l-prijoritajiet tal-pajjiż. Is-sejbiet u t-tagħlimiet meħuda mill-proġett preċedenti dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà ser jintużaw bħala bażi għal taħriġ futur. In-network reġjonali maħluq fost il-parteċipanti tal-attivitajiet wiċċ imb wiċċ u dawk tal-Korsijiet Online Miftuħa u Massivi (MOOC) ser jintuża wkoll għad-distribuzzjoni ta’ informazzjoni teknika aġġornata dwar l-oqsma tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà bl-għan li jinħoloq forum ta’ diskussjoni għal dawn is-suġġetti u tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali.

Attivitajiet li jippromwovu u jsaħħu l-kooperazzjoni nazzjonali jkunu jinkludu:

Analiżi tal-leġiżlazzjoni u r-regolamenti eżistenti fil-pajjiżi benefiċjarji biex jiġu identifikati lakuni speċifiċi.

Abbozzar u adozzjoni ta’ listi ta’ kontroll ta’ aġenti u tossini bijoloġiċi (ibbażati fuq kriterji ta’ bijosikurezza jew bijosigurtà skont il-klassifikazzjonijiet tar-riskju għall-patoġeni), u listi ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

Żvilupp u adozzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ rispons għal theddid bijoloġiku.

Żvilupp ta’ linji gwida nazzjonali għall-protezzjoni ta’ aġenti bijoloġiċi minn tixrid aċċidentali jew deliberat, inkluż miżuri effettivi xierqa biex jinżamm kont u tiġi garantita s-sigurtà ta’ tali oġġetti fil-produzzjoni, l-użu, il-ħżin jew it-trasport u l-protezzjoni fiżika tagħhom.

Żvilupp ta’ linji gwida biex tiġi rreġistrata, ikkompilata u ppreżentata l-informazzjoni mitluba mill-BWC ISU f’termini ta’ CBMs.

Attivitajiet li jippromwovu u jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali jkunu jinkludu:

Żvilupp ta’ attivitajiet ta’ segwitu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u kooperazzjoni għall-pajjiżi fir-reġjun li jkunu wettqu eżerċizzji ta’ rieżami bejn il-pari marbuta mal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540.

Ħolqien ta’ eżerċizzji addizzjonali ta’ rieżami bejn il-pari b’enfasi qawwija fuq l-obbligi tal-UNSCR 1540 relatati mal-armi bijoloġiċi.

Tisħiħ tan-network reġjonali ta’ professjonisti interessati li jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet ta’ sikurezza u sigurtà bijoloġiċi.

Abbozzar u pubblikazzjoni ta’ dokumenti tekniċi dwar attivitajiet relatati mar-rieżami bejn il-pari.

L-OAS/CICTE ser jorganizza korsijiet ta’ taħriġ dwar is-sikurezza u s-sigurtà bijoloġika f’kull wieħed mill-benefiċjarji biex jappoġġa l-assistenza teknika u leġiżlattiva u l-isforzi ta’ kooperazzjoni reġjonali kontemplati f’dan il-Proġett. Dawn il-korsijiet ta’ taħriġ ser jibnu fuq sforzi preċedenti; ser jitmexxew minn esperti internazzjonali; u ser jiġu kkoordinati mit-tim ta’ ġestjoni tal-OAS/CICTE. Il-korsijiet ser iservu wkoll biex tinbena l-kapaċità u jiġi stabbilit grupp ta’ ħarrieġa u networks ta’ professjonisti minn fost l-istituzzjonijiet xjentifiċi differenti tal-benefiċjarji. Dawn il-gruppi ta’ esperti jistgħu jkomplu jxerrdu l-għarfien, l-aħjar prattiki tal-laboratorji, it-tekniki u l-metodi għall-ġestjoni tal-bijoriskju fil-laboratorji u fl-istituti ta’ riċerka.

L-OAS/CICTE ser jaħdem mal-akkademiċi u r-riċerkaturi biex iżomm kors online diġà stabbilit għall-persunal tal-laboratorji u għal dawk li jfasslu l-politika. Iż-żamma ta’ dak il-kors ser jikkontribwixxi għat-titjib tar-riżorsi attwali biex jixtered aktar l-għarfien u titqajjem kuxjenza dwar il-bijosikurezza, il-bijosigurtà, u l-bijoetika fost l-akkademiċi, l-għalliema, l-istudenti u r-riċerkaturi fix-xjenzi tal-ħajja u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Barra minn hekk, l-OAS/CICTE ser jiżviluppa moduli jew korsijiet MOOC ġodda dwar ix-xjenza responsabbli, ir-riċerka dwar oġġetti b’użu doppju, ir-riċerka dwar oġġetti b’użu doppju ta’ tħassib (DURC), u l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza.

Fl-aħħar nett, is-sensibilizzazzjoni u t-tqajjim ta’ kuxjenza dwar il-bijosikurezza, il-bijosigurtà, il-UNSCR 1540 u l-implimentazzjoni tal-BWC ser jitwettqu fost dawk li jfasslu l-politika, il-membri parlamentari u l-industrija matul il-missjonijiet ta’ assistenza teknika u leġiżlattiva u l-attivitajiet reġjonali u subreġjonali inklużi fil-proposta.

3.2.3.   Perspettiva tal-ġeneru

Permezz tal-programm tal-UNSCR 1540 tiegħu, l-OAS/CICTE jaqdi rwol importanti fl-appoġġ għall-Istati Membri biex isaħħu l-kapaċitajiet għall-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) u għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni, kif ukoll għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Dawn l-eżiti kollha jikkontribwixxu għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u jikkomplementaw l-isforzi tal-Istati Membri tal-OAS biex jimplimentaw strumenti rilevanti fl-oqsma tar-reġim globali tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni.

L-OAS/CICTE ser ifittex li jiżgura l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċess tar-reklutaġġ biex jassisti lill-pajjiżi benefiċjarji tal-proġett u ser jinkoraġġixxi lill-pajjiżi benefiċjarji biex jinvolvu lin-nisa b’mod sinifikattiv fl-istadji kollha tal-proġett. Ser isir sforz speċjali biex tiġi inkorporata l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u biex in-nisa jitqiegħdu fiċ-ċentru tat-temi diskussi.

Barra minn hekk, l-OAS/CICTE jippromwovi l-isforzi għad-diversità, l-ekwità, l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà (DEIA) permezz ta’ “Politika Istituzzjonali dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, id-Diversità u d-Drittijiet tal-Bniedem” u Gwida ta’ Komunikazzjoni mfassla biex tiżgura li l-politiki, il-programmi, il-proġetti u l-prattiki jqisu u jirrappreżentaw viżwalment gruppi differenti, inkluż gruppi vulnerabbli. Kull proġett jgħaddi minn “proċess ta’ approvazzjoni” interdipartimentali formali li matulu l-esperti fis-suġġett tal-OAS jipprovdu feedback li l-implimentaturi huma meħtieġa jindirizzaw.

L-OAS/CICTE huwa ggwidat ukoll minn politika istituzzjonali kontra l-fastidju sesswali. Qabel ma jibda kwalunkwe attività, l-OAS/CICTE jiddistribwixxi Kodiċi ta’ Kondotta lill-parteċipanti kollha (inkluż awtoritajiet governattivi ta’ grad għoli) biex jiżgura r-rispett, id-dinjità u l-inklużività matul kull programm u jinkoraġġixxi r-rappurtar ta’ kwalunkwe mġiba li tiskomoda lill-oħrajn.

3.2.4.   Koordinazzjoni esterna

Apparti l-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun kollu, l-OAS ser tikkoordina u tikkollabora wkoll ma’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra matul l-eżekuzzjoni tal-proġett. L-entitajiet elenkati hawn taħt jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jipprovdu appoġġ rigward kwistjonijiet speċifiċi u jgħinu fil-promozzjoni tal-inizjattiva fir-reġjun:

Il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit skont il-UNSCR 1540 u l-Grupp ta’ Esperti tiegħu.

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA), inkluż l-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi.

Iċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi, id-Diżarm u l-Iżvilupp fl-Amerka Latina u l-Karibew (UNLIREC).

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), inkluż l-Organizzazzjoni Pan-Amerikana tas-Saħħa (PAHO).

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH).

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika u l-organizzazzjonijiet tas-settur privat li l-objettivi tagħhom huma konformi mal-objettivi ta’ din il-proposta, inkluż Sandia National Laboratories (il-Laboratorji Nazzjonali ta’ Sandia); James Martin Center for Nonproliferation Studies — CNS (iċ-Ċentru James Martin għall-Istudji dwar in-Nonproliferazzjoni), Johns Hopkins Center for Health Security (iċ-Ċentru Johns Hopkins għas-Sigurtà tas-Saħħa), International Federation of Biosafety Associations (IFBA) (il-Federazzjoni Internazzjonali ta’ Assoċjazzjonijiet dwar il-Bijosikurezza), u assoċjazzjonijiet nazzjonali oħra tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà fil-pajjiżi benefiċjarji.

3.3.   Objettivi u Attivitajiet tal-Proġett

Objettiv 1. Tisħiħ tal-oqfsa normattivi nazzjonali eżistenti relatati mas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi f’kull wieħed mill-Istati benefiċjarji tal-Proġett.

Attivitajiet ta’ Appoġġ

Attività 1.1: Isir rieżami tal-oqfsa leġiżlattivi u regolatorji eżistenti f’kull pajjiż benefiċjarju biex jiġu identifikati l-lakuni u l-oqsma prijoritarji ta’ bżonn.

Attività 1.2: Tingħata assistenza leġiżlattiva kif meħtieġ, inkluż fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni u regolamenti għall-implimentazzjoni, l-aġġornament jew il-ħolqien ta’ pjanijiet nazzjonali, listi ta’ kontroll, kif ukoll l-aġġornament jew il-ħolqien ta’ pjan nazzjonali ta’ rispons/emerġenza għal inċidenti bijoloġiċi.

Attività1.3: Titwettaq valutazzjoni teknika f’kull stat benefiċjarju mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali ewlenin biex tivvaluta l-ħtiġijiet u tidentifika lakuni relatati mal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 u l-BWC, bħala parti minn rapport ta’ valutazzjoni.

Attività 1.4: Abbażi tal-ħtiġijiet u r-riżorsi u s-sejbiet preċedenti ta’ proġetti diġà implimentati, jiġi ffaċilitat taħriġ f’wieħed mill-oqsma li ġejjin jew fit-tnejn li huma: l-implimentazzjoni ta’ miżuri bijoloġiċi ta’ sikurezza u sigurtà fil-pjan nazzjonali ta’ rispons għal theddid bijoloġiku u/jew il-prevenzjoni tiegħu.

Attività 1.5: Jingħata kontribut għall-iżvilupp ta’ linji gwida nazzjonali għall-protezzjoni ta’ aġenti bijoloġiċi minn rilaxx aċċidentali jew intenzjonat, kif ukoll linji gwida nazzjonali dwar kif jinżamm kont tal-aġenti bijoloġiċi u kif tiġi garantita s-sigurtà tagħhom fil-produzzjoni, l-użu, il-ħżin jew it-trasport u l-protezzjoni fiżika tagħhom.

Attività 1.6: Jiġi żviluppat u provdut appoġġ in situ fuq pjattaforma online bl-Ispanjol biex jassisti lill-istati fil-proċess tar-reġistrazzjoni tal-istituzzjonijiet biex tiġi ffaċilitata l-kompilazzjoni tal-informazzjoni li tinsab fis-CBMs li għandhom jiġu rrappurtati lill-BWC-ISU.

Riżultati mistennija

Rapport ta’ valutazzjoni b’rakkomandazzjonijiet għal kull Stat u għal kull aġenzija.

Tal-inqas missjoni ta’ assistenza leġiżlattiva waħda għal kull pajjiż biex jingħata appoġġ fl-abbozzar ta’ listi ta’ kontroll u/jew pjanijiet nazzjonali u/jew abbozzi ta’ leġiżlazzjoni/regolamenti rilevanti.

Lista ta’ patoġeni skont klassifikazzjoni tar-riskju, u/jew listi ta’ kontroll tal-esportazzjoni skont il-ħtiġijiet tal-Istat.

Pjanijiet nazzjonali għal kull Stat b’kunsiderazzjoni tal-lakuni u l-prijoritajiet tagħhom.

Linji gwida b’miżuri biex jinżamm kont u tiġi garantita s-sigurtà tal-aġenti bijoloġiċi fil-produzzjoni, l-użu, il-ħżin jew it-trasport u l-protezzjoni fiżika tagħhom.

Żvilupp ta’ pjattaformi online għan-networks biex jiġi ffaċilitat it-tisħiħ tal-kapaċitajiet fl-oqsma tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi.

Objettiv 2. Trawwim ta’ konformità mar-reġimi internazzjonali permezz ta’ promozzjoni tal-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati benefiċjarji u assistenza fis-sottomissjonijiet u d-dikjarazzjonijiet relatati mal-istrumenti rilevanti rigward l-armi bijoloġiċi.

Attivitajiet ta’ Appoġġ

Attività 2.1: Jiġu ffaċilitati sa tliet eżerċizzji ta’ rieżami bejn il-pari b’enfasi qawwi fuq il-miżuri ta’ implimentazzjoni tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi, il-kontrolli strateġiċi tal-kummerċ, u t-trasport ta’ aġenti bijoloġiċi, fost oħrajn.

Attività 2.2: Jitwettqu tliet workshops reġjonali dwar eżerċizzji ta’ rieżami bejn il-pari relatati mal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540.

Attività 2.3: Jiġu abbozzati u ppubblikati dokumenti tekniċi dwar attivitajiet relatati mar-rieżami bejn il-pari.

Attività 2.4: Jitfassal u jiġi żviluppat modulu ta’ taħriġ, bl-użu ta’ pjattaforma ta’ korsijiet online miftuħa u massivi (MOOC) żviluppata reċentement, biex jiggwida lill-awtoritajiet nazzjonali dwar kif jiġbru u jikkompilaw informazzjoni rilevanti għas-CBMs u jissottomettuha lill-BWC-ISU (bħala suppliment għall-informazzjoni provduta mill-Gwida għall-Parteċipazzjoni fil-Miżuri tal-BWC għat-Tisħiħ tal-Fiduċja maħruġa mill-BWC-ISU fl-2015).

Attività 2.5: Tiġi żviluppata attività reġjonali/subreġjonali biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza u l-benefiċċji potenzjali tas-sottomissjoni tas-CBMs lill-BWC-ISU.

Attività 2.6: Tiġi organizzata konferenza reġjonali dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà biex, fost affarijiet oħra, iżżid il-koordinazzjoni tal-aġenziji nazzjonali ewlenin u tippromwovi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni mas-settur akkademiku, l-NGOs u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

Attività 2.7: Tiġi organizzata konferenza reġjonali dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) fil-Kontinent Amerikan biex titqajjem kuxjenza dwar il-konformità mar-reġimi rilevanti.

Riżultati mistennija

Tqajjim ta’ kuxjenza dwar il-konformità mal-obbligi internazzjonali rigward il-UNSCR 1540 u l-BWC fis-settur pubbliku u dak privat tal-istati benefiċjarji.

Eżerċizzji ta’ rieżami bejn il-pari ffaċilitati għal sitt pajjiżi benefiċjarji.

Aktar koordinazzjoni u kooperazzjoni fost l-aġenziji tal-istati benefiċjarji f’termini tal-aħjar prattiki tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi.

Tisħiħ tal-miżuri ta’ sigurtà f’żoni ta’ kummerċ ħieles fir-rigward ta’ materjali relatati ma’ armi bijoloġiċi.

Tqajjim ta’ kuxjenza dwar il-konformità mal-obbligi internazzjonali rigward il-BWC permezz tal-preżentazzjoni ta’ sottomissjonijiet u dikjarazzjonijiet rilevanti u permezz tal-attendenza ta’ min ifassal il-politika għall-Konferenzi tal-Istati Parti u fora internazzjonali oħra, kif xieraq.

Objettiv 3. Żvilupp ta’ attivitajiet ta’ taħriġ fl-Istati benefiċjarji dwar is-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi.

Attivitajiet ta’ Appoġġ

Attività 3.1: Jiġu organizzati u jitwettqu sa tmien sessjonijiet ta’ taħriġ fil-pajjiż, b’approċċ ta’ “ħarreġ lil min iħarreġ”, dwar is-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi. It-taħriġ dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà ser jikkunsidra, fost suġġetti oħra, is-salvagwardji tal-patoġeni b’konsegwenza għolja (HCPs) kif ukoll il-materjali bijoloġiċi sintetiċi (SBMs) tagħhom u l-infrastruttura tal-bijoxjenza relatata. Il-korsijiet tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi ser ikollhom komponent b’saħħtu ta’ ġestjoni tar-riskju kif ukoll il-promozzjoni ta’ kultura ta’ sikurezza u sigurtà. Ser jiġu kkunsidrati wkoll suġġetti bħar-riċerka dwar oġġetti b’użu doppju, ir-riċerka dwar oġġetti b’użu doppju ta’ tħassib u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ sorveljanza.

Attività 3.2: Jiġi stabbilit network ta’ ħarrieġa tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi f’kull pajjiż benefiċjarju, u fost Stati benefiċjarji oħra.

Attività 3.3: Jitfassal u jiġi żviluppat modulu ta’ taħriġ, fuq il-bażi tal-pjattaforma MOOC diġà żviluppata, bl-għan li titqajjem kuxjenza dwar ir-riċerka dwar oġġetti b’użu doppju, ir-riċerka dwar oġġetti b’użu doppju ta’ tħassib, l-etika u x-xjenza tal-ħajja, il-kodiċijiet ta’ kondotta u mekkaniżmi possibbli ta’ sorveljanza, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ użu ħażin possibbli ta’ materjali, tagħmir, informazzjoni, inkluż għarfien taċitu, matul il-proċess ta’ riċerka.

Attività 3.4: Jiġi organizzat u jitwettaq (possibbilment fil-marġini tal-korsijiet dwar is-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi), eżerċizzju ta’ simulazzjoni bl-użu ta’ xenarju li fih għandhom jiġu rinfurzati jew implimentati s-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi. Matul l-attività, ser jiġu kkunsidrati suġġetti relatati mal-istandards internazzjonali, il-katina tal-kustodja, is-segregazzjoni tal-materjali perikolużi kif ukoll il-ġestjoni tar-riskju tat-trasport.

Riżultati mistennija

Network ta’ ħarrieġa u speċjalisti dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà stabbilit f’kull pajjiż.

Il-ħolqien ta’ Korsijiet Online Miftuħa u t-twettiq ta’ tmien korsijiet.

Xjenzati minn aġenziji relatati mal-bijosikurezza u l-bijosigurtà mħarrġa fl-Istati benefiċjarji.

Promozzjoni taċ-ċertifikazzjonijiet tal-IFBA fost il-parteċipanti tas-sessjonijiet ta’ taħriġ u l-istabbiliment ta’ assoċjazzjonijiet tal-bijosikurezza/bijosigurtà/mikrobijoloġija.

Objettiv 4. Konsolidazzjoni ta’ komunità reġjonali jew network ta’ partijiet ikkonċernati permezz tal-promozzjoni fi ħdan kull benefiċjarju tal-parteċipazzjoni attiva ta’ rappreżentanti mis-settur privat u dak pubbliku f’fora internazzjonali rilevanti relatati mas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi.

Attivitajiet ta’ Appoġġ

Attività 4.1 Dan il-proġett ser ifittex li jkabbar network maħluq reċentement ta’ professjonisti tax-xjenza tal-ħajja. Barra minn hekk, il-Proġett ser ifittex li jippromwovi l-interazzjonijiet fost dawk il-professjonisti tax-xjenza tal-ħajja permezz ta’ seminars online biex jiġu diskussi suġġetti differenti relatati mal-għarfien espert tagħhom u jinħoloq spazju għall-iskambju ta’ esperjenzi u tagħlimiet meħuda.

Attività 4.2 Tiġi promossa l-parteċipazzjoni tal-professjonisti, l-awtoritajiet ta’ livell għoli u t-tekniċi f’fora internazzjonali, reġjonali u oħrajn fir-rigward ta’ avvenimenti, avvenimenti sekondarji u laqgħat relatati mas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi li jippermettu żieda fl-għarfien u parteċipazzjoni attiva.

Riżultati mistennija

Network ta’ ħarrieġa u speċjalisti dwar il-bijosigurtà u l-bijosikurezza stabbilit f’kull reġjun.

Żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-awtoritajiet ta’ livell għoli u t-tekniċi tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ regolamentazzjoni biex jiġu implimentati b’mod effettiv il-UNSCR 1540 u l-BWC.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji diretti fl-Istati riċevituri huma istituzzjonijiet u awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà fi 11-il pajjiż mill-Amerka Latina (l-Arġentina, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Costa Rica, ir-Repubblika Dominicana, l-Ekwador, il-Messiku, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj).

5.   Viżibbiltà tal-Unjoni Ewropea

L-OAS/CICTE ser jiżgura li l-attivitajiet kollha tal-proġett jirrikonoxxu l-Unjoni għall-appoġġ finanzjarju tagħha permezz ta’ diversi mezzi. Stqarrijiet għall-istampa, media soċjali u intervisti mal-media tal-aħbarijiet għal avvenimenti b’viżibbiltà għolja ser jenfasizzaw l-appoġġ tal-UE. Kull tagħmir, materjal stampat jew software tal-kompjuter mogħti b’donazzjoni lill-pajjiżi benefiċjarji ser ikun immarkat bħala li huwa ffinanzjat mill-Unjoni. Il-persunal tal-Proġett ser juri l-logo u/jew il-bandiera tal-UE fuq il-kpiepel, ġagagi jew uniformijiet tax-xogħol kollha bħala metodu ċar ta’ mmarkar. L-appoġġ tal-Unjoni ser ikun ippubblikat u viżibbli sew fuq is-siti web u l-pubblikazzjonijiet tal-OAS relatati mal-proġett u l-programmi li huma appoġġati.

6.   Tul ta’ żmien

Il-perjodu ta’ żmien maħsub għall-eżekuzzjoni tal-proġett huwa ta’ 36 xahar.

7.   Struttura ġenerali

L-implimentazzjoni teknika tal-proġett ser titwettaq mill-OAS/CICTE permezz tal-programm eżistenti tiegħu tal-UNSCR 1540.

8.   Sħab

L-OAS/CICTE ser jimplimenta l-proġett fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati benefiċjarji, f’kollaborazzjoni ma’ sħab strateġiċi.

9.   Rappurtar

Ser jiġu ppreżentati rapporti ta’ progress narrattivi u l-istat finanzjarju fuq bażi annwali biex jippermettu monitoraġġ u evalwazzjoni adegwati u f’waqthom u l-OAS/CICTE ser jibqa’ f’kuntatt mill-qrib mad-donatur.


(1)  Indiċi Globali tas-Sigurtà tas-Saħħa. Disponibbli fi: https://www.ghsindex.org/

(2)  Immappjar tal-Laboratorji ta’ Livell 3 tal-Bijosikurezza mill-Pubblikazzjonijiet. Ċentru għas-Sigurtà u t-Teknoloġija Emerġenti. Awwissu 2022. Disponibbli fi: CSET Mapping BSL3 Labs

(3)  https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N22/725/80/PDF/N2272580.pdf?OpenElement

(4)  https://bwc-ecbm.unog.ch

(5)  Prototip interattiv tal- Pjattaforma: https://xd.adobe.com/view/68f5f48c-1813-4dff-8840-b5113a7c9a22-3da6/?fullscreen&hints=off


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/645/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)