European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/639

7.3.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/639

tat-18 ta’ Diċembru 2023

dwar il-konsistenza tal-miżuri tal-Belġju mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament

(It-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) 2021/1119 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima), il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-konsistenza tal-miżuri nazzjonali mal-objettiv tan-newtralità klimatika u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament. Il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miżuri tal-Belġju ma’ dawn l-objettivi (2). Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin huma bbażati fuq dik il-valutazzjoni. Jenħtieġ li l-Belġju jqis kif xieraq dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jsegwihom f’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

(2)

Filwaqt li l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra tal-Unjoni (inkluż mill-użu tal-art, mit-tibdil tal-użu tal-art u mill-forestrija (LULUCF) u bl-esklużjoni tat-trasport internazzjonali) b’mod kumplessiv juru xejra ’l isfel, ġeneralment f’konformità mat-trajettorja lineari li tilħaq il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 ta’ – 55 % u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni għall-2050, il-pass tat-tnaqqis fl-emissjonijiet jeħtieġ jiġi aċċellerat u hemm bżonn li tittieħed azzjoni mill-Istati Membri. Il-progress fl-Istati Membri tħallat ma’ diversi sfidi u dgħufijiet settorjali li jeħtieġ jiġu rimedjati mingħajr aktar dewmien. L-istrateġiji fit-tul u affidabbli huma l-pedament biex tinkiseb it-trasformazzjoni ekonomika meħtieġa biex noqorbu lejn l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni.

(3)

L-aktar komunitajiet vulnerabbli huma dawk bi probabbiltà għolja li jiġu affettwati mit-tibdil fil-klima. Id-differenzi fl-esponiment u l-vulnerabbiltà tal-impatti klimatiċi bejn ir-reġjuni u l-gruppi soċjoekonomiċi differenti jaggravaw l-inugwaljanzi u l-vulnerabbiltajiet diġà eżistenti. Ir-reżiljenza ġusta jenħtieġ li tnaqqas il-piż inugwali tar-riskju klimatiku u tiżgura l-ekwità fid-distribuzzjoni tal-benefiċċji tal-adattament. Fil-Belġju ir-reġjun ta’ Wallonia u l-gvern federali ma rrapportawx li sar progress fl-involviment tal-partijiet ikkonċernati vulnerabbli fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ adattament,

B’DIN TIRRAKKOMANDA LILL-BELĠJU JIEĦU AZZJONI BIEX:

Konsistenza tal-miżuri nazzjonali mal-objettiv tan-newtralità klimatika

1.

Jaġġorna u jżid l-ambizzjoni u l-kwalità dwar l-istrateġija nazzjonali fit-tul, billi jiċċara l-għan fit-tul tan-newtralità klimatika tal-Belġju, u billi jiġi sostanzjat it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-Belġju u jittejbu l-miri tal-assorbimenti f’setturi individwali b’politiki u miżuri kredibbli.

Konsistenza tal-miżuri nazzjonali mal-iżgurar tal-progress fl-adattament

2.

Ikompli jinvolvi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati li huma partikolarment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima, fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ adattament tal-Belġju. Jiddokumenta l-proċessi u l-eżiti ta’ dawn il-konsultazzjonijiet.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Wopke HOEKSTRA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1.

(2)  Ir-Rapport ta’ Progress dwar l-Azzjoni Klimatika tal-UE għall-2023, COM(2023) 653 final, u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Assessment of progress on climate adaptation in the individual Member States according to the European Climate Law” (Valutazzjoni tal-progress dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima fl-Istati Membri individwali skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima), (SWD(2023) 932).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/639/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)