European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/634

20.2.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/634

tal-14 ta’ Diċembru 2023

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward tal-prova tal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni u l-formalitajiet doganali relatati mal-apparati elettroniċi tas-sensuri tal-merkanzija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 156, il-punti (a), (b) u (d), l-Artikolu 160 u l-Artikolu 253, il-punt (b), tiegħu,

Billi:

(1)

L-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, flimkien mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (2), uriet li huma meħtieġa xi emendi għal dak ir-Regolament Delegat sabiex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tal-operaturi ekonomiċi u tal-awtoritajiet doganali fir-rigward tal-prova tal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni u l-formalitajiet doganali applikabbli matul it-trasbord tal-merkanzija.

(2)

Sabiex jiġu ċċarati l-każijiet speċifiċi li fihom il-merkanzija tal-Unjoni tista’ tiċċaqlaq, mingħajr ma tkun soġġetta għal proċedura doganali, minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Unjoni u temporanjament barra minn dak it-territorju mingħajr tibdil tal-istatus doganali tagħha, huwa meħtieġ li jiġi kkonfermat li l-preżunzjoni tal-istatus tal-Unjoni timplika li, għalkemm il-merkanzija tista’ titlaq temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni permezz ta’ ilmijiet jew spazju tal-ajru internazzjonali, waqfa barra mit-territorju doganali tal-Unjoni mhijiex awtorizzata.

(3)

Il-kunċett ta’ awtorizzazzjoni ta’ emittent awtorizzat għandu l-għan li jissimplifika b’mod esklużiv il-formalitajiet relatati mal-prova tal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni. Fid-dawl tat-tnedija tas-sistema elettronika relatata mal-Prova tal-Istatus tal-Unjoni (PoUS) kif imsemmi fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 (3), il-kundizzjonijiet għal tali awtorizzazzjonijiet jeħtieġ li jissaħħu.

(4)

Sabiex jiġu ssimplifikati l-formalitajiet doganali applikabbli għall-apparati elettroniċi tas-sensuri tal-merkanzija (eCSDs), meta l-apparati tas-sigurtà u tat-traċċar li jistgħu jitqiegħdu fl-imballaġġi, jew dawk imwaħħla mal-imballaġġi, jiġu ddikjarati għad-dħul temporanju jew għall-esportazzjoni mill-ġdid, jenħtieġ li dawk l-apparati jibbenefikaw minn formalitajiet doganali simplifikati. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li dawk l-eCSDs jibbenefikaw minn eżenzjoni totali mid-dazju fuq l-importazzjoni meta jiġu ddikjarati għal dħul temporanju. Tali eżenzjoni totali jenħtieġ li tapplika wkoll għall-imballaġġi li jiġu importati mimlija, li jkunu maħsuba għar-riesportazzjoni, kemm jekk vojta kif ukoll jekk mimlija, u li jkollhom marki permanenti u li ma jitħassrux li jidentifikaw persuna stabbilita fit-territorju doganali tal-Unjoni jew barra minnu, peress li dawk l-imballaġġi jibbenefikaw ukoll mill-istess formalitajiet doganali simplifikati meta jiġu ddikjarati għal dħul temporanju jew riesportazzjoni.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 119 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

Preżunzjoni u prova tal-istatus doganali

(l-Artikolu 153(1), 155(2) tal-Kodiċi)”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

meta l-merkanzija tinġarr bl-ajru u tkun tgħabbiet jew ġiet trażbordata f’ajruport tal-Unjoni għal konsenja lejn ajruport ieħor tal-Unjoni, mingħajr waqfien barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, dment li tinġarr taħt il-kopertura ta’ dokument uniku tat-trasport maħruġ fi Stat Membru;”;

(c)

Il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-merkanzija tal-Unjoni tista’ timxi, mingħajr ma tkun soġġetta għal proċedura doganali, minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Unjoni u temporanjament ’il barra minn dak it-territorju mingħajr tibdil tal-istatus doganali tagħha fil-każijiet li ġejjin sakemm tingħata prova tal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni:

(a)

merkanzija li tkun inġiebet minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Unjoni u titlaq temporanjament minn dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru mingħajr waqfien barra dak it-territorju;

(b)

merkanzija li tkun inġabet minn punt għal ieħor fit-territorju doganali tal-Unjoni minn territorju barra t-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma tkun trażbordata, u tinġarr taħt il-kopertura ta’ dokument uniku tat-trasport maħruġ fi Stat Membru;

(c)

merkanzija li tkun inġiebet minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Unjoni minn territorju barra t-territorju doganali tal-Unjoni u li tkun ġiet trasbordata barra t-territorju doganali tal-Unjoni fuq mezz ta’ trasport li ma jkunx dak li fuqu kienet inizjalment mgħobbija u tinġarr taħt il-kopertura ta’ dokument uniku tat-trasport maħruġ fi Stat Membru. Jekk dokument tat-trasport ġdid ikun qed jinħareġ barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, id-dokument oriġinali uniku tat-trasport għandu jkun disponibbli għad-dwana mad-dħul mill-ġdid tal-Unjoni;

(d)

vetturi tat-triq bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru li jkunu telqu b’mod temporanju u reġgħu daħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni;

(e)

ippakkjar, palits u tagħmir ieħor simili, esklużi kontejners, li jappartjenu għal persuna stabbilita fit-territorju doganali tal-Unjoni li huma użati għat-trasport ta’ merkanzija li tkun telqet b’mod temporanju u reġgħet daħlet fit-territorju doganali tal-Unjoni;

(f)

merkanzija f’bagalji li jinġarru minn passiġġieri li ma tkunx maħsuba għall-użu kummerċjali u tkun telqet b’mod temporanju u reġgħet daħlet fit-territorju doganali tal-Unjoni.”

;

(2)

L-Artikolu 128 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità doganali kompetenti biex din tieħu d-deċiżjoni fl-Istat Membru fejn il-merkanzija titgħabba għall-ewwel darba fuq mezz ta’ trasport għall-kunsinna u fejn l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-merkanzija tkun disponibbli.”

;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi 3 a u 3b li ġejjin:

“3a.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata biss meta jiġi previst li:

(a)

l-applikant ikun stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni;

(b)

l-applikant joħroġ regolarment il-prova tal-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni jew l-awtoritajiet doganali kompetenti jafu li l-applikant jista’ jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kodiċi u f’dan ir-Regolament għall-użu ta’ dawk il-provi;

(c)

l-applikant jissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 39, il-punti (a), (b) u (d) tal-Kodiċi;

(d)

l-awtorità doganali kompetenti tqis li se tkun tista’, mingħajr sforz amministrattiv sproporzjonat, tissorvelja l-provi tal-istatus tal-Unjoni maħruġa mill-applikant u twettaq kontrolli.

3b.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika b’mod partikolari:

(a)

il-kundizzjonijiet li taħthom ir-rekords għandhom isiru disponibbli għad-dwana għall-finijiet ta’ kontroll u jinżammu għal mill-inqas tliet snin;

(b)

il-mod kif l-emittent awtorizzat għandu jistabbilixxi li l-provi ntużaw kif suppost;

(c)

il-perjodu li matulu u l-mod li bih l-emittent awtorizzat għandu jinnotifika lill-uffiċċju doganali kompetenti sabiex jagħtih iċ-ċans li jwettaq kwalunkwe kontrolli meħtieġa qabel it-tluq tal-oġġetti.”

;

(3)

fl-Artikolu 136(1), jiddaħħal il-punt (ja) li ġej wara l-punt (j):

“(ja)

apparati ta’ sigurtà u traċċar għall-merkanzija mqiegħda ġewwa l-imballaġġi jew imwaħħla mal-imballaġġi;”

(4)

fl-Artikolu 138, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

merkanzija kif imsemmija fl-Artikolu 136(1), il-punti (a), (j) u (ja), ta’ dan ir-Regolament li tibbenefika minn eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni bħala merkanzija rritornata f’konformità mal-Artikolu 203 tal-Kodiċi;”;

(5)

fl-Artikolu 139, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Meta ma tkunx iddikjarata permezz ta’ mezzi oħra, il-merkanzija msemmija fl-Artikolu 136(1), il-punti (a) sa (d) u l-punti (h) sa (ja), għandha titqies li tkun iddikjarata għal dħul temporanju f’konformità mal-Artikolu 141.

2.   Meta ma tkunx iddikjarata permezz ta’ mezzi oħra, il-merkanzija msemmija fl-Artikolu 136(1), il-punti (a) sa (d), u l-punti (h) sa (ja) għandha titqies li tkun iddikjarata għar-riesportazzjoni f’konformità mal-Artikolu 141 li jirrilaxxa l-proċedura ta’ dħul temporanju.”

;

(6)

fl-Artikolu 141(1), il-punti (d)(iv) u (v) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(iv)

meta l-merkanzija kif imsemmija fl-Artikolu 136(1), il-punti (a), (j) u (ja) ta’ dan ir-Regolament, titqies li hija ddikjarata għal dħul temporanju f’konformità mal-Artikolu 139(1) ta’ dan ir-Regolament;

(v)

meta l-merkanzija kif imsemmija fl-Artikolu 136(1), il-punti (a), (j) u (ja) ta’ dan ir-Regolament, li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 203 tal-Kodiċi, titwassal fit-territorju doganali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 138, il-punt (c) ta’ dan ir-Regolament.”

(7)

L-Artikolu 228 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 228

Imballaġġi u tagħmir ta’ sigurtà u ta’ traċċar

(l-Artikolu 250(2)(d) tal-Kodiċi)

Għandna tingħata eżenzjoni totali mid-dazju fuq l-importazzjoni għall-merkanzija li ġejja:

(a)

imballaġġi importati mimlija u maħsuba għal riesportazzjoni, kemm jekk vojta jew mimlija;

(b)

imballaġġi importati vojta u maħsuba għal riesportazzjoni, kemm jekk vojta jew mimlija;

(c)

apparati ta’ sigurtà u traċċar għall-merkanzija mqiegħda ġewwa l-imballaġġi jew imwaħħla mal-imballaġġi u maħsuba għar-riesportazzjoni.

L-applikant u d-detentur tal-proċedura jistgħu jiġu stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/634/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)