European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/633

20.2.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/633

tad-19 ta’ Frar 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent, l-okkupazzjoni jew l-annessjoni illegali mill-Federazzjoni Russa ta’ ċerti żoni tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 (1).

(2)

Fis-6 ta’ Ottubru 2022, b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-reġjuni tal-Ukrajna ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia mill-Federazzjoni Russa, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1908 (2). Dik id-Deċiżjoni emendat it-titolu tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 u estendiet l-ambitu ġeografiku tar-restrizzjonijiet biex ikopri ż-żoni kollha tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern fl-oblasts ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia.

(3)

Fl-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew adotta il-konklużjonijiet li fihom, fost oħrajn, huwa tenna l-kundanna tiegħu għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u fakkar fl-appoġġ sod tal-Unjoni għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha u għad-dritt inerenti tagħha ta’ awtodifiża kontra l-aggressjoni Russa.

(4)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/266, u sakemm l-azzjonijiet illegali tal-Federazzjoni Russa jkomplu jiksru l-projbizzjoni tal-użu tal-forza, li huwa ksur serju tal-liġi internazzjonali, huwa xieraq li jinżammu fis-seħħ il-miżuri kollha attwalment imposti mill-Unjoni u li jittieħdu miżuri addizzjonali, jekk ikun meħtieġ. Konsegwentement, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi li jinsabu fid-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 jiġġeddu bi 12-il xahar ieħor, sal-24 ta’ Frar 2025.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/266, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-24 ta’ Frar 2025.".

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Frar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/266 tat-23 ta’ Frar 2022 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent, l-okkupazzjoni jew l-annessjoni illegali mill-Federazzjoni Russa ta’ ċerti żoni tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern (ĠU L 42 I, 23.2.2022, p. 109).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1908 tas-6 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u d-deċiżjoni li jintbagħtu l-forzi armati Russi f’dawk iż-żoni (ĠU L 259 I, 6.10.2022, p. 118).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/633/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)