|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/628 |
20.2.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/628
tad-19 ta’ Frar 2024
li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (1). |
|
(2) |
Fl-20 ta’ Mejju 2021, fil-“Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE: sfidi ġodda, l-istess prinċipji”, il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jevita u, fejn ma jistax jagħmel dan, itaffi kemm jista’ jkun kwalunkwe impatt negattiv potenzjali mhux intenzjonat tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni fuq azzjoni umanitarja msejsa fuq il-prinċipji. Il-Kunsill tenna li miżuri restrittivi tal-Unjoni jikkonformaw mal-obbligi kollha skont il-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi internazzjonali dwar ir-refuġjati. Huwa ssottolinja l-importanza li l-prinċipji umanitarji u l-liġi umanitarja internazzjonali jiġu rispettati b’mod sħiħ fil-politika ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni, inkluż permezz tal-inklużjoni konsistenti ta’ eċċezzjonijiet umanitarji fir-reġimi ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni, fejn rilevanti, u billi jiġi żgurat li jkun hemm qafas effettiv biex jintuża f’dawn l-eċċezzjonijiet minn organizzazzjonijiet umanitarji. |
|
(3) |
Fid-9 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta r-Riżoluzzjoni 2664 (2022), filwaqt li fakkar fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li jimponu l-miżuri ta’ sanzjonijiet b’reazzjoni għat-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u enfasizza li l-miżuri meħuda mill-istati membri tan-Nazzjonijiet Uniti biex jimplimentaw is-sanzjonijiet jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali u mhumiex maħsuba li jkollhom konsegwenzi umanitarji negattivi għall-popolazzjonijiet ċivili jew konsegwenzi negattivi għall-attivitajiet umanitarji jew għal dawk li jwettquhom. Il-KSNU ddeċieda, fil-paragrafu 1 tar-Riżoluzzjoni -2664 (2022) li l-forniment, l-ipproċessar jew il-ħlasijiet ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jew il-forniment ta’ oġġetti u servizzi meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem permezz ta’ ċerti atturi huma permessi u mhumiex ksur tal-iffriżar tal-assi imposti mill-KSNU jew il-Kumitati tas-Sanzjonijiet tiegħu. |
|
(4) |
Fl-14 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/338 (2), li introduċiet l-eżenzjoni umanitarja skont ir-Riżoluzzjoni 2664 (2022) fir-reġimi ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni li jagħtu effett lill-miżuri deċiżi mill-KSNU jew mill-Kumitati tas-Sanzjonijiet tiegħu. Fil-31 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/726 (3), li introduċiet l-eżenzjoni umanitarja skont ir-Riżoluzzjoni 664 (2022) fir-reġimi ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni li jagħtu effett lill-miżuri deċiżi mill-KSNU jew mill-Kumitati tas-Sanzjonijiet tiegħu u fil-miżuri komplementari deċiżi mill-Kunsill. Fis-27 ta’ Novembru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2686 (4), li introduċiet f’ċerti reġimi ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni l-eżenzjoni umanitarja għall-benefiċċju tal-atturi msemmija fir-Riżoluzzjoni 2664 (2022), ta’ organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja, u ta’ organizzazzjonijiet u aġenziji li huma ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru, jew minn aġenzija speċjalizzata ta’ Sstat Membru. |
|
(5) |
Sabiex jiżdiedu l-konsistenza bejn ir-reġimi ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni u ma’ dawk adottati mill-KSNU jew mill-Kumitati tas-Sanzjonijiet tiegħu u biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew li jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li tiġi inkluża fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, għal perjodu inizjali ta’ tnax-il xahar, eżenzjoni umanitarja għall-miżuri ta’ ffriżar tal-assi applikabbli għal persuni, gruppi jew entitajiet deżinjati, u għar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tagħhom, għall-benefiċċju tal-atturi msemmija fir-Riżoluzzjoni 2664 (2022), ta’ organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja, u ta’ organizzazzjonijiet u aġenziji li huma ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru, jew minn aġenzija speċjalizzata ta’ Stat Membru.Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ deroga ulterjuri għal dawk l-organizzazzjonijiet u l-atturi involuti f’attivitajiet umanitarji li ma jistgħux jibbenefikaw minn dik l-eżenzjoni umanitarja. Apparti dan, il-Kunsill iqis ukoll li jenħtieġ li tiġi introdotta klawżola ta’ rieżami relatata ma’ dawk l-eċċezzjonijiet |
|
(6) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-artikolu li ġej għandu jiddaħħal-fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK:
“Artikolu 3a
1. L-Artikoli 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-forniment, l-ipproċessar jew il-pagament ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jew għall-forniment ta’ oġġetti u servizzi li huma meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jappoġġaw attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem fejn tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:
|
(a) |
in-Nazzjonijiet Uniti (NU), inkluż il-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħha; |
|
(b) |
organizzazzjonijiet internazzjonali; |
|
(c) |
organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-NU u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji; |
|
(d) |
organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-NU, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati tan-NU, appelli oħra tan-NU jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji; |
|
(e) |
organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali; |
|
(f) |
aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri; |
|
(g) |
impjegati, benefiċjarji, sussidjarji, jew sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (f) waqt u sal-punt li jkunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet. |
2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 u b’deroga mill-Artikoli 2 u 3, l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huwa meħtieġ biex jiġi żgurat it-twassil fil-ħin ta’ assistenza umanitarja jew għall-appoġġ ta’ attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem.
3. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 2, dik l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.
4. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni li tingħata skont dan l-Artikolu fi żmien erba’ ġimgħat mill-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.
5. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu riveduti mill-inqas kull 12-il xahar jew fuq talba urġenti ta’ Stat Membru, tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jew il-Kummissjoni wara bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi.
6. Il-paragrafu 1 għandu japplika sat-22 ta’ Frar 2025.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Frar 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/338 tal-14 ta’ Frar 2023 li temenda ċerti deċiżjonijiet tal-Kunsill u pożizzjonijiet komuni dwar miżuri restrittivi sabiex jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar eżenzjoni umanitarja (ĠU L 47, 15.2.2023, p. 50).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/726 tal-31 ta’ Marzu 2023 li temenda ċerti Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi sabiex jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar eżenzjoni umanitarja (ĠU L 94, 3.4.2023, p. 48).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2686 tas-27 ta’ Novembru 2023 li temenda ċerti Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi sabiex jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar eċċezzjonijiet umanitarji (ĠU L, 2023/2686, 28.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2686/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/628/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)