Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2024/616 |
7.3.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/616
tat-18 ta’ Diċembru 2023
dwar l-abbozz aġġornat tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima tan-Netherlands li jkopri l-perjodu 2021–2030 u dwar il-konsistenza tal-miżuri tan-Netherlands mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament
(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 14(6) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (2), u b’mod partikolari l-artikolu 7(2) tiegħu,
Billi:
Rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozz aġġornat tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima (NECP) tan-Netherlands li jkopri l-perjodu 2021–2030
(1) |
In-Netherlands ippreżentaw l-abbozz aġġornat tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tagħhom fid-29 ta’ Ġunju 2023. |
(2) |
L-Artikolu 3 u l-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999 (“ir-Regolament dwar il-Governanza”) jistabbilixxu l-elementi li għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati dwar l-enerġija u l-klima. F’Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat il-Gwida għall-Istati Membri dwar il-proċess u l-ambitu tat-tħejjija kemm tal-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima kif ukoll tal-verżjoni finali aġġornata tagħhom (3). Il-Gwida identifikat l-aħjar prassi u ddeskriviet l-implikazzjonijiet tal-iżviluppi politiċi, legali u ġeopolitiċi reċenti fil-politiki tal-enerġija u tal-klima. |
(3) |
B’rabta mal-pjan REPowerEU (4), bħala parti miċ-ċikli 2022 u 2023 tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni enfasizzat il-bżonnijiet ta’ riforma u investiment relatati mal-enerġija u l-klima tal-Istati Membri biex jiġu msaħħa kemm is-sigurtà tal-enerġija kif ukoll l-affordabbiltà permezz tal-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni ġusta u favur l-ambjent. Dan huwa rifless fir-Rapporti tal-Pajjiżi għan-Netherlands (5) u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għan-Netherlands (6) tal-2022 u l-2023. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw l-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għall-pajjiżi fil-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati għall-enerġija u l-klima finali tagħhom. |
(4) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward it-twassil tal-miri nazzjonali skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (7) (ESR) huma bbażati fuq il-probabilità li l-Istati Membri se jirrispettaw il-miri tal-2030, u jikkunsidraw ir-regoli dwar l-użu ta’ flessibbiltà skont l-ESR. |
(5) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Qbid, l-Użu u l-Ħżin tal-Karbonju (CCUS) għandhom l-għan li jkollhom ħarsa ġenerali tal-implimentazzjoni maħsuba għal dawn it-teknoloġiji fuq livell nazzjonali, inkluża informazzjoni dwar il-volumi annwali ta’ CO2 li huwa ppjanat li jinqabdu sal-2030, imqassmin skont is-sors ta’ CO2 maqbud li jkun ġej mill-installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew minn sorsi oħra, bħal sorsi bijoġeniċi jew qbid dirett mill-arja; dwar l-infrastruttura tat-trasport ippjanata għas-CO2; kapaċità ta’ ħżin domestiku potenzjali ta’ CO2 u l-volumi tal-injezzjoni ta’ CO2 maħsuba li jkunu disponibbli fl-2030. |
(6) |
Bl-istess mod, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (l-Użu tal-Art, Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija — “ir-Regolament LULUCF”) jindirizzaw il-konsenja mill-Istat Membru dwar ir-regola ta’ “ebda debitu” għall-perjodu 2021–2025 (il-Perjodu 1) u l-mira nazzjonali tiegħu għall-perjodu 2026–2030 (il-Perjodu 2), filwaqt li jitqiesu r-regoli li jirregolaw l-użu tal-flessibilitajiet kif stabbilit f’dak ir-Regolament. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu wkoll li fil-Perjodu 1 kwalunkwe eċċess ta’ emissjonijiet skont ir-Regolament LULUCF se jiġi ttrasferit awtomatikament għall-ESR. |
(7) |
Sabiex l-adattament għat-tibdil fil-klima jappoġġa kif xieraq il-kisba tal-objettivi tal-enerġija u tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li jiġu identifikati l-perikli potenzjali tat-tibdil fil-klima u li jiġu analizzati l-vulnerabbiltajiet u r-riskji klimatiċi li jistgħu jaffettwaw iż-żoni, il-popolazzjonijiet u s-setturi rilevanti. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adattament iqisu sa liema punt in-Netherlands integraw fl-għanijiet tal-adattament tal-NECP aġġornati tagħhom li jqisu r-riskji klimatiċi, li jistgħu jipprevjenu lin-Netherlands milli jilħqu l-objettivi u l-miri tal-Unjoni tal-Enerġija. Mingħajr politiki u miżuri speċifiċi ta’ adattament ippjanati u implimentati, il-kisba tal-objettivi fid-dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija tkun f’riskju. Il-ġestjoni tal-ilma f’kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu teħtieġ attenzjoni partikolari minħabba r-riskji ta’ tfixkil tal-elettriku peress li l-għargħar, is-sħana u n-nixfa jħallu impatt fuq il-produzzjoni tal-enerġija. |
(8) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ambizzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli tan-Netherlands huma bbażati fuq formula stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999 li hija bbażata fuq kriterji oġġettivi; u fuq il-politiki u l-miżuri ewlenin nieqsa fl-abbozz tal-NECP aġġornat tan-Netherlands biex tippermetti kisba f’waqtha u kosteffettiva tal-kontribut nazzjonali tan-Netherlands għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni ta’ mill-inqas 42,5 % fl-2030, bl-isforz kollettiv biex din tiżdied għal 45 % skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) dwar il-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati wkoll fuq il-kontribut tan-Netherlands għall-miri speċifiċi tal-Artikoli 15a, 22a, 23, 24 u 25 ta’ dik id-Direttiva u għall-politiki u l-miżuri relatati biex ma ddumx ma tiġi trasposta u implimentata. Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu l-importanza li jiġi żviluppat ippjanar komprensiv fit-tul għall-implimentazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u b’mod partikolari r-riħ, biex tiżdied il-viżibbiltà għall-industrija tal-manifattura u l-operaturi tal-grilja Ewropej f’konformità mal-Pakkett Ewropew dwar l-Enerġija mir-Riħ (11). |
(9) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-kontribut nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika huma bbażati fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) dwar l-effiċjenza enerġetika; u l-formula fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva, u l-politiki u miżuri relatati biex tiġi implimentata. |
(10) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jagħtu attenzjoni partikolari lill-miri, l-objettivi u l-kontributi u l-politiki u l-miżuri relatati biex jitwettaq il-pjan REPowerEU biex it-tneħħija gradwali tad-dipendenza mill-fjuwils fossili Russi issir malajr. Dawn iqisu t-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-Pakkett Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura (13). Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu l-importanza li s-sistema tal-enerġija ssir aktar reżiljenti fid-dawl tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u r-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, u f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħżin tal-enerġija (16). |
(11) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu l-ħtieġa li tiġi aċċellerata l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija biex jissaħħaħ ir-rwol tal-flessibbiltà u tingħata s-setgħa u jiġu protetti l-konsumaturi. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jqisu wkoll l-importanza li jiġi vvalutat l-għadd ta’ unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1999, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2407 (17). |
(12) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu l-importanza li jiġu żgurati investimenti suffiċjenti fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa biex jieħdu spinta fil-kapaċitajiet tal-iżvilupp u l-manifattura tagħhom, inklużi politiki u miżuri xierqa għall-industriji intensivi fl-enerġija u negozji oħra; u l-ħtieġa li tittejjeb il-forza tax-xogħol għal industrija b’emissjonijiet żero netti sabiex tiġi kkonsolidata ekonomija b’saħħitha u kompetittiva, nadifa fl-Unjoni. |
(13) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma msejsa fuq l-impenji meħuda skont il-Ftehim ta’ Pariġi biex jitnaqqas gradwalment l-użu tal-fjuwils fossili, kif ukoll fuq l-importanza tat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili. |
(14) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ investiment isegwu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ jekk l-abbozz tal-pjan aġġornat tan-Netherlands jipprovdix ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet tal-investiment biex jintlaħqu l-objettivi, il-miri u l-kontributi għad-dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija; tindika s-sorsi ta’ finanzjament, filwaqt li tiddistingwi s-sorsi privati u pubbliċi; u tiddeskrivi investimenti konsistenti mal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tan-Netherlands, il-Pjan Territorjali għal Tranżizzjoni Ġusta tan-Netherlands u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-2022–2023 għall-pajjiż maħruġa skont is-Semestru Ewropew; u tinkludi valutazzjoni makroekonomika robusta tal-politiki u l-miżuri ppjanati. Jenħtieġ li l-NECP jiżgura t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-politiki u l-miżuri nazzjonali, biex jappoġġa ċ-ċertezza tal-investiment. |
(15) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriflettu l-importanza kruċjali ta’ konsultazzjoni reġjonali wiesgħa, u li tiġi żgurata konsultazzjoni bikrija u inklużiva dwar il-pjan, inkluża parteċipazzjoni pubblika effettiva b’informazzjoni u żmien suffiċjenti, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (18). |
(16) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tranżizzjoni ġusta jirriflettu l-valutazzjoni ta’ jekk il-pjan tan-Netherlands jidentifikax fil-fond biżżejjed l-impatti soċjali, fuq l-impjiegi u fuq il-ħiliet rilevanti tat-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija u jiddeskrivi politiki u miżuri ta’ akkumpanjament adegwati biex jippromwovu tranżizzjoni ġusta, filwaqt li jikkontribwixxu għall-promozzjoni kemm tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. |
(17) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lin-Netherlands huma sostnuti mill-valutazzjoni tal-abbozz tal-NECP aġġornat tagħhom (19), li qed tiġi ppubblikata ma’ din ir-Rakkomandazzjoni. |
(18) |
Jenħtieġ li n-Netherlands iqisu kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet attwali huma u jiżviluppaw l-NECP integrat aġġornat finali tagħhom li għandu jiġi ppreżentat sat-30 ta’ Ġunju 2024. |
Rakkomandazzjonijiet dwar il-konsistenza mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament
(19) |
Skont ir-Regolament (UE) 2021/1119 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima), il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-konsistenza tal-miżuri nazzjonali mal-objettiv tan-newtralità klimatika u mal-iżgurar tal-progress fl-adattament. Il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miżuri tan-Netherlands ma’ dawn l-objettivi (20). Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin huma bbażati fuq dik il-valutazzjoni. Jenħtieġ li n-Netherlands iqisu kif xieraq dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jsegwuhom f’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima. |
(20) |
Pass ewlieni fit-tisħiħ tal-ambizzjoni dwar l-addattament jenħtieġ li jkun it-tlestija ta’ qafas legali xieraq għall-politika nazzjonali dwar il-klima li jistabbilixxi għanijiet ta’ adattament vinkolanti u aġġornati regolarment biex jitkejjel il-progress kumplessiv fil-bini tar-reżiljenza. |
B’DIN TIRRAKKOMANDA LIN-NETHERLANDS JIEĦDU AZZJONI BIEX:
DWAR L-ABBOZZ TAL-PJAN NAZZJONALI GĦALL-ENERĠIJA U L-KLIMA AĠĠORNAT SKONT IR-REGOLAMENT (UE) 2018/1999
1. |
Jistabbilixxu politiki u miżuri addizzjonali kosteffiċjenti, b’mod partikolari fis-settur tal-agrikoltura, u għall-emissjonijiet mhux tas-CO2, inklużi l-metan u l-N2O u l-gassijiet F mill-proċessi industrijali u l-użu tal-prodotti, l-agrikoltura, u l-ġestjoni tal-iskart, sabiex tingħalaq id-diskrepanza projettata ta’ 9,3 punti perċentwali ħalli tintleħaq il-mira nazzjonali tal-gassijiet serra ta’ –48 % fl-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005 skont l-ESR. Jipprovdu projezzjonijiet aġġornati li juru kif il-politiki kemm li jeżistu kif ukoll dawk ippjanati se jilħqu l-mira u jekk ikun meħtieġ, jispeċifikaw kif se jintużaw il-flessibilitajiet disponibbli skont l-ESR biex tiġi żgurata l-konformità. Jikkomplementaw l-informazzjoni dwar il-politiki u l-miżuri, filwaqt li jispjegaw b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskeda taż-żmien u, fejn possibbli, l-impatt mistenni mit-tnaqqis tal-gassijiet serra tagħhom, b’mod partikolari għal miżuri fi programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni bħall-politika agrikola komuni. |
2. |
Jidentifikaw s-sorsi tal-emissjonijiet CO2 li hemm ippjanat li jinqabdu. Jidentifikaw il-kapaċità tal-ħżin ta’ CO2. |
3. |
Jipprovdu dettall addizzjonali dwar il-miżuri ppjanati, filwaqt li jikkwantifikaw l-impatti mistennija tagħhom f’termini ta’ assorbimenti jew emissjonijiet mis-settur tal-LULUCF. Jipprovdu informazzjoni ċara dwar kif il-fondi pubbliċi (kemm il-fondi tal-Unjoni, inklużi l-politika agrikola komuni kif ukoll l-għajnuna mill-Istat) u l-finanzjament privat permezz ta’ skemi ta’ sekwestru tal-karbonju f’art agrikola, jintużaw b’mod konsistenti u effettiv biex tintlaħaq il-mira nazzjonali netta tal-assorbiment. Jipprovdu informazzjoni dwar l-istatus u l-progress li jrid isir fl-iżgurar tat-titjib għal livelli ogħla/settijiet ta’ data ġeografikament espliċiti għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika f’konformità mal-Parti 3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1999. |
4. |
Jipprovdu analiżi addizzjonali dwar il-vulnerabbiltajiet u r-riskji klimatiċi rilevanti fir-rigward tal-kisba tal-objettivi, tal-miri u tal-kontributi nazzjonali u tal-politiki u tal-miżuri fid-dimensjonijiet differenti tal-Unjoni tal-Enerġija. Jiddeskrivu u Jikkwantifikaw aħjar ir-rabta mal-objettivi u l-politiki speċifiċi tal-Unjoni tal-Enerġija, li l-politiki u l-miżuri ta’ adattament jenħtieġ li jappoġġaw. Jistabbilixxu politiki u miżuri addizzjonali ta’ adattament f’biżżejjed dettall li jappoġġaw lin-Netherlands biex jilħqu l-għanijiet, il-miri u l-kontributi nazzjonali skont l-Unjoni tal-Enerġija. |
5. |
Iżidu b’mod sinifikanti l-ambizzjoni għas-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli ta’ mill-inqas 39 % bħala kontribut għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030 stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, kif emendata f’konformità mal-formula fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999. Jinkludu trajettorja indikattiva li tilħaq il-punti ta’ referenza għall-2025 u 2027 skont l-Artikolu 4(a)(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999. Jiżguraw li jittieħdu biżżejjed miżuri biex ikopru d-distakk lejn il-linja bażi tagħhom tal-2021 għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li ma għandhiex tkun inqas mill-mira ġenerali nazzjonali obbligatorja tagħhom għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-2020, skont l-Artikolu 32(4) tar-Regolament (UE) 2018/1999. |
6. |
Jipprovdu trajettorji stmati u pjan fit-tul għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli matul l-10 snin li ġejjin, bi prospetti għall-2040. Jinkludu mira indikattiva għal teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli sal-2030 f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Jinkludu miri speċifiċi biex jikkontribwixxu għas-sottomiri indikattivi fil-bini u l-industrija għall-2030. Jikkonfermaw li l-projezzjonijiet inklużi fil-pjan qed jikkontribwixxu għas-sottomira vinkolanti għall-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs) fl-industrija għall-2030. Jinkludu l-miri vinkolanti fit-tisħin u t-tkessiħ kemm għall-2021–2025 kif ukoll għall-2026–2030, u jinkludu mira indikattiva biex jinkisbu ż-żidiet tal-Anness IA tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Jispeċifikaw liema mira n-Netherlands beħsiebhom jiksbu fis-settur tat-trasport permezz tal-obbligu fuq il-fornituri tal-fjuwils, inkluż permezz ta’ sottomira għal bijofjuwils avvanzati u fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs), filwaqt li jiżguraw li jiġi osservat il-livell minimu ta’ RFNBO fl-2030. |
7. |
Jinkludu politiki u miżuri dettaljati u kwantifikati b’mod li jippermetti kisba f’waqtha u kosteffettiva tal-kontribut nazzjonali tagħhom għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-UE ta’ mill-inqas 42,5 % fl-2030, bl-isforz kollettiv biex iżiduha għal 45 %. Jiddeskrivu b’mod partikolari kif qed jippjanaw li jaċċelleraw il-permessi b’mod partikolari fir-rigward ta’ teknoloġiji oħra għajr l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. Jagħtu dettalji dwar it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli li għalihom qed jippjanaw li jinnominaw “żoni ta’ aċċellerazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli” bi proċeduri aktar rapidi u sempliċi. Jiddeskrivu kif beħsiebhom ikopru d-disinn tal-obbligu fuq il-fornituri tal-fjuwil fis-settur tat-trasport kif ukoll miżuri komparabbli għall-promozzjoni tal-idroġenu fl-industrija. |
8. |
Jinkludu projezzjonijiet dwar id-domanda u l-provvista tal-bijoenerġija għal kull settur u jipprovdu data għall-importazzjonijiet u s-sors tal-bijomassa tal-foresti użata għall-enerġija. Jinkludu valutazzjoni tal-provvista domestika tal-bijomassa tal-foresti għal skopijiet ta’ enerġija fl-2021–2030 f’konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà msaħħa tal-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata, u valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-użu previst tal-bijomassa tal-foresti għall-produzzjoni tal-enerġija mal-obbligi tan-Netherlands skont ir-Regolament LULUCF rivedut, b’mod partikolari għall-2026–2030, flimkien ma’ miżuri u politiki nazzjonali biex tiġi żgurata tali kompatibbiltà. Jinkludu aktar miżuri biex jippromwovu l-produzzjoni sostenibbli tal-bijometan, minħabba l-potenzjal u l-produzzjoni sostenibbli tal-bijogass/bijometan tan-Netherlands, il-profil tal-konsum tal-gass naturali u l-infrastruttura eżistenti, l-użu tad-diġestat u l-applikazzjonijiet tas-CO2 bijoġeniku. |
9. |
Jipprovdu sa fejn ikun possibbli skeda mistennija ta’ żmien tal-passi li jwasslu għall-adozzjoni ta’ politiki u miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi mmirati lejn it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata, b’mod partikolari għall-miżuri msemmija fil-punti preċedenti. |
10. |
Jinkludu kontribut nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika għall-konsum finali tal-enerġija fil-mira vinkolanti tal-konsum finali tal-enerġija tal-UE għall-2030 f’konformità mal-Artikolu 4 l-Anness I tad-Direttiva (UE) 2023/1791, jew daqs il-kontribut nazzjonali indikattiv ikkoreġut li l-Kummissjoni se tippreżenta lil kull Stat Membru sal-1 ta’ Marzu 2024 skont l-Artikolu 4(5) ta’ dik id-Direttiva (UE). Jispeċifikaw l-ammont ta’ tnaqqis fil-konsum tal-enerġija li jrid jinkiseb mill-korpi pubbliċi kollha diżaggregati skont is-settur, l-erja totali tal-art tal-bini msaħħan u/jew imkessaħ li tkun il-proprjetà ta’ korpi pubbliċi li trid tiġi rinnovata kull sena jew l-iffrankar tal-enerġija annwali korrispondenti li jrid jinkiseb, kif ukoll l-ammont ta’ ffrankar kumulattiv tal-enerġija li jrid jinkiseb matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2030 u, fejn rilevanti, spjegazzjoni dwar kif ġew stabbiliti r-rata tal-iffrankar annwali u l-linja bażi tal-kalkolu. |
11. |
Jistabbilixxu l-politiki u l-miżuri kollha biex jinkisbu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali dwar l-effiċjenza enerġetika u b’mod partikolari l-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija biex jiżguraw il-kisba tal-ammont meħtieġ ta’ ffrankar tal-enerġija fl-użu finali kumulattiv sal-2030, miżuri għall-promozzjoni tal-awditjar tal-enerġija u s-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija. Jispeċifikaw finanzjament robust ta’ programmi tal-effiċjenza enerġetika u ta’ skemi ta’ appoġġ finanzjarju li kapaċi jimmobilizzaw investiment privat u kofinanzjament addizzjonali. |
12. |
Jinkludu l-istadji importanti tal-iffrankar tal-enerġija għall-istokk tal-bini u jagħtu dettalji dwar l-impatt f’termini tal-iffrankar tal-enerġija ta’ kull miżura ġdida mressqa. |
13. |
Jispjegaw ukoll kif in-Netherlands se jsaħħu b’mod sinifikanti d-dimensjoni tas-sigurtà tal-enerġija, b’mod partikolari billi tiddefinixxi objettivi ċari għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, u tnaqqas il-provvista tal-enerġija mill-fjuwils fossili Russi u biex ikomplu jinkoraġġixxu t-tnaqqis fid-domanda għall-gass. Jinkludu politiki u miżuri dettaljati biex jintlaħqu dawn l-objettivi lejn l-2030. Isaħħu r-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija, b’mod partikolari billi jiġi stabbilit objettiv għall-implimentazzjoni tal-ħżin tal-enerġija u jressqu politiki u miżuri biex jintegraw l-importanza tal-adattament għat-tibdil fil-klima fis-sistema tal-enerġija. Jispeċifikaw strateġija ċara għall-isfruttament ta’ faċilitajiet eżistenti taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari fin-Netherlands, b’mod partikolari għall-arrikkiment tal-iżotopi. Jispeċifikaw miżuri xierqa għad-diversifikazzjoni u l-provvista fit-tul ta’ materjali nukleari, fjuwil, spare parts, u servizzi, u l-ġestjoni fit-tul tal-iskart nukleari, b’mod partikolari minħabba l-pjanijiet biex jinbnew unitajiet ġodda tal-enerġija nukleari. Jivvalutaw aktar il-kompatibbiltà tal-infrastruttura tal-gass tagħhom mal-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni. Jivvalutaw l-adegwatezza tal-infrastruttura taż-żejt (raffinerija, ħażniet taż-żejt) bit-tnaqqis mistenni fid-domanda għaż-żejt u l-bidla lejn alternattivi b’livell aktar baxx ta’ karbonju. |
14. |
Iressqu objettivi u miri ċari b’mod partikolari għar-rispons tad-domanda biex itejbu il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija fid-dawl ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà u jiddeskrivu miżuri speċifiċi biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija b’rabta mal-Artikolu 20a tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Ikomplu jżidu l-livell tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi fis-suq tal-bejgħ bl-imnut. |
15. |
Jiżviluppaw aktar l-approċċ biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku billi jinkludu mira speċifika ta’ tnaqqis li tista’ titkejjel kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1999 filwaqt li titqies ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2023/2407. Ilestu l-approċċ billi jinkludu dettalji dwar il-miżuri eżistenti u potenzjali biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u dwar ir-riżorsi finanzjarji ddedikati mill-perspettiva kemm tal-politika soċjali (affordabbiltà) kif ukoll tal-miżuri strutturali tal-enerġija. Jispjegaw kif l-użu tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika skont l-Iskema tal-Obbligi tal-Effiċjenza Enerġetika biex jittaffa l-faqar enerġetiku huwa previst li jintuża kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1999. |
16. |
Ikomplu jiċċaraw l-objettivi nazzjonali fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività biex jintużaw teknoloġiji nodfa, filwaqt li jiġi stabbilit perkors għall-2030 u l-2050 bil-ħsieb li tiġi appoġġata d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u tiġi promossa t-tranżizzjoni tan-negozji lejn ekonomija ċirkolari u b’emissjonijiet żero netti. Iressqu politiki u miżuri biex jippromwovu l-iżvilupp ta’ proġetti b’emissjonijiet żero netti inklużi dawk rilevanti għall-industriji intensivi fl-enerġija. Jiddeskrivu qafas regolatorju prevedibbli u simplifikat għall-proċeduri tal-għoti ta’ permessi u kif l-aċċess għall-finanzjament nazzjonali se jiġi ssimplifikat fejn meħtieġ. Jipprovdu politiki u miżuri dettaljati għad-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, l-iżvilupp ta’ ħiliet relatati mal-enerġija nadifa, u biex tiffaċilita l-kummerċ miftuħ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti u sostenibbli ta’ komponenti u tagħmir ewlenin b’emissjonijiet żero netti. |
17. |
Jispeċifikaw ir-riformi u l-miżuri biex jiġu mobilizzati l-investimenti privati meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima. Jipprovdu ħarsa ġenerali komprensiva u konsistenti lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku u privat aggregati u skont is-settur. Tikkomplementa approċċ minn fuq għal isfel f’approċċ mifrux mal-ekonomija kollha b’valutazzjoni speċifika għall-proġett minn isfel għal fuq tul il-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija. Jinkludu diżaggregazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment totali b’informazzjoni addizzjonali dwar is-sorsi ta’ finanzjament nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni kif ukoll sorsi finanzjarji privati li għandhom jiġu mobilizzati. Iżidu deskrizzjoni qasira tat-tip ta’ skema ta’ appoġġ finanzjarju magħżula biex jimplimentaw il-politiki u l-miżuri, li huma ffinanzjati permezz tal-baġit pubbliku, u l-użu ta’ strumenti finanzjarji mħallta li jagħmlu użu minn għotjiet, self, assistenza teknika u garanziji pubbliċi, inkluż ir-rwol tal-banek promozzjonali nazzjonali fl-iskemi rispettivi u/jew kif jiġi mobilizzat il-finanzjament privat. Jikkunsidraw il-ġenerazzjoni kosteffettiva ta’ trasferimenti lejn Stati Membri oħra skont l-ESR bħala sors ta’ finanzjament. Jipprovdu valutazzjoni robusta tal-impatt makroekonomiku tal-politiki u l-miżuri ppjanati. |
18. |
Jiddeskrivu kif il-politiki u l-miżuri inklużi fil-pjan aġġornat huma konsistenti mal-Pjan nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tan-Netherlands, inkluż il-kapitolu RepowerEU. |
19. |
Jispjegaw f’aktar dettall kif in-Netherlands beħsiebhom jeliminaw gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili u sa meta se jagħmlu dan. |
20. |
Jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar il-konsegwenzi soċjali, tal-impjiegi u tal-ħiliet, jew kwalunkwe impatt distributtiv ieħor, tat-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija u dwar l-objettivi, il-politiki u l-miżuri ppjanati biex jappoġġaw tranżizzjoni ġusta. Jispeċifikaw il-forma tal-appoġġ, l-impatt tal-inizjattivi, il-gruppi fil-mira u r-riżorsi ddedikati, filwaqt li jqisu r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (21). Jinkludu, sa fejn ikun possibbli, aktar elementi biex jipprovdu bażi analitika adegwata għat-tħejjija ta’ Pjan Soċjali għall-Klima futur, f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), inklużi indikazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu vvalutati l-isfidi u l-impatti soċjali fuq l-aktar vulnerabbli tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-kombustjoni tal-fjuwil fil-bini, fit-trasport bit-triq u f’setturi addizzjonali, u biex jiġu identifikati benefiċjarji potenzjali u qafas ta’ politika rilevanti. Jispjegaw kif il-qafas ta’ politika identifikat fl-NECP se jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-Pjan Soċjali għall-Klima tan-Netherlands u kif se tiġi żgurata l-konsistenza bejn iż-żewġ pjanijiet. |
21. |
Jiżguraw parteċipazzjoni pubblika inklużiva fi żmien raġonevoli u parteċipazzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-pjan. Jipprovdu ħarsa ġenerali ċara dwar kif il-proċess ta’ konsultazzjoni se jippermetti parteċipazzjoni pubblika wiesgħa mill-awtoritajiet, iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali, fit-tħejjija kemm tal-abbozz kif ukoll tal-pjan aġġornat finali. Jipprovdu sommarju tal-fehmiet espressi minn atturi differenti, u sommarju ta’ kif il-pjan jintegra l-fehmiet espressi matul il-konsultazzjonijiet. |
22. |
Jespandu l-kooperazzjoni reġjonali li diġà hija tajba mal-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari billi jiddeskrivi kif in-Netherlands beħsiebhom jistabbilixxu qafas għal kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra sal-2025, f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata. Ikomplu bl-isforzi biex jiffirmaw l-erba’ ftehimiet bilaterali ta’ solidarjetà li fadal għas-sigurtà tal-provvista tal-gass mal-ġirien tagħhom (l-Irlanda, il-Belġju, il-Ġermanja). |
DWAR IL-KONSISTENZA TAL-MIŻURI NAZZJONALI MAL-OBJETTIV TAN-NEWTRALITÀ KLIMATIKA U MAL-IŻGURAR TAL-PROGRESS B’RABTA MAL-ADATTAMENT SKONT IR-REGOLAMENT (UE) 2021/1119
1. |
Jistabbilixxu qafas legali xieraq għall-politika u l-azzjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. |
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Kadri SIMSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.
(3) Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Gwida lill-Istati Membri għall-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima tal-2021 sal-2030 (ĠU C 495, 29.12.2022, p. 24).
(4) COM(2022) 230 final.
(5) SWD(2022) 621 final, SWD(2023) 619 final.
(6) COM (2022) 621 Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill; COM(2023) 619 final, Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
(7) Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26), kif emendat mir-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999 (ĠU L 111, 26.4.2023, p. 1).
(8) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(9) Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1), kif emendata mir-Regolament (UE) 2023/839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/841 fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, is-simplifikazzjoni tar-regoli dwar ir-rapportar u l-konformità, u l-istabbiliment tal-miri tal-Istati Membri għall-2030, u r-Regolament (UE) 2018/1999 fir-rigward tat-titjib fil-monitoraġġ, fir-rapportar, fit-traċċar tal-progress u fir-rieżami (ĠU L 107, 21.4.2023, p. 1).
(10) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).
(11) Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Enerġija mir-Riħ COM (2023) 669 final, 24.10.2023 u l-Komunikazzjoni dwar it-twettiq tal-ambizzjoni tal-UE rigward l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta (COM (2023) 668 final).
(12) Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 ( ĠU L 231, 20.9.2023, p. 1).
(13) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura” (COM/2022/360 final).
(14) Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 1).
(15) Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).
(16) Ir-Rakkomandazzjoni tal-14 ta’ Marzu 2023 dwar il-Ħżin tal-Enerġija — Insejsu sistema tal-enerġija tal-UE dekarbonizzazzata u sigura (ĠU C 103, 20.3.2023, p. 1).
(17) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2407 tal-20 ta’ Ottubru 2023 dwar il-faqar enerġetiku, C:2023/4080, (ĠU L 2023/2407, 23.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2407/oj).
(18) Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal-25 ta’ Ġunju 1998 (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus).
(19) SWD(2023) 921.
(20) Ir-Rapport ta’ Progress dwar l-Azzjoni Klimatika tal-UE għall-2023, COM(2023) 653 final, u l-Valutazzjoni tal-progress tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima fl-Istati Membri individwali skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima (SWD(2023) 932).
(21) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 243, 27.6.2022 p. 35).
(22) Ir-Regolament (UE) 2023/955 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1060 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/616/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)