European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/607

16.2.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/607

tal-15 ta’ Frar 2024

dwar l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tas-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“l-Att dwar is-Servizzi Diġitali”)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 85 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat tas-Servizzi Diġitali f’konformità mal-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2022/2065,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2022/2065 ifittex li jiżgura spazju diġitali sikur għall-utenti, filwaqt li jiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati. Dan jagħmlu billi jimponi obbligi fuq il-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jiġi pprevenut it-tixrid ta’ kontenut illegali online u billi jirregola l-politiki ta’ moderazzjoni tal-kontenut ta’ dawk il-fornituri fir-rigward tas-servizzi tagħhom. Is-superviżjoni, l-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ effettivi tal-konformità ta’ dawk il-fornituri ma’ dawk l-obbligi jirrikjedu kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni, kif ukoll skambju mingħajr xkiel ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni.

(2)

Għal dan il-għan, l-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi u żżomm sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni affidabbli, sigura u interoperabbli, minn hawn ’il quddiem “AGORA”, li tappoġġa l-komunikazzjonijiet bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali (“il-Bord”). L-Awtoritajiet kompetenti l-oħrajn jistgħu jingħataw aċċess għal AGORA, fejn meħtieġ, biex iwettqu l-kompiti mogħtija lilhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni, u l-Bord huma meħtieġa jużaw AGORA għall-komunikazzjonijiet kollha magħmula skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

(3)

AGORA hija applikazzjoni tas-software aċċessibbli permezz tal-Internet li għandha tiġi żviluppata mill-Kummissjoni. AGORA tipprovdi mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni biex tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord skont ir-Regolament (UE) 2022/2065. B’mod partikolari, jenħtieġ li AGORA tappoġġa lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Kummissjoni u lill-Bord fil-ġestjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni b’rabta mas-superviżjoni, mal-investigazzjoni, mal-infurzar u mal-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 abbażi ta’ proċeduri sempliċi u unifikati.

(4)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-istabbiliment, għall-manutenzjoni u għall-operazzjoni ta’ AGORA għall-finijiet tas-superviżjoni, tal-investigazzjoni, tal-infurzar u tal-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, li jistgħu jkopru, inter alia, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn tnejn, il-proċeduri ta’ notifika, il-mekkaniżmi ta’ twissija, l-arranġamenti ta’ assistenza reċiproka u s-soluzzjoni tal-problemi bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni, il-Bord u awtoritajiet kompetenti oħrajn li ngħataw aċċess għal AGORA skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 (“parteċipanti ta’ AGORA”).

(5)

Minħabba r-rilevanza transfruntiera u transsettorjali tas-servizzi intermedjarji, huwa meħtieġ livell għoli ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni fost il-parteċipanti rilevanti differenti biex jiġu żgurati s-superviżjoni, l-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ konsistenti skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni rilevanti permezz ta’ AGORA għal dik il-fini.

(6)

Sabiex jingħelbu l-ostakli lingwistiċi, jenħtieġ li AGORA tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li AGORA toffri għodod kompletament awtomatizzati għat-traduzzjoni awtomatika li bħalissa huma disponibbli għall-Kummissjoni għat-traduzzjoni ta’ dokumenti u ta’ messaġġi skambjati permezz tagħha. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti dawn l-għodod lill-persuni fiżiċi li jaħdmu taħt l-awtorità tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Kummissjoni, lill-Bord jew lil awtoritajiet kompetenti oħrajn li jkunu ngħataw aċċess għal AGORA (“utent ta’ AGORA”), u lill-utenti ta’ AGORA maħtura bħala amministraturi mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, lill-Kummissjoni u lill-Bord (“Amministratur ta’ AGORA”). L-għodod awtomatizzati għat-traduzzjoni awtomatika jenħtieġ li jkunu kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ kunfidenzjalità għall-iskambju ta’ informazzjoni f’AGORA.

(7)

Sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord jista’ jkollhom bżonn jiskambjaw informazzjoni li tista’ tinkludi data personali. Kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni bħal dan jenħtieġ li jikkonforma mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fir-Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2016/679 (2) u (UE) 2018/1725 (3). Għaldaqstant, l-iskambju tad-data personali meħtieġa għall-konformità mal-obbligi u għat-twettiq tal-kompiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2065 jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ipproċessar legali tad-data skont l-Artikolu 5(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 6(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2016/679.

(8)

Jenħtieġ li AGORA tkun l-għodda użata għall-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż, fejn meħtieġ, data personali, li kieku jseħħ permezz ta’ mezzi oħrajn, inkluża l-posta regolari jew il-posta elettronika abbażi ta’ obbligu legali impost fuq il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, fuq il-Kummissjoni, fuq il-Bord u fuq awtoritajiet kompetenti oħrajn li ngħataw aċċess għal AGORA skont ir-Regolament (UE) 2022/2065. Id-data personali skambjata permezz ta’ AGORA jenħtieġ li tiġi pproċessata biss għall-finijiet tas-superviżjoni, tal-investigazzjoni, tal-infurzar u tal-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065. Meta d-data personali tiġi pproċessata fl-operazzjoni ta’ AGORA għall-finijiet tal-kondiviżjoni, tat-talba u tal-aċċess għal informazzjoni li jwieġbu talb għal informazzjoni, referenzi, talb għal azzjoni u talb għal appoġġ, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jkunu kontrolluri separati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679 għall-attivitajiet ta’ pproċessar li jwettqu.

(9)

Kull Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jista’ jiddeċiedi wkoll li juża AGORA għall-attivitajiet tiegħu ta’ trattament tal-każijiet imwettqa għas-superviżjoni, għall-investigazzjoni, għall-infurzar u għall-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065. Meta d-data personali ma tkunx se tiġi skambjata f’AGORA għall-finijiet tal-kondiviżjoni, tat-talba u tal-aċċess għall-informazzjoni, tat-tweġibiet għal talb għal informazzjoni, ta’ referenzi, ta’ talb għal azzjoni u ta’ talb għal appoġġ, kull Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u, fejn applikabbli, awtoritajiet kompetenti oħrajn li ngħataw aċċess għal AGORA, jenħtieġ li jkunu kontrollur uniku skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679 u tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa permezz ta’ AGORA.

(10)

It-trażmissjoni, il-ħżin u pproċessar ieħor tad-data personali ta’ persuni fiżiċi jenħtieġ li jsiru f’AGORA għall-finijiet ta’ appoġġ ta’ komunikazzjonijiet bejn il-parteċipanti ta’ AGORA biex iwettqu l-attivitajiet ta’ trattament tal-każijiet minnhom b’rabta mas-superviżjoni, mal-investigazzjoni, mal-infurzar u mal-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

(11)

Jenħtieġ li AGORA tipproċessa d-data personali sa fejn ikun strettament meħtieġ għas-superviżjoni, għall-investigazzjoni, għall-infurzar u għall-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065. Jenħtieġ li AGORA tipproċessa d-data personali, bħad-data ta’ identifikazzjoni (eżempju l-isem, il-laqam, il-psewdonimu, id-data tat-twelid, il-post tat-twelid, in-nazzjonalità, id-dokumenti ta’ identifikazzjoni, u fejn meħtieġ karatteristiċi oħrajn li x’aktarx jgħinu fl-identifikazzjoni), id-dettalji ta’ kuntatt (eżempju l-indirizz professjonali u privat, l-indirizz tal-posta elettronika u t-telefon), id-data dwar l-involviment f’każ (eżempju l-pożizzjoni u l-funzjoni tal-persuna fiżika f’impriża, ir-rwoli oħrajn bħal persuna ssuspettata, vittma, informatur u xhud), id-data relatata mal-każ (eżempju dokument, immaġni, vidjo, reġistrazzjoni tal-vuċi, dikjarazzjoni, opinjoni u rekord) u kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

(12)

Wara l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data b’disinn u b’mod awtomatiku, jenħtieġ li AGORA tiġi żviluppata u mfassla b’rispett dovut għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari minħabba r-restrizzjonijiet imposti fuq l-aċċess għad-data personali skambjata f’AGORA. Għalhekk, jenħtieġ li AGORA toffri livell ferm ogħla ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà minn metodi oħrajn ta’ skambju ta’ informazzjoni bħal telefon, posta regolari jew posta elettronika.

(13)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi u timmaniġġa s-software u l-infrastruttura tal-IT għal AGORA, tiżgura l-affidabbiltà, is-sigurtà, id-disponibbiltà, il-manutenzjoni u l-operazzjoni tagħha, u tkun involuta fit-taħriġ u fl-assistenza teknika għall-amministraturi ta’ AGORA u għall-utenti ta’ AGORA.

(14)

Il-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu liema awtoritajiet nazzjonali jwettqu l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi eżerċitata f’konformità mal-Artikolu 49 u mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2022/2065. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jadattaw il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet fir-rigward ta’ AGORA biex jirriflettu l-istrutturi amministrattivi interni tagħhom, u biex jimplimentaw f’AGORA tip speċifiku ta’ xogħol jew ordni ta’ stadji fi proċess ta’ ħidma partikolari.

(15)

Kull Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jaħtar u jinnotifika lill-Kummissjoni mill-anqas amministratur wieħed ta’ AGORA fl-Istat Membru tiegħu għal kwistjonijiet relatati ma’ AGORA. Kull Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jkun responsabbli wkoll għall-ħatra tal-amministraturi ta’ AGORA tal-awtoritajiet kompetenti rispettivi tiegħu li jkunu ngħataw aċċess għal AGORA skont ir-Regolament (UE) 2022/2065. Kull amministratur ta’ AGORA jenħtieġ li jirreġistra, jagħti u jirrevoka l-aċċess għal AGORA lill-utenti ta’ AGORA tiegħu stess. Sabiex jiksbu kooperazzjoni fis-superviżjoni, fl-investigazzjoni, fl-infurzar u fil-monitoraġġ effiċjenti tas-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065 permezz ta’ AGORA, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-amministraturi ta’ AGORA u l-utenti ta’ AGORA rispettivi tagħhom ikollhom ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-obbligi tagħhom f’konformità mal-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

(16)

L-informazzjoni li tasal għand Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni, il-Bord jew awtorità kompetenti oħra li tkun ingħatat aċċess għal AGORA permezz ta’ AGORA minn Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ieħor, mill-Kummissjoni, mill-Bord jew minn awtorità kompetenti oħra bħal din jenħtieġ li ma tiġix imċaħħda mill-valur tagħha bħala evidenza fi proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi f’konformità mal-liġijiet rilevanti tal-UE u dawk nazzjonali unikament minħabba li tkun oriġinat fi Stat Membru ieħor, jew li tkun waslet b’mezzi elettroniċi, u jenħtieġ li tiġi ttrattata mill-parteċipant ta’ AGORA rilevanti bl-istess mod bħal dokumenti simili li joriġinaw fl-Istat Membru tiegħu.

(17)

Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu pproċessati l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-amministraturi ta’ AGORA u tal-utenti ta’ AGORA meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament (UE) 2022/2065 u ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-monitoraġġ tal-użu ta’ AGORA minn amministraturi ta’ AGORA u minn utenti ta’ AGORA, l-inizjattivi ta’ komunikazzjoni, it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni, u l-ġbir ta’ informazzjoni b’rabta mas-superviżjoni, mal-investigazzjoni, mal-infurzar u mal-monitoraġġ tas-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065, jew l-assistenza reċiproka tiegħu.

(18)

Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv ta l-funzjonament ta’ AGORA u r-rapportar dwaru, jenħtieġ li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Bord u awtoritajiet kompetenti oħrajn li ngħataw aċċess għal AGORAjagħmlu l-informazzjoni rilevanti disponibbli għall-Kummissjoni.

(19)

Is-suġġetti tad-data jenħtieġ li jiġu informati bl-ipproċessar tad-data personali tagħhom f’AGORA u bid-drittijiet li jibbenefikaw minnhom, b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess għad-data relatata magħhom u d-dritt li d-data mhux akkurata tiġi kkoreġuta u d-data pproċessata b’mod illegali titħassar, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u mar-Regolament (UE) 2018/1725.

(20)

Kull parteċipant ta’ AGORA, bħala kontrollur fir-rigward tal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data li jwettaq b’rabta mas-superviżjoni, mal-investigazzjoni, mal-infurzar u mal-monitoraġġ tas-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065 jenħtieġ li jiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u mar-Regolament (UE) 2018/1725. Dan jenħtieġ li jinkludi l-istabbiliment ta’ proċess sabiex tiġi ttestjata, ivvalutata u evalwata l-effettività tal-miżuri tekniċi u organizattivi li jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar.

(21)

L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-prestazzjoni ta’ AGORA jenħtieġ li jiġu mmonitorjati fir-rapport dwar il-funzjonament ta’ AGORA bbażat fuq data statistika minn AGORA u fuq kwalunkwe data rilevanti oħra. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Il-prestazzjoni tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, tal-Bord u ta’ awtoritajiet kompetenti oħrajn li ngħataw aċċess għal AGORA jenħtieġ li tiġi evalwata, inter alia, abbażi tal-medja tad-dewmien qabel ma tingħata tweġiba bil-għan li jiġu żgurati tweġibiet effiċjenti u adegwati. Dan ir-rapport jenħtieġ li jindirizza wkoll aspetti relatati mal-protezzjoni tad-data personali f’AGORA, inkluża s-sigurtà tad-data.

(22)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fl-4 ta’ Jannar 2024,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament ta’ sistema affidabbli u sigura ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni, minn hawn ’il quddiem “AGORA”, għas-superviżjoni, għall-investigazzjoni, għall-infurzar u għall-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

Artikolu 2

Sistemi ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni

1.   Is-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni AGORA hija b’dan stabbilita.

2.   AGORA hija applikazzjoni ta’ software aċċessibbli permezz tal-Internet, u l-għodda użata għall-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż, fejn meħtieġ, data personali, li kieku sseħħ permezz ta’ mezzi oħrajn, inklużi l-posta regolari jew il-posta elettronika.

3.   AGORA għandha tintuża għall-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni li jkun fiha data personali, bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali (“il-Bord”), kif ukoll ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn li jingħataw aċċess għal AGORA biex iwettqu l-kompiti mogħtija lilhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065, fir-rigward tas-superviżjoni, l-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ ta’ dak ir-regolament.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 49(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065, l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“AGORA” tfisser is-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni stabbilita u miżmuma mill-Kummissjoni biex tappoġġa l-komunikazzjonijiet kollha skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 bejn il-parteċipanti ta’ AGORA għas-superviżjoni, għall-investigazzjoni, għall-infurzar u għall-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065;

(b)

“Parteċipant ta’ AGORA” tfisser il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni, il-Bord jew awtoritajiet kompetenti oħrajn li jingħataw jew li jistgħu jingħataw aċċess għal AGORA fejn meħtieġ għalihom biex iwettqu l-kompiti mogħtija lilhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065;

(c)

“Utent ta’ AGORA” tfisser persuna fiżika li taħdem taħt l-awtorità ta’ parteċipant ta’ AGORA, u rreġistrata bħala tali f’AGORA, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-parteċipant ta’ AGORA mir-Regolament (UE) 2022/2065;

(d)

“Amministratur ta’ AGORA” tfisser utent ta’ AGORA maħtur minn parteċipant ta’ AGORA għall-fini tal-ġestjoni ta’ AGORA għal dak il-parteċipant.

KAPITOLU II

FUNZJONIJIET U RESPONSABBILTAJIET FIR-RIGWARD TA’ AGORA

Artikolu 4

Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-kompiti li ġejjin fir-rigward ta’ AGORA:

(a)

tipprovdi AGORA fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, u tmantni AGORA;

(b)

tiżgura l-affidabbiltà, is-sigurtà, id-disponibbiltà, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-software u l-infrastruttura tal-IT ta’ AGORA;

(c)

toffri għodod awtomatizzati tat-traduzzjoni awtomatika għat-traduzzjoni ta’ dokumenti u ta’ messaġġi skambjati permezz ta’ AGORA;

(d)

tagħti appoġġ lill-parteċipanti l-oħrajn ta’ AGORA fir-rigward tal-użu ta’ AGORA;

(e)

tirreġistra mill-anqas amministratur wieħed ta’ AGORA f’isem kull Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u tal-Bord, u tagħtihom aċċess għal AGORA;

(f)

taħtar mill-anqas amministratur wieħed ta’ AGORA;

(g)

twettaq operazzjonijiet ta’ pproċessar dwar id-data personali f’AGORA, fejn previst f’dan ir-Regolament, għas-superviżjoni, għall-investigazzjoni, għall-infurzar u għall-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065;

(h)

tawditja, timmonitorja u tħejji rapporti meħtieġa għall-awditjar u għall-monitoraġġ ta’ AGORA skont ir-Regolament (UE) 2022/2065;

(i)

tagħti għarfien, taħriġ u appoġġ, inkluża assistenza teknika, lill-amministraturi ta’ AGORA;

(j)

timmonitorja l-prestazzjoni mill-parteċipanti l-oħrajn kollha ta’ AGORA skont dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 15.

2.   Sabiex jassistu lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti elenkati fil-paragrafu 1, il-parteċipanti l-oħrajn ta’ AGORA għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni relatata mal-operazzjonijiet imwettqa minnhom f’AGORA.

Artikolu 5

Ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun proċessur skont it-tifsira tal-Artikolu 3(12) tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali meta tirreġistra amministraturi ta’ AGORA.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun kontrollur separat skont it-tifsira tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-amministraturi ta’ AGORA u tal-utenti ta’ AGORA tagħha stess.

3.   Meta l-Kummissjoni tipproċessa d-data personali fl-operazzjoni ta’ AGORA għall-fini tal-kondiviżjoni, għat-talb u għall-aċċess għall-informazzjoni, għat-talb għal azzjoni u għat-talb għal appoġġ, din għandha titqies bħala kontrollur separat, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, mill-parteċipanti l-oħrajn ta’ AGORA għall-attivitajiet ta’ pproċessar tad-data personali li twettaq.

4.   Meta l-Kummissjoni tipproċessa d-data personali fl-operazzjoni ta’ AGORA f’isem il-parteċipanti l-oħrajn ta’ AGORA għall-fini tal-kondiviżjoni, għat-talb u għall-aċċess għall-informazzjoni, għat-talb għal azzjoni u għat-talb għal appoġġ, din għandha titqies bħala proċessur skont it-tifsira tal-Artikolu 3(12) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

5.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni bħala proċessur għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa f’AGORA minn dawk il-parteċipanti l-oħrajn ta’ AGORA għandhom jiġu ddefiniti f’konformità mal-Anness II.

Artikolu 6

Responsabbiltajiet tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.   Kull Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jaħtar, għall-Istat Membru tiegħu, mill-anqas amministratur wieħed ta’ AGORA.

2.   Kull Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli għall-iżgurar li, fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065, l-utenti ta’ AGORA awtorizzati biss ikollhom aċċess għal AGORA.

3.   Kull Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-amministratur ta’ AGORA maħtur minnu f’konformità mal-paragrafu 1 mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tikkondividi dik l-informazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħrajn u mal-Bord.

4.   Kull Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jiżgura li jiġu ssodisfati r-responsabbiltajiet tal-amministratur ta’ AGORA skont dan ir-Regolament.

5.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ikunu kontrolluri separati skont it-tifsira tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali meta jirreġistraw l-utenti ta’ AGORA tagħhom u jagħtuhom aċċess għal AGORA.

6.   Meta l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jipproċessaw id-data personali fl-operazzjoni ta’ AGORA għall-fini tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni, tat-talb u tal-aċċess għall-informazzjoni, tat-tweġib tat-talb għall-informazzjoni, tat-twettiq ta’ referenzi, tat-talb għal azzjoni u tat-talb għal appoġġ, dawn għandhom ikunu kontrolluri separati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679 għall-attivitajiet ta’ pproċessar li jwettqu.

7.   Meta awtoritajiet kompetenti oħrajn maħtura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065, li ma humiex il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, jipproċessaw id-data personali fl-operazzjoni ta’ AGORA, dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu kontrolluri separati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 7

Responsabbiltajiet tal-Bord

1.   Il-Bord għandu jaħtar amministratur ta’ AGORA wieħed. L-amministratur ta’ AGORA għandu jkun parti mill-appoġġ amministrattiv u analitiku pprovdut lill-Bord skont l-Artikolu 62(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

2.   Il-Bord għandu jkun responsabbli biex jiżgura li l-utenti awtorizzati ta’ AGORA biss ikollhom aċċess għal AGORA.

3.   Il-Bord għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-identità tal-amministratur ta’ AGORA tiegħu maħtur f’konformità mal-paragrafu 1, u dwar il-kompiti li għalihom huwa responsabbli skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha taqsam din l-informazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali.

Artikolu 8

Responsabbiltajiet tal-amministraturi ta’ AGORA

L-amministraturi ta’ AGORA għandhom ikunu responsabbli għal:

(a)

ir-reġistrazzjoni tal-utenti ta’ AGORA, u l-għoti u r-revoka tal-aċċess għal AGORA;

(b)

jaġixxu bħala l-punt ta’ kuntatt ewlieni għall-Kummissjoni għal kwistjonijiet relatati ma’ AGORA, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni dwar aspetti relatati mal-protezzjoni tad-data personali f’konformità ma’ dan ir-Regolament, mar-Regolament (UE) 2016/679 u mar-Regolament (UE) 2018/1725;

(c)

l-għoti ta’ għarfien, taħriġ u appoġġ, inklużi l-assistenza teknika u helpdesk, lill-utenti ta’ AGORA rreġistrati minnhom;

(d)

l-iżgurar tal-għoti effiċjenti ta’ tweġibiet adegwati mill-parteċipanti ta’ AGORA.

Artikolu 9

Drittijiet ta’ aċċess tal-parteċipanti ta’ AGORA

1.   Il-parteċipanti ta’ AGORA għandhom jagħtu u jirrevokaw id-drittijiet ta’ aċċess għall-amministraturi ta’ AGORA li huma responsabbli għalihom.

2.   L-amministraturi awtorizzati ta’ AGORA u l-utenti awtorizzati ta’ AGORA biss għandu jkollhom aċċess għal AGORA.

3.   Il-parteċipanti ta’ AGORA għandhom jistabbilixxu mezzi xierqa biex jiżguraw li l-amministraturi ta’ AGORA u l-utenti ta’ AGORA jitħallew jaċċessaw id-data personali pproċessata f’AGORA biss fejn strettament ikun meħtieġ għas-superviżjoni, għall-investigazzjoni, għall-infurzar u għall-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

4.   Meta proċedura relatata mas-superviżjoni, mal-investigazzjoni, mal-infurzar u mal-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 tinvolvi l-ipproċessar tad-data personali, l-amministraturi ta’ AGORA u l-utenti ta’ AGORA biss li jipparteċipaw f’dik il-proċedura għandu jkollhom aċċess għal din id-data personali.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità

1.   Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom japplikaw ir-regoli tagħhom stess dwar is-segretezza professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħrajn ta’ kunfidenzjalità lill-amministraturi ta’ AGORA u lill-utenti ta’ AGORA tagħhom f’konformità mal-liġi nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni.

2.   Kull parteċipant ta’ AGORA għandu jiżgura li t-talb mill-parteċipanti l-oħrajn ta’ AGORA għal trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni skambjata f’AGORA jiġu rispettati mill-amministraturi ta’ AGORA u mill-utenti ta’ AGORA li jaħdmu taħt l-awtorità tagħhom.

KAPITOLU III

IPPROĊESSAR TAD-DATA PERSONALI U SIGURTÀ

Artikolu 11

Ipproċessar tad-data personali f’AGORA

1.   It-trażmissjoni, il-ħżin u pproċessar ieħor tad-data personali f’AGORA jistgħu jsiru biss kif meħtieġ u b’mod proporzjonat u għall-finijiet li ġejjin biss:

(a)

l-appoġġ għall-komunikazzjonijiet bejn il-parteċipanti ta’ AGORA b’rabta mas-superviżjoni, l-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065;

(b)

it-trattament tal-każijiet mill-parteċipanti ta’ AGORA meta jwettqu l-attivitajiet tagħhom stess b’rabta mas-superviżjoni, l-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065;

(c)

it-twettiq tat-trasformazzjonijiet kummerċjali u tekniċi tad-data elenkata f’dan ir-Regolament, fejn dan ikun meħtieġ biex ikun jista’ jsir l-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-punti (a) u (b).

2.   L-ipproċessar tad-data personali jista’ jsir f’AGORA biss fir-rigward tal-kategoriji tas-suġġetti tad-data li ġejjin:

(a)

il-persuni fiżiċi li l-informazzjoni personali tagħhom tinsab f’dokumenti miksuba b’rabta mas-superviżjoni, mal-investigazzjoni, mal-infurzar u mal-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065;

(b)

l-amministraturi ta’ AGORA u l-utenti ta’ AGORA li ngħataw aċċess għal AGORA.

3.   L-ipproċessar tad-data personali jista’ jsir f’AGORA biss fir-rigward tal-kategoriji tad-data personali li ġejjin:

(a)

id-data tal-identifikazzjoni, id-dettalji ta’ kuntatt, id-data dwar l-involviment f’każ, id-data relatata mal-każijiet u kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa meħtieġa għas-superviżjoni, għall-investigazzjoni, għall-infurzar u għall-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065;

(b)

l-isem, l-indirizz, l-informazzjoni ta’ kuntatt, in-numru ta’ kuntatt u l-ID tal-amministraturi ta’ AGORA u tal-utenti ta’ AGORA msemmija fil-paragrafu 2(b).

4.   AGORA għandha taħżen il-kategoriji tad-data personali elenkati skont l-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-Regolament u r-reġistri li jindikaw l-informazzjoni dwar il-fluss u l-movimenti tad-data skambjata mwettqa għas-superviżjoni, għall-investigazzjoni, għall-infurzar u għall-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

5.   Il-ħżin tad-data msemmi fil-paragrafu 2 għandu jitwettaq bl-użu tal-infrastruttura tat-teknoloġija tal-informazzjoni li tinsab fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

6.   Kull parteċipant ta’ AGORA għandu jiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u mar-Regolament (UE) 2018/1725, u għandu jkun responsabbli għall-konformità ma’ dawn ir-regolamenti għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali mwettqa f’ismu.

7.   L-awtoritajiet Superviżorji nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, li kull wieħed minnhom jaġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza rispettiva tiegħu, għandhom jiżguraw superviżjoni kkoordinata ta’ AGORA u l-użu tagħha mill-amministraturi ta’ AGORA u mill-utenti ta’ AGORA.

Artikolu 12

Kontroll konġunt f’AGORA

1.   Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ikunu kontrolluri konġunti skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 għat-trażmissjoni, għall-ħżin u għal ipproċessar ieħor tad-data personali f’AGORA fir-rigward tal-attivitajiet tal-Bord imwettqa fil-kuntest tas-superviżjoni, tal-investigazzjoni, tal-infurzar u tal-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

2.   Meta jitwettqu l-investigazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2022/2065 fil-kuntest tas-superviżjoni, tal-investigazzjoni, tal-infurzar u tal-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kkonċernati għandhom ikunu kontrolluri konġunti, skont it-tifsira tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, għat-trażmissjoni, għall-ħżin u għal ipproċessar ieħor tad-data personali f’AGORA fil-kuntest ta’ investigazzjoni konġunta partikolari.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, ir-responsabbiltajiet għandhom jiġu allokati fost il-kontrolluri konġunti f’konformità mal-Anness I.

4.   Il-Kummissjoni għandha tkun proċessur skont it-tifsira tal-Artikolu 3(12) tar-Regolament (UE) 2018/1725 għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq f’isem il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għall-fini tal-attivitajiet tal-Bord, u għall-investigazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2022/2065 imwettqa fil-kuntest tas-superviżjoni, tal-investigazzjoni, tal-infurzar u tal-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2065.

Artikolu 13

Sigurtà

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-miżuri tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà tad-data personali pproċessata f’AGORA, inkluż kontroll adegwat tal-aċċess għad-data u pjan ta’ sigurtà li għandhom jinżammu aġġornati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-miżuri tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku meħtieġa fil-każ ta’ inċident ta’ sigurtà, tieħu azzjoni ta’ rimedju u tiżgura li għandu jkun possibbli li jiġi vverifikat liema data personali tkun ġiet ipproċessata f’AGORA, meta, minn min u għal liema fini.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Traduzzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel AGORA disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, u toffri lill-utenti ta’ AGORA għodod awtomatizzati tat-traduzzjoni awtomatika għat-traduzzjoni ta’ dokumenti u ta’ messaġġi skambjati f’AGORA.

2.   Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra li għaliha jingħata aċċess għal AGORA tista’ tipproduċi, fir-rigward tat-twettiq ta’ kwalunkwe kompitu mogħti lilha f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065, kwalunkwe informazzjoni, dokument, sejba, dikjarazzjoni jew kopja awtentikata ċċertifikata li tkun irċeviet f’AGORA, fuq l-istess bażi ta’ informazzjoni simili miksuba f’pajjiżha stess, għal finijiet kompatibbli ma’ dawk li għalihom id-data tkun inġabret oriġinarjament u f’konformità mad-dritt tal-UE u mal-liġijiet nazzjonali rilevanti.

Artikolu 15

Monitoraġġ u rapportar

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment il-funzjonament ta’ AGORA u għandha tevalwa regolarment il-prestazzjoni tagħha.

2.   Sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Frar 2027, u kull 3 snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mwettqa f’konformità mal-paragrafu 1, u dwar il-prestazzjoni tal-parteċipanti ta’ AGORA b’rabta mal-AGORA bil-għan li jiġu żgurati l-kondiviżjoni effiċjenti tal-informazzjoni u tweġibiet adegwati. Ir-rapport għandu jindirizza wkoll l-aspetti ta’ implimentazzjoni relatati mal-protezzjoni tad-data personali f’AGORA, inkluża s-sigurtà tad-data.

3.   Għall-fini tal-produzzjoni tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Bord u awtoritajiet kompetenti oħrajn li għalihom jingħata aċċess fejn meħtieġ biex jitwettqu l-kompiti mogħtija lilhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065 għandhom, fuq bażi annwali, jipprovdu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-forma ta’ rapporti, inkluż dwar l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tad-data stabbiliti fih.

Artikolu 16

Kostijiet

1.   Il-kostijiet imġarrba għall-istabbiliment, għall-manutenzjoni u għall-operazzjoni ta’ AGORA għandhom ikunu koperti mit-tariffi superviżorji annwali miġbura mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 u mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127 (4).

2.   Il-kostijiet għall-operazzjonijiet ta’ AGORA fil-livell tal-Istati Membri, inklużi r-riżorsi umani meħtieġa għat-taħriġ, għall-promozzjoni, għall-assistenza teknika u għall-attivitajiet ta’ helpdesk, kif ukoll għall-amministrazzjoni ta’ AGORA fil-livell nazzjonali u kwalunkwe adattament meħtieġ għan-networks nazzjonali u għas-sistemi tal-informazzjoni għandhom jitħallsu mill-Istat Membru li jġarrabhom.

Artikolu 17

Applikazzjoni effettiva

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament mill-parteċipanti ta’ AGORA tagħhom.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj?locale=mt.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj?locale=mt).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj?locale=mt).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1127 tat-2 ta’ Marzu 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bil-metodoloġiji u l-proċeduri dettaljati rigward it-tariffi superviżorji imposti mill-Kummissjoni fuq fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna (ĠU L 149, 02.03.2023, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1127/oj?locale=mt).


ANNESS I

Responsabbiltajiet tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali bħala kontrolluri konġunti għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa fil-kuntest ta’ AGORA għall-investigazzjonijiet konġunti u għall-attivitajiet tal-Bord

TAQSIMA 1

Sottotaqsima 1

Kamp ta’ applikazzjoni tal-arranġament ta’ kontroll konġunt

(1)

L-arranġament ta’ kontroll konġunt li ġej għandu japplika għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kkonċernati meta jwettqu l-investigazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2022/2065.

(2)

L-arranġament tal-kontroll konġunt li ġej għandu japplika għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali bħala membri tal-Bord għall-ipproċessar tal-attivitajiet tad-data personali tal-Bord skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, imwettqa fil-kuntest tas-superviżjoni, tal-investigazzjoni, tal-infurzar u tal-monitoraġġ tas-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065.

Sottotaqsima 2

Allokazzjoni tar-responsabbilitajiet

(1)

Il-kontrolluri konġunti għandhom jipproċessaw id-data personali permezz ta’ AGORA.

(2)

Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jibqgħu l-kontrolluri uniċi għall-ġbir, għall-użu, għad-divulgazzjoni u għal kwalunkwe pproċessar ieħor tad-data personali mwettaq barra minn AGORA. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jibqgħu wkoll l-uniċi kontrolluri għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali li jwettqu f’AGORA għas-superviżjoni, għall-investigazzjoni, għall-infurzar u għall-monitoraġġ tas-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065.

(3)

Kull kontrollur konġunt għandu jkun responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali f’AGORA f’konformità mal-Artikoli 5, 24 u 26 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(4)

Kull kontrollur għandu jistabbilixxi punt ta’ kuntatt b’indirizz elettroniku funzjonali għall-komunikazzjoni bejn il-kontrolluri konġunti nfushom u bejn il-kontrolluri konġunti u l-proċessur.

(5)

Kull kontrollur konġunt, meta jintalab jipprovdi assistenza rapida u effiċjenti lill-kontrolluri konġunti l-oħra fl-eżekuzzjoni ta’ dan l-arranġament, għandu jagħmel dan filwaqt li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli kollha tar-Regolament (UE) 2016/679 u mar-regoli applikabbli l-oħra dwar il-protezzjoni tad-data, inklużi l-obbligi lejn l-awtorità superviżorja rispettiva tiegħu stess.

(6)

Il-kontrolluri konġunti għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ ħidma li permezz tagħhom għandu jsir l-ipproċessar tad-data personali permezz ta’ AGORA, u għandhom jipprovdu struzzjonijiet diġà maqbula lill-Kummissjoni bħala proċessur.

(7)

L-istruzzjonijiet lill-proċessur għandhom jintbagħtu minn kwalunkwe punt ta’ kuntatt tal-kontrolluri konġunti, bi qbil mal-kontrolluri konġunti l-oħrajn. Il-kontrollur konġunt li jipprovdi l-istruzzjonijiet għandu jipprovdihom lill-proċessur bil-miktub, u jgħarraf lill-kontrolluri konġunti l-oħra kollha b’dan. Jekk il-kwistjoni kkonċernata tkun kritika fiż-żmien tant li ma tippermettix laqgħa tal-kontrolluri konġunti, xorta waħda tista’ tingħata struzzjoni, iżda din tista’ tiġi rrevokata mill-kontrolluri konġunti. Din l-istruzzjoni għandha tingħata bil-miktub, u l-kontrolluri konġunti l-oħra kollha għandhom jiġu informati b’dan fil-mument li tingħata l-istruzzjoni.

(8)

Il-modalitajiet ta’ ħidma bejn il-kontrolluri konġunti ma għandhom jipprekludu l-ebda kompetenza individwali tal-kontrolluri konġunti li jgħarrfu lill-Awtorità Superviżorja kompetenti tagħhom f’konformità mal-Artikoli 24 u 33 tar-Regolament (UE) 2016/679. Din in-notifika ma għandhiex teħtieġ il-kunsens ta’ kwalunkwe wieħed mill-kontrolluri konġunti l-oħra.

(9)

Il-modalitajiet ta’ ħidma bejn il-kontrolluri konġunti ma għandhom jipprekludu lill-ebda wieħed mill-kontrolluri konġunti milli jikkoopera mal-Awtorità Superviżorja kompetenti rispettiva tiegħu stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725.

(10)

Il-persuni awtorizzati minn kull kontrollur konġunt biss għandhom jaċċessaw id-data personali skambjata.

(11)

Kull kontrollur konġunt għandu jżomm rekord tal-attivitajiet ta’ pproċessar taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Il-kontroll konġunt għandu jiġi indikat f’dan ir-rekord.

Sottotaqsima 3

Responsabbiltajiet u rwoli għall-immaniġġjar tat-talb tas-suġġetti tad-data u għat-tgħarrif tagħhom

(1)

Kull kontrollur għandu jipprovdi informazzjoni lill-persuni fiżiċi li d-data tagħhom tkun qed tiġi pproċessata għall-investigazzjonijiet konġunti u għall-attivitajiet tal-Bord imwettqa fil-kuntest tas-superviżjoni, tal-investigazzjoni, tal-infurzar u tal-monitoraġġ tas-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/679, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew ikun jinvolvi sforz sproporzjonat.

(2)

Kull kontrollur għandu jaġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt għall-persuni fiżiċi li jkun ipproċessa d-data personali tagħhom u għandu jimmaniġġja t-talb ippreżentat mis-suġġetti tad-data jew mir-rappreżentanti tagħhom fl-eżerċizzju ta’ jeddijiethom f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Jekk kontrollur konġunt jirċievi talba mingħand suġġett tad-data, li tkun relatata mal-ipproċessar minn kontrollur konġunt ieħor, huwa għandu jgħarraf lis-suġġett tad-data dwar l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dak il-kontrollur konġunt responsabbli. Jekk jiġu mitluba minn kontrollur konġunt ieħor, il-kontrolluri konġunti għandhom jgħinu lil xulxin fil-immaniġġjar tat-talb tas-suġġett tad-data u għandhom iwieġbu lil xulxin mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar minn meta jirċievu talba għal għajnuna.

(3)

Kull kontrollur għandu jagħmel disponibbli l-kontenut ta’ dan l-Anness għas-suġġetti tad-data.

TAQSIMA 2

Ġestjoni ta’ inċidenti tas-sigurtà, inkluż il-ksur tad-data personali

(1)

Il-kontrolluri konġunti għandhom jgħinu lil xulxin biex jidentifikaw u jimmaniġġjaw kwalunkwe inċident tas-sigurtà, inkluż il-ksur tad-data personali, marbuta mal-ipproċessar f’AGORA.

(2)

B’mod partikolari, il-kontrolluri konġunti għandhom jgħarrfu lil xulxin dwar:

(a)

kull riskju potenzjali jew attwali għad-disponibbiltà, għall-kunfidenzjalità u/jew għall-integrità tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata f’AGORA;

(b)

kwalunkwe ksur tad-data personali, il-konsegwenzi probabbli tal-ksur tad-data personali u l-valutazzjoni tar-riskju għall-jeddijiet u għal-libertajiet tal-persuni fiżiċi, u kwalunkwe miżuri meħuda biex jiġi indirizzat il-ksur tad-data personali u biex jittaffa r-riskju għall-jeddijiet u għal-libertajiet tal-persuni fiżiċi; u

(c)

kwalunkwe ksur tas-salvagwardji tekniċi u/jew organizzattivi tal-operazzjoni tal-ipproċessar f’AGORA.

(3)

Il-kontrolluri konġunti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti tal-protezzjoni tad-data u, meta meħtieġ, lis-suġġetti tad-data bi kwalunkwe ksur tad-data personali fir-rigward tal-operazzjoni tal-ipproċessar f’AGORA, f’konformità mal-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew wara li tinħareġ notifika mill-Kummissjoni.

(4)

Kull Kontrollur Konġunt għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa mfassla biex:

(a)

jiżguraw u jipproteġu d-disponibbiltà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data personali pproċessata b’mod konġunt;

(b)

jipproteġu kontra kull aċċess, ipproċessar, telf, użu, divulgazzjoni jew akkwist mhux awtorizzat jew illegali ta’ kwalunkwe data personali fil-pussess tiegħu; u

(c)

jiżguraw li l-aċċess għad-data personali ma jiġi divulgat jew mogħti lil ħadd għajr ir-riċevituri jew il-proċessur.

TAQSIMA 3

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data

Jekk sabiex jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2016/679, il-kontrollur ikun jeħtieġ informazzjoni minn kontrollur ieħor jew mill-proċessur, dan għandu jibgħat talba speċifika lill-indirizz elettroniku funzjonali msemmi fis-Sottotaqsima 2(4) tat-Taqsima 1. Dan tal-aħħar għandu jagħmel l-aħjar li jista’ biex jipprovdi dik l-informazzjoni.


ANNESS II

Responsabbiltajiet tal-kummissjoni bħala proċessur għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa fil-kuntest ta’ AGORA mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, minn awtoritajiet nazzjonali oħra u mill-Bord

(1)

Il-Kummissjoni għandha:

(a)

tistabbilixxi u tiżgura infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura u affidabbli, l-AGORA, f’isem il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra u l-Bord li jappoġġa l-iskambju tal-informazzjoni għall-investigazzjonijiet ikkoordinati, għall-mekkaniżmi ta’ konsistenza u għall-attivitajiet tal-Bord, u

(b)

tipproċessa d-data personali biss abbażi tal-istruzzjonijiet dokumentati mill-kontrolluri u mill-kontrolluri konġunti, sakemm ma tkunx meħtieġa tagħmel dan skont id-dritt tal-Unjoni jew tal-Istat Membru; f’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-kontrolluri u lill-kontrolluri konġunti dwar dak ir-rekwiżit legali qabel twettaq l-attività ta’ pproċessar, sakemm dik il-liġi ma tkunx tipprojbixxi l-preżentazzjoni ta’ din l-informazzjoni minħabba raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku.

(2)

Biex tissodisfa l-obbligi tagħha bħala proċessur għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, għall-awtoritajiet nazzjonali l-oħra u għall-Bord, il-Kummissjoni tista’ tuża l-partijiet terzi bħala sottoproċessuri. Jekk dan ikun il-każ, il-kontrolluri u l-kontrolluri konġunti għandhom jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex tuża sottoproċessuri jew tissostitwixxi s-sottoproċessuri meta meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-kontrolluri u lill-kontrolluri konġunti dwar dan l-użu jew is-sostituzzjoni tas-sottoproċessuri, u b’hekk tagħti lill-kontrolluri u lill-kontrolluri konġunti l-opportunità li joġġezzjonaw għal kwalunkwe bidla bħal din. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-istess obbligi tal-protezzjoni tad-data kif stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għal dawn is-sottoproċessuri.

(3)

L-ipproċessar mill-Kummissjoni għandu jinvolvi:

(a)

l-awtentikazzjoni u l-kontroll tal-aċċess fir-rigward tal-amministraturi kollha ta’ AGORA u tal-utenti kollha ta’ AGORA;

(b)

l-awtorizzazzjoni tal-amministraturi ta’ AGORA u tal-utenti ta’ AGORA biex joħolqu, jaġġornaw u jħassru kwalunkwe rekord u informazzjoni li jinsabu f’AGORA;

(c)

ir-riċeviment tad-data personali msemmija fl-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-Regolament imtella’ mill-utenti nazzjonali ta’ AGORA u mill-amministraturi ta’ AGORA billi tiġi pprovduta interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet li tippermetti lill-utenti nazzjonali ta’ AGORA u lill-amministraturi ta’ AGORA jtellgħu d-data rilevanti;

(d)

il-ħżin tad-data personali f’AGORA;

(e)

id-disponibbiltà tad-data personali għall-aċċess u għat-tniżżil mill-amministraturi ta’ AGORA u mill-utenti ta’ AGORA u kwalunkwe attività oħra meħtieġa tal-ipproċessar tad-data;

(f)

it-tħassir tad-data personali fid-data tal-iskadenza tagħha jew fuq struzzjoni tal-kontrollur li ppreżentaha;

(g)

wara li jintemm il-forniment tas-servizzi, it-tħassir ta’ kwalunkwe data li jkun fadal sakemm id-dritt tal-Unjoni jew tal-Istat Membru ma jkunx jirrikjedi li din id-data personali tinħażen.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha ta’ sigurtà organizzattivi, fiżiċi u loġiċi l-aktar avvanzati biex tiżgura l-funzjonament ta’ AGORA. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tinnomina entità responsabbli għall-ġestjoni tas-sigurtà ta’ AGORA, tgħarraf l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħha lill-kontrolluri konġunti u tiżgura d-disponibbiltà tagħha biex tirreaġixxi għal theddid għas-sigurtà;

(b)

tieħu r-responsabbiltà għas-sigurtà ta’ AGORA, inkluż it-twettiq regolari ta’ testijiet, ta’ evalwazzjonijiet u ta’ valutazzjonijiet tal-miżuri ta’ sigurtà;

(c)

tiżgura li l-amministraturi ta’ AGORA u l-utenti ta’ AGORA li jingħataw aċċess għal AGORA jkunu soġġetti għal obbligu kuntrattwali, professjonali jew statutorju ta’ kunfidenzjalità.

(5)

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex tevita li tikkomprometti l-funzjonament operazzjonali bla xkiel ta’ AGORA. Dan għandu jinkludi:

(a)

proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju, sabiex jiġi identifikat u stmat it-theddid potenzjali għal AGORA;

(b)

proċedura ta’ awditu u ta’ rieżami sabiex:

issir verifika tal-korrispondenza bejn il-miżuri ta’ sigurtà implimentati u l-politika ta’ sigurtà applikabbli;

isir kontroll regolari tal-integrità tal-fajls ta’ AGORA, tal-parametri tas-sigurtà u tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija;

jiġi identifikat il-ksur tas-sigurtà u l-intrużjonijiet f’AGORA;

jiġu implimentati bidliet biex jitnaqqsu d-dgħufijiet eżistenti f’AGORA;

jiġu definiti l-kundizzjonijiet li bihom jiġu awtorizzati, inkluż fuq talba tal-kontrolluri, awditi indipendenti li jinkludu l-ispezzjonijiet, u r-rieżamijiet tal-miżuri ta’ sigurtà u jkun hemm kontribuzzjoni għal dawn, soġġetti għall-kundizzjonijiet li jħarsu l-Protokoll (Nru 7) tat-TFUE dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

(c)

tinbidel il-proċedura ta’ kontroll sabiex jiġi ddokumentat, jitkejjel l-impatt ta’ bidla qabel l-implimentazzjoni tagħha u sabiex il-kontrolluri konġunti jinżammu mgħarrfa dwar kull bidla li tista’ taffettwa l-komunikazzjoni ma’ AGORA u/jew is-sigurtà tagħha;

(d)

tiġi stabbilita proċedura ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija biex jiġu speċifikati r-regoli u l-kundizzjonijiet li għandhom jitħarsu meta jkun jenħtieġ li ssir manutenzjoni u/jew tiswija tat-tagħmir ta’ AGORA;

(e)

tiġi stabbilita proċedura għall-inċidenti tas-sigurtà biex tiġi definita l-iskema ta’ rappurtar u ta’ eskalazzjoni, biex jingħarrfu mingħajr dewmien il-kontrolluri affettwati, biex jingħarrfu l-kontrolluri mingħajr dewmien ħalli jinnotifikaw lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-protezzjoni tad-data dwar kwalunkwe ksur tad-data personali u biex jiġi definit proċess dixxiplinarju għat-trattament tal-każijiet ta’ ksur tas-sigurtà f’AGORA.

(6)

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri ta’ sigurtà fiżiċi u/jew loġiċi l-aktar avvanzati għall-faċilitajiet li jospitaw AGORA u għall-kontrolli tad-data u tal-aċċess tas-sigurtà tagħha. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tinforza s-sigurtà fiżika biex tistabbilixxi perimetri ta’ sigurtà distintivi u tippermetti l-identifikazzjoni ta’ ksur f’AGORA;

(b)

tikkontrolla l-aċċess għall-faċilitajiet ta’ AGORA u żżomm reġistru tal-viżitaturi ta’ AGORA għall-finijiet ta’ traċċar;

(c)

tiżgura li l-individwi esterni li jingħataw aċċess għall-bini jiġu akkumpanjati minn persunal awtorizzat kif dovut;

(d)

tiżgura li t-tagħmir ma jkunx jista’ jiġi miżjud, sostitwit jew imneħħi mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-korpi responsabbli nominati;

(e)

tikkontrolla l-aċċess minn AGORA u lejha;

(f)

tiżgura li l-amministraturi ta’ AGORA u l-utenti ta’ AGORA li jaċċessaw AGORA jiġu identifikati u awtentikati;

(g)

twettaq rieżami tal-jeddijiet tal-awtorizzazzjoni marbuta mal-aċċess għal AGORA f’każ ta’ ksur tas-sigurtà li jaffettwa lil AGORA;

(h)

iżżomm l-integrità tal-informazzjoni mgħoddija permezz ta’ AGORA;

(i)

timplimenta miżuri ta’ sigurtà tekniċi u organizzattivi għall-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat għad-data personali;

(j)

timplimenta, kull meta jkun meħtieġ, miżuri biex jimblukkaw l-aċċess mhux awtorizzat għal AGORA (jiġifieri jimblokka lokalizzazzjoni/indirizz IP).

(7)

Il-Kummissjoni għandha:

(a)

tieħu l-passi biex tipproteġi d-dominju tagħha, fosthom billi taqta’ l-konnessjonijiet, f’każ ta’ devjazzjoni sostanzjali mill-prinċipji u mill-kunċetti ta’ kwalità u ta’ sigurtà;

(b)

iżżomm pjan ta’ ġestjoni tar-riskju marbut mal-qasam ta’ responsabbiltà tagħha;

(c)

timmonitorja, f’ħin reali, il-prestazzjoni tal-komponenti tas-servizz kollha ta’ AGORA, tipproduċi statistika regolari u żżomm rekords;

(d)

tipprovdi appoġġ għal AGORA bl-Ingliż lill-amministraturi ta’ AGORA u lill-utenti ta’ AGORA;

(e)

tgħin lill-kontrolluri u lill-kontrolluri konġunti permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex il-kontrollur iwettaq l-obbligu tiegħu li jwieġeb għat-talb tal-eżerċitar tal-jeddijiet tas-suġġett tad-data stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2016/679;

(f)

tappoġġa lill-kontrolluri u lill-kontrolluri konġunti, billi tipprovdi informazzjoni dwar AGORA, biex jimplimentaw l-obbligi skont l-Artikoli 32, 33, 34, 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(g)

tiżgura li d-data proċessata f’AGORA ma tkun tinftiehem minn l-ebda persuna li ma jkollhiex l-awtorizzazzjoni li taċċessaha;

(h)

tieħu l-miżuri rilevanti kollha biex tipprevjeni l-aċċess mhux awtorizzat għad-data personali mgħoddija permezz ta’ AGORA;

(i)

tieħu miżuri sabiex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-kontrolluri u l-kontrolluri konġunti;

(j)

iżżomm rekord tal-attivitajiet tal-ipproċessar imwettqa f’isem il-kontrolluri u l-kontrolluri konġunti f’konformità mal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/607/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)