European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/595

16.2.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/595

tad-9 ta’ Novembru 2023

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-materjalità tad-dgħufijiet, it-tip ta’ informazzjoni miġbura, l-implimentazzjoni prattika tal-ġbir tal-informazzjoni u l-analiżi u t-tixrid tal-informazzjoni li tinsab fil-bażi tad-data ċentrali kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) imsemmija fl-Artikolu 9a(2) ta’ dak ir-Regolament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (1) b’mod partikolari l-Artikolu 9a(1), it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 9a(3), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 jirrikjedi li l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tistabbilixxi u żżomm aġġornata bażi tad-data ċentrali tal-informazzjoni miġbura f’konformità mal-Artikolu 9a(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament. B’riżultat ta’ dan, l-ispeċifikazzjoni ta’ kif l-informazzjoni trid tiġi analizzata u ssir disponibbli għall-awtoritajiet li jirrapportaw fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u b’mod kunfidenzjali, kif meħtieġ mill-Artikolu 9a(3) ta’ dak ir-Regolament, inevitabbilment hija relatata mal-ispeċifikazzjoni tad-dettalji għall-istabbiliment ta’ dik il-bażi ta’ data ċentrali.

(2)

Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati s-sitwazzjonijiet korrispondenti fejn jistgħu jseħħu dgħufijiet. Is-superviżjoni tinkludi l-attivitajiet rilevanti kollha, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi nazzjonali, tal-awtoritajiet li jirrapportaw kollha li jridu jitwettqu skont l-atti leġiżlattivi settorjali, u hija, għalhekk, diversa. Għalhekk, jenħtieġ li s-sitwazzjonijiet korrispondenti jiġu speċifikati wara li jiġu kkunsidrati l-attivitajiet superviżorji mwettqa mill-awtoritajiet li jirrapportaw differenti.

(3)

Sabiex tiġi ddeterminata l-materjalità ta’ xi dgħufija, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita d-definizzjoni ġenerali tagħha u lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji biex tiġi speċifikata aktar dik id-definizzjoni. Tali definizzjoni u lista ta’ kriterji huma meħtieġa biex jinkiseb, minn naħa waħda, approċċ armonizzat fl-applikazzjoni ta’ dik id-definizzjoni ġenerali, filwaqt li min-naħa l-oħra jiġi żgurat li jinqabdu d-dgħufijiet materjali kollha, fis-sens tad-definizzjoni ġenerali u b’kont meħud tal-kuntest speċifiku.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet li jirrapportaw jirrapportaw dgħufijiet fil-bażi tad-data fi stadju bikri, dgħufija materjali jenħtieġ li tiġi definita b’tali mod li tinkludi mhux biss dgħufijiet li jiżvelaw xi nuqqas sinifikanti fil-konformità mar-rekwiżiti applikabbli relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u mal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT), iżda wkoll dawk id-dgħufijiet li jistgħu jwasslu għalih, anki jekk tali nuqqas ikun għadu ma seħħx. Dan huwa ġġustifikat ukoll mill-fatt li l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi rrapportata fil-bażi tad-data fuq bażi tal-aħjar sforz minn dawk l-awtoritajiet li ma għandhomx l-istess livell ta’ informazzjoni u għarfien espert dwar l-AML/CFT bħall-awtoritajiet superviżorji maħtura bħala kompetenti skont id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(5)

Biex jiġi stabbilit it-tip ta’ informazzjoni li trid tiġi ppreżentata, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn informazzjoni ġenerali, informazzjoni dwar dgħufijiet materjali u informazzjoni dwar il-miżuri meħuda.

(6)

Meta jiġu stabbiliti l-komponenti tal-informazzjoni ġenerali li trid tiġi ppreżentata, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-operaturi tas-settur finanzjarju li joperaw fuq bażi transfruntiera, inklużi l-operaturi tas-settur finanzjarju li huma parti minn grupp li għalih jopera kulleġġ. Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-informazzjoni ppreżentata, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-AML/CFT jippreżentaw ukoll lill-EBA, bħala parti minn dik l-informazzjoni ġenerali, il-profil tar-riskju tal-AML/CFT tal-operatur tas-settur finanzjarju bl-użu ta’ kategoriji komuni.

(7)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet prudenzjali, bħala parti mill-informazzjoni ġenerali li jridu jirrapportaw, jipprovdu informazzjoni dwar ir-riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju rilevanti ta’ kwalunkwe proċess ta’ rieżami superviżorju u ta’ kwalunkwe proċess simili ieħor affettwat mir-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tal-operatur tas-settur finanzjarju flimkien ma’ informazzjoni dwar kwalunkwe valutazzjoni finali negattiva jew deċiżjoni negattiva dwar l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni, fejn tali valutazzjoni jew deċiżjoni tkun ibbażata wkoll fuq ir-raġunijiet ta’ riskji ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu.

(8)

Sabiex jitqiesu l-kompetenzi distinti tal-awtoritajiet tal-AML/CFT ta’ domiċilju u ospitanti kif stabbilit fid-Direttiva (UE) 2015/849, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li kemm l-awtoritajiet tal-AML/CFT ta’ domiċilju kif ukoll dawk ospitanti jenħtieġ li jirrapportaw lill-EBA d-dgħufijiet materjali li kull wieħed minnhom identifika fit-twettiq tal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi ċċarat li l-miżuri meħuda mill-awtorità tal-AML/CFT ospitanti jenħtieġ li jiġu ppreżentati fil-bażi tad-data indipendentement minn kwalunkwe notifika lill-awtorità ta’ domiċilju.

(9)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-EBA tkun tista’ teżerċita b’mod effettiv ir-rwol tagħha li tmexxi, tikkoordina u timmonitorja l-attivitajiet biex tippromwovi l-integrità, it-trasparenza u s-sigurtà fis-sistema finanzjarja biex tipprevjeni l-użu ta’ dik is-sistema għal finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, billi tagħmel użu sħiħ mis-setgħat u l-għodod kollha tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. L-EBA jenħtieġ għalhekk li tkun tista’ tikkombina, għall-finijiet tal-analiżi tal-informazzjoni ppreżentata fil-bażi tad-data, informazzjoni li jkollha mingħand sorsi oħra. Jenħtieġ li l-EBA tagħmel ħilitha biex tagħmel użu minn din l-informazzjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha kollha kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(10)

Filwaqt li janalizza l-informazzjoni ppreżentata fil-bażi tad-data u magħmula disponibbli għall-awtoritajiet li jirrapportaw, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżgura l-kooperazzjoni mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif speċifikat aktar fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). B’mod partikolari, għandu jiġi speċifikat li l-informazzjoni mitluba mill-EBA mingħand dawk l-awtoritajiet jew li tkun waslet mod ieħor minn dawk l-awtoritajiet tista’ tintuża, fejn xieraq, għall-finijiet tal-analiżi u li l-EBA jenħtieġ tipprovdi dik l-informazzjoni lill-EIOPA u lill-ESMA, jew fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba mingħand dawk l-awtoritajiet.

(11)

Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat kif l-informazzjoni ssir disponibbli għall-awtoritajiet li jirrapportaw. L-Artikolu 9a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 jirreferi b’mod ġenerali għall-fatt li l-EBA trid tiżgura li l-informazzjoni tkun disponibbli għall-awtoritajiet li jirrapportaw fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u b’mod kunfidenzjali, filwaqt li l-Artikolu 9a(3) ta’ dak ir-Regolament jirreferi speċifikament għal talbiet motivati. Iż-żewġ dispożizzjonijiet huma parti mill-proċess dwar kif l-informazzjoni ssir disponibbli għall-awtoritajiet li jirrapportaw. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll l-elementi partikolari tat-talba motivata li l-EBA tirċievi mingħand l-awtoritajiet li jirrapportaw.

(12)

Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-informazzjoni, awtorità tal-AML/CFT li tippreżenta informazzjoni dwar miżura jenħtieġ li titqies li tippreżenta wkoll in-notifika msemmija fl-Artikolu 62 tad-Direttiva (UE) 2015/849, fir-rigward ta’ dik il-miżura. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jintalab li awtorità tal-AML/CFT jew prudenzjali li tipreżenta informazzjoni lill-bażi tad-data ċentrali tispeċifika bħala parti mill-preżentazzjoni tagħha jekk dik l-awtorità tkunx diġà ppreżentat notifika skont l-Artikolu 97(6) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(13)

Sabiex jiġi żgurat li l-bażi tad-data ċentrali tal-AML/CFT issir għodda effettiva fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-awtoritajiet li jirrapportaw jippreżentaw dik l-informazzjoni lill-bażi tad-data ċentrali fil-ħin, u li tiġi żgurata l-kwalità ta’ dik l-informazzjoni. Għal dak l-għan, l-informazzjoni dwar id-dgħufijiet materjali u l-miżuri meħuda jenħtieġ li tiġi ppreżentata mingħajr dewmien żejjed u jenħtieġ li l-awtoritajiet li jirrapportaw iwieġbu mingħajr dewmien żejjed għal kwalunkwe talba mill-EBA li ssir wara li titwettaq kwalunkwe analiżi tal-verifika tal-kwalità. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-awtoritajiet li jirrapportaw jiżguraw il-preċiżjoni, il-kompletezza, l-adegwatezza u l-aġġornamenti kontinwi ta’ tali informazzjoni, u l-informazzjoni dwar dgħufija materjali jenħtieġ li tiġi ppreżentata indipendentement minn kwalunkwe miżura meħuda b’reazzjoni għaliha.

(14)

Sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza fil-ħin, u b’hekk jiġu promossi monitoraġġ u valutazzjoni konsistenti, sistematiċi u effettivi tar-riskji fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fis-sistemi finanzjarji tal-Unjoni, il-preżentazzjonijiet u t-talbiet jenħtieġ li jsiru bl-Ingliż. Fl-istess ħin, biex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità u biex jiġu evitati kostijiet eċċessivi għall-awtoritajiet li jirrapportaw, meta d-dokumenti ta’ sostenn ma jkunux disponibbli bl-Ingliż, jenħtieġ li dawn jiġu ppreżentati bil-lingwa oriġinali tagħhom u jkunu akkumpanjati minn sommarju bl-Ingliż.

(15)

Fejn l-operazzjoni ta’ skema ta’ garanzija tad-depożiti tkun amministrata minn entità privata, l-awtorità maħtura biex tissorvelja dik l-iskema jenħtieġ li tiżgura li tali skema tirrapporta, għand l-awtorità maħtura, id-dgħufijiet materjali li jiġu identifikati matul l-attivitajiet tagħha.

(16)

Minħabba l-għadd kbir ta’ awtoritajiet li jirrapportaw involuti u biex jiġu antiċipati d-differenzi konsiderevoli fil-frekwenza tar-rapportar peress li xi wħud minn dawk l-awtoritajiet ta’ rapportar, minħabba r-responsabbiltajiet superviżorji tagħhom, x’aktarx li jirrapportaw dgħufijiet u miżuri materjali tal-AML/CFT b’mod inqas frekwenti minn oħrajn, u biex tinkiseb effiċjenza operazzjonali u kosteffiċjenti kemm għall-awtoritajiet li jirrapportaw kif ukoll għall-EBA, jenħtieġ li jiġi inkorporat approċċ sekwenzjali fl-arkitettura tal-bażi tad-data. Abbażi ta’ dak l-approċċ sekwenzjali, xi awtoritajiet li jirrapportaw jenħtieġ li jkollhom aċċess dirett, u oħrajn indirett, għall-bażi tad-data.

(17)

Il-partijiet kollha involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni jenħtieġ li jkunu marbuta b’rekwiżiti ta’ segretezza professjonali u kunfidenzjalità. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar kif l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata aktar, u b’hekk tinżamm il-kunfidenzjalità.

(18)

Meta l-informazzjoni li tiġi ppreżentata, mitluba, kondiviża jew magħmula disponibbli tkun tikkonċerna persuni fiżiċi, jenħtieġ li jiġi rispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità fl-ipproċessar tal-informazzjoni dwar dawk il-persuni fiżiċi. Għal dak l-għan, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata l-informazzjoni pproċessata dwar persuni fiżiċi.

(19)

Sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-bażi tad-data u l-analiżi tal-informazzjoni ta’ ġo fiha sabiex tkun għodda effettiva fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li l-EBA tkun tista’ tikkombina bħala parti mill-analiżi tagħha l-informazzjoni ppreżentata lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament ma’ informazzjoni oħra disponibbli dwar dgħufijiet materjali f’operaturi individwali tas-settur finanzjarju li jagħmluhom vulnerabbli għall-ħasil tal-flus jew għall-finanzjament tat-terroriżmu u li l-EBA takkwista fit-twettiq tal-kompiti tagħha fl-ambitu tal-mandat tagħha. Sabiex tiġi żgurata r-rilevanza tagħha, meta l-informazzjoni kkombinata jkun fiha data personali, jenħtieġ li tali data taqa’ taħt il-kategoriji tad-data elenkati fl-Anness II. Il-kombinazzjoni ta’ data personali jenħtieġ li tkun eċċezzjonali u tali pproċessar jista’ jservi biss biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Jista’ jkun meħtieġ li d-data tiġi kkombinata sabiex (i) jiġu żgurati l-preċiżjoni u l-kompletezza tad-data miksuba mill-awtoritajiet kompetenti jew (ii) biex l-EBA tkun tista’ tintegra fil-bażi tad-data tagħha informazzjoni rilevanti tal-istess natura bħal dik trażmessa mill-awtoritajiet kompetenti iżda miksuba permezz ta’ mezz ieħor bħal permezz tal-investigazzjonijiet tagħha dwar ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Informazzjoni relatata ma’ suspetti ta’ reati kriminali jew kundanni kriminali mwettqa minn klijent, sid benefiċjarju, membru tal-korp maniġerjali jew detentur ta’ funzjoni ewlenija tista’ tkun indikatur ta’ nuqqas ta’ onestà, integrità jew riskji ta’ ML/TF. Dan jista’ jkun kawża jew kontributur sinifikanti għal dgħufijiet materjali fl-arranġamenti tal-governanza, l-idoneità u l-adegwatezza ta’ operatur tas-settur finanzjarju, id-detenturi ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti, il-mudell ta’ negozju jew l-attivitajiet ta’ operatur tas-settur finanzjarju. Għalhekk, id-data personali speċifikata fl-Anness II tista’ tinkludi informazzjoni relatata ma’ suspett jew kundanna għal reati kriminali.

Id-data relatata ma’ dgħufijiet materjali biss tista’ tiġi inkluża fil-bażi tad-data. Minħabba li skont dan ir-Regolament id-dgħufijiet materjali huma relatati biss ma’ nuqqasijiet sinifikanti fil-konformità ma’ xi wieħed mir-rekwiżiti relatati mal-AML/CFT, dan jiżgura li l-ipproċessar tad-data skont ir-Regolament jibqa’ limitat fl-ambitu ta’ ksur serju tar-rekwiżiti relatati mal-AML/CFT, u għalhekk jibqa’ limitat għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat.

Id-data personali kollha pproċessata għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi ttrattata f’konformità mal-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji relatati mal-ipproċessar bħal-legalità, il-ġustizzja u t-trasparenza, il-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, il-preċiżjoni, il-limitazzjoni tal-ħżin, l-integrità u l-kunfidenzjalità, u l-akkontabbiltà.

(20)

Il-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) huma applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali.

(21)

L-EBA, l-ESMA, l-EIOPA u l-awtoritajiet ta’ rapportar jenħtieġ li jiddeterminaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom bħala kontrolluri konġunti ta’ data personali permezz ta’ arranġament bejniethom f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sal-punt li dawk ir-responsabbiltajiet ma jkunux determinati mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali li jkunu soġġetti għalihom.

(22)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta kummenti formali fl-24 ta’ Jannar 2023.

(23)

Minħabba l-karattru komplementari tal-mandat stabbilit fl-Artikolu 9a(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jappartjeni għad-definizzjoni ta’ dgħufija u l-materjalità tagħha, l-ispeċifikazzjoni tas-sitwazzjonijiet korrispondenti fejn tista’ sseħħ dgħufija u t-tip u l-implimentazzjoni prattika tal-ġbir tal-informazzjoni, u tal-mandat stabbilit fil-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu dwar kif l-informazzjoni miġbura jenħtieġ li tiġi analizzata u ssir disponibbli fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u b’mod kunfidenzjali, l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’Regolament uniku.

(24)

L-Artikolu 9a tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 jqabbad lill-EBA tiġbor informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet li jirrapportaw b’rispons għal dgħufijiet materjali identifikati. Tali miżuri jenħtieġ li jinftiehmu bħala kwalunkwe miżura, sanzjoni u penali superviżorji u amministrattivi inklużi miżuri prekawzjonarji jew temporanji, meħuda mill-awtoritajiet li jirrapportaw fil-kuntest ta’ attività superviżorja kif stabbilit fl-Artikolu 2(5), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, fl-Artikolu 2(5), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u fl-Artikolu 2(5), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(25)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-EBA.

(26)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“awtoritajiet li jirrapportaw” tfisser kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (2) sa (7) ta’ dan l-Artikolu u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni;

(2)

“L-awtorità tal-AML/CFT” tfisser l-awtorità fdata bid-dmir li tiżgura l-konformità ta’ operatur tas-settur finanzjarju mad-Direttiva (UE) 2015/849;

(3)

“awtorità prudenzjali” tfisser l-awtorità fdata bid-dmir li tiżgura l-konformità ta’ operatur tas-settur finanzjarju mal-qafas prudenzjali stabbilit fi kwalunkwe wieħed mill-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u fi kwalunkwe liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi msemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kompiti kkonferiti lilu mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (8);

(4)

“awtorità tal-istituzzjonijiet ta’ pagament” tfisser l-awtorità msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(5)

“awtorità tal-kondotta tal-operazzjonijet” tfisser l-awtorità fdata bid-dmir li tiżgura l-konformità ta’ operatur tas-settur finanzjarju mal-qafas tal-kondotta tan-negozju jew tal-protezzjoni tal-konsumatur stabbilit fi kwalunkwe wieħed mill-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u fi kwalunkwe liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi msemmija f’dawk l-Artikoli;

(6)

“awtorità ta’ riżoluzzjoni” tfisser awtorità ta’ riżoluzzjon kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (18) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(7)

“awtorità maħtura” tfisser l-awtorità kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (18) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(8)

“Rekwiżit relatat mal-AML/CFT” tfisser kwalunkwe rekwiżit fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu impost fuq operatur tas-settur finanzjarju f’konformità mal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u ma’ kwalunkwe liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi msemmija f’dawk l-Artikoli;

(9)

“miżura” tfisser kwalunkwe miżura superviżorja u amministrattiva, sanzjoni u penali, inkluża miżura prekawzjonarja jew temporanja, meħuda minn awtorità li tirrapporta b’reazzjoni għal dgħufija li titqies materjali f’konformità mal-Artikolu 3;

(10)

“fergħa” tfisser post tan-negozju li jifforma parti legalment dipendenti ta’ operatur fis-settur finanzjarju u li twettaq direttament it-tranżazzjonijiet kollha jew uħud minnhom inerenti fin-negozju tal-operatur tas-settur finanzjarju, kemm jekk l-uffiċċju reġistrat jew l-uffiċċju prinċipali tagħha jkun jinsab fi Stat Membru jew f’pajjiż terz;

(11)

“operatur tas-settur finanzjarju omm” tfisser operatur fis-settur finanzjarju fi Stat Membru li jkollu operatur tas-settur finanzjarju ieħor bħala sussidjarju jew li jkollu parteċipazzjoni f’tali operatur tas-settur finanzjarju u li ma jkunx fih innifsu sussidjarju ta’ operatur ieħor fis-settur finanzjarju awtorizzat fl-istess Stat Membru;

(12)

“Operatur tas-settur finanzjarju omm fl-Unjoni” tfisser operatur omm fis-settur finanzjarju fi Stat Membru li ma jkunx sussidjarju ta’ operatur ieħor tas-settur finanzjarju stabbilit fi kwalunkwe Stat Membru;

(13)

“kulleġġ” tfisser kulleġġ ta’ superviżuri kif imsemmi fl-Artikolu 116 tad-Direttiva 2013/36/UE, kulleġġ ta’ riżoluzzjoni jew kulleġġ ta’ riżoluzzjoni Ewropew kif stabbilit fl-Artikoli 88 u 89 tad-Direttiva 2014/59/UE, jew kulleġġ tal-AML/CFT.

Artikolu 2

Dgħufijiet u sitwazzjonijiet korrispondenti fejn jistgħu jseħħu dgħufijiet

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 9a(1), il-punt (a), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, dgħufija għandha tfisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

ksur minn operatur tas-settur finanzjarju ta’ rekwiżit relatat mal-AML/CFT, li jkun ġie identifikat minn awtorità ta’ rapportar;

(b)

kwalunkwe sitwazzjoni li fiha l-awtorità ta’ rapportar ikollha raġunijiet raġonevoli biex tissuspetta li l-operatur tas-settur finanzjarju kiser rekwiżit relatat mal-AML/CFT, jew li l-operatur tas-settur finanzjarju pprova jikser tali rekwiżit (“ksur potenzjali”);

(c)

l-applikazzjoni ineffettiva jew mhux xierqa minn operatur tas-settur finanzjarju ta’ rekwiżit relatat mal-AML/CFT, jew l-applikazzjoni ta’ politiki u proċeduri interni li l-operaturi tas-settur finanzjarju jdaħħlu fis-seħħ biex jikkonformaw mar-rekwiżiti relatati mal-AML/CFT b’mod li l-awtorità li tittapporta tqis li huwa inadegwat jew insuffiċjenti biex jinkisbu l-effetti maħsuba ta’ dawk ir-rekwiżiti jew politiki u proċeduri u li x’aktarx, min-natura tagħha, twassal għal ksur kif imsemmi fil-punt (a), jew għal ksur potenzjali kif imsemmi fil-punt (b), jekk is-sitwazzjoni ma tiġix rettifikata (“applikazzjoni ineffettiva jew mhux xierqa”).

2.   Is-sitwazzjonijiet korrispondenti fejn jistgħu jseħħu dgħufijiet huma stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 3

Materjalità ta’ dgħufija

1.   L-awtoritajiet relaturi għandhom iqisu dgħufija bħala materjali meta dik id-dgħufija tiżvela, jew tista’ twassal għal, fallimenti sinifikanti fil-konformità tal-operatur tas-settur finanzjarju, jew tal-grupp li għalih jappartjeni l-operatur tas-settur finanzjarju, ma’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti relatati mal-AML/CFT.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet relaturi għandhom jivvalutaw mill-inqas il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

jekk id-dgħufija hijiex qed isseħħ jew seħħitx ripetutament;

(b)

jekk id-dgħufija tkunx ippersistiet fuq perjodu ta’ żmien sinifikanti (durata);

(c)

jekk id-dgħufija hijiex serja jew allarmanti (gravità);

(d)

jekk il-korp maniġerjali, jew il-maniġment superjuri, tal-operatur tas-settur finanzjarju jidhrux li jafu dwar id-dgħufija u ddeċidew li ma jirrimedjawhiex (negliġenza), jew jekk adottawx deċiżjonijiet jew kellhomx deliberazzjonijiet immirati biex jiġġeneraw id-dgħufija (imġiba ħażina volontarja);

(e)

jekk id-dgħufija żżidx l-iskopertura tal-operatur tas-settur finanzjarju, jew tal-grupp li jappartjeni għalih, għar-riskji tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu;

(f)

jekk id-dgħufija għandhiex, jew jistax ikollha, impatt sinifikanti fuq l-integrità, it-trasparenza u s-sigurtà tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni kollha kemm hi, jew fuq l-istabbiltà finanzjarja ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni kollha kemm hi;

(g)

jekk id-dgħufija għandhiex, jew jistax ikollha, impatt sinifikanti fuq il-vijabbiltà tal-operatur tas-settur finanzjarju jew tal-grupp li għalih jappartjeni l-operatur tas-settur finanzjarju;

(h)

jekk id-dgħufija għandhiex, jew jistax ikollha, impatt sinifikanti fuq il-funzjonament ordnat tas-swieq finanzjarji.

Artikolu 4

Informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-awtoritajiet li jirrapportaw

Esklużivament għall-finijiet tal-Artikolu 9a(1), il-punt (a), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-awtoritajiet ta’ rapportar għandhom jipprovdu lill-EBA bit-tipi kollha ta’ informazzjoni li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni ġenerali speċifikata fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament dwar dgħufijiet materjali;

(c)

l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament dwar kwalunkwe miżura meħuda.

Artikolu 5

Informazzjoni ġenerali

1.   L-awtoritajiet li jirrapportaw għandhom jipprovdu lill-EBA bl-informazzjoni ġenerali kollha li ġejja:

(a)

l-identifikazzjoni tal-awtorità li tirrapporta, inkluża l-ispeċifikazzjoni dwar jekk hijiex l-awtorità tal-AML/CFT ta’ domiċilju u ospitanti u, fejn japplika l-Artikolu 12(4), l-identifikazzjoni tal-awtorità li tippreżenta dik l-informazzjoni indirettament;

(b)

l-identifikazzjoni tal-operatur tas-settur finanzjarju u tal-fergħat tiegħu, tal-aġenti kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (38) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, u tad-distributuri, inkluż it-tip ta’ operatur tas-settur finanzjarju u, fejn applikabbli, it-tip ta’ stabbiliment, meta dak l-operatur, jew il-fergħat, l-aġenti, jew id-distributuri tiegħu jkunu kkonċernati mid-dgħufija materjali jew mill-miżura meħuda;

(c)

meta l-operatur tas-settur finanzjarju jkun parti minn grupp, l-identifikazzjoni tal-operatur omm tas-settur finanzjarju fl-Unjoni u tal-operatur omm tas-settur finanzjarju;

(d)

meta l-informazzjoni tiġi sottomessa mill-Bank Ċentrali Ewropew, mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, jew mill-awtorità ta’ rapportar nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-operatur tas-settur finanzjarju jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, jew, jekk l-operatur tas-settur finanzjarju ma jkollux uffiċċju reġistrat, tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju prinċipali tal-operatur tas-settur finanzjarju, l-identifikazzjoni tal-pajjiżi li fihom l-operatur tas-settur finanzjarju jopera fergħat u sussidjarji jew jopera permezz ta’ netwerk ta’ aġenti u distributuri;

(e)

meta l-operatur tas-settur finanzjarju jkun parti minn grupp, informazzjoni dwar kwalunkwe kulleġġ li fih tipparteċipa l-awtorità tar-rapportar, inkluża informazzjoni dwar il-membri, l-osservaturi, u dwar is-superviżur ewlieni, is-superviżur tal-grupp, is-superviżur tal-konsolidazzjoni jew l-awtorità tar-riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp ta’ dak il-kulleġġ;

(f)

jekk hemmx punt ta’ kuntatt ċentrali kif imsemmi fl-Artikolu 45(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849, u, fejn applikabbli, l-identifikazzjoni tiegħu;

(g)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra dwar l-operatur tas-settur finanzjarju, il-fergħa, l-aġent jew id-distributur, inkluża informazzjoni dwar jekk:

(i)

l-operatur tas-settur finanzjarju attwalment qed japplika għal awtorizzazzjoni, jew jinsab fil-proċess li japplika biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ stabbiliment jew il-libertà tiegħu li jipprovdi servizzi, jew ta’ kwalunkwe approvazzjoni superviżorja oħra;

(ii)

l-operatur tas-settur finanzjarju jkun soġġett għal kwalunkwe wieħed mill-proċedimenti stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE, jew proċedimenti oħra ta’ insolvenza;

(h)

informazzjoni dwar id-daqs tal-attivitajiet tal-operatur fis-settur finanzjarju u l-fergħat tiegħu, inkluż, fejn applikabbli:

(i)

informazzjoni dwar ir-rapporti finanzjarji;

(ii)

l-għadd ta’ klijenti;

(iii)

il-volum tal-assi mmaniġġjati;

(iv)

għal impriża tal-assigurazzjoni, il-primjum gross miktub (GWP) annwali tagħha u d-daqs tal-provvedimenti tekniċi tagħha;

(v)

għal intermedjarju tal-assigurazzjoni, il-volum ta’ primjums intermedjati;

(vi)

għall-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, id-daqs tan-netwerk ta’ distribuzzjoni, inkluż informazzjoni dwar l-għadd ta’ aġenti u distributuri.

2.   L-awtoritajiet prudenzjali għandhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jippreżentaw l-informazzjoni kollha li ġejja lill-bażi tad-data:

(a)

ir-riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju ddeterminat abbażi ta’ kwalunkwe proċess ta’ rieżami superviżorju rilevanti, inklużi r-rieżamijiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE u l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), u ta’ kwalunkwe proċess simili ieħor affettwat mill-iskopertura tal-operatur tas-settur finanzjarju, jew tal-fergħat tiegħu, għar-riskju tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż fl-oqsma tal-governanza interna, il-mudell tan-negozju, ir-riskju operazzjonali, ir-riskju tal-likwidità u r-riskju tal-kreditu;

(b)

kwalunkwe valutazzjoni finali negattiva ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala operatur tas-settur finanzjarju, inkluż meta membru tal-korp maniġerjali ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-idoneità u tal-adegwatezza, u inkluż fejn tali valutazzjoni jew deċiżjoni tkun ibbażata fuq raġunijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

Kwalunkwe rapportar dwar persuni fiżiċi għall-finijiet tal-punt (b) għandu jsir f’konformità mal-Anness II.

3.   L-awtoritajiet tal-AML/CFT għandhom, minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jipprovdu lill-EBA bil-profil tar-riskju tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu tal-operatur tas-settur finanzjarju u tal-fergħat tiegħu, u l-informazzjoni disponibbli dwar il-profil tar-riskju tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu tal-aġenti u tad-distributuri u għandhom jużaw il-kategoriji speċifikati fl-Anness III.

Artikolu 6

Informazzjoni dwar dgħufijiet materjali

L-awtoritajiet li jirrapportaw għandhom jipprovdu lill-EBA bl-informazzjoni kollha li ġejja dwar dgħufijiet materjali:

(a)

it-tip ta’ dgħufija materjali kif stabbilit fl-Artikolu 2(1);

(b)

ir-raġuni għaliex l-awtorità li tirrapporta tqis li d-dgħufija hija materjali;

(c)

deskrizzjoni tad-dgħufija materjali;

(d)

is-sitwazzjoni korrispondenti li fiha seħħet id-dgħufija materjali, kif stabbilit fl-Anness I;

(e)

il-kronoloġija tad-dgħufija materjali;

(f)

l-oriġini tal-informazzjoni dwar id-dgħufija materjali;

(g)

ir-rekwiżit relatat mal-AML/CFT li miegħu hija relatata d-dgħufija materjali;

(h)

it-tip ta’ prodotti, servizzi jew attivitajiet li għalihom l-operatur tas-settur finanzjarju jkun ġie awtorizzat u li huma affettwati mid-dgħufija materjali;

(i)

jekk id-dgħufija materjali tikkonċernax l-operatur tas-settur finanzjarju waħdu, il-fergħa tiegħu, l-aġent tiegħu jew id-distributur tiegħu waħdu, kif ukoll kwalunkwe impatt transfruntier tad-dgħufija materjali;

(j)

jekk l-informazzjoni dwar id-dgħufija materjali ġietx ikkomunikata lil xi kulleġġ li kien ġie stabbilit għall-grupp li għalih jappartjeni l-operatur tas-settur finanzjarju; u, jekk għadha ma ġietx ikkomunikata, ir-raġuni għaliex;

(k)

għall-awtoritajiet tal-AML/CFT ospitanti, jekk l-informazzjoni dwar id-dgħufija materjali tkunx ġiet ikkomunikata lill-awtorità tal-AML/CFT ta’ domiċilju jew lill-punt ta’ kuntatt ċentrali msemmi fl-Artikolu 45(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849, fejn applikabbli, u, jekk tkun għadha ma ġietx ikkomunikata, ir-raġuni għaliex;

(l)

jekk id-dgħufija materjali tidhirx li hija inerenti fid-disinn tal-prodott, tas-servizz jew tal-attività kkonċernata;

(m)

jekk id-dgħufija materjali tidhirx li hija marbuta ma’ persuni fiżiċi speċifiċi, kemm jekk klijenti, sidien benefiċjarji, membri tal-korp maniġerjali jew detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin, inklużi r-raġunijiet għaliex l-awtorità li tirrapporta tqis li dik il-persuna fiżika tidher li hija marbuta mad-dgħufija materjali;

(n)

kwalunkwe informazzjoni kuntestwali jew ta’ sfond fir-rigward tad-dgħufija materjali, meta magħrufa mill-awtorità li tirrapporta, inklużi:

(i)

jekk id-dgħufija materjali hijiex marbuta ma’ qasam speċifiku rilevanti għall-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu li diġà ġie identifikat mill-EBA;

(ii)

għall-awtoritajiet tal-AML/CFT, jekk id-dgħufija materjali tindikax riskju emerġenti fir-rigward tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu;

(iii)

jekk id-dgħufija materjali hijiex marbuta mal-użu ta’ teknoloġija ġdida, u, jekk iva, deskrizzjoni qasira ta’ dik it-teknoloġija l-ġdida.

Għall-finijiet tal-punt (m), kwalunkwe informazzjoni dwar persuni fiżiċi għandha tiġi pprovduta f’konformità mal-Anness II.

Artikolu 7

Informazzjoni dwar kwalunkwe miżura meħuda

L-awtoritajiet li jirrapportaw għandhom jipprovdu lill-EBA bl-informazzjoni kollha li ġejja dwar kwalunkwe miżura meħuda:

(a)

referenza għad-dgħufija materjali li fir-rigward tagħha tkun ittieħdet il-miżura, u, fejn rilevanti, kwalunkwe aġġornament tal-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 6;

(b)

id-data tal-impożizzjoni tal-miżura;

(c)

it-tip ta’ miżura, in-numru ta’ referenza intern tagħha u ħolqa għaliha, jekk ippubblikata;

(d)

informazzjoni sħiħa dwar il-persuni ġuridiċi u fiżiċi li fuqhom ġiet imposta l-miżura;

(e)

deskrizzjoni tal-miżura, inkluża l-bażi ġuridika tagħha;

(f)

l-istatus tal-miżura, inkluż jekk ikunx tressaq xi appell kontra l-miżura;

(g)

jekk u kif il-miżura ġiet ippubblikata, inklużi r-raġunijiet għal kwalunkwe pubblikazzjoni anonima, dewmien fil-pubblikazzjoni jew nuqqas ta’ pubblikazzjoni;

(h)

l-informazzjoni kollha rilevanti għar-rimedju tad-dgħufija materjali li tikkonċerna l-miżura, inkluża kwalunkwe azzjoni ppjanata jew meħuda għal tali rimedju, u kwalunkwe spjegazzjoni addizzjonali meħtieġa rigward il-proċess ta’ rimedju u l-iskeda ta’ żmien rilevanti li fiha huwa mistenni r-rimedju;

(i)

jekk l-informazzjoni dwar il-miżura ġietx ikkomunikata lil xi kulleġġ li kien ġie stabbilit għall-grupp li għalih jappartjeni l-operatur tas-settur finanzjarju; u jekk għadha ma ġietx ikkomunikata, ir-raġuni għaliex;

(j)

għall-awtoritajiet tal-AML/CFT ospitanti, jekk l-informazzjoni dwar il-miżura ġietx ikkomunikata lill-awtorità kompetenti tal-AML/CFT ta’ domiċilju; u, jekk għadha ma ġietx ikkomunikata, ir-raġuni għaliex.

Għall-finijiet tal-punt (d), kwalunkwe informazzjoni dwar persuni fiżiċi għandha tiġi pprovduta f’konformità mal-Anness II.

Artikolu 8

Skedi ta’ żmien u obbligu li jiġu pprovduti aġġornamenti

1.   L-awtoritajiet li jirrapportaw għandhom jipprovdu lill-EBA bl-informazzjoni kollha dwar dgħufijiet u miżuri materjali mingħajr dewmien żejjed.

2.   L-awtoritajiet li jirrapportaw għandhom jipprovdu lill-EBA b’informazzjoni dwar dgħufija materjali irrispettivament minn jekk tkunx ittieħdet xi miżura b’reazzjoni għal din id-dgħufija materjali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-AML/CFT ospitanti għandhom jippreżentaw dik l-informazzjoni irrispettivament minn kwalunkwe notifika li ssir lill-awtorità tal-AML/CFT ta’ domiċilu.

3.   L-awtoritajiet relaturi għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li jipprovdu lill-EBA tibqa’ preċiża, kompluta, adegwata u aġġornata.

4.   Meta l-EBA tiddetermina li l-informazzjoni pprovduta mhijiex preċiża, kompluta, adegwata jew aġġornata, l-awtoritajiet li jirrapportaw għandhom jipprovdu lill-EBA fuq talba tagħha bi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali jew sussegwenti mingħajr dewmien żejjed.

5.   L-awtoritajiet li jirrapportaw għandhom jipprovdu lill-EBA, fi żmien debitu, bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex iżommu lill-ABE infurmata dwar kwalunkwe żvilupp sussegwenti relatat mal-informazzjoni pprovduta, inkluż informazzjoni marbuta mad-dgħufija materjali identifikata jew mal-miżura meħuda u r-rimedju tagħha.

Artikolu 9

Analiżi tal-informazzjoni riċevuta mill-EBA

1.   L-EBA għandha tanalizza l-informazzjoni li tirċievi f’konformità ma’ dan ir-Regolament billi tieħu approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

2.   L-EBA tista’, fejn xieraq, tikkombina informazzjoni ppreżentata f’konformità ma’ dan ir-Regolament ma’ kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli għall-EBA, inkluża informazzjoni żvelata lill-ABE minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika inkluż it-tip ta’ informazzjoni elenkata fl-Anness II.

3.   L-ESMA u l-EIOPA għandhom jipprovdu lill-EBA, meta jintalbu, bi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-analiżi tal-informazzjoni riċevuta f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Meta l-informazzjoni addizzjonali tkun tinkludi data personali, din id-data għandha tiġi pprovduta skont il-kategoriji fl-Anness II.

4.   L-EBA għandha tagħmel ħilitha biex tagħmel użu mill-informazzjoni li tirċievi f’konformità ma’ dan ir-Regolament għat-twettiq tal-kompiti tagħha kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1093/2010, inkluż dawn kollha li ġejjin:

(a)

biex twettaq analiżi fuq bażi aggregata:

(i)

biex tifforma l-opinjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 6(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(ii)

biex twettaq il-valutazzjonijiet tar-riskju msemmija fl-Artikolu 9a(5) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;

(b)

biex tipprovdi tweġibiet għal talbiet li jaslulha mingħand l-awtoritajiet li jirrapportaw għal informazzjoni dwar l-operaturi tas-settur finanzjarju rilevanti għall-attivitajiet superviżorji ta’ dawk l-awtoritajiet fir-rigward tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif speċifikat fl-Artikolu 9a(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;

(c)

biex tifforma talbiet għal investigazzjonijiet kif msemmi fl-Artikolu 9b tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;

(d)

li tiżvela, fuq inizjattiva tagħha stess, informazzjoni lill-awtoritajiet li jirrapportaw rilevanti għall-attivitajiet superviżorji tagħhom kif speċifikat fl-Artikolu 10(1), il-punt (b);

(e)

biex tipprovdi lill-EIOPA u lill-ESMA b’informazzjoni analizzata f’konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż informazzjoni dwar operaturi individwali tas-settur finanzjarju, u dwar persuni fiżiċi f’konformità mal-Anness II, jew fuq inizjattiva tagħha stess, jew wara talba li taslilha mingħand l-EIOPA jew l-ESMA fejn tagħti r-raġunijiet għaliex dik l-informazzjoni hija meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010, rispettivament.

Artikolu 10

Tqegħid tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet li jirrapportaw

1.   L-ABE għandha tipprovdi lill-awtoritajiet li jirrapportaw bl-informazzjoni li tirċievi skont dan ir-Regolament u analizzata skont l-Artikolu 9 fis-sitwazzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

wara li tirċievi talba mingħand l-awtorità li tirrapporta għal informazzjoni dwar l-operaturi tas-settur finanzjarju rilevanti għall-attivitajiet superviżorji ta’ dik l-awtorità fir-rigward tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif speċifikat fl-Artikolu 9a(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;

(b)

fuq inizjattiva proprja tal-EBA, inkluż għall-każijiet li ġejjin bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju:

(i)

lis-superviżur ewlieni, lis-superviżur tal-grupp, lis-superviżur tal-konsolidazzjoni jew lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, fejn ikun ġie stabbilit kulleġġ iżda l-informazzjoni ma tkunx ġiet disseminata fih f’konformità mal-Artikolu 6, il-punt (j), u l-Artikolu 7, il-punt (i), ta’ dan ir-Regolament u l-EBA tqis l-informazzjoni hija rilevanti għal dak il-kulleġġ;

(ii)

meta ma jkunx ġie stabbilit kulleġġ, iżda l-operatur tas-settur finanzjarju jkun parti minn grupp transfruntier jew ikollu fergħat jew jopera permezz ta’ aġenti jew distributuri f’pajjiżi oħra u l-EBA tqis li l-informazzjoni hija rilevanti għall-awtoritajiet ta’ superviżjoni ta’ dawn l-entitajiet, il-fergħat, l-aġenti jew id-distributuri tal-grupp.

2.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandha tispeċifika dan li ġej:

(a)

l-identifikazzjoni tal-awtorità li tirrapporta rikjedenti u l-awtorità li tippermetti s-sottomissjoni indiretta kif imsemmi fl-Artikolu 12(4), kif applikabbli;

(b)

l-identità tal-operatur fis-settur finanzjarju kkonċernat mit-talba;

(c)

jekk it-talba tikkonċernax l-operatur tas-settur finanzjarju jew persuna fiżika;

(d)

għaliex l-informazzjoni hija rilevanti għall-awtorità li tirrapporta rikjedenti u għall-attivitajiet superviżorji tagħha fir-rigward tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu;

(e)

l-użu maħsub tal-informazzjoni mitluba;

(f)

id-data sa meta l-informazzjoni jenħtieġ li tasal, jekk ikun hemm, u ġustifikazzjoni għal dik id-data;

(g)

jekk hemmx grad ta’ urġenza, u ġustifikazzjoni għal dik l-urġenza;

(h)

kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista’ tgħin lill-EBA waqt l-ipproċessar tat-talba, jew li tintalab mill-EBA.

3.   Meta jkunu kkonċernati persuni fiżiċi, it-talbiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), u l-għoti ta’ informazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (b), għandhom isiru f’konformità mal-Anness II.

Artikolu 11

Artikolazzjoni ma’ notifiki oħra

1.   L-informazzjoni, dwar miżura, ppreżentata minn awtorità tal-AML/CFT lill-EBA f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandha titqies bħala sottomissjoni ta’ informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 62 tad-Direttiva (UE) 2015/849 fir-rigward ta’ dik il-miżura.

2.   L-AML/CFT jew awtorità prudenzjali li tissottometti informazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tispeċifika mas-sottomissjoni tagħha jekk tkunx diġà ssottomettiet notifika skont l-Artikolu 97(6) tad-Direttiva 2013/36/UE.

Artikolu 12

Implimentazzjoni prattika tal-ġbir tal-informazzjoni

1.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7 u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 9(4), il-punt (b), u l-Artikolu 10(1), il-punt (a), għandhom jiġu sottomessi b’mezzi elettroniċi u bl-Ingliż.

2.   Id-dokumenti ta’ sostenn li mhumiex disponibbli bl-Ingliż għandhom jiġu ppreżentati fil-lingwa oriġinali tagħhom, akkumpanjati minn sommarju bl-Ingliż.

3.   Meta l-operazzjoni ta’ skema ta’ garanzija tad-depożiti tkun amministrata minn entità privata, l-awtorità maħtura li twettaq is-superviżjoni ta’ dik l-iskema għandha tiżgura li tali entità privata li tamministra l-iskema tirrapporta għand dik l-awtorità maħtura dgħufijiet materjali identifikati matul l-attivitajiet tagħha.

4.   Meta awtorità li tirrapporta, għajr awtorità tal-AML/CFT (“awtorità li tissottometti indirettament”), tippreżenta informazzjoni u talbiet lill-EBA u tirċievi informazzjoni mingħand l-EBA permezz tal-awtorità tal-AML/CFT inkarigata mis-superviżjoni tal-operatur tas-settur finanzjarju kkonċernat mid-dgħufija materjali tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità li tissottometti indirettament (“awtorità li tippermetti sottomissjoni indiretta”), għandu japplika dan li ġej:

(a)

l-awtorità li tissottometti indirettament għandha tissottometti informazzjoni u talbiet lil u tirċievi informazzjoni mill-ABE biss permezz tal-awtorità li tippermetti sottomissjoni indiretta;

(b)

ir-responsabbiltà tal-awtorità li tippermetti s-sottomissjoni indiretta għandha tkun limitata biss għas-sottomissjoni lill-EBA tal-informazzjoni u t-talbiet kollha li jaslu għand l-awtorità li tissottometti indirettament u li tittrasferixxi lil dik l-awtorità l-informazzjoni kollha li tasal mingħand l-EBA;

(c)

l-awtorità li tissottometti indirettament għandha tibqa’ esklużivament responsabbli biex tikkonforma mal-obbligi tagħha li tirrapporta dgħufijiet u miżuri materjali f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(d)

in-notifiki skont l-Artikolu 9a(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 għandhom isiru mill-EBA għall-awtorità li tissottometti indirettament permezz tal-awtorità li tippermetti sottomissjoni indiretta.

5.   L-awtoritajiet li jirrapportaw għandhom jaħtru persuna b’anzjanità xierqa biex tirrappreżenta lill-awtorità vis-à-vis l-EBA għas-sottomissjoni, it-talba u r-riċeviment ta’ informazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u jinfurmaw lill-EBA dwar dik il-ħatra u dwar kwalunkwe bidla f’dik il-ħatra. L-awtoritajiet li jirrapportaw għandhom jiżguraw li jkunu ddedikati biżżejjed riżorsi għall-obbligi ta’ rapportar tagħhom skont dan ir-Regolament. L-awtoritajiet li jirrapportaw għandhom jaħtru persuna jew persuni bħala punti ta’ kuntatt għas-sottomissjoni, it-talbiet u l-wasla ta’ informazzjoni skont dan ir-Regolament u jinnotifikaw lill-EBA b’dan. Kwalunkwe notifika li ssir skont dan il-paragrafu għandha ssir skont l-Anness II. L-awtoritajiet li jissottomettu indirettament għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet li jippermettu s-sottomissjoni indiretta tagħhom.

6.   Għall-awtorità tal-AML/CFT, l-informazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 9a(1), il-punt (a), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 għandha tinkludi l-profil tar-riskju attwali tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu tal-grupp, jekk ikun hemm, u l-valutazzjonijiet tar-riskju tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu tal-operatur tas-settur finanzjarju, tal-fergħa, tal-aġent jew tad-distributur jew tal-grupp. L-awtoritajiet li jirrapportaw għandhom jipprovdu lill-EBA bi kwalunkwe informazzjoni jew dokument mhux imsemmi f’dan ir-Regolament li jkun rilevanti għal kwalunkwe dgħufija materjali jew miżura bi spjegazzjoni ta’ tali rilevanza.

7.   L-EBA għandha tistabbilixxi u tikkomunika lill-awtoritajiet relaturi speċifikazzjonijiet tekniċi, inklużi formati ta’ skambju ta’ data, rappreżentazzjonijiet, punti ta’ data rilevanti u drittijiet ta’ struzzjonijiet ta’ aċċess għall-bażi ta’ data, li l-awtoritajiet li jirrapportaw għandhom jikkonformaw magħhom, meta jissottomettu jew jirċievu informazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-EBA għandha, wara li tqis l-attivitajiet superviżorji differenti tal-awtoritajiet li jirrapportaw, il-frekwenza mistennija tas-sottomissjonijiet u l-ħtieġa li tinkiseb effiċjenza operazzjonali u kosteffiċjenti, tidentifika l-awtoritajiet li jirrapportaw li għandhom ikunu awtoritajiet li jissottomettu indirettament skont il-paragrafu 4.

Artikolu 13

Kunfidenzjalità

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar kif l-informazzjoni tiġi analizzata u ssir disponibbli għall-awtoritajiet, l-informazzjoni sottomessa lill-ABE f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għall-Artikoli 70, 71 u 72 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. L-informazzjoni riċevuta mill-AEAPX u l-AETS skont dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għall-Artikoli 70, 71 u 72 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u għall-Artikoli 70, 71 u 72 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, rispettivament.

2.   Il-membri tal-korpi maniġerjali tal-awtoritajiet ta’ rapportar, u l-persuni li jaħdmu għal dawk l-awtoritajiet jew li ħadmu għal dawk l-awtoritajiet, anki wara li jkunu ntemmu dmirijiethom, għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali u ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni riċevuta f’konformità ma’ dan ir-Regolament, ħlief f’forma mqassra jew aggregata biss b’tali mod li l-operaturi individwali tas-settur finanzjarju, il-fergħat, l-aġenti, id-distributuri jew persuni fiżiċi oħra ma jkunux jistgħu jiġu identifikati, mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn ikunu pendenti proċedimenti tal-liġi kriminali.

3.   L-awtoritajiet li jirrapportaw li jirċievu informazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom jittrattaw dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali u għandhom jużawha biss matul l-attivitajiet superviżorji tagħhom fir-rigward tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu, imwettqa skont l-atti legali msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, inkluż f’appelli kontra miżuri meħuda minn dawk l-awtoritajiet u fi kwalunkwe proċediment tal-qorti li jikkonċerna attivitajiet superviżorji.

4.   Il-paragrafu 2 ma għandux jipprekludi awtorità li tirrapporta milli tiżvela informazzjoni li taslilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament lil awtorità li tirrapporta oħra jew lil awtorità jew korp skont l-atti legali msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 14

Protezzjoni tad- data

L-EBA tista’ żżomm data personali f’forma identifikabbli għal perjodu ta’ mhux aktar minn 10 snin mill-ġbir mill-EBA u, fejn tagħmel dan, għandha tħassar id-data personali malli jiskadi dak il-perjodu. Abbażi ta’ valutazzjoni annwali tal-ħtieġa tagħha, id-data personali tista’ titħassar qabel it-tmiem ta’ dak il-perjodu massimu fuq bażi ta’ każ b’każ.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(5)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE, 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(10)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(11)  Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

(12)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).


ANNESS I

SITWAZZJONIJIET KORRISPONDENTI

L-awtoritajiet li jirrapportaw jistgħu jiltaqgħu ma’ dgħufijiet fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

PARTI 1:   Awtoritajiet tal-AML/CFT

Meta jwettqu l-attivitajiet superviżorji tagħhom fuq il-post u mhux fuq il-post, rigward:

(a)

miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti, inklużi valutazzjonijiet tar-riskju tal-ML/TF tal-klijenti, dipendenza fuq partijiet terzi u monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet;

(b)

rapportar ta’ transazzjonijiet suspettużi;

(c)

żamma ta’ rekords;

(d)

sistemi u kontrolli interni tal-AML/CFT;

(e)

sistema ta’ ġestjoni tar-riskju, inklużi valutazzjonijiet tar-riskju ta’ ML/TF għan-negozju kollu;

(f)

politiki u proċeduri għall-grupp kollu inklużi l-politiki għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan il-grupp.

PARTI 2:   Awtoritajiet prudenzjali

1.

Matul il-proċess ta’ awtorizzazzjoni u l-proċess għall-valutazzjoni tal-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti, rigward:

(a)

analiżi l-istrateġija tan-negozju u tal-mudell tan-negozju u riflessjoni dwar oqsma oħra ta’ riskju, inkluż il-likwidità fejn applikabbli;

(b)

valutazzjoni tal-idoneità u tal-adegwatezza tal-membri tal-korp maniġerjali u tat-titolari ta’ funzjonijiet ewlenin, fejn imwettqa;

(c)

notifika biex tiġi stabbilita fergħa jew biex jiġu pprovduti servizzi skont il-libertà tal-istabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi;

(d)

azzjonisti jew membri li għandhom parteċipazzjonijiet kwalifikanti jew, esklużivament b’awtorizzazzjoni, fejn applikabbli l-identità tal-akbar 20 azzjonist jew membru jekk ma jkunx hemm parteċipazzjonijiet kwalifikanti;

(e)

l-arranġamenti interni ta’ governanza inkluż il-politiki u l-prattiki ta’ remunerazzjoni;

(f)

il-qafas ta’ kontroll intern, inklużi l-ġestjoni tar-riskju, il-konformità u l-awditjar intern;

(g)

il-ġestjoni tar-riskju u tar-riskju tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni;

(h)

valutazzjoni tas-sorsi ta’ fondi biex jitħallas il-kapital b’awtorizzazzjoni jew is-sors ta’ fondi għax-xiri tal-parteċipazzjoni kwalifikanti.

2.

Waqt is-superviżorji, inkluż spezzjonijiet fuq il-post u attivitajiet ta’ superviżjoni mhux fuq il-post, rigward:

(a)

l-arranġamenti interni ta’ governanza inkluż il-politiki u l-prattiki ta’ remunerazzjoni;

(b)

il-qafas ta’ kontroll intern, inklużi l-ġestjoni tar-riskju, il-konformità u l-awditjar intern;

(c)

valutazzjoni tal-idoneità u tal-adegwatezza tal-membri tal-korp maniġerjali u tat-titolari ta’ funzjonijiet ewlenin, fejn imwettqa;

(d)

il-valutazzjoni tan-notifiki ta’ akkwisti proposti ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti;

(e)

riskji operazzjonali inkluż riskji legali u għar-reputazzjoni;

(f)

il-ġestjoni tar-riskju u tar-riskju tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni;

(g)

mudelli ta’ negozju;

(h)

immaniġġjar tal-likwidità;

(i)

arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni u ġestjoni tar-riskju minn parti terza;

(j)

it-twettiq tal-proċeduri relatati mal-aċċess għas-suq, mal-liċenzjar bankarju u mal-awtorizzazzjonijiet;

(k)

it-twettiq tal-Proċess ta’ Rieżami u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP); il-proċess ta’ rieżami superviżorju (SRP), jew proċessi simili ta’ rieżami superviżorju;

(l)

il-valutazzjoni ta’ talbiet, notifiki u applikazzjonijiet ad hoc;

(m)

il-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-iskemi ta’ protezzjoni istituzzjonali u l-monitoraġġ tagħhom;

(n)

informazzjoni riċevuta matul ħidma li tkun għaddejja biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli prudenzjali tal-Unjoni, inkluż il-ġbir tar-rapportar superviżorju.

PARTI 3:   Awtoritajiet maħtura

Meta tħejji għal interventi tal-SGD, inkluż ittestjar tal-istress u spezzjonijiet fuq il-post jew mhux fuq il-post, jew meta teżegwixxi intervent tal-SGD, inklużi żborżi.

PARTI 4:   Awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Matul il-funzjonijiet tagħhom, mill-ippjanar tar-riżoluzzjoni sal-eżekuzzjoni.

PARTI 5:   Kondotta ta’ awtoritajiet tan-negozju

Meta jwettqu l-attivitajiet superviżorji tagħhom fuq il-post u mhux fuq il-post, u b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn ikunu jafu dwar:

(a)

ċaħda ta’ aċċess għal prodotti jew servizzi finanzjarji għal raġunijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)

terminazzjoni ta’ kuntratt jew it-tmiem ta’ servizz għal raġunijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(c)

esklużjoni ta’ kategoriji ta’ klijenti, b’mod partikolari fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) għal raġunijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

PARTI 6:   Awtoritajiet tal-istituzzjonijiet ta’ pagament

B’mod partikolari:

1.

matul il-proċess tal-awtorizzazzjoni u l-passaportar;

2.

meta jwettqu l-attivitajiet superviżorji tagħhom fuq il-post u mhux fuq il-post, b’mod partikolari:

(a)

fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ pagament u istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, inkluż meta jipprovdu l-attivitajiet tagħhom permezz ta’ aġenti u distributuri;

(b)

fir-rigward tal-obbligi tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament skont id-Direttiva (UE) 2015/2366, inkluż l-obbligu tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament tal-prenditur li jagħmlu fondi disponibbli lill-prenditur immedjatament wara li l-ammont jiġi kkreditat fil-kont tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament.

PARTI 7:   Kwalunkwe sitwazzjoni oħra fejn id-dgħufija tkun materjali.


ANNESS II

INFORMAZZJONI DWAR PERSUNI FIŻIĊI

1.   

L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2), il-punt (b)

(a)

l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, il-pajjiż ta’ residenza, in-nazzjonalità, il-funzjoni fl-operatur tas-settur finanzjarju jew fil-fergħa tiegħu;

(b)

ir-raġunijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament ta’ terroristi.

2.   

L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6, il-punt (m):

(a)

klijenti jew sidien benefiċjarji:

(i)

l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, il-pajjiż ta’ residenza, in-nazzjonalità;

(ii)

jekk il-klijent jew is-sid benefiċjarju huwiex jew kienx ukoll membru tal-korp maniġerjali jew detentur ta’ funzjoni ewlenija fl-operatur tas-settur finanzjarju jew f’fergħa tiegħu;

(iii)

jekk il-klijent jew is-sid benefiċjarju għandux jew kellux, direttament jew indirettament, ishma fl-operatur tas-settur finanzjarju jew f’fergħa tiegħu;

(iv)

jekk il-klijent jitqiesx bħala “riskju għoli” mill-operatur tas-settur finanzjarju, mill-fergħa, mill-aġent jew mid-distributur;

(b)

membri tal-korp maniġerjali jew tad-detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin:

(i)

l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, il-pajjiż ta’ residenza, in-nazzjonalità;

(ii)

funzjoni fl-operatur tas-settur finanzjarju jew f’fergħa tiegħu;

(c)

kwalunkwe persuna fiżika msemmija fil-punti 2(a) jew (b) ta’ dan l-Anness: ir-raġuni għaliex l-awtorità li tirrapporta tqis li l-persuna fiżika tidher li hija marbuta mad-dgħufija materjali.

3.   

L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7, il-punt (d):

(a)

l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, il-pajjiż ta’ residenza, in-nazzjonalità;

(b)

il-funzjoni fl-operatur, il-fergħa, l-aġent jew id-distributur tas-settur finanzjarju jew, fir-rigward tal-klijent jew tas-sid benefiċjarju, ir-rwol.

4.   

L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) minn awtorità li tirrapporta meta tagħmel talba dwar persuni fiżiċi:

(a)

l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, il-pajjiż tar-residenza;

(b)

fejn magħrufa, il-funzjoni, jew, fir-rigward tal-klijent jew tas-sid benefiċjarju, ir-rwol;

(c)

ir-raġuni għaliex l-informazzjoni dwar dik il-persuna speċifika hija meħtieġa għall-awtorità li tirrapporta rikjedenti għall-attività superviżorja tagħha fir-rigward tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-użu/i maħsub(a) tal-informazzjoni mitluba.

5.   

It-tixrid ta’ data personali mill-EBA:

Meta tintalab minn awtorità ta’ rapportar, l-EBA għandha tikkondividi data personali skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 4(c) ta’ dan l-Anness, u fuq inizjattiva tagħha stess skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(1), il-punt (b), jekk l-informazzjoni dwar il-persuna kkonċernata tkun meħtieġa għall-awtorità li tirrapporta biex twettaq is-superviżjoni tagħha fir-rigward tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. Fiż-żewġ każijiet, l-informazzjoni għandha tiġi kondiviża bejn l-utenti awtentikati u għandhom jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni siguri.

6.   

L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta fl-applikazzjoni tal-Artikolu 12(5) għandu jkun fiha l-isem, il-kunjom, il-funzjoni, u l-kuntatt kummerċjali


ANNESS III

PROFIL TAR-RISKJU TAL-ĦASIL TAL-FLUS U TAL-FINANZJAMENT TAT-TERRORIŻMU

1.   Profil tar-riskju inqas sinifikanti:

L-operatur, il-fergħa, l-aġent jew id-distributur tas-settur finanzjarju jkollu profil tar-riskju inqas sinifikanti jekk ir-riskju inerenti tiegħu jkun inqas sinifikanti u l-profil tar-riskju tiegħu jibqa’ mhux affettwat mill-mitigazzjoni, jew jekk ir-riskju inerenti jkun moderatament sinifikanti jew sinifikanti iżda jkun effettivament mitigat permezz tas-sistemi u l-kontrolli kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT).

2.   Profil tar-riskju moderatament sinifikanti:

L-operatur, il-fergħa, l-aġent jew id-distributur tas-settur finanzjarju ikollu profil tar-riskju moderatament sinifikanti jekk ir-riskju inerenti tiegħu jkun moderatament sinifikanti u l-profil tar-riskju tiegħu jibqa’ mhux affettwat mill-mitigazzjoni, jew meta r-riskju inerenti tiegħu jkun sinifikanti jew sinifikanti ħafna iżda jkun effettivament mitigat permezz ta’ sistemi u kontrolli tal-AML/CFT.

3.   Profil tar-riskju sinifikanti:

L-operatur, il-fergħa, l-aġent jew id-distributur tas-settur finanzjarju jkollu profil tar-riskju sinifikanti jekk l-iskopertura għar-riskju inerenti tiegħu tkun sinifikanti u l-profil tar-riskju jibqa’ mhux affettwat mill-mitigazzjoni, jew meta r-riskju inerenti tiegħu jkun sinifikanti ħafna iżda jkun effettivament mitigat permezz ta’ sistemi u kontrolli tal-AML/CFT.

4.   Profil tar-riskju sinifikanti ħafna:

L-operatur, il-fergħa, l-aġent jew id-distributur tas-settur finanzjarju jkollu profil tar-riskju sinifikanti ħafna jekk ir-riskju inerenti tiegħu jkun sinifikanti ħafna u, irrispettivament mill-mitigazzjoni, i-profil tar-riskju jibqa’ mhux affettwat mill-mitigazzjoni, jew jekk ir-riskju inerenti jkun sinifikanti ħafna iżda ma jiġix mitigat b’mod effettiv minħabba dgħufijiet sistemiċi fis-sistema u l-kontroll AML/CFT tal-operatur tas-settur finanzjarju.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/595/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)