|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/587 |
13.2.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/587
tat-12 ta’ Frar 2024
li jipprevedi deroga mir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istandard għal kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-art (standard tal-KAAT) 8, dati tal-eliġibbiltà tan-nefqa għall-kontribuzzjoni mill-FAEG u regoli dwar l-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK għall-modifiki ta’ ċerti ekoskemi għas-sena tat-talba 2024
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 148(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri jridu jiżguraw li ż-żoni agrikoli kollha, inkluż l-art li ma tkunx għadha tintuża għal skopijiet ta’ produzzjoni, jinżammu f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, u jridu jistabbilixxu, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, standards minimi għall-bdiewa u benefiċjarji oħra għal kull standard ta’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-art (l-istandard KAAT) elenkat fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament f’konformità mal-objettiv ewlieni ta’ dawk l-istandards kif imsemmi f’dak l-Anness. |
|
(2) |
L-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT jipprevedi li l-bdiewa għandhom jiddedikaw sehem minimu tar-raba’ tagħhom għal żoni u karatteristiċi mhux produttivi. L-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115 jipprovdi tliet għażliet li l-Istati Membri jistgħu jipproponu lill-bdiewa biex jissodisfaw dan l-obbligu. L-objettiv ewlieni tal-istandard 8 tal-KAAT, inkluż ukoll it-tieni, it-tielet u r-raba’ rekwiżit possibbli huwa ż-żamma ta’ karatteristiċi u żona mhux produttivi biex tittejjeb il-bijodiversità fl-azjenda agrikola. |
|
(3) |
B’mod parallel ma’ żieda fl-ambizzjoni ambjentali fl-arkitettura ekoloġika li kienet parti mir-riforma reċenti tal-Politika Agrikola Komuni, il-bdiewa qed jiffaċċjaw firxa eċċezzjonali ta’ diffikultajiet u inċertezzi. B’mod partikolari, l-aħħar sena kienet ikkaratterizzata minn għadd importanti ta’ avvenimenti meteoroloġiċi estremi, fosthom nixfiet u għargħar f’diversi partijiet tal-Unjoni. Dawn l-avvenimenti jaffettwaw il-produzzjoni u d-dħul kif ukoll l-eżekuzzjoni u l-kalendarju tal-prattiki agronomiċi normali, li jinvolvu pressjoni qawwija fuq il-bdiewa biex jadattaw. Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-input li jirriżultaw mill-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-għoli tal-ħajja/l-inflazzjoni, il-flussi kummerċjali internazzjonali mibdula u l-ħtieġa li l-Ukrajna tiġi appoġġata ħolqu aktar inċertezzi u pressjoni tas-suq. |
|
(4) |
Dan l-aħħar, il-bdiewa kienu qed jiffaċċjaw tnaqqis fl-introjtu u b’mod partikolari kien hemm tnaqqis qawwi fil-prezzijiet għaċ-ċereali meta mqabbel mal-2022. Il-valur tal-produzzjoni taċ-ċereali tal-UE27 naqas minn EUR 80,6 biljun fl-2022 għal EUR 58,8 biljun fl-2023, tnaqqis ta’ 27 % xprunat mit-tnaqqis fil-prezzijiet taċ-ċereali. |
|
(5) |
Minħabba l-kombinament riċenti ta’ avvenimenti ġeopolitiċi simultanji u avvenimenti estremi tat-temp, il-bdiewa qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jirrispettaw ir-rekwiżit li jiddedikaw sehem minimu ta’ raba’ li jinħadem għal żoni u karatteristiċi mhux produttivi u li f’ċerti każijiet jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq terminu qasir fuq id-dħul tagħhom u jpoġġu f’riskju l-vijabbiltà tal-attivitajiet tagħhom. |
|
(6) |
Konsegwentement, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jiddeċiedu li l-bdiewa jistgħu eċċezzjonalment u temporanjament jissodisfaw l-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT b’mod alternattiv sa fejn hija kkonċernata s-sena tat-talba 2024. Din l-għażla, li tippermetti li l-bdiewa u benefiċjarji oħra jissodisfaw l-ewwel rekwiżit ta’ dak l-istandard billi jiddedikaw sehem minimu ta’ mill-inqas 4 % tar-raba’ fil-livell tal-azjenda agrikola għal żoni u karatteristiċi mhux produttivi, inkluża l-art mistrieħa u/jew; għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu; u/jew għelejjel tat-titwiq, itejbu l-vijabbiltà għall-bdiewa billi jagħtuhom aktar flessibbiltà fir-rigward taż-żoni li jistgħu jintużaw biex jissodisfaw l-obbligu li jiddedikaw ċertu sehem ta’ raba’ li jinħadem għall-benefiċċji tal-bijodiversità. Dan iqiegħed inqas restrizzjonijiet fuq kif jistgħu jużaw l-art li tinħadem u jnaqqas it-telf tal-introjtu filwaqt li xorta waħda jiżgura xi benefiċċji ambjentali. |
|
(7) |
L-użu ta’ għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu u għelejjel tat-titwiq iġib firxa ta’ benefiċċji ambjentali għas-saħħa tal-ħamrija, inkluż għall-bijodiversità tal-ħamrija u jevita l-lissija tan-nutrijenti. Benefiċċji oħrajn tal-bijodiversità jirriżultaw mir-rekwiżit li l-għelejjel iridu jitkabbru mingħajr prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Fil-każ ta’ kultivazzjoni ta’ għalla tat-titwiq mingħajr l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti wara għalla ewlenija fiż-żona magħżula biex tikkonforma mal-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT, jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw fattur ta’ ponderazzjoni ta’ 1, biex ikunu riflessi d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ żriegħ diġà meħuda mill-bdiewa fir-rigward tas-sena tat-talba 2024, li ma jistgħux jiġu modifikati mingħajr ma jiġġarrbu kostijiet addizzjonali. |
|
(8) |
Id-deroga jenħtieġ li tkun limitata għas-sena tat-talba 2024, u ma taffettwax ir-regoli fis-snin lil hinn mill-2024, u jenħtieġ li tkun ristretta għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw il-bdiewa kif spjegat hawn fuq, biex jiġi evitat li jiġi kompromess bla bżonn l-objettiv tal-istandard 8 tal-KAAT biex tittejjeb il-bijodiversità fl-azjendi agrikoli bħala parti mis-sostenibbiltà fit-tul tas-settur. It-tliet rekwiżiti l-oħra skont l-istandard 8 tal-KAAT elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, inkluż ir-rekwiżit dwar iż-żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ, jenħtieġ li jibqgħu applikabbli għas-sena tat-talba 2024. |
|
(9) |
Peress li l-istandards tal-KAAT huma parti mill-kundizzjonijiet bażi tal-ekoskemi u tal-impenji oħrajn agroambjentali, relatati mal-klima u ta’ ġestjoni, jixraq li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-rispett tal-linja bażi meta Stat Membru juża d-derogi għall-applikazzjoni tal-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT. Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ġenerali li l-pagamenti huma previsti biss għal impenji li jmorru lil hinn mill-istandards tal-KAAT, u biex tiġi ssalvagwardjata l-ambizzjoni tal-interventi, li jiffurmaw parti mill-arkitettura ekoloġika tal-politika agrikola komuni (PAK), jenħtieġ li jiġi stabbilit li l-pagamenti bħala parti mill-ekoskemi u tal-impenji oħrajn agroambjentali, relatati mal-klima u ta’ ġestjoni għas-sena tat-talba 2024 jenħtieġ li jsiru biss għall-impenji li jmorru lil hinn mill-għażla l-ġdida biex jiġi ssodisfat l-ewwel rekwiżit tal-KAAT 8, stabbilit f’dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Il-possibbiltà ta’ deroga mill-applikazzjoni tal-istandard 8 tal-KAAT kif definiti mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu skont l-Artikolu 109(2), il-punt (a)(i), tar-Regolament (UE) 2021/2115 għall-Istati Membri li fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom jinkludu d-deskrizzjoni tal-implimentazzjoni u l-elementi relatati ta’ kull standard tal-KAAT elenkati fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament. |
|
(11) |
Biex ikun żgurat li d-derogi awtorizzati minn dan ir-Regolament ikunu effettivi b’rabta mal-għan tagħhom u peress li l-bdiewa jinħtiġilhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar iż-żrigħ għar-rebbiegħa tal-2024, id-deċiżjoni dwar l-użu tad-derogi jenħtieġ li tittieħed malajr. Għaldaqstant, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom u jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dan fi żmien 15-il jum mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament permezz tas-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (2). Id-deċiżjonijiet jenħtieġ li jiġu inklużi fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK flimkien mal-ewwel talba għal emenda tal-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mal-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115. Peress li hemm bżonn li tiġi żgurata implimentazzjoni fil-ħin, id-deċiżjonijiet jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
(12) |
Huwa essenzjali li jiġi mmonitorjat l-użu tad-derogi. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni id-data rilevanti u valutazzjoni kwalitattiva tal-effett tad-deroga fuq l-iskop tad-deroga u fuq l-objettiv ewlieni tal-ewwel rekwiżit tal-KAAT 8. |
|
(13) |
L-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT huwa linja bażi għal ċerti ekoskemi stabbiliti fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tal-Istati Membri. Il-bdiewa li jieħdu impenji skont l-ekoskemi jeħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżit tal-linja bażi għal dawk l-ekoskemi sabiex jibbenefikaw mill-pagamenti korrispondenti. Madankollu, l-ekoskemi attwalment stabbiliti fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tal-Istati Membri jistgħu fil-każijiet kollha ma jkunux imfassla b’mod li jippermetti lill-bdiewa li jqisu l-għażla l-ġdida li jissodisfaw l-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT, previst minn dan ir-Regolament bħala linja bażi għall-ekoskema. Tali eżitu jista’ jipprevjeni lill-bdiewa milli jieħdu impenji skont dawn l-ekoskemi, minħabba li ma jkunux jistgħu jikkombinawhom mal-għażla l-ġdida li jikkonformaw mal-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT, stabbilit f’dan ir-Regolament u għalhekk jista’ jkollu impatt ulterjuri fuq il-vijabbiltà tal-attivitajiet tagħhom. |
|
(14) |
Biex jiġi żgurat li l-bdiewa li fl-2024 jixtiequ jissottoskrivu għal impenji skont l-ekoskemi abbażi tal-istandard 8 tal-KAAT, l-ewwel rekwiżit, bħala linja bażi, kif stabbilit fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mid-derogi stabbiliti f’dan ir-Regolament u li, b’konsegwenza ta’ dan, dik id-deroga tkun tista’ tuża bis-sħiħ l-effetti tagħha biex tikkontribwixxi għat-titjib tal-vijabbiltà tal-attivitajiet tal-bdiewa, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu u japplikaw modifiki għal dawk l-ekoskemi fi żmien debitu għall-applikazzjonijiet fis-sena tat-talba 2024. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jagħmlu u japplikaw tali modifiki fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK mingħajr approvazzjoni minn qabel ta’ dawk il-modifiki mill-Kummissjoni. Din id-deroga mill-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jenħtieġ li tkun limitata għal modifiki li huma strettament meħtieġa biex jiġu aġġustati l-ekoskemi kkonċernati, kif stabbilit fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, għad-derogi mill-istandard 8 tal-KAAT stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
|
(15) |
Biex jiġi żgurat li n-notifiki lill-Kummissjoni tal-modifiki fl-ekoskemi ppreżentati skont id-deroga prevista f’dan ir-Regolament jiġu ppreżentati permezz tal-istess sistema ta’ skambju elettroniku tad-data bħat-talbiet għall-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK imsemmija fl-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw tali notifiki permezz tas-sistema tal-iskambju elettroniku tad-data “SFC2021” imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 (3). |
|
(16) |
Il-modifiki fl-iskemi ekoloġiċi magħmula u applikati mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu soġġetti għal approvazzjoni sussegwenti mill-Kummissjoni biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-funzjonament xieraq tal-qafas ta’ prestazzjoni msemmi fit-Titolu VII tar-Regolament (UE) 2021/2115. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Istati Membri li jagħmlu użu mid-deroga mill-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jitolbu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni għall-modifiki fl-ekoskemi magħmula u applikati skont dan ir-Regolament billi jinkludu dawk il-modifiki fit-talba li jmiss għall-emendar tal-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mal-Artikolu 119(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(17) |
Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-bdiewa kkonċernati mill-modifiki fl-ekoskemi abbażi tal-istandard 8 tal-KAAT, l-ewwel rekwiżit, bħala linja bażi, fis-sena tat-talba 2024, magħmula u applikati bħala riżultat tad-derogi proprji f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar iż-żmien u l-kontenut tan-notifiki tal-modifiki għal dawk l-ekoskemi lill-Kummissjoni. |
|
(18) |
Peress li l-modifiki għall-ekoskemi bbażati fuq l-istandard 8 tal-KAAT, l-ewwel rekwiżit, bħala linja bażi, kif stabbilit fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tal-Istati Membri, jistgħu jaffettwaw l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-kontribuzzjoni mill-FAEG, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deroga mill-Artikolu 119, jeħtieġ li ssir deroga wkoll mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 86(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115 dwar id-data minn meta tali nefqa tkun eliġibbli bħala riżultat ta’ dawk il-modifiki. |
|
(19) |
Peress li hemm bżonn li l-Istati Membri jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fil-ħin qabel id-deċiżjonijiet tal-bdiewa dwar iż-żrigħ għar-rebbiegħa tal-2024, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(20) |
Il-Kumitat tal-Politika Agrikola Komuni ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stipulat mill-President tiegħu. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Deroga mill-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT għas-sena tat-talba 2024
1. B’deroga mill-ewwel rekwiżit tal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-art tal-istandard 8 (KAAT), l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li għas-sena tat-talba 2024 il-bdiewa u benefiċjarji oħra soġġetti għal dak l-istandard jistgħu jissodisfaw l-ewwel rekwiżit ta’ dak l-istandard billi jiddedikaw sehem minimu ta’ mill-inqas 4 % tar-raba’ li jinħadem fil-livell tal-azjenda agrikola għal:
|
— |
żoni u karatteristiċi mhux produttivi, inkluża art mistrieħa; u/jew |
|
— |
għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu; u/jew |
|
— |
għelejjel tat-titwiq. |
L-għelejjel tat-titwiq u l-għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu għandhom jiġu kkultivati mingħajr l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. L-Istati Membri għandhom jużaw il-fattur ta’ ponderazzjoni ta’ 1 għall-għelejjel tat-titwiq.
Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024.
2. Għall-fini tal-ekoskemi msemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/2115 u tal-impenji agroambjentali, relatati mal-klima u ta’ ġestjoni oħra msemmija fl-Artikolu 70 ta’ dak ir-Regolament, u stabbiliti mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, għas-sena tat-talba 2024, l-Istati Membri li jieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiżguraw li meta bidwi jiddeċiedi li jikkonforma mal-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT, abbażi tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu1, il-pagamenti għandhom isiru biss għal impenji li jmorru lil hinn minn dak ir-rekwiżit, kif stabbilit fl-Artikoli 31(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u 70(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 2
Limitu ta’ żmien, notifika tad-deċiżjonijiet u l-applikazzjoni tagħhom
L-Istati Membri li jiddeċiedu li jużaw id-deroga msemmija fl-Artikolu 1(1), għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni li jkunu ħadu skont dak l-Artikolu permezz tas-sistema tat-teknoloġija tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1185 fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
L-Istati Membri għandhom jinkludu d-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament fit-Taqsima 3.10 dwar il-Kondizzjonalità u l-istandard tal-KAAT tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK bħala parti mill-ewwel talba għal emenda tal-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mal-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115 wara n-notifika skont l-ewwel subparagrafu.
Id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 119(10) tar-Regolament (UE) 2021/2115.
L-Istati Membri li jagħmlu użu mid-deroga msemmija fl-Artikolu 1(1), għandhom jinkludu data dwar l-adozzjoni tad-deroga fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni msemmi fl-Artikolu 134 tar-Regolament (UE) 2021/2115, u li għandu jkun sottomess fil-15 ta’ Frar 2025.
Artikolu 3
Derogi mill-Artikoli 86(2) u 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għas-sena tat-talba 2024
1. B’deroga mill-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(2), l-Istati Membri, li jiddeċiedu li jagħmlu użu mid-deroga msemmija fl-Artikolu 1(1), jistgħu, mingħajr approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, jagħmlu u japplikaw modifiki għall-ekoskemi msemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/2115, stabbiliti fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, li huma bbażati fuq l-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT, bħala linja bażi, fir-rigward tas-sena tat-talba 2024.
Dawn il-modifiki għandhom ikunu limitati għal dawk l-elementi tal-ekoskemi msemmija fl-ewwel subparagrafu, li huma strettament meħtieġa biex jiġi żgurat li l-bdiewa li jieħdu impenji skont dawk l-ekoskemi jkunu jistgħu jikkombinaw dawk l-impenji mal-għażliet għall-issodisfar tal-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT stabbilit fl-Artikolu 1(1).
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-data tal-bidu għall-applikazzjoni tal-modifiki msemmija fil-paragrafu 1 sabiex il-bdiewa jingħataw biżżejjed żmien biex iqisu dawk il-modifiki.
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-modifiki msemmija fil-paragrafu 1 sa meta jibdew japplikawhom.
In-notifika għandha tiġi ppreżentata permezz tas-sistema ta’ skambju elettroniku ta’ data“SFC2021”. In-notifika għandu jkun fiha deskrizzjoni tal-modifiki li saru fl-ekoskemi msemmija fl-ewwel paragrafu u spjegazzjoni tar-raġunijiet għaliex dawk il-modifiki huma strettament meħtieġa kif meħtieġ mill-paragrafu 1.
4. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mid-deroga msemmija fil-paragrafu 1 darba biss.
5. L-Istati Membri għandhom jinkludu l-modifiki msemmija fil-paragrafu 1 fit-talba li jmiss għal emenda tal-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mal-Artikolu 119(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115.
6. B’deroga mill-Artikolu 86(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115, in-nefqa li ssir eliġibbli bħala riżultat tal-modifiki fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK imsemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FAEG mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 3.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notofiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1185/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u dwar is-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 463, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2289/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/587/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)