Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2024/585 |
15.2.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/585
tat- 8 ta’ Diċembru 2023
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward regoli speċifiċi għall-indikazzjoni u d-denominazzjoni tal-ingredjenti għall-prodotti tal-inbid aromatizzat
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 6a(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (UE) Nru 251/2014. |
(2) |
Fil-kuntest ta’ dik l-emenda, il-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrijenti msemmija fl-Artikolu 9(1), il-punti (b) u (l), rispettivament, tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ġew introdotti bħala dettalji obbligatorji fl-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) Nru 251/2014. Ir-Regolament (UE) 2021/2117 ta wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jissuplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 billi jispeċifikaw aktar ir-regoli għall-indikazzjoni u d-denominazzjoni tal-ingredjenti għall-applikazzjoni tar-rekwiżit il-ġdid għat-tikkettar. |
(3) |
Għalkemm id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 japplikaw għall-indikazzjoni u d-denominazzjoni tal-ingredjenti għall-prodotti tal-inbid aromatizzat, jixraq li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi li jqisu ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u l-proċessi partikolari u ż-żmien tal-produzzjoni tagħhom, bil-ħsieb li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni komprensiva u preċiża. Dawn ir-regoli jenħtieġ li japplikaw meta tiġi pprovduta l-lista tal-ingredjenti fuq it-tikketta tal-prodott tal-inbid aromatizzat, kif ukoll meta l-lista tal-ingredjenti tiġi pprovduta bil-mezzi elettroniċi identifikati fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mehmuża miegħu, f’konformità mal-Artikolu 6a(2) tar-Regolament (UE) Nru 251/2014. |
(4) |
Peress li l-prodotti tal-inbid aromatizzat jinkisbu dejjem minn prodott wieħed tad-dwieli jew minn aktar prodotti tad-dwieli definiti fil-punti minn 1 sa 11 tal-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jixraq li jkun meħtieġ li l-ingredjenti kollha tal-prodotti tad-dwieli użati fil-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat ikunu elenkati f’konformità mar-regoli speċifiċi dwar l-indikazzjoni u d-denominazzjoni tal-ingredjenti tal-prodotti tad-dwieli kif stabbiliti fl-Artikolu 48a tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (5). |
(5) |
L-ingredjenti tal-prodotti tad-dwieli użati bħala bażi biex jinkiseb il-prodott tal-inbid aromatizzat jenħtieġ li jkunu viżwalment distinti mill-ingredjenti l-oħra miżjuda magħhom. Għalhekk, l-ingredjenti tal-prodotti tad-dwieli jenħtieġ li jiġu indikati fil-parentesi, wara t-terminu “inbid” jew terminu ieħor li jidentifika l-prodotti tad-dwieli speċifiċi użati, filwaqt li l-ingredjenti l-oħra kollha miżjuda mal-prodotti tad-dwieli bażiċi jenħtieġ li jidhru barra mill-parenteżi fl-ordni dekrexxenti tal-volum jew tal-piż kif irreġistrati fil-waqt tal-użu tagħhom fil-manifattura tal-prodott tal-inbid aromatizzat, kif previst fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. |
(6) |
Madankollu, meta ċerti ingredjenti jiżdiedu mal-prodotti tad-dwieli bażi użati biex jiksbu l-prodott tal-inbid aromatizzat, jenħtieġ li japplikaw regoli speċifiċi għad-denominazzjoni tagħhom fil-lista tal-ingredjenti. |
(7) |
Għal raġunijiet ta’ konsistenza mar-regoli dwar l-indikazzjoni tal-ingredjenti tal-prodotti tad-dwieli u sabiex jiġi faċilitat il-fehim tal-konsumaturi, jixraq li jitħalla jintuża t-terminu “most tal-għeneb ikkonċentrat” bħala deżinjazzjoni kemm tal-most tal-għeneb ikkonċentrat kif ukoll tal-most tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat meta jiżdiedu mal-prodotti tad-dwieli użati biex jinkiseb il-prodott tal-inbid aromatizzat. |
(8) |
Meta s-sulfiti, il-bajd u l-prodotti bbażati fuq il-bajd u/jew il-ħalib u l-prodotti bbażati fuq il-ħalib jintużaw fil-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat, jenħtieġ li jiġu indikati fuq it-tikketta bl-użu tat-termini tradizzjonalment użati fit-tikkettar tal-prodotti tad-dwieli. Dawk l-allerġeni jenħtieġ li jiġu indikati fil-parentesi meta jintużaw fil-produzzjoni tal-prodotti tad-dwieli, filwaqt li jenħtieġ li jidhru barra mill-parentesi meta jintużaw fil-prodott tal-inbid aromatizzat qabel l-ibbottiljar. |
(9) |
Għall-istess raġuni, jixraq li l-prodotti tal-inbid aromatizzat jitħallew jużaw l-istess pittogrammi li juru s-sulfiti, il-bajd u l-prodotti bbażati fuq il-bajd u/jew il-ħalib u l-prodotti bbażati fuq il-ħalib bħal dawk li jintużaw għall-prodotti tad-dwieli. |
(10) |
Meta xi sustanzi jew prodotti oħra li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi jiżdiedu ma’ prodott tal-inbid aromatizzat qabel l-ibbottiljar, jeħtieġ jiġu ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. |
(11) |
Meta s-sulfiti, il-bajd u l-prodotti bbażati fuq il-bajd u/jew il-ħalib u l-prodotti bbażati fuq il-ħalib jintużaw fil-prodotti tad-dwieli bażi u jiżdiedu mal-prodott tal-inbid aromatizzat qabel l-ibbottiljar, jenħtieġ li jiġu indikati darba biss fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu wara t-terminu “jinkludi” jekk il-lista sħiħa tal-ingredjenti tingħata b’mezz elettroniku. |
(12) |
Ċerti addittivi użati bħala gassijiet tal-imballaġġ (id-diossidu tal-karbonju, l-argon u n-nitroġenu) għandhom bħala objettiv ewlieni l-ispostament tal-ossiġenu matul l-ibbottiljar tal-prodotti tal-inbid aromatizat, iżda ma jsirux parti mill-prodott li jiġi kkunsmat. Peress li l-indikazzjoni tagħhom fil-lista tal-ingredjenti tista’ tfixkel lill-konsumaturi dwar in-natura u l-kompożizzjoni vera tal-prodott tal-inbid aromatizzat, jidher li jixraq li dawn jiġu sostitwiti b’dettall speċifiku li jiddeskrivi l-funzjoni tagħhom billi jintuża t-terminu “Ibbottiljat f’atmosfera protettiva”. |
(13) |
Minħabba l-obbligu li l-ingredjenti jiġu elenkati mit-8 ta’ Diċembru 2023 f’konformità mal-Artikolu 6, il-ħames paragrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2117, jixraq li jiġi permess l-eżawriment tal-istokkijiet tal-prodotti tal-inbid aromatizzat li jkunu ġew ittikkettati f’konformità mal-Artikolu 6a(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 bejn it-8 ta’ Diċembru 2023 u is-18 ta' Frar 2024. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Lista tal-ingredjenti
1. Il-prodotti tad-dwieli użati biex jinkiseb prodott tal-inbid aromatizzat għandhom jiġu indikati fil-lista tal-ingredjenti tiegħu bit-terminu “inbid” jew bl-isem tal-prodotti tad-dwieli speċifiċi użati. Dawk it-termini għandhom jiġu segwiti minnufih mill-ingredjenti ta’ dawk il-prodotti tad-dwieli elenkati f’konformità mal-Artikolu 48a tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33, indikati fil-parenteżi.
2. Meta l-ingredjenti li ġejjin jiżdiedu mal-prodotti tad-dwieli bażi qabel jew waqt l-ibbottiljar tal-prodott tal-inbid aromatizzat, jistgħu jiġu indikati barra mill-parentesi msemmija fil-paragrafu 1 kif ġej:
(a) |
il-“most tal-għeneb ikkonċentrat” u/jew il-“most tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat” jistgħu jiġu indikati bl-użu tat-terminu “most tal-għeneb ikkonċentrat”; |
(b) |
is-sulfiti, il-bajd u l-prodotti bbażati fuq il-bajd kif ukoll il-ħalib u l-prodotti bbażati fuq il-ħalib jistgħu jiġu indikati bl-użu tat-termini elenkati fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33; |
(c) |
l-addittivi li jaqgħu fil-kategorija “gassijiet tal-imballaġġ” jistgħu jiġu sostitwiti billi jiġi speċifikat id-dettall “Ibbottiljat f’atmosfera protettiva”. |
Għall-finijiet tas-subparagrafu wieħed, il-punt (b), meta l-lista tal-ingredjenti tingħata b’mezzi elettroniċi, dawk it-termini għandhom jidhru wkoll darba fuq l-imballaġġ jew fuq it-tikketta mehmuża miegħu, wara l-kelma “jinkludi” flimkien mal-indikazzjoni ta’ kwalunkwe sustanza oħra jew prodott ieħor li jikkawża allerġiji jew intolleranzi użat fil-produzzjoni tal-prodott tal-inbid aromatizzat. Dawk it-termini jistgħu jiġu akkumpanjati mill-pittogramma rilevanti stabbilit fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33.
Artikolu 2
Dispożizzjoni tranżizzjonali
L-istokkijiet tal-prodotti tal-inbid aromatizzat ittikkettati f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 6a(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 bejn it-8 ta’ Diċembru 2023 u is-18 ta' Frar 2024 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq sakemm jiġu eżawriti l-istokkijiet anki jekk ma jikkonformawx mar-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar stabbiliti f’dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/585/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)