European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/584

15.2.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/584

tas-7 ta’ Novembru 2023

li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/1851 fir-rigward tal-omoġeneità tal-iskoperturi sottostanti f’titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikulari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 20(14), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(21) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26b(13) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1851 (2) jistabbilixxi kriterji uniformi sabiex tiġi ddeterminata l-omoġeneità tal-iskoperturi sottostanti f’titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda r-Regolament (UE) 2017/2402 biex jiżgura li l-qafas ta’ titolizzazzjoni tal-Unjoni jipprevedi għodda addizzjonali biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku wara l-kriżi tal-COVID-19, fost l-oħrajn billi jintroduċi l-possibbiltà li titolizzazzjonijiet fil-karta tal-bilanċ jiġu rikonoxxuti bħala titolizzazzjonijiet STS.

(3)

|Għall-kuntrarju tat-titolizzazzjonijiet tradizzjonali, l-iskoperturi titolizzati f’karta tal-bilanċ dejjem jibqgħu fuq il-karta tal-bilanċ tal-oriġinatur. Sabiex l-iskoperturi f’titolizzazzjoni jitqiesu omoġenji f’konformità mal-kriterju ta’ omoġeneità msemmi fl-Artikolu 1, il-punt (c), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1851, jenħtieġ li l-iskoperturi titolizzati jkunu soġġetti għal proċeduri simili ta’ servizzjar, inkluż il-monitoraġġ, il-ġbir u l-amministrazzjoni ta’ riċevibbli ta’ flus, irrispettivament minn jekk jibqgħux fuq il-karta tal-bilanċ tal-oriġinatur, bħal fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet fil-karta tal-bilanċ, jew fil-karta tal-bilanċ tal-SSPE, bħal fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet tradizzjonali. Għal din ir-raġuni, ir-referenza għal “in-naħa tal-assi tal-SSPE” jenħtieġ li titħassar mill-Artikolu 1, il-punt (c), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1851.

(4)

Meta l-iskoperturi sottostanti jkollhom karatteristiċi simili u r-riskji sottostanti assoċjati ta’ skoperturi għal intrapriżi u skoperturi għal individwi jiġu vvalutati abbażi ta’ metodoloġiji u parametri komuni, dawk l-iskoperturi jenħtieġ li jiġu raggruppati fl-istess tip ta’ assi.

(5)

L-oriġinaturi jew il-mutwanti oriġinali jistgħu jivvalutaw ir-riskju ta’ kreditu ta’ self u kirjiet għal karozzi, u ta’ riċevibbli tal-karti ta’ kreditu mogħtija lill-intrapriżi, bl-użu ta’ approċċ aktar simili għal dak applikat għal skoperturi għal individwi aktar milli skoperturi korporattivi. Għal dik ir-raġuni, huwa meħtieġ li tiġi emendata l-lista ta’ fatturi ta’ omoġeneità relatati mat-tip ta’ obbliganti għal dawk it-tipi ta’ assi.

(6)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għal titolizzazzjonijiet maħruġa fi jew wara 6 ta' Marzu 2024. Madankollu, sabiex ma jkunx hemm interferenza ma’ kuntratti eżistenti konklużi qabel l-istabbiliment tal-kriterji ta’ omoġeneità emendati, huwa meħtieġ li jiġi previst reġim tranżizzjonali għal dawk il-kuntratti.

(7)

Wieħed mill-prinċipji ewlenin sottostanti l-emenda tar-Regolament (UE) 2017/2402 bir-Regolament (UE) 2021/557 kien li jiġi żgurat livell għoli ta’ konsistenza bejn ir-rekwiżiti STS għat-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ u r-rekwiżiti STS diġà eżistenti għat-titolizzazzjonijiet ABCP u mhux ABCP. Minn dan isegwi li r-regoli għad-determinazzjoni tal-omoġeneità tal-iskoperturi sottostanti fit-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ jenħtieġ li jiġu allinjati kemm jista’ jkun mar-regoli li diġà jeżistu għat-titolizzazzjonijiet ABCP u mhux ABCP STS. Sabiex tiġi ffaċilitata valutazzjoni komprensiva tar-regoli kollha għad-determinazzjoni tal-omoġeneità tal-iskoperturi sottostanti, u sabiex jiġi pprovdut aċċess faċli għal dawk ir-regoli lill-partijiet soġġetti għall-obbligi korrispondenti, huwa meħtieġ li l-istandards tekniċi regolatorji dwar l-omoġeneità għat-titolizzazzjonijiet mhux ABCP, ABCP u STS fil-karta tal-bilanċ jinġabru f’Regolament wieħed.

(8)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/1851 għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji żviluppat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, u ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(10)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2019/1851

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/1851 huwa emendat kif ġej:

1.

fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu huwa emendat kif ġej:

(a)

il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-Artikoli 20(8), 24(15) u 26b(8) tar-Regolament (UE) 2017/2402, l-iskoperturi sottostanti għandhom jitqiesu omoġenji meta jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:”;

(b)

fil-punt (a), il-punt (iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘(iii)

faċilitajiet ta’ kreditu pprovduti lil individwi għal finijiet ta’ konsum personali, tal-familja jew tal-unità domestika, u faċilitajiet ta’ kreditu pprovduti lil intrapriżi fejn l-oriġinatur japplika l-istess approċċ ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu bħal dak għall-individwi mhux koperti taħt il-punti (i) u (ii) u l-punti (iv) sa (viii);”;

(c)

il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

ikunu servizzjati skont proċeduri simili għall-monitoraġġ, il-ġbir u l-amministrazzjoni ta’ flus riċevibbli;

(d)

fattur tal-omoġeneità wieħed jew aktar jiġu applikati skont l-Artikolu 2, meta applikabbli.”;

2.

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, il-punt (a), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

individwi, u intrapriżi fejn l-oriġinatur japplika l-istess approċċ għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu assoċjat ma’ skoperturi għal intrapriżi bħal għall-iskoperturi għal individwi;”;

(b)

fil-paragrafu 5, il-punt (a), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

individwi, u intrapriżi fejn l-oriġinatur japplika l-istess approċċ għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu assoċjat ma’ skoperturi għal intrapriżi bħal għall-iskoperturi għal individwi;”.

Artikolu 2

Titolizzazzjonijiet STS pendenti

Għal titolizzazzjonijiet STS li jinħarġu t-titoli tagħhom, jew li jinħolqu l-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni tagħhom, f’konformità mat-termini tal-ftehimiet adottati, u li ġew innotifikati lill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402, qabel 6 ta' Marzu 2024, l-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs jistgħu, mingħajr ma jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, ikomplu jużaw id-deżinjazzjoni “STS” jew “sempliċi, trasparenti u standardizzati”, jew deżinjazzjoni li tirreferi direttament jew indirettament għal dawk it-termini, dment li dawk it-titolizzazzjonijiet jikkonformaw mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2402.

Artikolu 3

Daħla fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1851 tat-28 ta’ Mejju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar l-omoġeneità tal-iskoperturi sottostanti fit-titolizzazzjoni (ĠU L 285, 6.11.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2402 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata biex jgħin l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 116, 6.4.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/584/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)