European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/583

12.2.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/583

tat-8 ta’ Frar 2024

dwar operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Frar 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta r-Riżoluzzjoni 2624 (2022), li tikkundanna bl-aktar mod qawwi l-għadd dejjem jikber ta’ inċidenti ’l barra mill-kosta tal-Jemen, inkluż attakki fuq bastimenti ċivili u kummerċjali kif ukoll il-ħtif u d-detenzjoni arbitrarji jew illegali ta’ bastimenti kummerċjali, li joħolqu riskju sinifikanti għas-sigurtà marittima tal-bastimenti fil-Golf ta’ Aden u l-Baħar l-Aħmar tul il-kosta tal-Jemen.

(2)

Fit-12 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jaffermaw li l-ħidma tal-Unjoni mal-Jemen hija marbuta ma’ interessi u impenji ewlenin tal-Unjoni, inkluż: l-appoġġ għall-paċi u ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli; l-imperattiv umanitarju li jingħata appoġġ lill-poplu tal-Jemen; l-implimentazzjoni tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà madwar id-dinja; l-importanza tal-Jemen għal linji ewlenin ta’ provvista ta’ enerġija ibbażati fuq il-baħar u komoditajiet oħra u l-objettiv li jiġu żgurati s-sigurtà u l-istabbiltà tar-reġjun tal-Golf kif ukoll tal-Baħar l-Aħmar u l-Qarn tal-Afrika; u l-ħtieġa li tiġi evitata proliferazzjoni ulterjuri ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi. Barra minn hekk, il-Kunsill afferma li s-sigurtà marittima għandha impatt qawwi fuq il-kummerċ marittimu internazzjonali u li l-Unjoni hija lesta żżid l-isforzi tagħha biex tibni l-fiduċja u tippromwovi s-sikurezza u s-sigurtà marittima fir-reġjun usa’ tal-Golf u fil-Baħar l-Aħmar.

(3)

Fl-24 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li japprovaw l-Strateġija riveduta dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE (EUMSS) u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, li jagħtu l-qafas biex l-Unjoni tieħu azzjoni ulterjuri biex tissalvagwarda l-interessi tagħha fuq il-baħar u tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-ekonomija tagħha, filwaqt li tippromwovi r-regoli internazzjonali u l-konformità sħiħa mal-istrumenti internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS).

(4)

Minn Ottubru 2023 ’l hawn, għadd kbir ta’ attakki mill-Houthis kellhom fil-mira bastimenti fil-Baħar l-Aħmar, il-Golf tal-Aden, il-Baħar Għarbi u l-Golf tal-Oman. Attakki bħal dawn jipperikolaw il-ħajja tal-baħrin fuq bastimenti, u jikkostitwixxu ksur tal-libertà tal-ibħra internazzjonali u tad-dritt ta’ passaġġ ta’ tranżitu fl-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali minquxa fl-UNCLOS. Dawn għandhom impatt negattiv fuq it-tbaħħir merkantili u fuq l-ekonomiji ta’ bosta pajjiżi fl-Unjoni u fir-reġjun.

(5)

Fl-10 ta’ Jannar 2024, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 2722 (2024), li tikkundanna bl-aktar mod qawwi l-attakki mill-Houthis fuq bastimenti merkantili u kummerċjali, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet tan-navigazzjoni tal-bastimenti tal-Istati kollha fil-Baħar l-Aħmar, inkluż għall-bastimenti merkantili u kummerċjali li jgħaddu mill-Istrett tal-Baab al-Mandab, f’konformità mal-liġi internazzjonali, filwaqt li tesiġi li l-Houthis immedjatament iwaqqfu l-attakki kollha bħal dawn, kif ukoll tafferma li l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet tan-navigazzjoni minn bastimenti merkantili u kummerċjali, f’konformità mal-liġi internazzjonali, irid jiġi rrispettat, u b’kont meħud tad-dritt tal-Istati Membri, f’konformità mal-liġi internazzjonali, li jiddefendu l-bastimenti tagħhom minn attakki, inkluż dawk li jdgħajfu d-drittijiet u l-libertajiet tan-navigazzjoni.

(6)

Fid-29 ta’ Jannar 2024, il-Kunsill approva Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi għal operazzjoni possibbli ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tissalvagwarda l-libertà tan-navigazzjoni fir-rigward tal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar, b’durata inizjali ta’ sena minn meta titnieda. F’konformità mal-EUMSS riveduta, dik l-operazzjoni tas-sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea (il-“operazzjoni”) jenħtieġ li tikkontribwixxi għas-sigurtà marittima tul il-linji marittimi ta’ komunikazzjoni ewlenin f’żona li tinkludi l-Baħar l-Aħmar, il-Baħar Għarbi u l-Golf Persjan, f’kooperazzjoni ma’ atturi ewlenin oħra, u tkun akkumpanjata minn sensibilizzazzjoni diplomatika b’saħħitha u mmirata lis-sħab tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf, l-atturi reġjonali u l-Istati kostali. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-operazzjoni. Iż-Żona ta’ Operazzjoni tagħha, li għandha tikkonsisti minn żoni marittimi, jenħtieġ li tiġi definita skont il-mandat maqbul fid-dokumenti rilevanti ta’ ppjanar.

(7)

Jenħtieġ li l-objettiv strateġiku tal-operazzjoni jkun li tiġi żgurata preżenza navali tal-Unjoni fiż-żona fejn iseħħu l-attakki, bl-għan li tiġi żgurata l-liberta’ għal navigazzjoni għall-bastimenti, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ fornituri tas-sigurtà marittima li għandhom l-istess għan.

(8)

Għal dak l-għan, l-operazzjoni jenħtieġ li takkumpanja lill-bastimenti, tipprovdi għarfien dwar is-sitwazzjoni marittima u tipproteġi lill-bastimenti kontra attakki fuq il-baħar b’diversi dominji. Jenħtieġ li tibqa’ difensiva fin-natura tagħha. Il-forzi skjerati għall-operazzjoni jenħtieġ li jaġixxu f’konformità mal-liġi internazzjonali applikabbli, inkluż il-liġi internazzjonali konswetudinarja, inkluż id-difiża personali fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, biex jiddefendu kontra attakk imminenti jew kontinwu fuq il-bastimenti tagħhom stess, jew ta’ parti terza. L-operazzjoni jenħtieġ li taġixxi f’konformità sħiħa mal-UNCLOS. Il-modalitajiet u l-kondizzjonijiet għal dan ta’ hawn fuq jenħtieġ li jiġu elaborati fil-Pjan Operattiv, inklużi r-Regoli tal-Ingaġġ, li għandhom jiġu approvati mill-Kunsill.

(9)

Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà jenħtieġ li jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, kontroll politiku fuq l-operazzjoni, jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(10)

Kooperazzjoni mill-qrib ma’ fornituri tas-sigurtà marittima li għandhom l-istess għan ser teħtieġ il-possibbiltà ta’ skambju, abbażi ta’ reċiproċità u inklużività, ta’ informazzjoni klassifikata sal-livell SECRET UE/EU SECRET mal-Operazzjoni Prosperity Guardian mmexxija mill-Istati Uniti u mal-Forzi Marittimi Kombinati, u l-possibbiltà li tiġi rilaxxata informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell adatt lil sħab li għandhom l-istess għan, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1), li tistabbilixxi r-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

(11)

Skont l-Artikolu 41(2) TUE u f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (2), is-spiża operattiva li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni, li għandha implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża, trid titħallas mill-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni b’dan tistabbilixxi operazzjoni militari ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar. Dik l-operazzjoni għandha tikkontribwixxi għas-sigurtà marittima tul il-linji marittimi ta’ komunikazzjoni ewlenin fiż-żona msemmija fil-paragrafu 3, f’kooperazzjoni ma’ atturi ewlenin oħrajn.

2.   L-operazzjoni għandha tissemma EUNAVFOR ASPIDES.

3.   Iż-Żona ta’ Operazzjoni għandha tinkludi l-Istrett ta’ Baab al-Mandab u l-Istrett ta’ Hormuz, kif ukoll l-ibħra internazzjonali fil-Baħar l-Aħmar, il-Golf tal-Aden, il-Baħar Għarbi, il-Golf tal-Oman u l-Golf Persjan. Il-limiti dettaljati tagħha, kwalunkwe subżona u ż-Żona ta’ Interess għandhom jiġu definiti fid-dokumenti ta’ ppjanar rilevanti approvati mill-Kunsill.

4.   L-objettiv strateġiku ta’ EUNAVFOR ASPIDES għandu jkun li tiġi żgurata preżenza navali tal-Unjoni fiż-Żona ta’ Operazzjoni, bl-għan li tiġi żgurata l-liberta’ għal navigazzjoni għall-bastimenti, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ fornituri tas-sigurtà marittima li għandhom l-istess għan.

5.   Għal dak il-fini, EUNAVFOR ASPIDES għandha, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha:

(a)

takkumpanja bastimenti fiż-Żona ta’ Operazzjoni;

(b)

tiżgura għarfien tas-sitwazzjoni marittima fiż-Żona ta’ Operazzjoni;

(c)

tipproteġi bastimenti kontra attakki fuq il-baħar fuq diversi dominji, b’rispett sħiħ għal-liġi internazzjonali, inkluż il-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, f’subżona taż-Żona ta’ Operazzjoni.

Artikolu 2

Ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE

Commodore Vasileios GRYPARIS huwa b’dan maħtur Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE tal-EUNAVFOR ASPIDES.

Artikolu 3

Għażla tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE

Il-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-EUNAVFOR ASPIDES għandhom ikunu f’Larissa, il-Greċja.

Artikolu 4

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUNAVFOR ASPIDES.

2.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jiġu emendati d-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-Pjan Operattiv, il-Linja tal-Kmand u r-Regoli tal-Ingaġġ. Din għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u tal-Kmandant tal-Forza tal-UE. Is-setgħat ta’ deċiżjoni rigward l-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUNAVFOR ASPIDES għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

3.   Il-KPS għandu jinżamm aġġornat regolarment dwar it-tmexxija tal-EUNAVFOR ASPIDES, b’mod partikolari, il-President tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) għandu, f’intervalli regolari, jirrapporta lura lill-KPS dwar dan. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu, kif adatt.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għandu jipprovdi lill-KPS rapporti dwar it-tmexxija tal-EUNAVFOR ASPIDES kull xahrejn.

5.   Il-KPS għandu jirrapporta lura lill-Kunsill f’intervalli regolari.

Artikolu 5

Direzzjoni militari

1.   L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-EUNAVFOR ASPIDES li titmexxa taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għandu, f’intervalli regolari, jirrapporta lura lill-EUMC. L-EUMC jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE għal-laqgħat tiegħu, kif adatt.

3.   Il-President tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

Artikolu 6

Konsistenza tar-rispons tal-Unjoni u kooperazzjoni ma’ partijiet terzi

1.   Ir-RGħ għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni, inkluż il-programmi ta’ żvilupp tal-Unjoni u l-għajnuna umanitarja tagħha.

2.   Ir-RGħ, assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt man-Nazzjonijiet Uniti, l-awtoritajiet tal-pajjiżi fir-reġjun, u atturi multinazzjonali u bilaterali oħra, inkluż il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf, il-Lega tal-Istati Għarab, l-Istati Uniti tal-Amerka u r-Renju Unit.

3.   L-EUNAVFOR ASPIDES għandha tikkoordina mill-qrib mal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għas-sigurtà marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ATALANTA), stabbilita bl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK (3).

4.   L-EUNAVFOR ASPIDES għandha tikkoopera mal-Gwardjan tal-Prosperità tal-Operazzjoni, mal-Forzi Marittimi Magħquda u ma’ Stati disposti li jikkontribwixxu għas-sigurtà marittima fiż-Żona tal-Operazzjoni tagħha.

5.   L-EUNAVFOR ASPIDES għandha tikkoordina mill-qrib mal-industrija tat-tbaħħir, b’mod partikolari permezz taċ-Ċentru għas-Sigurtà Marittima - il-Qarn tal-Afrika (MSCHOA).

6.   L-EUNAVFOR ASPIDES għandha tikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru, mal-aġenziji u l-korpi rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SATCEN), u mal-missjonijiet u l-operazzjonijiet rilevanti tal-PSDK, b’mod partikolari mal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia), stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK (4), u mal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia), stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK (5).

7.   L-EUNAVFOR ASPIDES- għandha tiġi appoġġata mis-SATCEN u miċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-ġbir ta’ informazzjoni kif meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

Artikolu 7

Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni jew għall-qafas istituzzjonali uniku, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fl-EUNAVFOR ASPIDES.

2.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS jistieden lil Stati terzi joffru kontributi u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u tal-EUMC.

3.   L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’missjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUNAVFOR ASPIDES.

4.   L-Istati terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għall-EUNAVFOR ASPIDES għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-EUNAVFOR ASPIDES bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fiha.

5.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti rigward l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri, fil-każ li xi Stati terzi jipprovdu kontributi militari sinifikanti.

Artikolu 8

Status tal-persunal immexxi mill-Unjoni

L-istatus tal-unitajiet u tal-persunal immexxija mill-Unjoni għandu jiġi definit fejn ikun meħtieġ f’konformità mal-liġi internazzjonali.

Artikolu 9

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni tal-EUNAVFOR ASPIDES għandhom jiġu amministrati f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   L-ammont ta’ referenza għall-ispejjeż komuni tal-EUNAVFOR ASPIDES għandu jkun ta’ EUR 8 000 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun ta’ 30 % għal impenji u 30 % għal pagamenti.

Artikolu 10

Rilaxx u skambju ta’ Informazzjoni

1.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lil Stati terzi ddeżinjati, kif adatt u f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUNAVFOR ASPIDES, kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUNAVFOR ASPIDES u li jkun kopert mill-obbligu ta’ segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill. (6) Il-KPS, dment li jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiddeżinja każ b’każ lill-Istati terzi kkonċernati.

2.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istati terzi ddeżinjati, kif adatt u f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-EUNAVFOR ASPIDES, informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet tal-EUNAVFOR ASPIDES, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE, kif ġej:

(a)

sal-livell previst mill-Ftehim applikabbli dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni konkluż bejn l-Unjoni u l-Istat terz konċernat; jew

(b)

sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” għal informazzjoni rilaxxata lill-Eġittu, lill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf u lill-Istati Membri tiegħu, u lill-Indja, kif ukoll lil Stati terzi oħra ddeżinjati mill-KPS.

3.   Ir-RGħ huwa b’dan awtorizzat jiskambja mal-Operazzjoni Prosperity Guardian u mal-Forzi Marittimi Kombinati, permezz tal-Kwartieri Ġenerali tagħhom, informazzjoni klassifikata rilevanti għall-finijiet tal-EUNAVFOR ASPIDES sal-livell SECRET UE/EU SECRET, fejn tali skambju fil-livell operattiv ikun meħtieġ għal raġunijiet operazzjonali, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE u soġġett għal arranġamenti bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-operazzjonijiet.

4.   Ir-rilaxx u l-iskambju ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jitwettqu b’rispett sħiħ tal-prinċipji ta’ reċiproċità u inklużività. L-informazzjoni klassifikata riċevuta għandha tiġi ttrattata mill-EUNAVFOR ASPIDES mingħajr ebda distinzjoni bejn il-persunal tagħha u unikament fuq il-bażi tar-rekwiżiti operazzjonali.

5.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jikkonkludi l-arranġamenti meħtieġa għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rilaxx jew l-iskambju ta’ informazzjoni f’din id-Deċiżjoni.

6.   Ir-RGħ jista’ jiddelega l-awtorizzazzjonijiet biex tiġi rilaxxata jew skambjata informazzjoni kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin f’dan l-Artikolu lil uffiċjali tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew lill-Kmandant tal-Forza tal-UE f’konformità mat-taqsima VII tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   L-EUNAVFOR ASPIDES għandha tintemm sena mid-data li titnieda.

3.   Għandu jitwettaq rieżami strateġiku ta’ EUNAVFOR ASPIDES fi żmien xieraq qabel l-iskadenza ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Din id-Deċiżjoni għandha titħassar mid-data tal-għeluq tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE f’konformità mal-pjanijiet approvati għat-terminazzjoni tal-EUNAVFOR ASPIDES u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri rigward l-awditu u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-EUNAVFOR ASPIDES stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(3)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għas-sigurtà marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ATALANTA) (ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta’ Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (ĠU L 44, 19.2.2010, p. 16).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK tas-16 ta’ Lulju 2012 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 40).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/583/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)