European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/476

22.2.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 271/2021

tal-24 ta’ Settembru 2021

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet [2024/476]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘il-Ftehim dwar iż-ŻEE’), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim dwar iż-ŻEE tiġi estiża biex tinkludi r-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (“il-Programm EU4Health”) għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (1).

(2)

Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 2021/522 tibda mill-1 ta’ Jannar 2021, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, ikun innotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2021.

(3)

Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jkunu intitolati li jipparteċipaw f’attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata.

(4)

Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA u l-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tagħhom fil-programmi tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE u b’mod partikolari fl-Artikolu 81 tiegħu.

(5)

Jenħtieġ għalhekk, li l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat biex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inċiż li ġej jiżdied fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 16 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE:

“—

32021 R 0522: Ir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-“Programm EU4Health”) għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1).

L-ispejjeż imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021 jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mid-data tal-bidu tal-azzjoni msemmija fil-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja kkonċernati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 271/2021 tal-24 ta’ Settembru 2021 tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.

Il-Liechtenstein għandu jkun eżentat mill-parteċipazzjoni f’dan il-programm u mill-kontribuzzjoni finanzjarja għalih.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar avviż skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*1).

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Rolf Einar FIFE


(1)   ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1.

(*1)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/476/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)