|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/441 |
5.2.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/441
tal-24 ta’ Jannar 2024
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fid-Difiża tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fl-Ewropa”
(notifikata bid-dokument C(2024) 489)
(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fl-4 ta’ Diċembru 2023 ġiet ippreżentata talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fid-Difiża tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fl-Ewropa” lill-Kummissjoni. |
|
(2) |
L-għanijiet tal-inizjattiva kif espressi mill-organizzaturi huma maqsumin fi tliet objettivi. Permezz tal-ewwel objettiv, “Protezzjoni tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali Ewropea b’qafas regolatorju integrali”, l-organizzaturi jappellaw għal “qafas leġiżlattiv ġdid u protettiv” li jdur madwar: “l-użu prijoritarju tal-art agrikola għall-produzzjoni tal-ikel”; il-garanzija ta’ “sovranità u sigurtà tal-ikel”; “l-indirizzar ta’ kwistjonijiet tal-katina alimentari u prezzijiet għoljin”; l-iżgurar ta’ “aċċess tal-bdiewa u l-komunitajiet rurali għall-infrastruttura u t-trasport, il-finanzjament, id-diġitalizzazzjoni, ix-xogħol, l-intraprenditorija u l-edukazzjoni.” It-tieni objettiv, “Titjib tal-ġestjoni tal-ilma biex tiġi appoġġjata s-sigurtà tal-ikel u stabbiliment ta’ Pjan Idroloġiku Ewropew”, jirrikjedi “Pjan Idroloġiku Ewropew li jiggarantixxi l-provvista u d-distribuzzjoni tal-ilma bejn it-territorji kollha tal-Unjoni.” Permezz tat-tielet objettiv tal-inizjattiva, “Stabbiliment ta’ Aġenzija Ewropea għall-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali”, l-organizzaturi jsejħu għal “awtorità Ewropea permanenti” fil-forma ta’ “Aġenzija tal-UE jew Kumitat konsultattiv ta’ livell għoli li jagħmlu monitoraġġ u josservaw il-protezzjoni tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.” |
|
(3) |
L-anness tal-inizjattiva jipprovdi dettalji ulterjuri dwar is-suġġett, l-objettivi u l-kuntest tal-inizjattiva. Fil-kuntest tal-ewwel objettiv tal-inizjattiva, l-organizzaturi jqisu li “l-politiki Ewropej mhux jirriżultaw fi strateġija sostenibbli u fit-tul għall-bdiewa Ewropej” u li l-produzzjoni agrikola u l-art rurali “jbatu minn movimenti spekulattivi” li “jġiegħlu lill-bdiewa jibdlu l-art agrikola b’industriji oħrajn li ma jservux l-objettiv tas-sigurtà tal-ikel.” Fir-rigward tat-tieni objettiv tal-inizjattiva, l-anness jispjega li “l-ilma u l-ħamrija sani u rikki huma essenzjali għall-ekonomija rurali” u jiddikjara li d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)“ma wasslitx għar-riżultati mixtieqa bit-tentattiv tagħha li tirrikjedi li l-Istati Membri jinvestu fi xmajjar, għadajjar, estwarji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art nodfa.” Għat-tielet objettiv tal-inizjattiva, l-anness jiddikjara li l-istabbiliment ta’ “awtorità Ewropea permanenti” li topera “bħala korp konsultattiv bid-dritt għal opinjoni fil-politiki u d-dossiers leġiżlattivi li jaffettwaw l-agrikoltura u l-ekonomija rurali jiżguraw li jiġu osservati d-drittijiet u l-interessi tal-agrikoltura u tal-ekonomija rurali” fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni. |
|
(4) |
Ġie ppreżentat ukoll dokument addizzjonali li jipprovdi analiżi tal-azzjonijiet proposti mill-grupp ta’ organizzaturi bħala parti mit-talba ta’ reġistrazzjoni tagħhom. |
|
(5) |
Fir-rigward tal-ewwel u t-tielet objettivi tal-inizjattiva, il-Kummissjoni tista’ tadotta proposta għall-“Protezzjoni tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali Ewropej b’qafas regolatorju integrali” u għall-“Istabbiliment ta’ Aġenzija Ewropea għall-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali” abbażi tal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-politika agrikola komuni. |
|
(6) |
Fir-rigward tat-tieni objettiv tal-inizjattiva, li jitlob it-titjib tal-“ġestjoni tal-ilma b’appoġġ għas-sigurtà tal-ikel” u l-istabbiliment ta’ “Pjan Idroloġiku Ewropew li jiggarantixxi l-provvista u d-distribuzzjoni tal-ilma bejn it-territorji kollha tal-Unjoni”, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposti għal atti legali abbażi tal-Artikolu 192 tat-TFUE, sa fejn dawn il-proposti jistgħu jitqiesu li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 191 tat-TFUE. |
|
(7) |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(8) |
Din il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(9) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. |
|
(10) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(11) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fid-Difiża tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fl-Ewropa” tiġi rreġistrata. |
|
(12) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva intitolata “Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fid-Difiża tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fl-Ewropa” għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fid-Difiża tal-Agrikoltura u l-Ekonomija Rurali fl-Ewropa”, irrappreżentat minn Natalia CORBALAN ROMERA u Adolfo GARCÍA ALBALADEJO li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2024.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj?locale=mt
(2) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/60/2014-11-20?locale=mt).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/441/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)