European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/436

2.2.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/436

tal-20 ta’ Ottubru 2023

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, billi jistabbilixxi regoli dwar it-twettiq tal-awditjar għall-pjattaformi online kbar ħafna u għall-magni tat-tiftix online kbar ħafna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 37(7) tiegħu,

Billi:

(1)

L-awditjar indipendenti hu għodda importanti fis-superviżjoni tal-konformità tal-fornituri tal-pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2022/2065. Filwaqt li dak ir-Regolament jipprevedi għodod oħra tal-kontabbiltà, mhux l-anqas b’tisħiħ tal-iskrutinju pubbliku tar-rapporti tat-trasparenza u rekwiżiti oħra ta’ żvelar tad-data, l-organizzazzjonijiet tal-awditjar indipendenti jaqdu rwol speċjali fil-valutazzjoni tal-konformità ta’ dawn il-fornituri ma’ dak ir-Regolament aktar qabel. Il-konklużjonijiet u s-sejbiet ta’ dan l-awditjar indipendenti u tar-rakkomandazzjonijiet fih jistgħu jservu ta’ informazzjoni sinifikanti għas-superviżjoni regolatorja. Fl-istess ħin, l-awditjar indipendenti jirrappreżenta wieħed mid-diversi sorsi ta’ informazzjoni u analiżi li r-regolaturi jistgħu jużaw waqt is-superviżjoni u l-infurzar li jwettqu.

(2)

Biex ikun żgurat li l-awditjar indipendenti jsir b’mod effettiv, effiċjenti, fil-ħin u komparabbli mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065, kif definit fl-Artikoli 92 u 93 tiegħu, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi regoli dwar it-twettiq tal-awditjar, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi legali tal-fornituri awditjati u l-passi proċedurali li jiżguraw li l-organizzazzjonijiet li jagħmlu l-awditjar ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ indipendenza, l-ebda kunflitt ta’ interess, għarfien espert, u etika professjonali stabbiliti fl-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

(3)

Biex jiġi ffaċilitat it-twettiq xieraq tal-awditjar b’livell għoli ta’ għarfien espert, u biex jiġu antiċipati konsegwenzi mhux intenzjonati fis-suq tas-servizzi tal-awditjar, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-awditjar li jsir skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jistgħu jagħmluh diversi awdituri. Meta jkun meħtieġ, pereżempju minħabba l-ħtieġa ta’ għarfien espert speċifiku fl-awditjar ta’ ċerti obbligi jew impenji, bħal dawk relatati mad-disinn u mal-funzjonament ta’ sistemi algoritmiċi, jew biex jingħarfu riskji għad-drittijiet fundamentali, jew fil-każ ta’ tixrid ta’ kontenut illegali, il-fornitur awditjat jista’ jikkuntratta organizzazzjonijiet tal-awditjar differenti, jew konsorzju ta’ organizzazzjonijiet, biex iwettaq l-awditjar. L-organizzazzjonijiet tal-awditjar jistgħu wkoll jissottokuntrattaw l-għarfien espert meħtieġ, dment li l-organizzazzjoni tal-awditjar u s-sottokuntratturi jkunu lkoll konformi mal-kundizzjonijiet meħtieġa ta’ indipendenza, l-ebda kunflitt ta’ interess, oġġettività ppruvata u etika professjonali, u li jkunu konformi b’mod konġunt mal-kundizzjonijiet tal-għarfien espert tekniku. F’dawn il-każijiet, il-fornitur awditjat jenħtieġ li xorta waħda jiżgura li l-konformità tiegħu mal-obbligi u l-impenji kollha msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tiġi awditjata mill-anqas darba fis-sena.

(4)

L-opinjonijiet tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 37(4), il-punt (g) ta’ dak ir-Regolament (UE) 2022/2065 jenħtieġ li jiġu affermati mill-organizzazzjonijiet tal-awditjar b’livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni. Biex jintlaħaq livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni, l-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li jkollha livell għoli, iżda mhux assolut, ta’ fiduċja li ma saret l-ebda dikjarazzjoni skorretta, bħal ommissjoni, dikjarazzjoni falza jew errur, li ma ġietx identifikati fl-awditjar. Biex ikun żgurat dak il-livell ta’ assigurazzjoni, l-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li, fost l-oħrajn, tikseb biżżejjed evidenza u tuża metodoloġiji tal-awditjar xierqa fil-valutazzjoni tagħha.

(5)

Skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065, l-awditjar indipendenti jenħtieġ li jsir mill-anqas kull sena, allinjat maċ-ċiklu annwali tal-valutazzjonijiet tar-riskju msemmija fl-Artikolu 34 ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, f’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ awditjar aktar frekwenti. Il-frekwenza tal-awditjar jenħtieġ li tiżgura kontinwità tas-superviżjoni tal-konformità tal-fornituri awditjati mar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-kodiċijiet tal-kondotta u l-protokolli tal-kriżi rilevanti. Il-fornitur awditjat jenħtieġ li jiżgura li l-perjodu li għalih awditjar partikolari jivvaluta l-konformità mal-obbligi u mal-impenji awditjati, ikun jikkumplimenta l-perjodu kopert mill-awditjar preċedenti tal-konformità tal-fornitur ma’ dawk l-obbligi u l-impenji, u li l-bidu tiegħu ma jkunx aktar tard minn tmiem il-perjodu kopert fl-awditjar preċedenti. Peress li l-konklużjoni ta’ awditjar tinkludi l-valutazzjoni tal-organizzazzjoni tal-awditjar u l-istabbiliment ta’ rapport tal-awditjar, il-fornituri awditjati jenħtieġ li jiżguraw li t-tul tal-awditjar ikun jippermetti li l-awditjar jiġi konkluż mill-anqas darba fis-sena u s-sottomissjoni tar-rapporti tal-awditjar lill-Kummissjoni u lill-Koordinatur tas-Servizz Diġitali ssir mingħajr dewmien żejjed, skont l-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

(6)

Filwaqt li l-fornituri awditjati jenħtieġ li fl-ebda ċirkostanza ma jindaħlu fit-twettiq tal-awditjar u fil-konklużjonijiet tiegħu, dawn jenħtieġ li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2022/2065 inkluż billi jaqblu fuq it-termini kuntrattwali mal-organizzazzjoni tal-awditjar u jivverifikaw, qabel ma jagħżlu organizzazzjoni tal-awditjar, li dik l-organizzazzjoni tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

(7)

Il-fornitur awditjat jenħtieġ li, pereżempju, jivvaluta l-kuntratti li jkun ikkonkluda qabel mal-organizzazzjoni tal-awditjar jew il-kuntratti konklużi bejn l-organizzazzjoni tal-awditjar u l-persuni ġuridiċi konnessi mal-fornitur awditjat. Fil-kuntratti mal-organizzazzjonijiet tal-awditjar, il-fornitur awditjat jenħtieġ li jinkludi wkoll klawżoli biex jiżgura l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065. Meta l-organizzazzjoni tal-awditjar tkun tikkonsisti f’diversi entitajiet, il-fornitur awditjat jenħtieġ li jiżgura li dawk l-entitajiet ilkoll ikunu jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet inkluż, meta applikabbli, kull sottokuntrattur impjegat mill-organizzazzjoni tal-awditjar għall-finijiet biex jgħinha twettaq l-awditjar b’xi mod jew ieħor. Billi kull entità li twettaq l-awditjar jenħtieġ li tissodisfa individwalment ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u l-ebda kunflitt ta’ interess, dawk l-entitajiet jenħtieġ li jissodisfaw b’mod konġunt ir-rekwiżiti relatati mal-kompetenza, l-għarfien espert, jew riżorsi tekniċi, u b’hekk jippermettu lil entitajiet differenti jwettqu partijiet differenti tal-awditjar u jikkontribwixxu bil-kapaċitajiet, bil-kompetenza u bl-għarfien espert meħtieġa biex isir l-awditjar. Ir-rapport tal-awditjar jenħtieġ li jispeċifika r-responsabbiltà ta’ kull waħda minn dawk l-entitajiet għall-partijiet rispettivi tal-awditjar.

(8)

Skont l-Artikolu 37(3), il-punt (a)(i) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-fornitur awditjat jenħtieġ li jagħti attenzjoni partikolari biex ikun evitat li l-organizzazzjoni tal-awditjar tipprovdi servizzi mhux tal-awditjar lill-fornitur awditjat meta jivverifika jekk organizzazzjoni tal-awditjar tkunx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u l-ebda kunflitt ta’ interess. Il-fornitur awditjat jenħtieġ li, pereżempju, jivvaluta jekk ġewx ipprovduti servizzi, bħal dawk marbuta ma’ xi sistema, software jew proċess involut f’materji rilevanti għall-obbligu jew l-impenn awditjat, bħal servizzi ta’ konsulenza dwar valutazzjonijiet tal-prestazzjoni, tal-governanza u tas-software, servizzi tat-taħriġ, żvilupp jew manutenzjoni tas-sistemi, jew sottokuntrattar tal-moderazzjoni tal-kontenut. Dawn is-servizzi jinkludu wkoll servizzi pprovduti lill-fornitur awditjat li jikkonsistu f’konsultazzjoni jew żvilupp ta’ kontrolli interni, jew valutazzjoni, għal finijiet interni, tal-konformità tal-fornitur awditjat mar-Regolament (UE) 2022/2065 jew tal-kodiċijiet tal-kondotta u protokolli tal-kriżi, inkluż meta dan ikun limitat għal testijiet puntwali, bħal testijiet ta’ partijiet terzi dwar il-prestazzjoni tas-sistemi tal-moderazzjoni tal-kontenut. Jenħtieġ li dan ma jkunx jeskludi l-organizzazzjonijiet tal-awditjar li jkunu wettqu awditjar finanzjarju statutorju.

(9)

Minħabba l-kumplessità u n-natura partikolari tal-awditjar tal-konformità għar-Regolament (UE) 2022/2065, l-għarfien espert dwar is-suġġett tal-organizzazzjoni tal-awditjar hu kruċjali għat-twettiq ta’ awditjar b’livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni u biex jiġu eżerċitati ġudizzju u xettiċiżmu professjonali li jippermetti lil dik l-organizzazzjoni tkun taf, pereżempju, liema informazzjoni teħtieġ biex twettaq il-proċeduri tal-awditjar jew biex tikkontesta informazzjoni kontradittorja. Għalhekk jenħtieġ li l-fornitur awditjat jivverifika jekk l-organizzazzjoni tal-awditjar tipprovdix dan l-għarfien espert, inkluż fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju, kemm fir-rigward tar-riskji tal-awditjar kif ukoll tas-suġġett tar-Regolament (UE) 2022/2065 u b’mod partikolari r-riskji sistemiċi tas-soċjetà msemmija fl-Artikolu 34 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, il-fornitur awditjat jenħtieġ li jivverifika l-kompetenza teknika u l-kapaċitajiet tal-organizzazzjoni tal-awditjar fid-dawl tas-servizz awditjat speċifiku, inkluż l-għarfien espert tiegħu dwar is-suġġett, pereżempju rigward il-funzjonament u l-effetti tas-sistemi algoritmiċi, bħas-sistemi tar-rakkomandazzjoni u sistemi soċjotekniċi oħra miżmuma mill-fornitur. L-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà li tissottokuntratta jew li b’xi mod ieħor tikseb u tuża l-għarfien espert u l-kapaċitajiet meħtieġa, u l-fornitur awditjat jenħtieġ li jivverifika u jiżgura li l-organizzazzjoni tal-awditjar tkun tista’ tikseb dak l-għarfien espert u dawk il-kapaċitajiet fil-ħin għat-twettiq tal-awditjar.

(10)

Waqt il-verifika li l-organizzazzjonijiet tal-awditjar ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-fornitur awditjat jenħtieġ li jivvaluta l-evidenza rilevanti, inkluż, kif xieraq, iċ-ċertifikazzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet u r-rapporti tal-awditjar maħruġa mill-organizzazzjoni tal-awditjar. Tista’ tingħata prova tal-għarfien espert xieraq, pereżempju, b’esperjenzi prattiċi fil-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji, kif ukoll b’attività akkademika, pubblikazzjonijiet xjentifiċi, u esperjenza f’awditjar rilevanti. Ir-rapporti tal-awditjar jenħtieġ li jkun fihom id-dokumentazzjoni ta’ sostenn rilevanti kollha li turi li l-organizzazzjoni tal-awditjar tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa.

(11)

Skont l-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-fornitur awditjat għandu jikkoopera u jagħti l-assistenza kollha meħtieġa lill-organizzazzjoni tal-awditjar biex twettaq l-awditjar b’mod effettiv, effiċjenti u fil-ħin, kif ukoll għandu joqgħod lura milli jindaħal b’xi mod fid-deċiżjonijiet indipendenti tal-organizzazzjoni tal-awditjar. Pereżempju, il-fornitur awditjat jenħtieġ li ma jimponi l-ebda gwida, jew li ma jinfluwenza bl-ebda mod ieħor lill-organizzazzjoni tal-awditjar b’xi tip ta’ limitazzjoni jew inċentivi kuntrattwali jew oħrajn fl-għażla tagħhom u fl-eżekuzzjoni tal-proċeduri tal-awditjar, il-metodoloġiji, il-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni u tal-evidenza tal-awditjar, analiżi, testijiet, opinjoni tal-awditjar jew elaborazzjoni tal-konklużjonijiet tal-awditjar.

(12)

Biex jiggarantixxi l-kooperazzjoni u l-assistenza meħtieġa waqt l-awditjar, il-fornitur awditjat jenħtieġ li jiżgura li l-organizzazzjoni tal-awditjar tingħata aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-awditjar. Il-fornitur awditjat jenħtieġ li jibgħat id-dokumenti u l-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa, mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ qabel ma l-organizzazzjoni tal-awditjar tibda twettaq proċeduri tal-awditjar. Pereżempju, skont l-Artikolu 41(3), il-punti (d) u (e) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-funzjoni tal-konformità tal-fornitur awditjat hi li jimmonitorja l-konformità mal-obbligi u l-impenji kollha awditjati, li jenħtieġ li jirriżultaw fl-elaborazzjoni ta’ kontrolli interni. Għalhekk jenħtieġ li l-organizzazzjoni tal-awditjar tingħata aċċess għall-informazzjoni kollha relatata ma’ dawn il-kontrolli, u kull informazzjoni oħra li tkun tiddeskrivi l-istrateġija tal-fornitur awditjat biex jiżgura l-konformità. B’mod partikolari, il-fornitur ivverifikat jenħtieġ li jqiegħed il-parametri referenzjarji għad-dispożizzjoni tal-organizzazzjoni tal-awditjar, li jistrieħ fuqhom biex jiżgura l-konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065 ħalli l-organizzazzjoni tal-awditjar tkun tista’ tibbaża l-kriterji tal-awditjar fuq dik l-informazzjoni. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li tingħata aċċess għal kull analiżi li l-fornitur awditjat seta’ għamel dwar riskji inerenti u riskji tal-kontroll. Dak il-fornitur jenħtieġ li jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-organizzazzjoni tal-awditjar, li tista’ tgħinha tifhem is-servizz awditjat, il-governanza tiegħu, il-kompetenza tat-timijiet rispettivi u l-istrutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż il-funzjoni tal-konformità tiegħu, kif ukoll preżentazzjonijiet tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (tal-IT) tiegħu, tal-istrutturi tad-data u tar-rekords, u l-interazzjoni bejn sistemi algoritmiċi differenti li huma rilevanti għall-awditjar.

(13)

L-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li fi kwalunkwe ħin waqt it-twettiq tal-awditjar tkun tista’ titlob kull informazzjoni oħra meħtieġa. L-aċċess għal dik l-informazzjoni jenħtieġ li jingħata mingħajr dewmien żejjed ħalli bl-ebda mod ma jixxekkel it-twettiq tal-awditjar. Dan jenħtieġ li jinkludi l-aċċess għad-data, inkluż id-data personali, miġbura mingħand diversi sorsi, bħal dokumenti, sistemi algoritmiċi, bażijiet tad-data jew intervisti, kif xieraq. Il-fornitur awditjat jenħtieġ li jagħti wkoll aċċess lill-organizzazzjoni tal-awditjar għall-proċeduri u l-proċessi, is-sistemi tal-IT, bħas-sistemi algoritmiċi u tal-informazzjoni, inkluż l-ambjenti tal-ittestjar. Biex l-organizzazzjoni tal-awditjar tkun tista’ tispezzjona dawn is-sistemi b’mod sinifikattiv, il-fornitur awditjat jenħtieġ li jagħmel ir-riżorsi kollha meħtieġa disponibbli biex jassisti lil dik l-organizzazzjoni fl-aċċess u fil-valutazzjoni tas-sistemi, bħal billi jagħmel disponibbli l-persunal kompetenti tal-fornitur ħalli jwieġeb mistoqsijiet jew jħadddem l-ambjenti tal-ittestjar, u jipprovdi spjegazzjonijiet dwar il-funzjonament tagħhom, jew jiffaċilita xi aċċess ieħor meħtieġ għall-persunal u għall-istabbilimenti, bħall-binjiet. L-aċċess għall-proċeduri u l-proċessi jista’ jimplika, pereżempju, aċċess għal deskrizzjonijiet jew dokumenti dwar il-proċess intern tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-fornitur awditjat. L-aċċess għall-informazzjoni rilevanti jista’ jirrikjedi wkoll azzjonijiet anċillari oħra mill-fornitur awditjat biex jissodisfa l-obbligu tiegħu għall-kooperazzjoni u l-assistenza. Pereżempju, l-intervisti mal-persunal jaf ikunu jeħtieġu faċilitajiet siguri pprovduti mill-fornitur awditjat. Meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-awditjar, il-fornituri awditjati jenħtieġ li jissodisfaw l-obbligu ta’ kooperazzjoni u assistenza lejn l-organizzazzjoni tal-awditjar fost affarijiet oħra billi jiffaċilitaw l-aċċess għad-data rilevanti relatata mal-operazzjonijiet tagħhom miżmuma mill-kuntratturi terzi tagħhom. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fir-rigward tar-riżultati ta’ azzjonijiet tal-moderazzjoni tal-kontenut, materjal tat-taħriġ jew gwida użat minn kuntratturi ta’ partijiet terzi li jkollhom kontenut moderat, jew il-bejjiegħa u l-fornituri ta’ servizzi għal soluzzjonijiet tal-IT, inkluż pereżempju algoritmi u applikazzjonijiet użati fis-sistemi tar-rakkomandazzjoni jew fis-sistemi tar-reklamar użati mill-fornitur awditjat.

(14)

Biex jiffaċilita t-trasparenza sinifikattiva tas-sejbiet tal-awditjar u biex jagħti format komprensiv u komparabbli tar-rapporti tal-awditjar, imsemmija fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 37(6) ta’ dak ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi mudelli għal dawk ir-rapporti u jitlob għadd ta’ annessi għal kull wieħed mir-rapporti. Filwaqt li l-mudelli stabbiliti f’dan ir-Regolament jeħtieġu rapportar komprensiv, dawn jenħtieġ li ma jaffettwawx ir-rekwiżiti dwar il-pubblikazzjoni tar-rapporti previsti fl-Artikolu 42(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

(15)

Biex ikun żgurat li l-organizzazzjoni tal-awditjar tirċievi l-assistenza kollha meħtieġa mingħand il-fornitur awditjat, mingħajr indħil fit-twettiq tal-awditjar, u li l-organizzazzjoni tal-awditjar tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għat-tħejjija tal-awditjar u tibgħat ir-rapport tal-awditjar fi żmien xieraq u bil-kwalità meħtieġa biex jintlaħaq livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni, ċerti regoli jenħtieġ li jispeċifikaw il-proċeduri għat-tħejjija tal-awditjar. Id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-fornitur awditjat u tal-organizzazzjoni tal-awditjar, inkluż is-sottokuntratturi jew l-organizzazzjonijiet sħab kollha u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-awditjar, jenħtieġ li jiġu stabbiliti fi ftehim bil-miktub, inkluż b’termini kuntrattwali. Il-ftehim bil-miktub jenħtieġ li jispeċifika wkoll l-obbligi u l-impenji awditjati, l-allokazzjoni tar-riżorsi, u r-regoli tal-interazzjoni u l-punti tal-kuntatt bejn l-organizzazzjoni tal-awditjar u l-fornitur awditjat. Id-dokumentazzjoni ta’ sostenn u l-kuntratti kollha jenħtieġ li jiġu annessi mar-rapport tal-awditjar, inkluż meta d-dokumenti jieħdu l-forma ta’ ittra tal-inkarigu tal-awditjar jew ta’ termini kuntrattwali oħrajn.

(16)

Biex tingħata ħarsa ġenerali komprensiva u tiġi ffaċilitata r-responsabbiltà tal-fornituri awditjati, ir-rapport tal-awditjar jenħtieġ li jinkludi konklużjoni tal-valutazzjoni tal-konformità tal-organizzazzjoni tal-awditjar ma’ kull obbligu jew impenn awditjat. Kull konklużjoni tal-awditjar jenħtieġ li tkun ibbażata fuq livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni u jenħtieġ li tkun “pożittiva”, “pożittiva bil-kummenti” jew “negattiva”, biex isservi kif xieraq ta’ informazzjoni għall-opinjoni tal-awditjar. Il-konklużjonijiet “pożittivi bil-kummenti” jenħtieġ li ma jkunux dwar il-valutazzjoni tal-konformità nnifisha. Dawn il-kummenti jistgħu jirreferu, pereżempju, għall-produzzjoni tal-informazzjoni mill-fornitur meta jintalab mill-organizzazzjoni tal-awditjar, jew għal titjib fil-manutenzjoni jew fil-kontrolli stabbiliti mill-fornitur awditjat, jew jieħdu nota ta’ pjanijiet ta’ mitigazzjoni ulterjuri u ta’ titjib li l-fornitur ikun beħsiebu jagħmel. Fi kwalunkwe każ, meta l-organizzazzjoni tal-awditjar ikun jidhrilha li l-fornitur awditjat ikun konformi ma’ obbligu jew impenn awditjat skont il-parametri referenzjarji rrapportati mill-fornitur awditjat, iżda jkun jidhrilha li hemm jeħtieġ jiddaħħlu rimarki dwar dawk il-parametri referenzjarji, il-konklużjoni tal-awditjar jenħtieġ li tkun “pożittiva bil-kummenti” għax dawn il-kummenti jistgħu jinformaw b’mod utli lill-fornitur fuq opportunitajiet għal bidliet potenzjali fil-parametri referenzjarji tiegħu, abbażi tal-għarfien u l-għarfien espert tal-organizzazzjoni tal-awditjar, kif ukoll informazzjoni mingħand sorsi esterni. Pereżempju, il-kummenti jistgħu jiġu informati bi gwida mill-Kummissjoni, inkluż bil-linji gwida mill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065, u b’linji gwida rilevanti oħra maħruġa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, rapporti tal-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali msemmija fl-Artikolu 35(2) ta’ dak ir-Regolament, azzjonijiet ta’ infurzar, deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont dak ir-Regolament, ġurisprudenza rilevanti, speċjalment tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, konsultazzjonijiet pubbliċi jew sorsi awtorevoli rilevanti.

(17)

Biex tippermetti l-iskrutinju pubbliku u s-superviżjoni regolatorja, meta konklużjoni tal-awditjar tkun “negattiva” iżda tkun tapplika biss għal żmien limitat u l-organizzazzjoni tal-awditjar ikun jidhrilha li l-fornitur awditjat hu konformi mal-obbligu jew l-impenn għall-bqija tal-perjodu awditjat, dan jenħtieġ li jiġi rifless fir-rapport tal-awditjar għal kull obbligu jew impenn ikkonċernat. Ir-rapport jenħtieġ li jinkludi l-osservazzjonijiet tal-organizzazzjoni tal-awditjar dwar kull informazzjoni li titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha mill-fornitur awditjat fir-rigward tal-pjanijiet tal-mitigazzjoni fis-seħħ jew ippjanati biex jirrimedjaw in-nonkonformità.

(18)

Fid-dawl tan-natura differenti tal-obbligi legali stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-impenji volontarji li jsiru fil-kodiċijiet tal-kondotta u fil-protokolli tal-kriżi skont l-Artikoli 45, 46 u 48 ta’ dak ir-Regolament, l-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li toħroġ opinjonijiet tal-awditjar fuq il-konformità ma’ dak il-Kapitolu u ma’ kull kodiċi u protokoll.

(19)

Biex l-awditjar isir b’livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni u biex jitfasslu l-proċeduri xierqa tal-awditjar skont il-metodoloġiji li jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju tal-awditjar, parti ewlenija mill-metodoloġija għat-twettiq tal-awditjar jenħtieġ li tkun l-istima tar-riskji tal-awditjar, jiġifieri r-riskju li l-organizzazzjoni tal-awditjar tesprimi opinjoni jew konklużjoni tal-awditjar mhux xierqa. Għalhekk, l-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li tivvaluta r-riskju tal-awditjar fil-bidu nett tal-awditjar, qabel ma tfassal il-metodoloġija preċiża u twettaq il-proċeduri tal-awditjar. L-analiżi tar-riskju tal-awditjar hi meħtieġa biex l-organizzazzjoni tal-awditjar tkun tista’ tagħżel il-metodoloġiji preċiżi għall-awditjar u tiddetermina kemm iridu jkunu komprensivi l-proċeduri tal-awditjar biex jintlaħaq il-livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni għall-opinjoni tal-awditjar. L-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li twettaq l-analiżi tar-riskju tal-awditjar għall-valutazzjoni tal-konformità ma’ kull obbligu jew impenn awditjat, filwaqt li tqis ir-riskji inerenti, ir-riskji tal-kontroll u r-riskji tad-detezzjoni.

(20)

Biex ir-riskji tal-awditjar jiġu evalwati sew, l-analiżi tar-riskju tal-awditjar jenħtieġ li tqis in-natura tas-servizz awditjat, b’mod partikolari l-profil tar-riskju tiegħu, u l-ambitu u l-kumplessità tal-awditu. Pereżempju, hu probabbli li l-pjattaformi online li jippermettu l-konklużjonijiet ta’ kuntratti remoti bejn il-konsumaturi se jkollhom riskji inerenti differenti mill-pjattaformi tal-videosharing jew mill-magni tat-tiftix. Barra minn hekk, jenħtieġ li jitqies il-kuntest soċjetali u ekonomiku li fih jiġi pprovdut is-servizz awditjat, pereżempju fir-rigward ta’ gruppi tipiċi ta’ utenti bħall-minorenni, jew imġiba frekwenti bħal inċidenza kbira ta’ użu inawtentiku u mġiba ikkoordinata f’kampanji tad-diżinformazzjoni. Il-kuntest soċjetali u ekonomiku li jrid jitqies, jenħtieġ li jinkludi wkoll il-probabbiltà u, b’mod indipendenti, is-severità tal-esponiment għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi u avvenimenti mhux mistennija, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2022/2065.

(21)

Biex ikun żgurat li l-analiżi tar-riskju tal-awditjar tkun tirrifletti l-evoluzzjoni tar-riskji li għalihom hu soġġett is-servizz, l-analiżi tar-riskju tal-awditjar jenħtieġ li tkun ibbażata wkoll fuq informazzjoni minn awditjar preċedenti li għalih kien soġġett il-fornitur awditjat, meta applikabbli, jew tkun tibni fuq informazzjoni mingħand sorsi bħal rapporti tal-awditjar ta’ fornituri oħra bi profil tar-riskju simili. Biex ikun żgurat li l-analiżi tar-riskju tal-awditjar tkun informata sew b’evidenza mill-aktar avvanzata tar-riskji f’kuntesti simili għal dawk li fihom jopera l-fornitur awditjat, u mingħand sorsi awtorevoli ta’ rilevanza diretta għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065, l-analiżi jenħtieġ li tibbaża wkoll fuq informazzjoni minn rapporti maħruġa mill-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali jew linji gwida tal-Kummissjoni, meta applikabbli. Informazzjoni oħra tista’ tinkludi wkoll informazzjoni minn rapporti tal-awditjar ppubblikati skont l-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 mingħand fornituri oħra ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna.

(22)

L-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li tfassal, mingħajr l-influwenza tal-fornitur awditjat, il-metodoloġiji tal-awditjar użati għall-valutazzjoni tal-konformità mal-obbligi u l-impenji awditjati. Il-kriterji tal-awditjar jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-informazzjoni ppreżentata mill-fornitur awditjat fir-rigward tal-parametri referenzjarji użati mill-fornitur awditjat għall-monitoraġġ tal-konformità. Il-metodoloġija tista’ tqis ukoll informazzjoni oħra magħmula disponibbli mill-fornitur awditjat, bħall-analiżi tar-riskji inerenti, meta l-fornitur awditjat ikun għamel din l-analiżi, pereżempju b’miżuri żviluppati mill-uffiċjal tal-konformità jew mill-korp maniġerjali f’konformità mal-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jew miżuri oħra inkorporati fil-funzjonament tas-servizz għall-valutazzjonijiet tar-riskju sistemiku msemmija fl-Artikolu 34 ta’ dak ir-Regolament.

(23)

Biex ikun żgurat li l-metodoloġiji tal-awditjar ikunu xierqa biex jintlaħaq livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni għall-opinjonijiet tal-awditjar, l-għażla tal-metodoloġija tal-proċeduri tal-awditjar jenħtieġ li tindirizza l-ispeċifiċitajiet tal-obbligu jew l-impenn awditjat u jenħtieġ li tkun adattata, pereżempju, għan-natura tal-obbligu awditjat bħala obbligu ta’ mezzi, jew obbligu ta’ riżultati li l-fornitur jeħtieġlu jikseb biex ikun konformi. Pereżempju, il-proċeduri tal-awditjar tal-valutazzjoni tal-konformità mar-rapportar tat-trasparenza skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jistgħu jippermettu li l-organizzazzjoni tal-awditjar tikkonkludi jekk ir-rapporti jkunux ġew ippubblikati fil-ħin u bil-formati mitluba f’dak ir-Regolament, kif ukoll jekk humiex sħaħ u jekk id-data rrapportata hix preċiża, rappreżentattiva u mqassma kif suppost, pereżempju skont il-kategorija tal-kontenut illegali azzjonat.

(24)

L-għażla tal-metodoloġija jenħtieġ li tkun tiddependi wkoll fuq jekk il-valutazzjoni tal-konformità teħtieġx interpretazzjonijiet kuntestwali mill-organizzazzjoni tal-awditjar. L-għażla tal-metodoloġiji jenħtieġ li tiġi adattata wkoll għar-riskji inerenti marbuta mal-attivitajiet imwettqa fil-forniment tas-servizz u l-kuntest li fih jiġi pprovdut is-servizz, pereżempju, jekk is-servizz ikunx jinvolvi l-bejgħ ta’ oġġetti li jistgħu jkunu illegali jew jekk is-servizz jintużax primarjament mill-minorenni. Pereżempju, metodoloġiji biex tiġi valutata l-konformità mal-obbligi li jiġu stabbiliti miżuri xierqa u proporzjonati biex ikun żgurat livell għoli ta’ privatezza, sikurezza, u sigurtà tal-minorenni skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 jenħtieġ li jippermettu li l-organizzazzjoni tal-awditjar tifhem biżżejjed kif is-servizz awditjat ikun qed jintuża mill-minorenni u r-riskji li jistgħu jiġġarrbu għall-privatezza, is-sikurezza u s-sigurtà tagħhom, kif ukoll x’jikkostitwixxi miżura xierqa u proporzjonata fil-kuntest speċifiku tas-servizz awditjat u l-użu tiegħu mill-minorenni. Għal dan il-għan, l-organizzazzjonijiet tal-awditjar jenħtieġ li jqassmu l-valutazzjoni fi stadji xierqa. Jenħtieġ li jivvalutaw ir-riskji tal-awditjar skont il-profil tar-riskju tal-fornitur awditjat, b’mod partikolari jekk ikunx disponibbli għall-minorenni jew użat b’mod predominanti minnhom. Dawn jenħtieġ li jivvalutaw, pereżempju, jekk il-fornitur ikunx stabbilixxa għodod tal-assigurazzjoni tal-età, jekk dawn humiex effettivi u kif il-fornitur awditjat jivvaluta u jimmonitorja l-effettività tagħhom. Dawn jenħtieġ li jivvalutaw jekk il-fornitur awditjat ikunx stabbilixxa miżuri xierqa li jidentifikaw użu kontradittorju tax-xejriet tas-servizz u tal-imġiba tagħhom bil-għan li jagħmlu ħsara jew li aktarx jagħmlu ħsara lill-minorenni.

(25)

L-għażla tal-metodoloġiji jenħtieġ li tiġi adattata għar-riskji tal-kontroll marbuta mal-miżuri tal-konformità stabbiliti mill-fornitur awditjat, kif ukoll mar-riskji tad-detezzjoni, jiġifieri ir-riskju li ma jinqabdux id-dikjarazzjonijiet skorretti fl-informazzjoni li l-fornitur jagħmel disponibbli għall-organizzazzjoni tal-awditjar. Pereżempju, meta obbligu awditjat ikun jista’ jinvolvi l-awditjar ta’ sistema algoritmika bbażata fuq il-personalizzazzjoni ta’ riċevituri individwali tas-servizz awditjat u fuq aġġornamenti rikorrenti tas-sistema algoritmika, bħall-obbligi tal-iżvelar għas-sistemi tar-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2022/2065, l-għażla tal-metodoloġija jenħtieġ li tippermetti li l-organizzazzjoni tal-awditjar tfassal it-testijiet xierqa biex tnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju tad-detezzjoni. Bl-istess mod, meta l-organizzazzjoni tal-awditjar tkun trid tivvaluta jekk ir-riskji rilevanti kollha ġewx mitigati fid-disinn, fil-funzjonament u fl-użu tal-applikazzjonijiet ibbażati fuq mudelli lingwistiċi fi skala kbira, bħal funzjonalitajiet ta’ chat jew sistemi tar-rakkomandazzjoni użati mill-fornitur awditjat, l-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li l-ewwel tivvaluta l-adegwatezza tal-kontrolli stabbiliti mill-fornitur. L-għażla tat-testijiet jenħtieġ li tkun abbażi tal-informazzjoni dwar ir-robustezza ta’ dawk il-kontrolli interni. B’mod partikolari, iżda mhux limitat għal meta l-kontrolli interni jkunu dgħajfa, mhux kompluti jew inkonklużivi biex jivvalutaw jekk ir-regoli humiex rispettati meta titqies il-popolazzjoni tar-riċevituri tas-servizz awditjat, il-proċeduri tal-awditjar jenħtieġ li jiddependu fuq kombinament ta’ metodoloġiji. Pereżempju, il-metodoloġiji jistgħu jinkludu proċeduri analitiċi sostantivi, bħall-analiżi tal-interazzjonijiet bejn is-sistemi algoritmiċi kollha involuti fis-sistemi tar-rakkomandazzjoni u r-regoli u l-proċessi relatati tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-istabbiliment tal-parametri ewlenin ta’ dawk is-sistemi tar-rakkomandazzjoni, l-osservazzjonijiet tar-rekords diġitali u r-reġistri. Il-metodoloġiji jenħtieġ li jinkludu wkoll testijiet tas-sistema, bħal testijiet f’ambjenti simulati.

(26)

Biex ikun żgurat li l-metodoloġija tkun rilevanti u adattata għal sejbiet ġodda waqt it-twettiq tal-awditjar, l-għażla tal-metodoloġiji jenħtieġ li tiġi ggwidata mill-ġudizzju professjonali tal-organizzazzjoni tal-awditjar u jenħtieġ li tiġi aġġustata biex tkun tindirizza dawk is-sejbiet il-ġodda, b’mod partikolari meta l-organizzazzjoni tal-awditjar ikollha dubji raġonevoli fir-rigward tal-informazzjoni ppreżentata mill-fornitur awditjat. Ix-xettiċiżmu professjonali tal-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-għarfien espert tagħha, kif ukoll fuq sorsi oħra tal-informazzjoni ta’ rilevanza partikolari għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065 bħal rapporti tal-Bord Ewropew tas-Servizzi Diġitali, gwida tal-Kummissjoni, rapporti tal-awditjar maħruġa mill-kodiċijiet tal-kondotta jew mill-protokolli tal-kriżi msemmija fl-Artikoli 45, 46 u 48 ta’ dak ir-Regolament, jew informazzjoni li toħroġ waqt it-twettiq tal-awditjar, inkluż meta jkun relatat ma’ avvenimenti, b’mod partikolari sitwazzjonijiet ta’ kriżi, li jeħtieġu azzjonijiet addizzjonali mill-fornitur awditjat biex tkuni żgurata l-konformità ma’ ċerti obbligi jew impenji awditjati.

(27)

Biex ikun żgurat li tinġabar biżżejjed evidenza tal-awditjar waqt l-awditjar, l-organizzazzjonijiet tal-awditjar jenħtieġ li jivvalutaw iż-żewġ kontrolli interni tal-fornitur awditjat u jwettqu proċeduri tal-awditjar sostantivi għall-valutazzjoni tal-konformità tal-fornitur awditjat. F’ċerti każijiet, l-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li twettaq ukoll testijiet.

(28)

Minħabba l-kumplessità tas-sistemi algoritmiċi użati mill-fornituri tal-pjattaformi online u r-rwol importanti tagħhom fil-konformità ma’ diversi obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2065, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-għażliet metodoloġiċi meħtieġa u xierqa għas-sistemi tal-awditjar algoritmiku. Dan hu l-każ kemm meta s-sistemi algoritmiċi jkunu parti mill-kontrolli stabbiliti mill-fornitur awditjat, kif ukoll meta jkunu huma stess is-suġġett tal-obbligi jew tal-impenji awditjati, bħal fir-rigward tas-sistemi tar-rakkomandazzjoni, pereżempju skont l-Artikoli 27, 34, 35, u 38 tar-Regolament (UE) 2022/2065, jew sistemi tar-reklamar, pereżempju skont l-Artikoli 26, 28, 34, 35, u 39 ta’ dak ir-Regolament, sistemi tal-moderazzjoni tal-kontenut, pereżempju skont l-Artikoli 14, 15, 34 u 35 ta’ dak ir-Regolament, jew kull sistema algoritmika oħra li tikkontribwixxi għar-riskji msemmija fl-Artikolu 34 ta’ dak ir-Regolament.

(29)

Jenħtieġ li jintuża wkoll kombinament ta’ proċeduri analitiċi sostantivi inkluż, kif xieraq, abbażi ta’ osservazzjonijiet ta’ proċessi u attivitajiet tal-fornitur awditjat fit-tfassil, fl-iżvilupp, fl-użu, fl-ittestjar u fil-monitoraġġ tas-sistemi algoritmiċi, jew osservazzjonijiet ta’ rekords diġitali u reġistri maħluqa mis-sistemi. Il-metodoloġiji jenħtieġ li jiġu adattati skont il-partikolaritajiet tas-sistemi algoritmiċi, inkluż il-governanza tagħhom, l-interazzjoni bejn sistemi algoritmiċi differenti kif ukoll is-sistemi tal-ġestjoni tad-data relatati, u skont it-teknoloġiji sottostanti ta’ dawk is-sistemi algoritmiċi, bħall-mudelli ġenerattivi jew klassifikaturi oħrajn, algoritmi tal-għażla jew tat-tiftix.

(30)

Barra minn hekk, il-metodoloġiji tal-awditjar tas-sistemi algoritmiċi jenħtieġ li jinkludu testijiet, pereżempju, biex tinġabar informazzjoni li l-fornitur awditjat ma jkunx iddokumenta qabel, jew biex jiġu riprodotti u vvalutati b’mod indipendenti r-riżultati tal-indikaturi tal-eżattezza, tat-testijiet f’ambjenti ta’ esperimentazzjoni jew f’ambjenti simulati, jew testijiet fis-sistemi tal-produzzjoni, inkluż bi scraping tad-data jew ittestjar kontradittorju.

(31)

Billi l-kwalità tajba tal-evidenza tal-awditjar hija kundizzjoni meħtieġa biex organizzazzjoni tal-awditjar tifforma opinjoni tal-awditjar b’livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni, l-informazzjoni li l-organizzazzjoni tal-awditjar tiddeċiedi li tuża bħala evidenza tal-awditjar jenħtieġ li tkun xierqa u biżżejjed biex jitnaqqsu r-riskji tal-awditjar. Barra minn hekk, l-evidenza tal-awditjar jenħtieġ li tkun affidabbli skont il-ġudizzju professjonali u x-xettiċiżmu tal-organizzazzjoni tal-awditjar u, meta xieraq, fid-dawl ta’ sorsi alternattivi tal-informazzjoni. Il-ġudizzju professjonali u x-xettiċiżmu jenħtieġ li jinkludu valutazzjoni kritika tal-evidenza tal-awditjar u dikjarazzjonijiet skorretti possibbli. Dawk l-istandards tal-kwalità jenħtieġ li japplikaw għall-evidenza kollha tal-awditjar irrispettivament minn jekk tkunx ingħatat mill-fornitur awditjat jew miġbura mingħand sorsi oħrajn.

(32)

Jenħtieġ li l-organizzazzjoni tal-awditjar tqis firxa ta’ sorsi tal-informazzjoni u din tista’ tinkludi, pereżempju, intervisti mal-persunal jew il-kuntratturi ta’ dak il-fornitur awditjat, inkluż uffiċjali tal-konformità, inġiniera, xjenzati tad-data, disinjaturi tas-software jew membri tat-timijiet tal-awditjar intern. Dawn jistgħu jinkludu wkoll dokumentazzjoni teknika dwar it-tfassil, l-implimentazzjoni, l-ittestjar u l-monitoraġġ tas-sistema rilevanti, inkluż dwar il-kwalità u l-governanza tad-data u dwar l-aġġornamenti u l-verżjonijiet tas-sistema, u dokumenti oħra dwar il-proċessi tal-governanza u teħid tad-deċiżjonijiet tal-fornitur awditjat, inkluż fid-dawl tal-prijoritajiet, ir-riżorsi, l-allokazzjonijiet tal-kompiti u r-responsabbiltajiet, jew l-għarfien espert tal-persunal rilevanti.

(33)

Biex fit-twettiq tal-awditjar ikunu żgurati l-effiċjenza u l-proporzjonalità, l-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li titħalla tieħu kampjuni tad-data u tal-informazzjoni, b’kunsiderazzjoni xierqa biex tikseb kampjun rappreżentattiv, ħalli l-organizzazzjoni tal-awditjar tkun tista’ tasal għal opinjoni tal-awditjar b’livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni. Biex ikunu żgurati t-trasparenza u r-riproduċibbiltà tal-proċeduri tal-awditjar, fir-rapport tal-awditjar l-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li tipprovdi ġustifikazzjonijiet tal-għażliet tad-daqs tal-kampjun u tal-metodu tal-kampjunar. Pereżempju, id-daqs tal-kampjun u tal-metodoloġija jenħtieġ li jintgħażlu b’kunsiderazzjoni ta’ x’inhu effettiv biex jintlaħaq l-iskop tal-awditjar tal-obbligu jew tal-impenn awditjat speċifiku u biex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju li l-konklużjoni tal-awditjar tal-kampjun speċifiku tkun differenti minn kif tkun il-konklużjoni jekk il-popolazzjoni kollha tal-evidenza tiġi soġġetta għall-proċedura tal-awditjar. Id-daqs u l-metodoloġija għall-kampjun jenħtieġ li jintgħażlu b’kunsiderazzjoni tal-ambitu kollu tal-awditjar, kif ukoll tal-bidliet interni jew esterni fis-servizz awditjat matul dak iż-żmien. Jenħtieġ li dawn jiġu adattati wkoll għall-partikolaritajiet tas-sistemi algoritmiċi inkluż fir-rigward tal-personalizzazzjoni bi tfassil ta’ profil. Bħala parti minn din il-kunsiderazzjoni, l-organizzazzjoni tal-awditjar jenħtieġ li, pereżempju, tieħu kampjun xieraq mill-koorti jew mid-diviżjonijiet differenti li jistgħu jinħolqu bit-tekniki tal-personalizzazzjoni, jew tidentifika l-marġni ta’ errur u tiġġustifika għalfejn hu f’livell aċċettabbli.

(34)

Minħabba n-novità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2065, jeħtieġ jiġu stabbiliti prinċipji metodoloġiċi, inkluż mistoqsijiet tal-awditjar u orjentazzjonijiet ulterjuri għall-għażla tal-metodoloġiji tal-awditjar u evidenza tal-awditjar għall-valutazzjoni tal-konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, jiġifieri għall-valutazzjoni tal-konformità mal-Artikoli 34, 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2022/2065 dwar it-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju u l-adozzjoni ta’ miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskji mill-fornituri awditjati u dwar l-applikazzjoni tal-obbligi fir-rigward tar-rispons għall-kriżijiet.

(35)

Billi l-organizzazzjonijiet tal-awditjar jenħtieġ li jivvalutaw ukoll il-konformità tal-fornitur awditjat mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2022/2065, jenħtieġ li jingħataw ukoll speċifikazzjonijiet ulterjuri dwar l-awditjar preċiż li fir-rigward tiegħu jenħtieġ li tiġi vvalutata l-konformità, b’mod partikolari biex jiġi evitat kull kunflitt ta’ interess għall-organizzazzjoni tal-awditjar.

(36)

Fid-dawl tan-natura volontarja tal-kodiċijiet tal-kondotta u tal-protokolli tal-kriżi, jeħtieġ jiġu pprovduti regoli speċifiċi għall-awditjar tal-konformità mal-Artikoli 45, 46 u 48 tar-Regolament (UE) 2022/2065, b’mod partikolari biex ikun żgurat li l-organizzazzjonijiet tal-awditjar jużaw l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu l-awditjar speċifiku skont l-impenji ta’ kull kodiċi tal-kondotta u protokoll tal-kriżi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar it-twettiq tal-awditjar skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2022/2065, fir-rigward ta’:

(a)

il-passi proċedurali biex jiżguraw li l-organizzazzjoni tal-awditjar li trid tintgħażel tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(b)

il-passi proċedurali għall-kooperazzjoni u l-assistenza mill-fornitur awditjat fit-twettiq tal-awditjar, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti biex tinkiseb evidenza għall-awditjar;

(c)

id-definizzjoni u l-għażla tal-metodoloġiji tal-awditjar;

(d)

il-mudelli għar-rapport tal-awditjar u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-awditjar.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“organizzazzjoni tal-awditjar” tfisser organizzazzjoni individwali, konsorzju jew kombinament ieħor ta’ organizzazzjonijiet, inkluż kull sottokuntrattur, li l-fornitur awditjat ikun ikkuntratta għat-twettiq tal-awditjar indipendenti f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(2)

“servizz awditjat” tfisser pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna ddeżinjata f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(3)

“fornitur awditjat” tfisser il-fornitur ta’ servizz awditjat li hu soġġett għal awditjar indipendenti skont l-Artikolu 37(1) ta’ dak ir-Regolament;

(4)

“obbligu jew impenn awditjat” tfisser obbligu jew impenn imsemmi fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 li jifforma s-suġġett tal-awditjar;

(5)

“kriterji tal-awditjar” tfisser il-kriterji li abbażi tagħhom l-organizzazzjoni tal-awditjar tivvaluta l-konformità ma’ kull obbligu jew impenn awditjat;

(6)

“evidenza tal-awditjar” tfisser l-informazzjoni użata mill-organizzazzjoni tal-awditjar biex tappoġġa s-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-awditjar u biex toħroġ opinjoni tal-awditjar, inkluż data miġbura minn dokumenti, bażijiet tad-data jew sistemi tal-IT, intervisti jew ittestjar imwettqa;

(7)

“dikjarazzjoni skorretta” tfisser ommissjoni, dikjarazzjoni ħażina jew errur intenzjonat jew mhux intenzjonat fid-dikjarazzjonijiet jew fid-data rrapportata jew mogħtija mill-fornitur awditjat lill-organizzazzjoni tal-awditjar, jew fl-ambjent tal-ittestjar magħmul disponibbli mill-fornitur awditjat lill-organizzazzjoni tal-awditjar;

(8)

“riskju tal-awditjar” tfisser ir-riskju li l-organizzazzjoni tal-awditjar toħroġ opinjoni tal-awditjar skorretta jew tasal għal konklużjoni skorretta dwar il-konformità tal-fornitur awditjat ma’ obbligu jew impenn awditjat, filwaqt li jitqiesu r-riskji tad-detezzjoni, ir-riskji inerenti u r-riskji tal-kontroll fir-rigward ta’ dak l-obbligu jew impenn awditjat;

(9)

“riskju tad-detezzjoni” tfisser ir-riskju li l-organizzazzjoni tal-awditjar ma tindunax b’dikjarazzjoni skorretta li tkun rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità tal-fornitur awditjat ma’ obbligu jew impenn awditjat;

(10)

“riskju inerenti” tfisser ir-riskju tan-nonkonformità relatat intrinsikament man-natura, id-disinn, l-attività u l-użu tas-servizz awditjat, kif ukoll il-kuntest li fih jitżaddem, u r-riskju tan-nonkonformità relatat man-natura tal-obbligu jew l-impenn awditjat;

(11)

“riskju tal-kontroll” tfisser ir-riskju li dikjarazzjoni skorretta ma tiġix evitata, identifikata u kkoreġuta fil-ħin permezz tal-kontrolli interni tal-fornitur awditjat;

(12)

“limitu tal-materjalità” tfisser il-limitu li lil hinn minnu d-devjazzjonijiet jew id-dikjarazzjonijiet skorretti mill-fornitur awditjat, individwalment jew aggregati, ikunu jaffettwaw b’mod raġonevoli s-sejbiet, il-konklużjonijiet u l-opinjonijiet tal-awditjar;

(13)

“livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni” tfisser livell għoli iżda mhux assolut ta’ assigurazzjoni, li jippermetti lill-organizzazzjoni tal-awditjar tasserixxi fl-opinjoni tal-awditjar u fil-konklużjonijiet tal-awditjar tagħha jekk il-fornitur awditjat ikunx konformi mal-obbligi jew l-impenji awditjati, abbażi ta’ evidenza suffiċjenti u xierqa;

(14)

“kontroll intern” tfisser kull miżura, inkluż il-proċessi u t-testijiet, imfassla, implimentati u miżmuma mill-fornitur awditjat, inkluż l-uffiċjali tal-konformità u l-korp maniġerjali tiegħu, biex tiġi monitorjata u żgurata l-konformità tal-fornitur awditjat mal-obbligu jew l-impenn awditjat;

(15)

“riċerkatur approvat” tfisser riċerkatur approvat f’konformità mal-Artikolu 40(8) tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(16)

“proċedura tal-awditjar” tfisser kull teknika applikata mill-organizzazzjoni tal-awditjar fit-twettiq tal-awditjar, inkluż il-ġbir ta’ data, l-għażla u l-applikazzjoni ta’ metodoloġiji, bħal testijiet u proċeduri analitiċi sostantivi, u kull azzjoni oħra meħuda biex tinġabar u tiġi analizzata l-informazzjoni biex tinkiseb evidenza tal-awditjar u jissawru konklużjonijiet tal-awditjar, li ma tinkludix il-ħruġ ta’ opinjoni tal-awditjar jew tar-rapport tal-awditjar;

(17)

“test” tfisser metodoloġija tal-awditjar li tikkonsisti f’kejl, esperimenti jew kontrolli oħra, inkluż kontrolli ta’ sistemi algoritmiċi, li bihom l-organizzazzjoni tal-awditjar tivvaluta l-konformità tal-fornitur awditjat mal-obbligu jew l-impenn awditjat;

(18)

“proċedura analitika soda” tfisser metodoloġija tal-awditjar użata mill-organizzazzjoni tal-awditjar biex tivvaluta l-informazzjoni biex jiġu eżerċitati r-riskji tal-awditjar jew il-konformità mal-obbligu jew l-impenn awditjat.

Artikolu 3

Ambitu tal-awditjar u livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni

1.   L-awditjar għandu jsir b’mod u għal perjodu li jippermettu lill-organizzazzjoni tal-awditjar tivvaluta l-konformità tal-fornitur awditjat mal-obbligi u l-impenji awditjati kollha b’livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni.

2.   L-awditjar għandu jkopri l-perjodu li jibda eżatt wara l-perjodu kopert mill-awditjar preċedenti u li jintemm f’data li tippermetti lill-organizzazzjoni tal-awditjar twettaq l-awditjar fiż-żmien meħtieġ mill-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065, inkluż billi tasserixxi l-valutazzjoni tagħha skont il-paragrafu 1 abbażi tal-evidenza miġbura u l-proċeduri tal-awditjar imwettqa f’dak il-perjodu, u billi tlesti u tissottometti r-rapport tal-awditjar skont l-Artikolu 37(4) ta’ dak ir-Regolament lill-fornitur awditjat.

3.   Meta ma jkun sar l-ebda awditjar preċedenti, l-awditjar għandu jkopri l-perjodu li jibda erba’ xhur min-notifika msemmija fl-Artikolu 33(6), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065, u t-tul tal-awditjar għandu jippermetti li r-rapport tal-awditjar skont l-Artikolu 6(1) jitlesta sa mhux aktar tard minn sena mill-bidu tal-perjodu awditjat.

TAQSIMA II

Kundizzjonijiet għat-twettiq tal-awditjar

Artikolu 4

Għażla tal-organizzazzjoni tal-awditjar

1.   Qabel ma jagħżel l-organizzazzjoni tal-awditjar biex tagħmel l-awditjar, il-fornitur awditjat għandu jivverifika jekk l-organizzazzjoni li trid tintgħażel tkunx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

2.   Meta l-organizzazzjoni tal-awditjar li trid tintgħażel tkun tikkonsisti f’aktar minn persuna ġuridika waħda jew ikollha l-ħsieb li tirrikorri għand sottokuntrattur wieħed jew għal diversi sottokuntratturi, il-fornitur awditjat għandu jivverifika jekk dawk il-persuni ġuridiċi jew is-sottokuntratturi kollha ikunux:

(a)

jissodisfaw individwalment ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 37(3), il-punti (a) u (c) tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(b)

jissodisfaw b’mod konġunt ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 37(3), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

Artikolu 5

Kooperazzjoni u assistenza bejn il-fornitur awditjat u l-organizzazzjoni tal-awditjar

1.   F’ħin miftiehem mal-organizzazzjoni tal-awditjar, u fi kwalunkwe każ qabel it-twettiq ta’ kull proċedura tal-awditjar, il-fornitur awditjat għandu jibgħat lill-organizzazzjoni tal-awditjar magħżula mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tal-kontrolli interni stabbiliti fir-rigward ta’ kull obbligu u impenn awditjati, inkluż indikaturi relatati u l-kejl preżenti u storiku kollu, u l-parametri referenzjarji użati mill-fornitur awditjat biex jikkonferma jew jimmonitorja l-konformità mal-obbligi u l-impenji awditjati, kif ukoll kull dokumentazzjoni ta’ sostenn;

(b)

l-analiżi preliminari tiegħu tar-riskji inerenti u tal-kontroll, meta l-fornitur awditjat ikun wettaq din l-analiżi, u kull dokumentazzjoni ta’ sostenn;

(c)

informazzjoni dwar kull struttura rilevanti tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kompetenzi tad-dipartimenti tal-fornitur, inkluż il-funzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2022/2065, sistemi tal-IT rilevanti, sorsi tad-data, ipproċessar u ħżin, kif ukoll spjegazzjonijiet tas-sistemi algoritmiċi rilevanti u l-interazzjonijiet tagħhom.

2.   Il-fornitur awditjat għandu jagħti aċċess lill-organizzazzjoni tal-awditjar, mingħajr dewmien żejjed, għad-data kollha meħtieġa biex twettaq l-awditjar, inkluż data personali, dokumentazzjoni, informazzjoni dwar il-proċeduri u l-proċessi, u għas-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, ambjenti tal-ittestjar, persunal u stabbilimenti ta’ dak il-fornitur, u ta’ kull sottokuntrattur rilevanti.

3.   Il-fornitur awditjat għandu jagħmel ir-riżorsi kollha meħtieġa disponibbli u jipprovdi l-assistenza u bl-ispjegazzjonijiet meħtieġa lill-organizzazzjoni tal-awditjar biex tkun tista’ tanalizza l-informazzjoni rilevanti u twettaq testijiet, inkluż meta l-informazzjoni mitluba mill-organizzazzjoni tal-awditjar f’konformità mal-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tkun għand parti terza kkuntrattata mill-fornitur awditjat.

TAQSIMA III

Twettiq tal-awditjar

Artikolu 6

Rapport tal-awditjar u rapport dwar l-implimentazzjoni tal-awditjar

1.   Ir-rapport tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandu jiġi stabbilit mill-organizzazzjoni tal-awditjar, mingħajr indħil mill-fornitur awditjat. Dak ir-rapport tal-awditjar għandu jitfassal f’konformità mal-mudell fl-Anness I, u għandu jkun fih konklużjonijiet dettaljati u sostanzjati fir-rigward tal-elementi kollha tal-mudell.

2.   Meta jkun applikabbli, ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 37(6) tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandu jitfassal f’konformità mal-mudell fl-Anness II.

Artikolu 7

Proċeduri għat-tħejjijiet għall-awditjar

1.   Il-fornitur awditjat u l-organizzazzjoni tal-awditjar għandhom jikkonkludu ftehim bil-miktub li jistabbilixxi:

(a)

il-lista eżawrjenti tal-obbligi u l-impenji awditjati;

(b)

ir-responsabbiltajiet tal-organizzazzjoni tal-awditjar inkluż, meta applikabbli, b’mod dettaljat għal kull persuna ġuridika li tikkostitwixxi l-organizzazzjoni tal-awditjar, u l-partijiet li jkollhom is-setgħa jiffirmaw ir-rapport tal-awditjar;

(c)

il-proċeduri u l-punti tal-kuntatt magħmula disponibbli mill-fornitur awditjat għall-organizzazzjoni tal-awditjar biex titlob aċċess għad-data msemmija fl-Artikolu 5(2);

(d)

il-perjodu taż-żmien għall-awditjar, inkluż id-data tal-bidu u tat-tmiem tal-proċeduri tal-awditjar u t-tlestija tar-rapport tal-awditjar;

(e)

proċedura dwar kif għandu jissolva t-tilwim bejn il-fornitur awditjat u l-organizzazzjoni tal-awditjar li jinqala’ minħabba t-twettiq tal-awditjar.

2.   Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1, kif ukoll kull ftehim jew ittra tal-inkarigu oħrajn bejn l-organizzazzjoni tal-awditjar u l-fornitur awditjat relatata mat-twettiq tal-awditjar, għandhom jinhemżu mar-rapport tal-awditjar.

3.   Meta jsiru bidliet fil-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 waqt it-twettiq tal-awditjar, dawn għandhom ikunu indikati b’mod espliċitu fir-rapport tal-awditjar.

Artikolu 8

Opinjoni tal-awditjar, konklużjonijiet tal-awditjar u rakkomandazzjonijiet

1.   Ir-rapport tal-awditjar għandu jinkludi l-konklużjonijiet tal-awditjar li l-organizzazzjoni tal-awditjar tkun għamlet dwar il-konformità tal-fornitur awditjat ma’ kull wieħed mill-obbligi u l-impenji awditjati. Il-konklużjonijiet tal-awditjar għandhom ikunu:

(a)

“pożittivi”, meta l-organizzazzjoni tal-awditjar tikkonkludi b’livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni li l-fornitur awditjat ikun konformi ma’ obbligu jew impenn awditjat; jew

(b)

“pożittivi bil-kummenti”, meta l-organizzazzjoni tal-awditjar tikkonkludi b’livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni li l-fornitur awditjat ikun konformi ma’ obbligu jew impenn awditjat, iżda:

(i)

l-organizzazzjoni tal-awditjar tinkludi rimarki dwar il-parametri referenzjarji pprovduti mill-fornitur awditjat skont l-Artikolu 5(1), il-punt (a); jew

(ii)

l-organizzazzjoni tal-awditjar tirrakkomanda titjib li ma jkollux effett sostantiv fuq il-konklużjoni tagħha; jew

(c)

“negattivi”, meta l-organizzazzjoni tal-awditjar tikkonkludi b’livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni li l-fornitur awditjat ma jkunx konformi ma’ obbligu jew impenn awditjat.

2.   Meta rapport tal-awditjar jinkludi rakkomandazzjonijiet operazzjonali skont l-Artikolu 37(4), il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2022/2065, dawk ir-rakkomandazzjonijiet u l-perjodu taż-żmien rakkomandat tagħhom għandhom ikunu speċifiċi għal kull obbligu jew impenn awditjat li għalih il-konklużjoni tal-awditjar skont il-paragrafu 1 tkun “pożittiva bil-kummenti” jew “negattiva”.

3.   Meta r-rakkomandazzjonijiet operazzjonali msemmija fil-paragrafu 2 ikunu jinkludu miżuri speċifiċi biex tinkiseb il-konformità, dawn għandhom jissawru b’mod li jispjega l-valutazzjoni tal-organizzazzjoni tal-awditjar dwar kif dawn il-miżuri jaffettwaw il-limitu tal-materjalità meta mqabbla mal-konklużjoni tal-awditjar għall-obbligu jew l-impenn awditjat rispettiv.

4.   Abbażi tal-konklużjonijiet tal-awditjar, ir-rapport tal-awditjar għandu jinkludi opinjoni tal-awditjar dwar il-konformità tal-fornitur awditjat mal-obbligi awditjati kollha msemmija fl-Artikolu 37(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

5.   Abbażi tal-konklużjonijiet tal-impenji awditjati kollha, ir-rapport tal-awditjar għandu jinkludi opinjoni(jiet) tal-awditjar, kif applikabbli, dwar il-konformità tal-fornitur awditjat mal-impenji awditjati kollha magħmula mill-fornitur awditjat skont kull kodiċi tal-kondotta u protokoll tal-kriżi msemmi fl-Artikolu 37(1), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

6.   L-opinjonijiet tal-awditjar skont il-paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu:

(a)

“pożittivi” jekk l-organizzazzjoni tal-awditjar tkun għamlet konklużjoni tal-awditjar “pożittiva” għall-obbligi jew l-impenji kollha awditjati; jew

(b)

“pożittivi bil-kummenti” jekk l-organizzazzjoni tal-awditjar tkun għamlet mill-anqas konklużjoni waħda tal-awditjar li tkun “pożittiva bil-kummenti” għal obbligu jew impenn awditjat u ma tkunx waslet għal konklużjoni tal-awditjar “negattiva” għal xi wieħed mill-obbligi jew l-impenji awditjati; jew

(c)

“negattivi” jekk l-organizzazzjoni tal-awditjar tkun għamlet konklużjoni tal-awditjar “negattiva” għal mill-anqas obbligu jew impenn awditjat wieħed.

7.   Meta l-organizzazzjoni tal-awditjar tivvaluta li, għal perjodu limitat tul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 3(2), il-fornitur ma jkunx konformi ma’ obbligu jew impenn awditjat, ir-rapport tal-awditjar għandu jiddokumenta kif xieraq dik il-valutazzjoni.

8.   Meta l-organizzazzjoni tal-awditjar ma tkunx tista’ toħroġ konklużjoni tal-awditjar b’livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni skont il-paragrafu 1 jew opinjoni tal-awditjar skont il-paragrafi 4 u 5, ir-rapport tal-awditjar għandu jinkludi spjegazzjoni taċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għaliex dan il-livell ta’ assigurazzjoni ma setax jinkiseb.

TAQSIMA IV

Metodoloġiji tal-awditjar

Artikolu 9

Analiżi tar-riskji tal-awditjar

1.   Ir-rapport tal-awditjar għandu jinkludi analiżi sostanzjata tar-riskju tal-awditjar imwettqa mill-organizzazzjoni tal-awditjar għall-valutazzjoni tal-konformità tal-fornitur awditjat ma’ kull obbligu jew impenn awditjat.

2.   L-analiżi tar-riskju tal-awditjar għandha ssir qabel it-twettiq tal-proċeduri tal-awditjar u għandha tiġi aġġornata waqt it-twettiq tal-awditjar, fid-dawl ta’ xi evidenza ġdida tal-awditjar li, skont il-ġudizzju professjonali tal-organizzazzjoni tal-awditjar, tkun timmodifika materjalment il-valutazzjoni tar-riskju tal-awditjar.

3.   L-analiżi tar-riskju tal-awditjar għandha tqis:

(a)

ir-riskji inerenti;

(b)

ir-riskji tal-kontroll;

(c)

ir-riskji tad-detezzjoni.

4.   L-analiżi tar-riskju tal-awditjar għandha ssir filwaqt li jitqiesu:

(a)

in-natura tas-servizz awditjat u l-kuntest soċjetali u ekonomiku li fih jitħaddem is-servizz awditjat, inkluż il-probabbiltà u s-severità tal-esponiment għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi u avvenimenti mhux mistennija;

(b)

in-natura tal-obbligi u tal-impenji;

(c)

informazzjoni xierqa oħra, inkluż:

(i)

meta applikabbli, informazzjoni minn awditjar preċedenti li għalih kien soġġett is-servizz awditjat;

(ii)

meta jkun applikabbli, informazzjoni minn rapporti maħruġa mill-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali jew linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni, inkluż linji gwida maħruġa skont l-Artikolu 35(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2022/2065, u gwida rilevanti oħra maħruġa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(iii)

meta jkun applikabbli, informazzjoni mir-rapporti tal-awditjar ippubblikati skont l-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 minn fornituri oħra ta’ pjattaformi online kbar ħafna jew ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna li joperaw f’kundizzjonijiet simili jew li jipprovdu servizzi simili għas-servizz awditjat.

Artikolu 10

Metodoloġiji tal-awditjar xierqa

1.   Mingħajr preġudizzju għall-metodoloġiji speċifiċi tal-awditjar stabbiliti fl-Artikoli 13, 14, u 15, l-awditjar għandu jsir b’metodoloġiji xierqa tal-awditjar biex ir-riskji tal-awditjar ivvalutati jtinaqqsu għal livell li jippermetti lill-organizzazzjoni tal-awditjar tasal għal konklużjonijiet tal-awditjar f’livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni.

2.   Ir-rapport tal-awditjar għandu jinkludi deskrizzjoni tal-metodoloġiji tal-awditjar imfassla mill-organizzazzjoni tal-awditjar qabel ma twettaq xi proċedura tal-awditjar, inkluż mill-anqas:

(a)

il-kriterji tal-awditjar għall-valutazzjoni tal-konformità ma’ kull obbligu jew impenn awditjat, definiti abbażi tal-informazzjoni skont l-Artikolu 5(1), il-punt (a), u l-limitu tal-materjalità tolerat u espress f’termini kwalitattivi jew kwantitattivi, kif xieraq;

(b)

it-testijiet kollha u l-proċeduri analitiċi sostantivi u l-evidenza tal-awditjar kollha li l-organizzazzjoni tal-awditjar ikun beħsiebha tuża biex tivvaluta l-konformità għal kull obbligu jew impenn awditjat.

Ir-rapport tal-awditjar għandu jinkludi deskrizzjoni ta’ kull bidla fil-metodoloġiji użati fit-twettiq tal-awditjar meta mqabbla mal-metodoloġiji mfassla qabel it-twettiq tal-proċeduri tal-awditjar.

3.   Meta organizzazzjoni tal-awditjar ikollha dubji raġonevoli dwar l-informazzjoni vvalutata fit-twettiq tal-awditjar, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni ppreżentata mill-fornitur awditjat, l-għażla u l-applikazzjoni tal-metodoloġija għandhom jiġu adattati biex jagħtu l-evidenza tal-awditjar meħtieġa lil dik l-organizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 11.

4.   Id-dubji raġonevoli msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jitqiesu eżistenti, b’mod partikolari, meta jkun hemm xi element minn dawn li ġejjin:

(a)

ġudizzju professjonali u xettiċiżmu fil-valutazzjoni tal-informazzjoni, inkluż dwar il-kontrolli interni tal-fornitur awditjat, li jwassal lill-organizzazzjoni tal-awditjar biex tfassal dubji raġonevoli;

(b)

indikazzjonijiet esterni li juru r-riskji tal-awditjar, b’mod partikolari rapporti tal-Bord Ewropew tas-Servizzi Diġitali msemmija fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065, gwida tal-Kummissjoni inkluż bil-linji gwida msemmija fl-Artikolu 35(3) ta’ dak ir-Regolament, u xi gwida rilevanti oħra maħruġa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065, u rapporti tal-awditjar maħruġa skont il-kodiċijiet tal-kondotta jew il-protokolli tal-kriżi msemmija fl-Artikoli 45, 46 u 48 ta’ dak ir-Regolament;

(c)

informazzjoni relatata ma’ avvenimenti li jseħħu waqt it-twettiq tal-awditjar, inkluż sitwazzjonijiet ta’ kriżi, li jkunu jeħtieġu azzjonijiet addizzjonali mill-fornitur awditjat biex tkun żgurata l-konformità ma’ ċerti obbligi jew impenji awditjati.

5.   Il-proċeduri tal-awditjar għandhom jinkludu mill-anqas:

(a)

it-twettiq ta’ testijiet u proċeduri analitiċi sostantivi għall-kontrolli interni li l-fornitur awditjat ikun stabbilixxa għal kull wieħed mill-obbligi jew l-impenji awditjati;

(b)

it-twettiq ta’ proċeduri analitiċi sostantivi biex tiġi vvalutata l-konformità ma’ kull obbligu u impenn awditjat, inkluż fir-rigward tas-sistemi algoritmiċi;

(c)

it-twettiq ta’ testijiet, inkluż fir-rigward tas-sistemi algoritmiċi, dwar l-obbligi u l-impenji awditjati li fir-rigward tagħhom l-organizzazzjoni tal-awditjar ikollha dubji raġonevoli, kif imsemmi fil-paragrafu 4, u dwar l-obbligi u l-impenji awditjati meta l-organizzazzjoni tal-awditjar ikun jidhrilha li jeħtieġ isiru testijiet fl-għażla tal-metodoloġija tagħha skont il-paragrafu 1.

6.   Meta l-obbligi jew l-impenji msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 ikunu jeżiġu li l-fornitur awditjat jirrapporta ċerta informazzjoni pubblikament, il-metodoloġiji tal-awditjar għandhom jinkludu valutazzjoni ta’ jekk l-informazzjoni rrapportata tkunx ħielsa minn errur materjali jew ommissjoni li nkella tista’ tagħmilha qarrieqa.

Artikolu 11

Kwalità tal-evidenza tal-awditjar

Il-konklużjonijiet tal-awditjar u l-opinjonijiet tal-awditjar għandhom ikunu bbażati fuq evidenza tal-awditjar li tissodisfa ż-żewġ rekwiżiti li ġejjin:

(a)

tkun rilevanti u biżżejjed biex jitnaqqsu r-riskji tal-awditjar identifikati f’konformità mal-Artikolu 9, u li l-organizzazzjoni tal-awditjar tkun tista’ tasal għal konklużjonijiet u opinjonijiet tal-awditjar f’konformità mal-Artikolu 8;

(b)

tkun affidabbli, skont il-ġudizzju professjonali u x-xettiċiżmu tal-organizzazzjoni tal-awditjar.

Artikolu 12

Metodi tal-kampjunar

1.   Meta l-evidenza tal-awditjar tkun ibbażata, parzjalment jew kompletament, fuq kampjun ta’ data jew informazzjoni, id-daqs tal-kampjun u l-metodoloġija tal-kampjunar għandhom jintgħażlu b’mod li jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju tad-detezzjoni u mingħajr indħil mill-fornitur awditjat.

2.   Id-daqs tal-kampjun u l-metodoloġija tal-kampjunar għandhom jintgħażlu b’mod li jiżgura r-rappreżentattività tad-data jew tal-informazzjoni u, kif xieraq, b’kunsiderazzjoni ta’ dawn kollha li ġejjin:

(a)

ir-rappreżentattività tal-kampjun għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 3(2) u (3);

(b)

il-bidliet rilevanti fis-servizz awditjat li jsiru tul dak il-perjodu;

(c)

il-bidliet rilevanti fil-kuntest li fih jiġi pprovdut is-servizz awditjat, li jsiru tul dak il-perjodu;

(d)

il-karatteristiċi rilevanti tas-sistemi algoritmiċi, meta applikabbli, inkluż il-personalizzazzjoni bbażata fuq it-tfassil tal-profili jew fuq kriterji oħra;

(e)

karatteristiċi jew diviżjonijiet rilevanti oħrajn tad-data, tal-informazzjoni u tal-evidenza meqjusa;

(f)

ir-rappreżentazzjoni u l-analiżi xierqa tat-tħassib relatat ma’ gruppi partikolari kif xieraq, bħall-minorenni jew gruppi u minoranzi vulnerabbli, fir-rigward tal-obbligu jew l-impenn awditjat.

3.   Ir-rapport tal-awditjar għandu jinkludi ġustifikazzjoni tal-għażla tad-daqs tal-kampjun u tal-metodoloġija tal-kampjunar.

Artikolu 13

Metodoloġiji speċifiċi għall-awditjar tal-konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2022/2065 dwar il-valutazzjoni tar-riskju

1.   Il-valutazzjoni tal-konformità tal-fornitur awditjat mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandha tinkludi iżda ma tkunx limitata għal analiżi ta’ dawn kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-fornitur awditjat ikunx identifika, analizza u vvaluta b’diliġenza r-riskji sistemiċi fl-Unjoni msemmija fl-Artikolu 34(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065 inkluż billi jivvaluta:

(i)

kif il-fornitur awditjat ikun identifika r-riskji relatati mas-servizz tiegħu, filwaqt li qies aspetti reġjonali u lingwistiċi tal-użu li jkun sar mis-servizz tiegħu, inkluż meta jkun speċifiku għal Stat Membru, u jekk ir-riskji ikunux ġew identifikati kif xieraq;

(ii)

kif il-fornitur awditjat ikun analizza u vvaluta kull riskju, inkluż kif qies il-probabbiltà u s-severità tar-riskji, u jekk il-valutazzjoni kinitx xierqa;

(iii)

kif il-fornitur awditjat ikunx identifika, analizza u vvaluta l-fatturi msemmija fl-Artikolu 34(2), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065, jekk ikunux ġew identifikati kif xieraq, u sa liema punt dawn il-fatturi jkunu jinfluwenzaw ir-riskji identifikati fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu;

(iv)

liema sorsi tal-informazzjoni jkun uża l-fornitur awditjat, kif ġabar l-informazzjoni, inkluż jekk u kif ikun ibbaża fuq l-għarfien xjentifiku u tekniku;

(v)

jekk u kif il-fornitur awditjat ikun ittestja s-suppożizzjonijiet dwar ir-riskji fuq l-aktar gruppi milquta mir-riskji speċifiċi;

(b)

jekk il-valutazzjoni tar-riskju tkunx saret fil-perjodi taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 34(1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065 u, meta applikabbli, fil-perjodi taż-żmien stabbiliti għall-attivitajiet stabbiliti bħala miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji għall-identifikazzjoni tar-riskji sistemiċi skont l-Artikolu 35(1), il-punt (f) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

kif il-fornitur awditjat ikun identifika funzjonalitajiet li aktarx ikollhom impatt kritiku fuq ir-riskji li għalihom iridu jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskju qabel l-użu tagħhom, skont l-Artikolu 34(1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065, jekk dawk il-funzjonalitajiet ikunux ġewx identifikati sew, u jekk il-valutazzjoni tar-riskju tkunx saret kif xieraq;

(d)

jekk il-fornitur awditjat ikunx identifika sew id-dokumentazzjoni ta’ sostenn li trid tiġi ppreżervata fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju u jekk ikunx stabbilixxa l-mezzi meħtieġa biex jiżgura l-preżervazzjoni ta’ dik id-dokumentazzjoni għal mill-anqas tliet snin, skont l-Artikolu 34(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065, u jekk id-dokumentazzjoni tkunx ġiet ippreżervata kif xieraq.

2.   Mingħajr preġudizzju għal xi analiżi oħra meħtieġa biex jintlaħaq livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni, il-metodoloġiji għall-awditjar tal-konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandhom jinkludu mill-anqas valutazzjoni mill-organizzazzjoni tal-awditjar tal-elementi li ġejjin:

(a)

il-kontrolli interni li l-fornitur awditjat ikun stabbilixxa biex jimmonitorja t-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju fir-rigward ta’ kull fattur imsemmi fl-Artikolu 34(2), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065; din il-valutazzjoni għandha:

(i)

tkun ibbażata fuq proċeduri analitiċi sostantivi, għal dawk il-kontrolli interni;

(ii)

tkun ibbażata fuq testijiet ta’ jekk dawk il-kontrolli interni humiex affidabbli u ġewx ikkonċeputi, eżegwiti u monitorjati b’mod diliġenti;

(iii)

tevalwa kif l-uffiċjal(i) tal-konformità ikunu wettqu l-kompiti tagħhom fir-rigward tal-Artikolu 41(3), il-punti (b), (d), (e) u, meta applikabbli, (f), tar-Regolament (UE) 2022/2065 u kif il-korp maniġerjali tal-fornitur awditjat kien involut fid-deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni tar-riskju skont l-Artikolu 41(6) u (7) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

l-azzjonijiet, il-mezzi u l-proċessi stabbiliti mill-fornitur awditjat biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2022/2065 u r-riżultati tagħhom; din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq:

(i)

proċeduri analitiċi sostantivi;

(ii)

testijiet, inklużi tas-sistemi algoritmiċi, meta l-organizzazzjoni tal-awditjar ikollha dubji raġonevoli, wara r-riżultati tal-proċeduri analitiċi sostantivi u l-valutazzjoni tal-kontrolli interni, jew meta l-organizzazzjoni tal-awditjar ikun jidhrilha li jeħtiġilha twettaq testijiet fl-għażla tagħha tal-metodoloġija skont l-Artikolu 10(1).

3.   L-informazzjoni analizzata mill-organizzazzjoni tal-awditjar b’appoġġ għall-valutazzjoni mwettqa skont dan l-Artikolu għandha tikkonsisti minn, iżda ma għandhiex tkun limitata għal:

(a)

ir-rapport tal-valutazzjoni tar-riskju għall-perjodu awditjat rilevanti, li jfassal il-fornitur awditjat inkluż, meta meħtieġ, informazzjoni kunfidenzjali li ma tkunx parti mill-informazzjoni ppubblikata skont l-Artikolu 42(2) ta’ dak ir-Regolament, u d-dokumenti ta’ sostenn kollha;

(b)

meta rilevanti, rapporti oħra tal-valutazzjoni tar-riskju tal-fornitur awditjat u d-dokumenti ta’ sostenn tagħhom;

(c)

l-informazzjoni ppreżentata mill-fornitur awditjat skont l-Artikolu 5;

(d)

ir-rapporti tat-trasparenza rilevanti kollha tal-fornitur awditjat imsemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(e)

kull riżultat tat-test, dokumentazzjoni, evidenza, dikjarazzjoni oħra mogħtija fit-tweġibiet tal-mistoqsijiet bil-miktub jew bil-fomm indirizzati mill-organizzazzjoni tal-awditjar lill-persunal tal-fornitur awditjat, u osservazzjonijiet magħmula fl-istabbilimenti, meta applikabbli;

(f)

evidenza rilevanti oħra, inkluż abbażi tal-informazzjoni magħmula disponibbli mill-fornitur awditjat;

(g)

meta disponibbli, ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-gwida tal-Kummissjoni, inkluż linji gwida maħruġa skont l-Artikolu 35(3) ta’ dak ir-Regolament u kull gwida rilevanti oħra maħruġa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065.

4.   L-informazzjoni analizzata mill-organizzazzjoni tal-awditjar tista’ tinkludi, kif xieraq, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065, inkluż minn rapporti tal-awditjar, tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-mitigazzjoni tar-riskji, dwar pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna oħrajn, jew id-data u r-riċerka magħmula disponibbli għall-pubbliku minn riċerkaturi bi skrutinju skont l-Artikolu 40(8), il-punt (g) tar-Regolament.

Artikolu 14

Metodoloġiji speċifiċi għall-awditjar tal-konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2022/2065 dwar il-mitigazzjoni tar-riskji

1.   Il-valutazzjoni tal-konformità tal-fornitur awditjat mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandha tinkludi iżda ma għandhiex tkun limitata għal analiżi ta’ dawn kollha li ġejjin:

(a)

kif il-fornitur awditjat ikun identifika l-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kull wieħed mir-riskji sistemiċi msemmija fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065, u jekk il-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskji jkunux ġew identifikati b’mod diliġenti;

(b)

kif il-fornitur awditjat ikun ivvaluta jekk il-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskji fl-Artikolu 35(1), il-punti (a) sa (k) tar-Regolament (UE) 2022/2065 kinux applikabbli għas-servizz awditjat u jekk il-konklużjoni ta’ dik il-valutazzjoni kinitx xierqa, inkluż fir-rigward ta’ dawk il-miżuri li ma kinux applikati mill-fornitur awditjat;

(c)

jekk il-miżuri tal-mitigazzjoni stabbiliti mill-fornitur awditjat humiex raġonevoli, proporzjonati u effettivi għall-mitigazzjoni tar-riskji rispettivi, inkluż billi

(i)

jivvalutaw jekk humiex qed jirrispondu b’mod kollettiv għar-riskji kollha, b’kunsiderazzjoni partikolari tar-riskji dwar l-eżerċitar tad-drittijiet fundamentali;

(ii)

jivvalutaw b’mod komparattiv kif ġew indirizzati r-riskji qabel u wara li ġew stabbiliti l-miżuri speċifiċi tal-mitigazzjoni tar-riskju;

(iii)

jekk il-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskju kinux tfasslu u ġew eżegwiti b’mod xieraq.

2.   Mingħajr preġudizzju għal xi analiżi oħra meħtieġa biex jintlaħaq livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni, il-metodoloġiji għall-awditjar tal-konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandhom jinkludu mill-anqas valutazzjoni mill-organizzazzjoni tal-awditjar tal-elementi li ġejjin:

(a)

il-kontrolli interni li l-fornitur awditjat ikun stabbilixxa biex jimmonitorja l-applikazzjoni tal-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskji msemmija fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 u jekk humiex raġonevoli, proporzjonati u effettivi; din il-valutazzjoni għandha:

(i)

tkun ibbażata fuq proċeduri analitiċi sostantivi għal dawk il-kontrolli interni;

(ii)

tkun ibbażata fuq testijiet, ta’ jekk dawk il-kontrolli interni humiex affidabbli u kkonċepiti, eżegwiti u monitorjati b’mod diliġenti;

(iii)

tevalwa kif l-uffiċjal(i) tal-konformità jkunu wettqu l-kompiti tagħhom fir-rigward tal-Artikolu 41(3), il-punti (b), (d), (e) u, meta applikabbli, (f), tar-Regolament (UE) 2022/2065, u kif il-korp maniġerjali tal-fornitur kien involut skont l-Artikolu 41(6) u (7) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

il-miżuri tal-mitigazzjoni stabbiliti mill-fornituri awditjati; din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq:

(i)

proċeduri analitiċi sostantivi;

(ii)

testijiet, inkluż tas-sistemi algoritmiċi, meta l-organizzazzjoni tal-awditjar ikollha dubji raġonevoli, wara r-riżultati tal-proċeduri analitiċi sostantivi u l-valutazzjoni tal-kontrolli interni, jew meta l-organizzazzjoni tal-awditjar ikun jidhrilha li jeħtiġilha twettaq testijiet fl-għażla tagħha tal-metodoloġija skont l-Artikolu 10(1).

3.   L-informazzjoni analizzata mill-organizzazzjoni tal-awditjar b’appoġġ għall-valutazzjoni mwettqa skont dan l-Artikolu għandha tikkonsisti minn, iżda ma għandhiex tkun limitata għal:

(a)

ir-rapporti dwar il-valutazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni tar-riskji għall-perjodu awditjat rilevanti, li jfassas il-fornitur awditjat inkluż, meta meħtieġ, informazzjoni kunfidenzjali li ma tkunx parti mill-informazzjoni ppubblikata skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065, u d-dokumenti ta’ sostenn kollha;

(b)

meta rilevanti, rapporti oħra tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-mitigazzjoni tar-riskji tal-fornitur awditjat u d-dokumenti ta’ sostenn tagħhom;

(c)

l-informazzjoni ppreżentata mill-fornitur awditjat skont l-Artikolu 5;

(d)

ir-rapporti tat-trasparenza rilevanti kollha tal-fornitur awditjat imsemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(e)

meta jkun rilevanti, rapporti tal-passat dwar il-mitigazzjoni tar-riskji u d-dokumenti ta’ sostenn tagħhom, li jikkonċernaw perjodi mhux koperti mill-perjodu awditjat inkluż, meta meħtieġ, informazzjoni kunfidenzjali li ma tkunx parti mill-informazzjoni ppubblikata skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(f)

kull riżultat tat-test, dokumentazzjoni, evidenza, dikjarazzjoni oħra magħmula fit-tweġibiet tal-mistoqsijiet bil-miktub u/jew bil-fomm indirizzati mill-organizzazzjoni tal-awditjar lill-persunal tal-fornitur awditjat, u osservazzjonijiet magħmula fl-istabbilimenti, meta applikabbli;

(g)

evidenza rilevanti oħra, inkluż abbażi tal-informazzjoni magħmula disponibbli mill-fornitur awditjat;

(h)

meta disponibbli, ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-gwida tal-Kummissjoni, inkluż linji gwida maħruġa skont l-Artikolu 35(3) ta’ dak ir-Regolament u kull gwida rilevanti oħra maħruġa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065.

4.   L-informazzjoni analizzata mill-organizzazzjoni tal-awditjar tista’ tinkludi, kif xieraq, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065, inkluż minn rapporti tal-awditjar, tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-mitigazzjoni tar-riskji, dwar pjattaformi online kbar ħafna oħrajn jew magni tat-tiftix online kbar ħafna, jew id-data u r-riċerka magħmula disponibbli għall-pubbliku minn riċerkaturi bi skrutinju skont l-Artikolu 40(8), il-punt (g) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

Artikolu 15

Metodoloġiji speċifiċi għall-awditjar tal-konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2022/2065 dwar il-mekkaniżmu tar-rispons għall-kriżijiet

1.   Il-valutazzjoni tal-konformità tal-fornitur awditjat mal-Artikolu 36(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandha tinkludi, iżda ma tkunx limitata għal, analiżi ta’ jekk u kif il-fornitur awditjat ikun wettaq l-azzjonijiet meħtieġa, b’mod partikolari:

(a)

jekk u kif il-fornitur awditjat ikun identifika s-sistemi rilevanti involuti fil-funzjonament u fl-użu tas-servizz tagħhom li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-theddid serju u jekk dawk is-sistemi jkunux ġew identifikati kif xieraq;

(b)

jekk u kif il-fornitur awditjat ikun iddefinixxa u mmonitorja l-kontribut sinifikanti għat-theddid serju u jekk il-valutazzjoni tiegħu kinitx xierqa;

(c)

kull rekwiżit ieħor speċifikat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 36(1) jew (7), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065, kif xieraq.

2.   Il-valutazzjoni tal-konformità tal-fornitur awditjat mal-Artikolu 36(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandha tinkludi iżda ma għandhiex tkun limitata għal analiżi ta’ jekk u kif il-fornitur awditjat ikun wettaq l-azzjonijiet meħtieġa, b’mod partikolari:

(a)

jekk u kif il-fornitur awditjat ikun identifika miżuri biex jipprevjeni, jelimina jew jillimita xi kontribut għat-theddid serju;

(b)

jekk u kif il-miżuri meħuda mill-fornitur awditjat ikunu indirizzaw il-gravità tat-theddid serju, l-urġenza u jekk il-miżuri kinux xierqa f’dan ir-rigward;

(c)

jekk u kif il-fornitur awditjat ikun identifika l-partijiet ikkonċernati mill-miżuri u l-interessi leġittimi tagħhom, u kif il-fornitur awditjat ikun indirizza l-impatt attwali jew potenzjali tal-miżuri fuq id-drittijiet ta’ dawk il-partijiet, inkluż id-drittijiet fundamentali, u l-interessi leġittimi;

(d)

jekk il-miżuri meħuda mill-fornitur awditjat kinux effettivi u proporzjonati;

(e)

kull rekwiżit ieħor speċifikat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 36(1) jew (7), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065, kif xieraq.

3.   Il-valutazzjoni tal-konformità tal-fornitur awditjat mal-Artikolu 36(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2022/2065, għandha tinkludi iżda ma tkunx limitata għal analiżi ta’ kif il-fornitur awditjat ikun wettaq l-azzjoni meħtieġa, b’mod partikolari jekk il-fornitur awditjat tax l-informazzjoni lill-Kummissjoni li teżiġi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 36(1) jew (7), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2065, u jekk dawk ir-rapporti kinux preċiżi.

Artikolu 16

Konformità tal-awditjar mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2022/2065 dwar l-awditjar indipendenti

1.   Il-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2022/2065 u f’dan ir-Regolament għandha tiġi vvalutata fir-rigward tal-awditjar imwettaq għall-perjodu annwali ta’ qabel dak tal-awditjar attwali.

2.   Minbarra l-paragrafu 1, l-awditjar għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità tal-fornitur awditjat mal-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 fir-rigward tal-awditjar attwali.

3.   Meta l-awditjar preċedenti msemmi fil-paragrafu 1 ikun sar mill-istess organizzazzjoni tal-awditjar attwali, jew meta l-organizzazzjoni tal-awditjar attwali tkun tinkludi mill-anqas entità ġuridika waħda li tkun ħadet sehem fl-awditjar preċedenti, ir-rapport tal-awditjar għandu jinkludi spjegazzjoni tal-passi li ħadet l-organizzazzjoni tal-awditjar biex tiżgura l-oġġettività tal-valutazzjoni.

Artikolu 17

Konformità tal-awditjar mal-kodiċijiet tal-kondotta u mal-protokolli tal-kriżi

1.   Il-fornitur awditjat għandu jagħmel disponibbli għall-organizzazzjoni tal-awditjar:

(a)

lista u t-test tal-kodiċijiet tal-kondotta kollha msemmija fl-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-protokolli tal-kriżi msemmija fl-Artikolu 48 ta’ dak ir-Regolament, li tagħhom il-fornitur awditjat hu firmatarju;

(b)

lista dettaljata tal-impenji f’dawk il-kodiċijiet tal-kondotta u l-protokolli tal-kriżi li jkun ħa l-fornitur awditjat;

(c)

meta jkun applikabbli, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni miftiehma skont kull kodiċi tal-kondotta u protokoll tal-kriżi;

(d)

meta jkun applikabbli, kull kejl, data u dokumentazzjoni disponibbli, u kull rapport imħejji mill-fornitur awditjat fir-rigward tal-konformità tal-fornitur awditjat mal-impenji meħuda, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni u għad-data rilevanti kollha relatati mal-funzjonament tas-servizzi offruti mill-fornitur awditjat rilevanti għall-implimentazzjoni tal-kodiċi tal-kondotta jew tal-protokoll tal-kriżi;

(e)

meta jkun applikabbli, kejl, data u dokumentazzjoni oħra mħejjija mill-firmatarji tal-kodiċi tal-kondotta jew tal-protokoll tal-kriżi, u l-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni jew tal-Bord imsemmi fl-Artikolu 45(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

2.   Il-valutazzjoni tal-konformità tal-fornitur awditjat mal-kodiċijiet tal-kondotta msemmija fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandha tinkludi iżda ma tkunx limitata għall-kejl tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni miftiehma fil-kodiċi tal-kondotta skont l-Artikolu 45(3) ta’ dak ir-Regolament, li jispeċifika l-limitu tal-materjalità tal-konklużjonijiet tal-awditjar, u jekk id-data rrapportata hix preċiża.

TAQSIMA V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1.


ANNESS I

Mudell għar-rapport tal-awditjar imsemmi fl-Artikolu 6

Werrej

Image 1

TAQSIMA B: Organizzazzjoni(jiet) tal-awditjar

F’din it-Taqsima, żid linji kemm hemm bżonn għal kull punt.

1.

Isem l-organizzazzjoni(jiet) li jikkostitwixxu l-organizzazzjoni tal-awditjar:

2.

Informazzjoni dwar it-tim tal-awditjar tal-organizzazzjoni tal-awditjar:

Għal kull membru tat-tim tal-awditjar, ipprovdi:

1.

l-isem personali;

2.

l-organizzazzjoni individwali jew il-parti mill-organizzazzjoni tal-awditjar affiljat magħha

3.

l-indirizz tal-email professjonali;

4.

deskrizzjonijiet tar-responsabbiltajiet u x-xogħol li wettaq waqt l-awditjar.

3.

Kwalifiki tal-awdituri:

a.

Ħarsa ġenerali lejn il-kwalifiki professjonali tal-individwi li wettqu l-awditjar, inkluż oqsma tal-għarfien espert, ċertifikazzjonijiet, kif applikabbli:

b.

Dokumenti li jattestaw li l-organizzazzjoni tal-awditjar tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 37(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2022/2065 qed jinhemżu bħala Anness ma’ dan ir-rapport:

4.

Indipendenza tal-awdituri:

a.

Dikjarazzjoni tal-interessi:

b.

Referenzi għal xi standard rilevanti tal-indipendenza tat-tim tal-awditjar li l-organizzazzjoni(jiet) tal-awditjar josservaw:

c.

Lista ta’ dokumenti li jikkonfermaw li l-organizzazzjoni tal-awditjar tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 37(3), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2022/2065 qed tinhemeż bħala Anness ma’ dan ir-rapport:

5.

Referenzi għal xi standard tal-awditjar applikat fl-awditjar, kif applikabbli:

6.

Referenzi għal xi standard tal-ġestjoni tal-kwalità li l-organizzazzjoni tal-awditjar tosserva, kif applikabbli:

Image 2

Image 3

Image 4

Image 5

Image 6

Image 7

TAQSIMA F.1: Partijiet terzi kkonsultati

Irrepeti din it-taqsima għal kull parti terza kkonsultata, u inkrementa isem it-Taqsima b’wieħed (pereżempju, F.1, F.2, u l-bqija).

1.

Isem il-parti terza kkonsultata:

2.

Rappreżentant u informazzjoni tal-kuntatt tal-parti terza kkonsultata:

3.

Dati tal-konsultazzjoni:

4.

Kontribut mogħti mill-parti terza:


TAQSIMA G: Kull informazzjoni oħra li l-korp tal-awditjar jixtieq jinkludi fir-rapport tal-awditjar (bħal deskrizzjoni ta’ limitazzjonijiet inerenti possibbli).

 


 

Żid linji kemm hemm bżonn skont l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet u l-għoti tas-setgħat kif imsemmi fl-Artikolu 7(1), il-punt (b)

Data:

Iffirmata minn:

Post:

F’isem:

 

Responsabbli għal:

Annessi tar-Rapport tal-Awditjar (kif applikabbli):

Dokumenti mitluba skont l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament.

Dokumenti relatati mal-analiżi tar-riskju tal-awditjar skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

Dokumenti li jattestaw li l-organizzazzjoni tal-awditjar tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 37(3), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2022/2065.

Dokumenti li jattestaw li l-organizzazzjoni tal-awditjar tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 37(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2022/2065.

Dokumenti li jattestaw li l-organizzazzjoni tal-awditjar tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 37(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2022/2065.

Dokumentazzjoni u riżultati ta’ kull test imwettaq mill-organizzazzjoni tal-awditjar, inkluż fir-rigward tas-sistemi algoritmiċi tal-fornitur awditjat.

Il-kodiċijiet tal-kondotta msemmija fl-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament (UE) 2022/2065 li skonthom il-fornitur awditjat ħa impenji, inkluż indikazzjoni ċara ta’ kull impenn meħud u ta’ kull indikatur ewlieni tal-prestazzjoni miftiehem għal dak l-impenn.

Il-protokolli tal-kriżi msemmija fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2022/2065 implimentati mill-fornitur awditjat.

Annessi oħra li l-organizzazzjoni tal-awditjar tixtieq tinkludi.


ANNESS II

MUDELL GĦAR-RAPPORT TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-AWDITJAR IMSEMMI FL-ARTIKOLU 6

Werrej

TAQSIMA A: Informazzjoni Ġenerali

1.

Fornitur awditjat:

 

2.

Indirizz tal-fornitur awditjat:

 

3.

Rapport tal-awditjar li fuqu jissejjes dan ir-rapport tal-implimentazzjoni

Data tal-adozzjoni tar-rapport tal-awditjar: …

Referenza għar-rapport tal-awditjar (pereżempju URL):

 

4.

Informazzjoni dwar l-awditjar sottostanti u l-partijiet involuti (irreferi għat-Taqsimiet A u B tar-rapport tal-awditjar ta’ referenza):

 

5.

Ir-rapport tal-implimentazzjoni tal-awditjar jirreferi għal rapport tal-awditjar dwar il-konformità mal-obbligi u mal-impenji kollha skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 applikabbli għall-fornitur awditjat?

Iva/Le (jekk “Le”, indika liema obbligi u impenji huma koperti fir-rapport tal-awditjar ta’ referenza)

 

6.

Meta applikabbli, ir-referenzi għal rapporti tal-awditjar oħra skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2022/2065 li l-fornitur awditjat hu jew se jkun soġġett għalihom fir-rigward tal-perjodu awditjat:

 

 

Image 8

Image 9

Image 10


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/436/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)