|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/423 |
2.2.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/423
tal-31 ta’ Jannar 2024
li jdaħħal isem fir-reġistru ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (“Sel de Camargue/Fleur de sel de Camargue” (IĠP))
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 50(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni ta’ Franza biex l-isem “Sel de Camargue/Fleur de sel de Camargue” (PGI-FR-02443) jiġi rreġistrat bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
Il-Kummissjoni rċeviet dikjarazzjoni motivata tal-oppożizzjoni waħda mingħand il-Portugall u tliet dikjarazzjonijiet motivati ta’ oppożizzjoni minn persuni ġuridiċi bbażati rispettivament fil-Ġappun, fl-Istati Uniti u fil-Guinea. |
|
(3) |
L-oppożizzjonijiet kollha ġew sottomessi kontra parti mill-isem li saret applikazzjoni għalih, jiġifieri “Fleur de sel de Camargue”. |
|
(4) |
Wara li eżaminat id-dikjarazzjonijiet motivati ta’ oppożizzjoni u sabet li huma ammissibbli, f’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet biex jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet xierqa bil-għan li jintlaħaq qbil. |
|
(5) |
Il-konsultazzjonijiet bejn Franza u l-avversarji ntemmu mingħajr ma ntlaħaq ftehim. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 52(3), il-punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
|
(6) |
L-avversarji jibbażaw l-oppożizzjonijiet tagħhom fuq ir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(1), il-punti (a) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Għandhom l-għan li juru li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 7(1) ta’ dak ir-Regolament ma humiex osservati u li r-reġistrazzjoni tipperikola l-eżistenza ta’ isem kompletament jew parzjalment identiku jew ta’ prodott li ilu legalment fis-suq għal mill-inqas 5 snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni (il-15 ta’ April 2021). |
|
(7) |
Fir-rigward tar-raġuni stabbilita fl-Artikolu 10(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, tan-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 7(1) ta’ dak ir-Regolament, l-avversarji jargumentaw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) ta’ dak ir-Regolament ma humiex issodisfati minħabba li ma hemm l-ebda rabta ġeografika bejn il-prodott u ż-żona ta’ Camargue. Barra minn hekk, skont l-avversarji, huwa biss il-melħ, li jinġabar bl-idejn minn fuq il-wiċċ tas-salmura, li jista’ jissejjaħ fleur de sel. Minħabba li l-“Fleur de sel de Camargue” jinkiseb bl-użu ta’ pala minn qiegħ il-baċir, ma huwiex fleur de sel u l-isem tal-prodott iqarraq bil-konsumaturi. |
|
(8) |
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-avversarji jsostnu li ma hemm l-ebda evidenza storika fir-rigward tal-metodu tal-produzzjoni f’Camargue u, konsegwentement, ma hemm l-ebda evidenza ta’ tradizzjoni ta’ produzzjoni tal-fleur de sel f’dak ir-reġjun. Għalhekk, l-avversarji jikkonkludu li ma hemm l-ebda rabta bejn il-prodott u ż-żona. |
|
(9) |
Fl-affermazzjoni tagħhom ibbażata fuq l-Artikolu 10(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-avversarji jargumentaw li l-“Fleur de sel de Camargue” ma jikkorrispondix mal-prodott magħruf komunement bħala “fleur de sel”. Skont il-metodu tradizzjonali tal-produzzjoni tal-“fleur de sel”, il-melħ jinġabar minn fuq il-wiċċ tal-baċir u l-kristalli tal-melħ għandhom struttura piramidali speċifika, li hija tipika tal-melħ li jinġabar minn fuq il-wiċċ. Il-“Fleur de sel de Camargue” jinġabar minn qiegħ il-baċir, peress li jiġi ddepożitat fuq is-saff tal-melħ iebes (il-“gâteau”), u l-kristalli tal-melħ għandhom struttura differenti. Għal dawn ir-raġunijiet, il-prodott bl-isem “Fleur de sel de Camargue” ma jistax jitqies bħala “fleur de sel” u r-reġistrazzjoni ta’ tali isem tipperikola l-eżistenza tal-“Fleur de sel” (prodotti) li ilhom fis-suq legalment għal għexieren ta’ snin u tqarraq bil-konsumaturi dwar in-natura tal-prodott. B’mod partikolari, il-Portugall argumenta li r-reġistrazzjoni tkun ta’ detriment għall-użu tat-terminu “fleur de sel” fih innifsu. |
|
(10) |
Barra minn hekk, l-avversarji rreferew għal-liġijiet nazzjonali ta’ xi Stati Membri, bħall-Portugall u Spanja, li jiddefinixxu l-“fleur de sel” bħala melħ li jżomm f’wiċċ l-ilma li jinġabar bl-idejn minn fuq il-wiċċ tas-salmura. Huwa sostnut ukoll li l-“Fleur de sel de Camargue” jikkontradixxi l-ismijiet tal-IĠP u tad-DOP li kienu rreġistrati qabel għall-“fleur de sel” fl-Unjoni. L-avversarji rreferew b’mod partikolari għall-IĠP “Sel de Guérande/Fleur de sel de Guérande”, għad-DOP “Sal de Tavira/Flor de Sal de Tavira”, għad-DOP “Piranska sol” u għad-DOP “Paška sol”. Il-produtturi minn Camargue se jieħdu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tal-“fleur de sel” li ffurmat fost il-konsumaturi u jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-produtturi tal-“fleur de sel”. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti mogħtija fid-dikjarazzjonijiet motivati ta’ oppożizzjoni u l-informazzjoni riċevuta dwar il-konsultazzjonijiet bejn il-partijiet fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
|
(12) |
L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jaqra: “‘indikazzjoni ġeografika’ huwa isem […], li jidentifika prodott: (a) li joriġina f’post speċifiku, f’reġjun jew f’pajjiż; (b) li l-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra partikulari tiegħu tista’ essenzjalment tiġi attribwita lill-oriġini ġeografika tiegħu; u (c) li jkollu għall-inqas waħda mill-fażijiet tal-produzzjoni tiegħu li sseħħ fiż-żona ġeografika ddefinita”. Sabiex tiġi ssodisfata d-definizzjoni ta’ IĠP, huwa biżżejjed li l-isem jikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti. |
|
(13) |
L-applikazzjoni mressqa mill-applikant kienet tinkludi deskrizzjoni tar-rabta bejn il-prodott “Fleur de sel de Camargue” u l-oriġini ġeografika abbażi tar-reputazzjoni u l-kwalità speċifika tal-prodott. |
|
(14) |
Fid-deskrizzjoni tar-rabta bejn prodott u oriġini ġeografika abbażi tar-reputazzjoni, l-applikant irid juri li r-reputazzjoni tal-prodott hija marbuta mal-isem applikat għar-reġistrazzjoni u li hija attribwibbli għaż-żona ġeografika fejn isir il-prodott. L-applikant wera li r-reputazzjoni tal-prodott “Fleur de sel de Camargue” kienet marbuta mal-isem “Fleur de sel de Camargue” u kienet attribwibbli għall-oriġini ġeografika (iż-żona ta’ Camargue) billi pprovda referenzi għal kotba tat-tisjir miktubin minn koki magħrufa, kotba tal-ikel u gwidi turistiċi, artikli fl-istampa reġjonali u nazzjonali u programmi fuq in-networks televiżivi nazzjonali u internazzjonali li ilhom jiġu ppubblikati jew imxandra mid-disgħinijiet. |
|
(15) |
Fir-rigward tal-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Fleur de sel de Camargue” tispjega li huwa prodott fis-sajf meta r-riħ jieqaf jonfoħ u jiffurmaw miljuni ta’ kristalli tal-melħ fuq il-wiċċ tal-ilma. Sussegwentement, ir-riħ Mistral mit-Tramuntana jolqot l-erjas kbar tal-kristallizzaturi, u jimbotta l-qxur tal-kristalli tal-melħ fuq il-wiċċ lejn ix-xifer fejn jakkumula u jifforma fis-salmura oriġinali tiegħu. Is-salmura inizjali saturata u l-qxur tal-kristalli tal-melħ ma jinħallux. Is-istrat iebes ħafna u oħxon tas-“saff tal-melħ” jipprevjeni l-qxur tal-kristalli tal-melħ milli jiltaqgħu mal-ħamrija ramlija, u b’hekk jiżgura l-purità tagħhom. Il-prodott finali tal-“Fleur de sel de Camargue” huwa melħ fin ħafna, minħabba li r-rata rapida ta’ evaporazzjoni kkawżata mill-kundizzjonijiet tat-temp tgħin biex jiffurmaw kristalli żgħar. Għaldaqstant, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Fleur de sel de Camargue” turi rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità speċifika tal-prodott kif ukoll ir-reputazzjoni antika tal-prodott, li tmur lura għad-disgħinijiet. Dan huwa biżżejjed biex dan l-isem jiġi rreġistrat bħala IĠP. |
|
(16) |
L-argument li l-“Fleur de sel de Camargue” ma huwiex fleur de sel ma jeskludix fih innifsu l-eżistenza ta’ rabta bejn il-prodott u ż-żona. |
|
(17) |
L-isem “Fleur de sel de Camargue” huwa speċifiku u differenti biżżejjed mill-prodotti l-oħrajn bl-isem “Fleur de sel” u, għalhekk, ma huwiex probabbli li jqarraq bil-konsumaturi fir-rigward tal-oriġini tal-prodott. “Fleur de sel” dejjem se tintuża flimkien mal-isem taż-żona ġeografika “Camargue”. Konsegwentement, il-konsumaturi se jkunu jistgħu jiddistingwu l-“Fleur de sel de Camargue” minn prodotti oħra bl-isem “Fleur de sel” minħabba t-terminu ġeografiku assoċjat “Camargue”. Barra minn hekk, peress li diversi DOP jew IĠP fihom it-terminu “fleur de sel ” assoċjat mal-isem ta’ żona ġeografika speċifika, il-konsumaturi jkunu jistgħu jiddistingwu b’mod ċar bejn il-prodotti protetti minn DOP jew IĠP li fihom it-terminu “Fleur de sel” abbażi tal-oriġini ġeografika tagħhom. Il-konfużjoni potenzjali dwar in-natura tal-prodott, minħabba li t-terminu li jikkostitwixxi l-parti komuni tal-isem jista’ ma jirreferix għall-prodott normalment indikat b’dak it-terminu, ma hijiex rilevanti biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Il-fatt li l-“Bergamote de Nancy/Bergamotes de Nancy” (IĠP) ma kinitx frotta iżda prodott tal-ħelu jew li l-“Crottin de Chavignol/Chavignol” (DOP) ma kienx demel iżda ġobon ma kienx raġuni biex tiġi rrifjutata l-applikazzjoni rispettiva għar-reġistrazzjoni. |
|
(18) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 huma ssodisfati. |
|
(19) |
Fir-rigward tar-raġuni għall-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-avversarji jargumentaw essenzjalment li, minħabba li l-“Fleur de sel de Camargue” jinkiseb b’mod differenti mill-“fleur de sel” tradizzjonali, ma jistax ikun hemm evidenza storika tal-metodu tal-produzzjoni tal-“fleur de sel” prodott f’Camargue fil-passat. Madankollu, l-applikant ipprovda deskrizzjoni tal-metodu kif jinkiseb il-prodott bl-isem “Fleur de sel de Camargue”. Barra minn hekk, l-isem “Fleur de sel de Camargue” ilu jintuża legalment għal 30 sena fi Franza u fl-Unjoni (is-suq uniku). Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 huma ssodisfati. |
|
(20) |
Fir-rigward tar-raġuni għall-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-eżistenza ta’ ismijiet u ta’ prodotti normalment titqies li hija pperikolata meta isem speċifiku ta’ prodott jew prodott speċifiku jiġi affettwat direttament mir-reġistrazzjoni ta’ isem ġdid. Ir-reġistrazzjoni jenħtieġ li taffettwa d-drittijiet tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jużaw l-isem. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta prodott ma jkunx jista’ jibqa’ jiġi prodott bl-istess isem bl-użu tal-istess metodu ta’ produzzjoni jew meta isem ma jkunx jista’ jibqa’ jintuża. L-impatt fuq l-ismijiet komuni ma huwiex rilevanti. |
|
(21) |
L-avversarji jsostnu li l-eżistenza tal-prodotti kollha bl-isem “Fleur de sel” segwit mill-isem ta’ żona ġeografika speċifika hija pperikolata minħabba li prodott ta’ kwalità allegatament iktar baxxa se jokkupa l-istess segment tas-suq bħal dak ta’ prodott ta’ kwalità ogħla, li jwassal għal telf ekonomiku. Madankollu, dan ma jurix impatt dirett fuq prodott speċifiku jew fuq prodott b’isem speċifiku. Barra minn hekk, dan l-argument ma jikkonċernax id-dritt li jintuża isem peress li l-produtturi kollha tad-diversi prodotti tal-“Fleur de sel” jistgħu jkomplu jużaw l-ismijiet tagħhom wara r-reġistrazzjoni tal-“Fleur de sel de Camargue”. F’dan il-każ, la isem speċifiku ta’ prodott u lanqas prodott speċifiku ma jiġi pperikolat. |
|
(22) |
Fi kwalunkwe każ, il-fatt li xi Stati Membri jirrikjedu, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, metodu ta’ produzzjoni speċifiku biex prodott jiġi kkummerċjalizzat taħt l-isem “fleur de sel” ma jistax jitqies bħala evidenza konklużiva li l-istess jenħtieġ li japplika fil-livell tal-Unjoni. Fil-fatt, fil-livell tal-Unjoni, peress li ma hemm l-ebda definizzjoni legali komuni tal-“fleur de sel”, id-dritt li jintuża l-isem “fleur de sel” ma jistax ikun limitat għal metodu ta’ produzzjoni speċifiku. |
|
(23) |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-istruttura tal-kristalli, l-analiżi li saret mill-Kummissjoni tal-ismijiet diġà rreġistrati turi li l-forom ta’ IĠP jew DOP li diġà huma rreġistrati u li jużaw “fleur de sel” ivarjaw. Pereżempju, l-IĠP “Sel de Guérande/Fleur de sel de Guérande” tirreferi għal “kristalli ħfief, fini u li jitfarrku faċilment”; id-DOP “Sal de Tavira/Flor de Sal de Tavira” tgħid li dan il-melħ “jikkonsisti minn laqx fin ħafna”; id-DOP “Piranska sol” tirreferi għall-fatt li “Il-fleur de sel ‘Piranska Sol’ jikkristalizza fil-wiċċ tas-salmura fil-ħwat tal-kristallizzazzjoni, li jagħtih il-karatteristiċi tal-istruttura kristallina għax iżomm xi ftit mill-ilma baħar” u d-DOP “Paška sol” tispeċifika li “Il-kristalli tagħha għandhom l-għamla ta’ qxur”. Għalhekk, dawn il-prodotti jvarjaw fl-ispeċifiċitajiet u fil-forom tagħhom minħabba ż-żona ġeografika fejn jiġu prodotti u miġbura. |
|
(24) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-isem “Sel de Camargue/Fleur de sel de Camargue” jenħtieġ li jiddaħħal fir-reġistru ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti. |
|
(25) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-isem “Sel de Camargue/Fleur de sel de Camargue” (IĠP) huwa rreġistrat.
L-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott fil-Klassi 2.6. – melħ, kif elenkat fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Jannar 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU C 132, 15.4.2021, p. 12.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/423/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)