European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/417

29.1.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/417

tad-29 ta’ Jannar 2024

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2020/1998 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/1998.

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru 2020, fid-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta’ ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Il-kisba tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem minn kulħadd hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha.

(3)

L-Unjoni hija mħassba dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja. Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux ġustifikata u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna żiedet ir-repressjoni interna fir-Russja, billi llimitat drastikament il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni kif ukoll il-libertà tal-media, u introduċiet iċ-ċensura tal-gwerra.

(4)

L-Unjoni tkompli tikkundanna bil-qawwa l-espansjoni severa tal-leġiżlazzjoni restrittiva kontra s-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni sistematika tagħhom, kif ukoll ir-repressjoni bla rażan tal-media indipendenti, ġurnalisti individwali, membri tal-oppożizzjoni politika u ilħna kritiċi oħra.

(5)

L-Unjoni tikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni b’motivazzjoni politika minn qorti ta’ Moska li tikkundanna lill-politiku tal-oppożizzjoni, attivist fil-qasam tad-demokrazija u kritiku fil-beraħ tal-Kremlin Vladimir Kara-Murza għal 25 sena ħabs.

(6)

L-Unjoni tappella lir-Russja biex teħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha miżmuma l-ħabs għal akkużi b’motivazzjoni politika.

(7)

F’dan il-kuntest, jenħtieġ li erba’ persuni u entità waħda jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2020/1998 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998 huwa emendat kif jinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi taħt l-intestatura "A. Persuni fiżiċi":

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“69.

Ekaterina Mikhailovna MIZULINA

Екатерина Михайловна МИЗУЛИНА

(ortografija Russa)

Pożizzjoni(jiet): President tal-Lega għal Internet Sikur; Membru tal-Kamra Ċivika tal-Federazzjoni Russa

Data tat-twelid: 1.9.1984

Post tat-twelid: Yaroslavl, Russian SFSR (issa Russian Federation)

Nazzjonalità: Russa

Sess: mara

Individwi assoċjati: Elena Borisovna Mizulina; Konstantin Valerevich Malofeev

Ekaterina Mizulina hija personaġġ pubbliku Russu u l-President tal-Lega għal Internet Sikur. F’din il-pożizzjoni, hija qed tinforza prattiki ta’ ċensura kontra ħallieqa tal-kontenut u artisti fuq l-Internet favur il-gvern Russu u l-politiki tiegħu.

Bħala l-President tal-Lega għal Internet Sikur, Ekaterina Mizulina qed tagħti bidu għal ilmenti uffiċjali lill-aġenziji Russi tal-infurzar tal-liġi kontra ħallieqa tal-kontenut fuq l-Internet, jiġifieri bloggers, kif ukoll mużiċisti, ċelebritajiet u influwenzaturi. B’riżultat ta’ dan, Ekaterina Mizulina qed iġġiegħel lill-ħallieqa tal-kontenut u lill-artisti Russi fuq l-Internet jew iħassru kontenut kontra l-gvern jew joħolqu kontenut favur il-gvern Russu u l-politiki tiegħu.

Għalhekk, Ekaterina Mizulina hija responsabbli għal abbużi serji u sistematiċi tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, li huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

29.1.2024

70.

Valentina Evgenievna LEVASHOVA

magħrufa ukoll bħala

Valentina Evgen’yevna LEVASHOVA

Валентина Евгеньевна ЛЕВАШОВА

magħrufa ukoll bħala

Валентина Євгенiївна ЛЄВАШОВА

(ortografija Russa)

Pożizzjoni(jiet): Mħallef tal-Qorti Distrettwali ta’ Basmaniy (Basmaniy District Court) ta’ Moska

Data tat-twelid: 14.10.1978

Nazzjonalità: Russa

Sess: mara

Indirizz: Preobrazhenskiy Val St., 24 building 1, Flat 69, Moscow, Russia, 107061

Valentina Evgenievna Levashova hija mħallef fil-Qorti Distrettwali ta’ Basmanniy (Basmaniy District Court) ta’ Moska.

F’din il-kapaċità hija involuta fi ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni Russa.

Hija rappreżentanta tal-ġudikatura li ħadet deċiżjonijiet preġudikati f’każijiet b’motivazzjoni politika kontra persuni li opponew l-invażjoni militari tal-Ukrajna, jew deċiżjonijiet li ġġustifikaw azzjonijiet militari u azzjonijiet oħra tal-Federazzjoni Russa fit-territorju tal-Ukrajna, inkluż fil-kawża kontra Vladimir Kara-Murza.

Kara-Murza huwa attivist prominenti tal-oppożizzjoni fir-Russja. Fl-2022 inbdew proċedimenti tal-qorti b’motivazzjoni politika bbażati fuq allegazzjonijiet foloz kontrih wara li akkuża lill-Kremlin li wettaq delitti tal-gwerra fl-Ukrajna u kkundanna pubblikament l-aggressjoni Russa.

F’April 2023, huwa ġie kkundannat għal 25 sena f’ħabs/kamp tax-xogħol b’sigurtà għolja. Il-proċedimenti tal-qorti kontrih kienu mmirati lejn l-attiviżmu tiegħu u servew biex jagħtu eżempju bih permezz ta’ proċess farsa fir-Russja biex ilħna kritiċi tar-reġim fil-gvern jitrażżnu milli jleħħnu oppożizzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Ir-reġim Russu qed juża l-ġudikatura tal-pajjiż bħala għodda mifruxa ma’ kullimkien f’għadd kbir ta’ każijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Is-sistema ġudizzjarja mhijiex indipendenti u tintuża biex tikser b’mod sistematiku u sever id-drittijiet tal-bniedem tal-individwi li jopponu r-reġim fil-gvern, billi tikser il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni tagħhom.

Għaldaqstant, hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż arresti jew detenzjonijiet arbitrarji.

29.1.2024

71.

Oleg Viktorovich ALYPOV

Олег Викторович АЛЫПОВ

Олег Вiкторович АЛИПОВ

(ortografija Russa)

Pożizzjoni(jiet): Prosekutur Interdistrettwali ta’ Golovinsky ta’ Moska

Data tat-twelid: 7.3.1981

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Oleg Viktorovich Alypov huwa l-Prosekutur Interdistrettwali ta’ Golovinsky ta’ Moska.

Fil-kapaċità tiegħu bħala Prosekutur, huwa involut fil-ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni Russa, inkluż fil-kawża kontra Vladimir Kara-Murza.

Kara-Murza huwa attivist prominenti tal-oppożizzjoni fir-Russja. Fl-2022 inbdew proċedimenti tal-qorti b’motivazzjoni politika bbażati fuq allegazzjonijiet foloz kontrih wara li akkuża lill-Kremlin li wettaq delitti tal-gwerra fl-Ukrajna u kkundanna pubblikament l-aggressjoni Russa.

F’April 2023, huwa ġie kkundannat għal 25 sena f’ħabs/kamp tax-xogħol b’sigurtà għolja. Il-proċedimenti tal-qorti kontrih kienu mmirati lejn l-attiviżmu tiegħu u servew biex jagħtu eżempju bih permezz ta’ proċess farsa fir-Russja biex ilħna kritiċi tar-reġim fil-gvern jitrażżnu milli jleħħnu oppożizzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Ir-reġim Russu qed juża l-ġudikatura tal-pajjiż bħala għodda mifruxa ma’ kullimkien f’għadd kbir ta’ każijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Is-sistema ġudizzjarja mhijiex indipendenti u tintuża biex tikser b’mod sistematiku u sever id-drittijiet tal-bniedem tal-individwi li jopponu r-reġim fil-gvern, billi tikser il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni tagħhom.

Għaldaqstant, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż arresti jew detenzjonijiet arbitrarji.

29.1.2024

72.

Ludmila Mikhailovna SMOLKINA

Людмила Михайловна СМОЛКИНA

Людмила Михайлiвна СМОЛКIНА

(ortografija Russa)

Pożizzjoni(jiet): Imħallef, Qorti tal-Belt ta’ Moska

Data tat-twelid: 6.8.1961

Nazzjonalità: Russa

Sess: mara

Indirizz: 45 Angarskaya St., building 1, 51, Moscow, Russia, 125412

Ludmila Mikhailovna Smolkina hija Mħallef fil-Qorti tal-Belt ta’ Moska.

F’din il-kapaċità, hija involuta fil-ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni Russa, inkluż fil-kawża kontra Vladimir Kara-Murza.

L-awtoritajiet Russi użaw akkużi kriminali biex jarrestaw, iħarrku u jikkundannaw difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u avversarji politiċi li esprimew il-kritika tagħhom għall-invażjoni tal-Ukrajna.

Kara-Murza huwa attivist prominenti tal-oppożizzjoni fir-Russja. Fl-2022 inbdew proċedimenti tal-qorti b’motivazzjoni politika bbażati fuq allegazzjonijiet foloz kontrih wara li akkuża lill-Kremlin li wettaq delitti tal-gwerra fl-Ukrajna u kkundanna pubblikament l-aggressjoni Russa.

F’April 2023, huwa ġie kkundannat għal 25 sena f’ħabs/kamp tax-xogħol b’sigurtà għolja. Il-proċedimenti tal-qorti kontrih kienu mmirati lejn l-attiviżmu tiegħu u servew biex jagħtu eżempju bih permezz ta’ proċess farsa fir-Russja biex ilħna kritiċi tar-reġim fil-gvern jitrażżnu milli jleħħnu oppożizzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Ir-reġim Russu qed juża l-ġudikatura tal-pajjiż bħala għodda mifruxa ma’ kullimkien f’għadd kbir ta’ każijiet ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

Is-sistema ġudizzjarja mhijiex indipendenti u tintuża biex tikser b’mod sistematiku u sever id-drittijiet tal-bniedem tal-individwi li jopponu r-reġim fil-gvern, billi tikser il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni tagħhom.

Għaldaqstant, hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż arresti jew detenzjonijiet arbitrarji.

29.1.2024”

(2)

l-entrata li ġejja tiżdied mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“21.

Lega għal Internet Sikur

Лига безопасного интернета

(ortografija Russa)

Indirizz: Usovo, flat 100, Moscow Oblast, Russia, 143084

Telefown: +7 8 800 700-56-76

Email: info@ligainternet.ru

Sit web: https://ligainternet.ru

Individwi assoċjati: Ekaterina Mikhailovna Mizulina; Konstantin Valerevich Malofeev

Il-Lega għal Internet Sikur hija organizzazzjoni paragovernattiva Russa mwaqqfa b’mod konġunt mill-proprjetarju tal-istazzjon televiżiv Tsargrad Konstantin Malofeev, bl-appoġġ tal-gvern Russu.

Il-Lega għal Internet Sikur tippermetti lill-gvern Russu jsaħħaħ il-prattiki ta’ ċensura billi ssikket lill-ħallieqa tal-kontenut u lill-artisti fuq l-Internet, li jagħmlu l-kontenut li ma jkunx konsistenti mal-linja uffiċjali tal-gvern Russu.

Il-Lega għal Internet Sikur tagħmel ilmenti uffiċjali lill-aġenziji Russi tal-infurzar tal-liġi kontra ħallieqa tal-kontenut fuq l-Internet Russi, jiġifieri bloggers, kif ukoll mużiċisti, ċelebritajiet u influwenzaturi. Billi thedded bl-impożizzjoni ta’ miżuri punittivi jew ekonomiċi, il-Lega għal Internet Sikur qed tipprova ġġiegħel lill-ħallieqa tal-kontenut u lill-artisti Russi fuq l-Internet jew iħassru kontenut kontra l-gvern jew joħolqu kontenut favur il-gvern Russu u jfaħħru l-politiki tiegħu.

Għalhekk, il-Lega għal Internet Sikur hija responsabbli għal abbużi serji u sistematiċi tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, li huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea."

29.1.2024”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/417/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)