European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/412

30.1.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/412

tas-16 ta’ Jannar 2024

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti ’l oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fi programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti ’l oħra (1), ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/635/KE (2).

(2)

Fit-18 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti ’l oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fi programmi tal-Unjoni (“il-Protokoll”).

(3)

In-negozjati ġew konklużi fit-8 ta’ Marzu 2023.

(4)

L-objettiv tal-Protokoll huwa li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu li r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu tipparteċipa f’ċerti programmi tal-Unjoni. Il-qafas orizzontali stabbilit bil-Protokoll jistabbilixxi l-prinċipji għal miżuri ta’ kooperazzjoni ekonomiċi, finanzjarji u tekniċi u jippermettu li r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu tirċievi assistenza, b’mod partikolari assistenza finanzjarja, mill-Unjoni skont dawk il-programmi.

(5)

Il-qafas stabbilit mill-Protokoll japplika biss għal dawn il-programmi li għalihom l-atti legali kostituttivi rilevanti jipprevedu l-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu. Għaldaqstant, l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll ma jinvolvux l-eżerċizzju tas-setgħat taħt id-diversi politiki settorjali, li huma eżerċitati meta jiġu stabbiliti l-programmi.

(6)

Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti ’l oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fil-programmi tal-Unjoni huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, f’konformità mal-Artikolu 10(2) tiegħu, mid-data tal-firma tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu (4).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

V. VAN PETEGHEM


(1)   ĠU L 304, 30.9.2004, p. 39.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/635/KE tal-21 ta’ April 2004 li tikkonċerna l-konklużjoni ta’ Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra (ĠU L 304, 30.9.2004, p. 38).

(3)  It-test tal-Protokoll huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2024/409, 30.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree/2024/409/oj.

(4)  Id-data tal-iffirmar tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/412/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)