European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/392

24.1.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/392

tal-15 ta’ Novembru 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Protokolli I u II u l-emenda tal-Anness 47 tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 182(1) u (4), l-Artikolu 183, l-Artikolu 188, it-tieni paragrafu, u l-Artikolu 189(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) ġie konkluż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

(2)

Skont l-Artikolu 710(2) u l-Artikolu 731(3) tal-Ftehim, il-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni stabbilit bl-Artikolu 8(1), il-punt (s), tal-Ftehim (il-“Kumitat Speċjalizzat”) għandu jadotta l-Protokoll I dwar Programmi u attivitajiet li fihom jipparteċipa r-Renju Unit u l-Protokoll II dwar l-aċċess tar-Renju Unit għas-servizzi stabbiliti skont ċerti programmi u attivitajiet tal-Unjoni li fihom ir-Renju Unit ma jipparteċipax (il-“Protokolli I u II”).

(3)

Skont l-Artikolu 714(11) tal-Ftehim, il-Kumitat Speċjalizzat jista’ jemenda l-Anness 47 “Implimentazzjoni tal-Kundizzjonijiet Finanzjarji” (“Anness 47”).

(4)

Il-Protokolli I u II u l-Anness 47 jiffurmaw parti integrali mill-Ftehim.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Speċjalizzat, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Protokolli I u II u l-emenda tal-Anness 47,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Speċjalizzat, stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, huwaq stabbilit fl-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).


DEĊIŻJONI NRU 1/2023 TAL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI FIL-PROGRAMMI TAL-UNJONI STABBILIT BL-ARTIKOLU 8(1), IL-PUNT (S) , TAL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA,

ta’...

li tadotta l-Protokolli I u II u li temenda l-Anness 47 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni

IL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI FIL-PROGRAMMI TAL-UNJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u b’mod partikolari l-Artikoli 710(2), 714(11) u 731(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 710(2) u l-Artikolu 731(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni stabbilit bl-Artikolu 8(1), il-punt (s), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandu s-setgħa jadotta l-Programmi u l-attivitajiet tal-Protokoll I li fihom jipparteċipa r-Renju Unit (il-“Protokoll I”), u l-Protokoll II dwar l-aċċess tar-Renju Unit għas-servizzi stabbiliti skont ċerti programmi u attivitajiet tal-Unjoni li fihom ir-Renju Unit ma jipparteċipax (“il-Protokoll II”).

(2)

Il-Protokolli I u II japplikaw mir-raba’ sena tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-Unjoni 2021–2027. L-entitajiet tar-Renju Unit ma pparteċipawx mill-bidu tal-programmi u l-attivitajiet identifikati fihom. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, il-Protokoll I jenħtieġ li jinkludi modalitajiet speċifiċi fil-forma ta’ mekkaniżmu addizzjonali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni li fiha l-ammonti tal-impenji legali inizjali (għotjiet kompetittivi) konklużi mar-Renju Unit jew mal-entitajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta’ sena baġitarja partikolari jkunu sostanzjalment inqas mill-kontribuzzjoni operazzjonali korrispondenti mħallsa mir-Renju Unit għall-istess sena lill-programm Orizzont Ewropa, f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet eżistenti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Jekk tali differenza f’termini assoluti taqbeż is-16 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali korrispondenti għal dik is-sena baġitarja, skont il-mekkaniżmu, il-kontribuzzjoni operazzjonali li titħallas mir-Renju Unit għat-tieni sena baġitarja wara dik is-sena baġitarja jenħtieġ li titnaqqas bid-differenza bejn l-ammont assolut ikkalkolat f’konformità mal-metodu stabbilit fl-Artikolu 716(2) għal dik is-sena baġitarja u l-ammont li jikkorrispondi għal 16 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali korrispondenti għall-istess sena. Il-mekkaniżmu jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għar-rieżami tal-prestazzjoni stabbilit fl-Artikolu 721 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Għall-fini li jiġi evitat aġġustament doppju, l-ammont ta’ kwalunkwe aġġustament li jsir skont il-mekkaniżmu addizzjonali jrid jitqies fl-applikazzjoni tal-Artikolu 721(3)(b) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(3)

Skont l-Artikolu 714(11) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni stabbilit bl-Artikolu 8(1)(s) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandu s-setgħa jemenda l-Anness 47 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(4)

L-atti bażiċi tal-programmi tal-Unjoni msemmija fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni u l-aċċess għas-servizzi tal-programm imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 (2) u approvati f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (3) issa ġew adottati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-protokolli I u II kif stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni huma b’dan adottati.

Artikolu 2

L-Anness 47 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa b’dan emendat kif ġej:

(a)

jitħassru l-paragrafi 4, 6 u 7;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Is-sejħa għall-fondi għal sena partikolari għandu jkollha l-valur stabbilit billi l-ammont annwali kkalkolat bl-applikazzjoni tal-Artikolu 714 ta’ dan il-Ftehim, inkluż kwalunkwe aġġustament skont l-Artikolu 714(8), l-Artikolu 716 jew l-Artikolu 717 ta’ dan il-Ftehim, jiġi diviż bl-għadd ta’ sejħiet għall-fondi għal dik is-sena skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Anness.”

.

(c)

il-paragrafi 8 u 9 huma nnumerati mill-ġdid bħala l-paragrafi 5 u 6 rispettivament.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Magħmul fi ….,

Għall-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 tad-29 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 2).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UEU) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2).


ANNESS

Protokoll I Programmi u attivitajiet li fihom jipparteċipa r-Renju Unit

Artikolu 1

Ambitu tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit

(1)   Mill-1 ta’ Jannar 2024 ir-Renju Unit għandu jipparteċipa fil-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni, jew partijiet minnhom, stabbiliti mill-atti bażiċi li ġejjin u jikkontribwixxi għalihom:

(a)

Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-programm spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni 541/2014/UE (1), sa fejn dan jikkonċerna r-regoli applikabbli għall-komponent imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 3, il-paragrafu 1 ta’ dak ir-Regolament (“Copernicus”);

(b)

Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (2), sa fejn dan jikkonċerna r-regoli applikabbli għall-komponenti msemmija fil-paragrafu 2(a) u (b) tal-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament; u

(c)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (3).

(2)   Dan il-Protokoll ma għandux japplika għal proċeduri ta’ għoti li jimplimentaw impenji baġitarji għall-2021, l-2022 u l-2023.

Artikolu 2

Durata tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit

(1)   Ir-Renju Unit għandu jipparteċipa fil-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni, jew f’partijiet minnhom, imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll mill-1 ta’ Jannar 2024 għat-tul ta’ żmien li jibqa’ tagħhom jew sa tmiem il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, skont liema jkun l-iqsar.

(2)   Ir-Renju Unit jew l-entitajiet tar-Renju Unit għandhom ikunu eliġibbli skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 711, fir-rigward tal-proċeduri tal-għoti tal-Unjoni, li jimplimentaw l-impenji baġitarji tal-programmi u l-attivitajiet jew partijiet minnhom, imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu. Ir-Renju Unit jew l-entitajiet tar-Renju Unit ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni skont il-proċeduri ta’ għoti tal-Unjoni li jimplimentaw impenji baġitarji għall-2021, l-2022 u l-2023, mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ eliġibbiltà applikabbli għal entitajiet ta’ pajjiżi mhux assoċjati stipulati fl-att bażiku jew regoli oħra li jappartjenu għall-implimentazzjoni tal-programm jew tal-attività tal-Unjoni.

Artikolu 3

Termini u kundizzjonijiet speċifiċi ta’ parteċipazzjoni f’Copernicus

(1)   Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u b’mod partikolari l-Artikolu 711, ir-Renju Unit għandu jipparteċipa f’Copernicus u jibbenefika mis-servizzi u l-prodotti ta’ Copernicus bl-istess mod bħall-pajjiżi parteċipanti l-oħra.

(2)   Ir-Renju Unit għandu jkollu aċċess sħiħ għas-Servizz ta’ Ġestjoni tal-Emerġenzi ta’ Copernicus u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea l-punt fokali nazzjonali li se jaġixxi bħala Utent ta’ Servizz ta’ Ġestjoni ta’ Copernicus Awtorizzat.

(3)   Ir-Renju Unit għandu jkollu aċċess bħala utent awtorizzat għall-komponenti tas-Servizz tas-Sigurtà ta’ Copernicus sal-punt li jkun hemm qbil dwar il-kooperazzjoni bejn il-partijiet fl-oqsma ta’ politika rilevanti. Il-modalitajiet ta’ attivazzjoni u użu għandhom ikunu soġġetti għal ftehimiet speċifiċi. Ir-regoli dettaljati għall-aċċess għal tali servizzi għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehimiet rispettivi inkluż fir-rigward tal-operazzjoni speċifika tal-Artikoli 718(4), 719(4) u 720(5).

(4)   Għall-finijiet tal-paragrafu 3, in-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni għandhom jibdew malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet stabbilita l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f’Copernicus f’dan il-Protokoll u f’konformità mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għal tali servizzi. Jekk tali ftehim jiddewwem sostanzjalment jew jirriżulta li jkun impossibbli, il-Kumitat Speċjalizzat dwar il-Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni għandu jeżamina kif tista’ tiġi aġġustata l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f’Copernicus u l-finanzjament tagħha filwaqt li jqis din is-sitwazzjoni.

(5)   Il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tar-Renju Unit fil-laqgħat tal-Bord ta’ Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għandha tkun irregolata mir-regoli u l-proċeduri għall-parteċipazzjoni f’dan il-bord filwaqt li jitqies l-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz.

Artikolu 4

Termini u kundizzjonijiet speċifiċi ta’ parteċipazzjoni fil-Programm Orizzont Ewropa

(1)   Soġġett għall-Artikolu 6, Ir-Renju Unit għandu jipparteċipa bħala pajjiż assoċjat fil-partijiet kollha tal-programm Orizzont Ewropa kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/695 implimentat permezz tal-programm speċifiku stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2021/764 u permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (4) .

(2)   Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni u b’mod partikolari tal-Artikolu 711, l-entitajiet tar-Renju Unit jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (“JRC”) u f’azzjonijiet indiretti b’kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għal entitajiet oħra tal-Unjoni.

(3)   Meta l-Unjoni tadotta miżuri għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea , ir-Renju Unit u l-entitajiet tar-Renju Unit jistgħu jipparteċipaw fl-istrutturi legali maħluqa skont dawk id-dispożizzjonijiet, f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni relatati mal-istabbiliment ta’ dawn l-istrutturi legali.

(4)   Ir-Regolament (UE) 2021/819 jew l-att legali tal-Unjoni li jissostitwixxi dak ir-Regolament, u d-Deċiżjoni (UE) 2021/820 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) 2021-2027: It-tisħiħ tat-Talent u l-Kapaċità ta’ Innovazzjoni tal-Ewropa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1312/2013/UE (5), għandu japplika għall-parteċipazzjoni tal-entitajiet tar-Renju Unit fil-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni f’konformità mal-Artikolu 711.

(5)   Meta entitajiet tar-Renju Unit jipparteċipaw f’attivitajiet tal-JRC, ir-rappreżentanti tar-Renju Unit għandu jkollhom id-dritt jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, mingħajr drittijiet tal-vot. Soġġetta għal dik il-kondizzjoni, tali parteċipazzjoni għandha tkun irregolata mill-istess regoli u proċeduri bħal dawk applikabbli għar-rappreżentanti tal-Istati Membri, inklużi d-drittijiet tat-taħdit u l-proċeduri għar-riċeviment ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni fir-rigward ta’ punt li jikkonċerna r-Renju Unit.

(6)   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni operazzjonali skont l-Artikolu 714(5) l-approprjazzjonijiet ta’ impenn inizjali mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni adottati definittivament għas-sena applikabbli għall-finanzjament ta’ Orizzont Ewropa, inkluża n-nefqa ta’ appoġġ tal-programm, għandhom jiżdiedu bl-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat estern skont l-Artikolu 2, il-paragrafu 2 l-ittra (a) tal-punt (iv) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (6).

(7)   Id-drittijiet tar-Renju Unit għar-rappreżentazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u s-sottogruppi tiegħu għandhom ikunu dawk applikabbli għall-pajjiżi assoċjati.

(8)   Ir-Renju Unit jista’ jipparteċipa f’Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (“ERIC”) f’konformità mal-atti legali li jistabbilixxu dak l-ERIC u b’kont meħud tal-parteċipazzjoni tiegħu f’Orizzont 2020 f’konformità mat-termini li japplikaw għal dik il-parteċipazzjoni qabel ma daħal fis-seħħ dan il-Protokoll u l-parteċipazzjoni tiegħu f’Orizzont Ewropa kif stabbilit f’dan il-Protokoll.

Artikolu 5

Modalitajiet dwar l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatika għall-programm Orizzont Ewropa skont l-Artikolu 716

(1)   L-Artikolu 716 għandu japplika għall-programm Orizzont Ewropa.

(2)   Għandhom japplikaw il-modalitajiet li ġejjin:

(a)

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika, “għotjiet kompetittivi” tfisser għotjiet mogħtija permezz ta’ sejħiet għal proposti fejn il-benefiċjarji finali jistgħu jiġu identifikati fil-mument tal-kalkolu tal-korrezzjoni awtomatika bl-eċċezzjoni tal-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi kif definit fl-Artikolu 204 tar-Regolament Finanzjarju (7) applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

(b)

Meta jiġi ffirmat impenn legali ma’ koordinatur ta’ konsorzju, l-ammonti użati biex jiġu stabbiliti l-ammonti inizjali tal-impenn legali msemmijafl-Artikolu 716(1) għandhom ikunu l-ammonti inizjali kumulattivi allokati fl-impenn legali lill-membri ta’ konsorzju li huma entitajiet tar-Renju Unit.

(c)

L-ammonti kollha tal-impenji legali għandhom jiġu stabbiliti bl-użu tas-sistema elettronika tal-Kummissjoni Ewropea eCorda.

(d)

“kostijiet mhux ta’ intervent” tfisser kostijiet tal-programm operazzjonali minbarra għotjiet kompetittivi, inklużi nefqa ta’ appoġġ, amministrazzjoni speċifika għall-programm u azzjonijiet oħra (8); u

(e)

Ammonti allokati lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħala entitajiet legali li huma l-benefiċjarju finali (9) għandhom jitqiesu bħala kostijiet mhux ta’ intervent.

(3)   Il-mekkaniżmu għandu jiġi applikat kif ġej:

(a)

Il-korrezzjonijiet awtomatiċi għas-sena N fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn għas-sena N għandhom jiġu applikati abbażi ta’ data dwar is-sena N u s-sena N+1 mill-eCorda msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 fis-sena N+2 wara li jkun ġie applikat kwalunkwe aġġustament skont l-Artikolu 714(8) għall-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għal Orizzont Ewropa. L-ammont ikkunsidrat se jkun l-ammont ta’ għotjiet kompetittivi li għalihom tkun disponibbli d-data.

(b)

L-ammont tal-korrezzjoni awtomatika għandu jiġi kkalkulat billi tittieħed id-differenza bejn:

(i)

l-ammont totali ta’ dawn l-għotjiet kompetittivi mqassma lill-entitajiet tar-Renju Unit bħala impenji magħmula fuq l-approprjazzjonijiet tal-baġit tas-sena N; u

(ii)

l-ammont tal-kontribuzzjoni aġġustata tar-Renju Unit għas-sena N immultiplikat bil-proporzjon bejn:

(A)

l-ammont ta’ għotjiet kompetittivi magħmula fuq approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena N għal dan il-programm, u

(B)

it-total tal-impenji legali kollha li saru fuq l-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena N, inkluża n-nefqa ta’ appoġġ.

Fejn isir kwalunkwe aġġustament għal sitwazzjonijiet fejn l-entitajiet tar-Renju Unit huma esklużi, skont l-applikazzjoni tal-Artikolu 714(8), l-ammonti tal-għotja kompetittiva korrispondenti ma għandhomx jiġu inklużi fil-kalkolu.

(4)   Jekk fir-rigward tal-kontribuzzjoni operazzjonali tar-Renju Unit għal sena partikolari N, l-ammont tad-differenza kkalkolat f’konformità mal-metodu stabbilit fl-Artikolu 716(2) ikun negattiv u f’termini assoluti jaqbeż is-16 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali korrispondenti għas-sena N, il-kontribuzzjoni operazzjonali futura tar-Renju Unit għas-sena N+ 2 għandha titnaqqas bid-differenza bejn l-ammont assolut ikkalkolat f’konformità mal-metodu stabbilit fl-Artikolu 716(2) għas-sena N, u l-ammont li jikkorrispondi għal 16 % tal-kontribuzzjoni operazzjonali korrispondenti għas-sena N.

Wara tmiem il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll, kwalunkwe tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet operazzjonali futuri, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandu jiġi applikat għall-kontribuzzjonijiet operazzjonali tar-Renju Unit għal programm sussegwenti li fih jipparteċipa r-Renju Unit.

Jekk il-kontribuzzjoni operazzjonali tar-Renju Unit tiġi aġġustata fis-sena N+ 2 f’konformità mal-ewwel u t-tieni subparagrafi, tali aġġustament għandu jitqies għall-fini tal-kalkolu tal-ammont annwali għas-sena N+ 2 f’konformità mal-paragrafu 4 tal-Anness 47.

Artikolu 6

Esklużjoni mill-Fond Ewropew tal-Kunsill tal-Innovazzjoni

(1)   Ir-Renju Unit u l-entitajiet tar-Renju Unit ma għandhomx jipparteċipaw fil-Fond tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (“EIC”) stabbilit taħt Orizzont Ewropa. Il-Fond EIC huwa l-istrument finanzjarju li huwa l-parti tal-Aċċelleratur tal-EIC ta’ Orizzont Ewropa li jipprovdi investiment permezz ta’ ekwità jew forma oħra ripagabbli (10).

(2)   Mill-2024, u sal-2027, kull sena, il-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għal Orizzont Ewropa għandha tiġi aġġustata b’ammont miksub billi jiġu mmultiplikati l-ammonti stmati li għandhom jiġu allokati lill-benefiċjarji tal-Fond EIC stabbilit skont il-programm, eskluż l-ammont li ġej minn pagamenti lura u rimborżi, bil-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni kif definit fl-Artikolu 714(6).

(3)   Wara kwalunkwe sena N li fiha jkun sar aġġustament skont il-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għandha fi snin sussegwenti tiġi aġġustata ’l fuq jew ’l isfel, billi tiġi mmultiplikata d-differenza bejn l-ammont stmat allokat lill-benefiċjarji tal-Fond EIC, kif imsemmi fl-Artikolu 6(2) ta’ dan il-Protokoll, u l-ammont allokat lill-benefiċjarji tal-Fond EIC fis-sena N, bil-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni, kif definit fl-Artikolu 714(6).

Artikolu 7

Reċiproċità

Għall-fini ta’ dan l-Artikolu “entità tal-Unjoni” tfisser kwalunkwe tip ta’ entità, kemm jekk persuna fiżika, persuna ġuridika jew tip ieħor ta’ entità, li tirrisjedi jew li hija stabbilita fl-Unjoni.

L-entitajiet eliġibbli tal-Unjoni jistgħu jipparteċipaw fi programmi tar-Renju Unit ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll f’konformità mal-liġi u r-regoli tar-Renju Unit.

Artikolu 8

Proprjetà intellettwali

Għall-programmi u l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll u soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni u b’mod partikolari l-Artikolu 711, l-entitajiet tar-Renju Unit li jipparteċipaw fi programmi koperti minn dan il-Protokoll għandhom, fir-rigward tas-sjieda, l-isfruttament u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni u tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn tali parteċipazzjoni, ikollhom drittijiet u obbligi ekwivalenti bħall-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni li jipparteċipaw fil-programmi u l-attivitajiet inkwistjoni. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għar-riżultati miksuba minn proġetti mibdija qabel l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

Protokoll II dwar l-aċċess tar-Renju Unit għal servizzi stabbiliti skont ċerti programmi u attivitajiet tal-Unjoni li fihom ir-Renju Unit ma jipparteċipax

Artikolu 1

Ambitu tal-aċċess

Ir-Renju Unit għandu jkollu aċċess għas-servizzi li ġejjin skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-atti bażiċi u kwalunkwe regola oħra relatata mal-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet rilevanti tal-Unjoni:

(a)

Servizzi ta’ Sorveljanza u Insegwiment fl-Ispazju (Space Surveillance and Tracking - “SST”) kif definit fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2021/696.

Sakemm jidħlu fis-seħħ l-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-pajjiż terzi għat-tliet servizzi tal-SST disponibbli pubblikament, is-servizzi tal-SST kif imsemmija fl-Artikolu 5.1 tad-Deċiżjoni 541/2014/UE għandhom jiġu pprovduti lir-Renju Unit u lis-sidien u lill-operaturi ta’ inġenji spazjali pubbliċi u privati li joperaw fir-Renju Unit jew minnu f’konformità mal-Artikolu 5.2 ta’ din id-Deċiżjoni (jew kwalunkwe leġiżlazzjoni li tissostwiha b’modifika jew mingħajr modifika).

Artikolu 2

Tul ta’ żmien tal-aċċess

Ir-Renju Unit għandu jkollu aċċess għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 1 għad-durata li fadal jew sa tmiem il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, skont liema jkun l-iqsar.

Artikolu 3

Termini u kundizzjonijiet speċifiċi għall-aċċess għas-servizzi tal-SST

L-aċċess tar-Renju Unit għas-servizzi tal-SST disponibbli pubblikament imsemmija fil-punt (a), (b) u (c) tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) 2021/696 għandu jingħata f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/696, fuq talba u soġġett għall-kondizzjonijiet applikabbli għal pajjiżi terzi.

L-aċċess tar-Renju Unit għas-servizzi tal-SST imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 55(1) tar- Regolament (UE) 2021/696 għandu, meta disponibbli, ikun soġġett għall-kundizzjonijiet applikabbli għal pajjiżi terzi.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69).

(2)  Ir-Regoalment (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU L 167I, 12.5.2021, p. 1).

(4)   ĠU L 189, 28.5.2021, p. 61.

(5)   ĠU L 189, 28.5.2021, p. 91.

(6)   ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23.

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(8)   “Azzjonijiet oħra” jistgħu jinkludu premjijiet, strumenti finanzjarji, forniment ta’ servizzi tekniċi/xjentifiċi mill-JRC, Sottoskrizzjonijiet (OECD, Eureka, IPEEC, IEA,...), ftehimiet ta’ delega, Esperti (evalwaturi, monitoraġġ ta’ proġetti).

(9)  L-organizzazzjonijiet internazzjonali jitqiesu biss bħala kostijiet mhux ta’ intervent jekk ikunu benefiċjarji finali. Dan mhux se japplika meta organizzazzjoni internazzjonali tkun koordinatur ta’ proġett (tqassam fondi lil koordinaturi oħra).

(10)  F’konformità mal-Artikolu 11(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 u l-Anness I, il-Pilastru III, it-taqsima 1 tagħha, il-Fond tal-EIC se jimmaniġġja biss il-komponenti ta’ “investiment” tal-appoġġ mill-Aċċelleratur tal-EIC. L-entitajiet tar-Renju Unit jistgħu għalhekk jipparteċipaw biss fl-għotja jew f’forom oħra ta’ appoġġ mhux ripagabbli pprovduti skont l-Aċċelleratur tal-EIC.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/392/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)