European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/386

19.1.2024

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/386

tad-19 ta’ Jannar 2024

li jistabbilixxi miżuri restrittivi kontra dawk li jappoġġaw, jiffaċilitaw jew jippermettu azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/385 tad-19 ta’ Jannar 2024 li tistabbilixxi miżuri restrittivi kontra dawk li jappoġġaw, jiffaċilitaw jew jippermettu azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Jannar 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/385, li tistabbilixxi qafas għal miżuri restrittivi mmirati kontra dawk li jappoġġaw, jiffaċilitaw jew jippermettu azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina. Il-kuntest politiku u r-raġunijiet ta’ politika għall-istabbiliment tal-miżuri restrittivi huma ppreżentati fil-premessi ta’ dik id-Deċiżjoni. Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/385 tipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’, u l-projbizzjoni li fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għal ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet u korpi li jappoġġaw, jiffaċilitaw jew li jiġu permessi azzjonijiet vjolenti minn jew f’isem il-Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina . Persuni fiżiċi u ġuridiċi, gruppi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/385.

(2)

Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, notevolment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn ikunu implimentati.

(3)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għad-difiża, u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi applikat skont dawk id-drittijiet.

(4)

Il-proċedura għall-emendar tal-lista fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tinkludi l-għoti tar-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, il-gruppi, l-entitajiet u l-korpi indikati, sabiex jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

(5)

Għall-implimentazzjoni ta’’ dan ir-Regolament, u sabiex tkun żgurata ċertezza legali massima fl-Unjoni, jenħtieġ li l-ismijiet u data rilevanti oħra rigward persuni fiżiċi u ġuridiċi, gruppi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom ser jiġu ffriżati skont dan ir-Regolament, isiru pubbliċi. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali jenħtieġ li jikkonforma mar-Regolamenti (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) .

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri li jieħdu skont dan ir-Regolament u dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’rabta ma’ dan ir-Regolament.

(7)

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni jew b’rabta magħhom, u b’mod partikolari:

(i)

pretensjoni għat-twettiq ta’ kwalunkwe obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni jew b’rabta ma’ wieħed minnhom;

(ii)

pretensjoni għall-estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, ta’ garanzija finanzjarja jew ta’ indennizz ta’ liema forma tkun;

(iii)

pretensjoni għal kumpens marbut ma’ kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)

kontropretensjoni;

(v)

pretensjoni għall-għarfien jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta’ exequatur, ta’ sentenza, ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tittieħed jew tingħata;

(b)

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta’ liema forma tkun u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, kemm jekk tikkonsisti f’kuntratt wieħed jew aktar jew f’obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew differenti; għal dak l-iskop, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti kif ukoll jekk le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li taqa’ taħt it-tranżazzjoni jew li hi konnessa magħha;

(c)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II;

(d)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull tip, kemm jekk tanġibbli kif ukoll jekk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi, iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(e)

“iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inklużi, iżda mhux limitat għal, il-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom;

(f)

“iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess, jew trattar ta’ fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew fi bdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż ġestjoni ta’ portafolli;

(g)

“fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull tip, inklużi, iżda mhux limitatament għal:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta’ pagament;

(ii)

depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, djun u obbligi ta’ dejn;

(iii)

titoli u strumenti ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti ta’ derivattiv;

(iv)

imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħrajn;

(vi)

ittri ta’ kreditu, poloz ta’ kargu, poloz ta’ bejgħ;

(vii)

dokumenti li jagħtu prova ta’ xi interess f’fondi jew f’riżorsi finanzjarji;

(h)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-TUE, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma l-proprjetà, jew fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp elenkati fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, grupp, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi li:

(a)

jappoġġaw, materjalment jew finanzjarjament, lill-Ħamas, lill-Ġiħad Iżlamika Palestinjana (PIJ), lil kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom;

(b)

jipparteċipaw fil-finanzjament tal-Ħamas, tal-PIJ, ta’ kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom, jew fil-finanzjament ta’ atti jew attivitajiet tagħhom, magħhom, taħt isimhom, f’isimhom jew b’appoġġ għalihom;

(c)

jipparteċipaw fl-ippjanar, it-tħejjija jew li jiġu permessi azzjonijiet vjolentiminn, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem, jew b’appoġġ għall-Ħamas, il-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom;

(d)

ifornu, ibigħu jew jitrasferixxu armi u materjal relatat lill-Ħamas, lill-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew lil kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom;

(e)

jappoġġaw, materjalment jew finanzjarjament, jew jimplimentaw azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà ta’ Iżrael, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem jew b’appoġġ għall-Ħamas, il-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom;

(f)

jkunu involuti jew kompliċi fl-ordni jew fit-twettiq ta’ ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali jew tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem f’isem jew taħt l-isem tal-Ħamas, il-PIJ,kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivat tagħhom;

(g)

jinċitaw jew jipprovokaw pubblikament atti ta’ vjolenza serja minn, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem, jew b’appoġġ għall-Ħamas, il-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom;

(h)

jagħtu appoġġ lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi involuti f’attivitajiet imsemmija fil-punti (a).

Artikolu 3

1.   B’deroga mill-Artikolu 2(1) jew (2), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi economiċi ffriżati, jew iqiegħdu għad-disposizzjoni ċerti fondi jew riżorsi economiċi ffriżati, skont il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi economiċi kkonċernati jkunu:

(a)

neċessarji biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlasijiet għall-ikel, għall-kera jew għall-ipoteki, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni u għall-ħlasijiet tas-servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli jew għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li jenħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni speċifika tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

ser jitħallsu f’kont jew minn kont ta’ missjoni diplomatika jew konsulari jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 4

1.   L-Artikolu 2(1) u (2) ma għandux japplika għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi neċessarji biex jiggarantixxu t-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex isostnu attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem meta tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:

(a)

in-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħhom, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħhom;

(b)

organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c)

organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji;

(d)

organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati, appelli oħra tan-Nazzjonijiet Uniti jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji;

(e)

organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali;

(f)

l-aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri; jew

(g)

l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji, jew is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) waqt u sal-punt li jkunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u b’deroga mill-Artikolu 2(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huwa neċessarju biex jiġi żgurat it-twassil fil-ħin ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħrajn li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem.

3.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 2, dik l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu fi żmien erba’ ġimgħat minn tali awtorizzazzjoni.

Artikolu 5

1.   B’deroga mill-Artikolu 2(1), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, il-grupp, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 2 ikunu ġew elenkati fl-Anness I, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jissodisfaw pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx imur kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 6

1.   B’deroga mill-Artikolu 2(1) u dment li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp elenkat fl-Anness I ikun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew skont obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data ta’ meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness I, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, skont il-kondizzjonijiet li jqisu li jkunu adattati, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(b)

il-ħlas ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 2(2).

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 7

1.   L-Artikolu 2(2) ma għandux iwaqqaf l-ikkreditar ta’’ kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, dment li kwalunkwe żieda f’dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti bi kwalunkwe tranżazzjoni ta’ dan it-tip mingħajr dewmien.

2.   L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, il-grupp, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 2 ikun ġie inkluż fl-Anness I; jew

(c)

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fi Stat Membru jew eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat,

dment li kull imgħax, qligħ u pagament ieħor bħal dan ikun iffriżat skont l-Artikolu 2(1).

Artikolu 8

1.   Persuni fiżiċi u ġuridiċi, gruppi, entitajiet u korpi għandhom:

(a)

ifornu minnufih kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u ammonti ffriżati f’konformità mal-Artikolu 2(1), lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

2.   L-obbligu fil-paragrafu 1 għandu japplika soġġett għar-regoli nazzjonali jew regoli oħra applikabbli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet ġudizzjarji, u konsistenti mar-rispett għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għal dan l-għan, tali komunikazzjonijiet jinkludu dawk relatati ma’ parir legali pprovdut minn professjonisti ċċertifikati oħra li huma awtorizzati skont il-liġi nazzjonali biex jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fi proċedimenti ġudizzjarji, sa fejn tali parir legali jingħata b’rabta ma’ proċedimenti ġudizzjarji pendenti jew prospettivi.

3.   Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

4.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar, l-awtoritajiet doganali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-awtoritajiet kompetenti skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), kif ukoll l-amministraturi ta’ reġistri uffiċjali fejn huma rreġistrati persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi kif ukoll proprjetà immobbli jew mobbli, għandhom jipproċessaw u jiskambjaw mingħajr dewmien informazzjoni, inkluża data personali, u, jekk neċessarju, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, ma’ awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istat Membru tagħhom, ta’ Stati Membri oħra u l-Kummissjoni, jekk tali pproċessar u skambju jkun neċessarju biex jitwettqu l-kompiti tal-awtorità tal-ipproċessar jew tal-awtorità riċeventi skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari meta jidentifikaw każijiet ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni, jew tentattivi ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni, tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 9

1.   Il-parteċipazzjoni, konsapevolment u intenzjonalment, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun ipprojbita.

2.   Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu jitwettaq f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725, u safejn ikun neċessarju biss għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

1.   L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tingħata disponibbiltà għal fondi jew riżorsi ekonomiċi, imwettqa bona fide fuq il-bażi li tali azzjoni tkun konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandhom joħolqu ebda tip ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-persuna fiżika jew ġuridika, il-grupp, l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawha, jew ta’’ diretturi jew impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b’riżultata’ negliġenza.

2.   L-azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi ma għandhomx jagħtu lok għal responsabbiltà tal-ebda xorta fuq in-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu u ma kellhom l-ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu ser jiksru l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 11

1.   L-ebda pretensjoni marbuta ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għall-estensjoni jew għall-pagament ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk dawn isiru minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi,entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punt (a).

2.   Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-obbligu biex ikun ippruvat li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, il-grupp, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-infurzar ta’ dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet u korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal rieżami ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari informazzjoni dwar:

(a)

fondi ffriżati skont l-Artikolu 2 u awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt id-derogi stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b)

problemi ta’ ksur u eżekuzzjoni u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, għandu jemenda l-Anness I kif xieraq.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika deċiżjoni skont il-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, il-grupp, l-entità jew il-korp ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’avviż, u billi dik il-persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni kkonċernata u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, il-grupp, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif xieraq.

4.   Il-lista fl-Anness I għandha tiġi rieżaminata f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

5.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu 14

1.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-gruppi, tal-entitajiet jew tal-korpi kkonċernati.

2.   L-Anness I għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, il-gruppi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet u l-psewdonimi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karti tal-identità; il-ġeneru; l-indirizz, jekk ikun magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi, din l-informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 15

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jipprevedu wkoll għal miżuri xierqa ta’ konfiska tar-rikavat minn tali ksur.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 16

1.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-’Rappreżentant Għoli’) jistgħu jipproċessaw id-data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a)

fir-rigward tal-Kunsill, it-tħejjija u l-emendar tal-Anness I;

(b)

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, it-tħejjija ta’ emendi għall-Anness I;

(c)

fir-rigward tal-Kummissjoni:

(i)

l-inklużjoni tal-kontenut tal-Anness I fil-lista elettronika, ikkonsolidata tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva dwar is-sanzjonijiet, li jkunu t-tnejn disponibbli għall-pubbliku;

(ii)

l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ dan ir-Regolament, bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għandhom jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, ma’ sentenzi kriminali ta’ tali persuni jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss safejn tali pproċessar huwa neċessarju għat-tħejjija tal-Anness I.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli huma maħtura bħala “kontrollur” skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt 8, tar- Regolament (UE) 2018/1725 sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dak ir-Regolament.

Artikolu 17

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fis-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikawha b’kwalunkwe emenda sussegwenti.

3.   Fejn dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżit li l-Kummissjoni tkun notifikata, infurmata jew li ssir xi forma oħra ta’ komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jintużaw għal tali komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 18

Kwalunkwe informazzjoni mogħtija jew riċevuta f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.

Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c)

għal kwalunkwe persuna fiżika fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, grupp, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’’ Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, grupp, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

Artikolu 20

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU L, 2024/385, 19.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/385/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(7)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).


ANNESS I

Lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2

A.   Persuni fiżiċi

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Abdelbasit Elhassan Mohamed Khair HAMZA

Data tat-twelid: 28.8.1955

Post tat-twelid: Is-Sudan

Nazzjonalità: Sudaniża

Nru tal-Passaport: 10100159792 (is-Sudan)

Sess: raġel

Abdelbasit Elhassan Mohamed Khair Hamza huwa finanzjatur tal-Ħamas ibbażat is-Sudan li jimmaniġġa kumpaniji fil-portafoll ta’ investiment tal-Ħamas. Abdelbasit Elhassan Mohamed Khair Hamza ffaċilita l-fondi għall-Ħamas permezz ta’ network ta’ kumpaniji, inkluż b’mod partikolari Al Rowad Real Estate Development u Al Zawaya Group for Development and Investment. Għaldaqstant, Abdelbasit Elhassan Mohamed Khair Hamza jipparteċipa fil-finanzjament tal-Ħamas.

19.1.2024

2.

Nabil Khaled Halil CHOUMAN

Data tat-twelid: 1954

Post tat-twelid: Il-Libanu

Nazzjonalità: Libaniż

Sess: raġel

Funzjoni: Fundatur u azzjonist ta’ Chouman (Shuman) Group / Shuman for Currency Exchange SARL

Nabil Khaled Halil Chouman huwa s-sid ta’ sid Shuman for Currency Exchange SARL, ibbażata f’Bejrut, il-Libanu, li ntużat għall-ħasil ta’ flus u għat-trasferiment ta’ flus lill-Ħamas, inkluż mill-Iran. L-istima tas-somom ta’ flus trasferiti lill-Ħamas permezz ta’ Shuman for Currency Exchange SARL hija ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ USD. Għaldaqstant, Nabil Khaled Halil Chouman jipparteċipa fil-finanzjament tal-Ħamas.

19.1.2024

3.

Khaled CHOUMAN

magħruf ukoll bħala

Khaled SHUMAN

Data tat-twelid: 2.4.1987

Post tat-twelid: Il-Libanu

Nazzjonalità: Libaniż

Sess: raġel

Funzjoni: Isarraf il-Flus (money changer) fil-kumpanija Chouman (Shuman) Group / Shuman for Currency Exchange SARL

Khaled Chouman jaħdem bħala sarraf għal Shuman for Currency Exchange SARL, kumpanija proprjetà ta’ missieru u bbażata f’Bejrut, il-Libanu. Il-kumpanija ntużat għall-ħasil tal-flus u għat-trasferiment ta’ flus lill-Ħamas, inkluż mill-Iran. L-istima tas-somom ta’ flus trasferiti lill-Ħamas permezz ta’ Shuman for Currency Exchange SARL hija ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ USD. Għaldaqstant, Khaled Chouman jipparteċipa fil-finanzjament tal-Ħamas.

19.1.2024

4.

Rida Ali KHAMIS

(رضا علي خميس)

magħruf ukoll bħala

Reda Ali KHAMIS

Data tat-twelid: 2.9.1967

Nazzjonalità: Libaniż

Numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità: 3194104 (il-Libanu)

Sess: raġel

Funzjoni: sieħeb fin-negozju tal-Grupp Chouman (Shuman) / Shuman għall-Iskambju tal-Munita SARL

Rida Ali Khamis huwa involut fl-iskambju ta’ muniti li jippermetti l-ħasil tal-flus u t-trasferiment ta’ flus lill-Ħamas, b’mod partikolari permezz tal-kumpaniji Shuman for Currency Exchange SARL u Al-Wasata SARL. Għaldaqstant, Rida Ali Khamis jipparteċipa fil-finanzjament tal-Ħamas.

19.1.2024

5.

Musa Muhammad Salim DUDIN

(موسى دودين;

موسى محمد سالم دودين)

magħruf ukoll bħala

Mousa DOUDIN;

Mousa DUDIN;

Musa DUDIN;

Musa Muhammad Salim DODIN;

Musa Muhammad Salim DOUDIN;

Mussa DODIN;

Mussa DUDIN

Data tat-twelid: 12.6.1972

Post tat-twelid: Dura, Ħebron

Nazzjonalità: Palestinjan

Sess: raġel

Funzjoni: Membru tal-bureau politiku tal-Ħamas

Musa Muhammad Salim Dudin huwa operatur anzjan tal-Ħamas u membru tal-bureau politiku tal-Ħamas. F’din il-kapaċità, sikwit għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi f’isem l-organizzazzjoni. Barra minn hekk, bħala membru tal-uffiċċju tal-investiment tal-Ħamas, kien involut f’operazzjonijiet ta’ finanzjament għall-organizzazzjoni. Għaldaqstant, Musa Muhammad Salim Dudin jipparteċipa fil-finanzjament tal-Ħamas.

19.1.2024

6.

Aiman Ahmad AL-DUWAIK

magħruf ukoll bħala

Aiman Ahmad R AL-DUWAIK; Aiman Ahmad Rashed AL-DUWAIK; Ayman AL-DUWAIK

Data tat-twelid: 24.9.1962

Nazzjonalità: Ġordanjan

Sess: raġel

Funzjoni: Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Sidar Company, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Anda Turk

Aiman Ahmad Al-Duwaik huwa finanzjatur għall-Ħamas ibbażat fl-Alġerija li jgħin imexxi l-portafoll ta’ investiment barrani tal-organizzazzjoni. B’mod partikolari, huwa l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u azzjonist tal-kumpanija Alġerina Sidar, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Torka Anda Turk, azzjonist tal-kumpanija bbażata s-Sudan Al Rowad Real Estate Development, u membru tal-bord tad-diretturi tal-kumpanija tal-kostruzzjoni Uzmanlar Co. Dawn il-kumpaniji jagħmlu parti min-network ta’ finanzjament internazzjonali tal-Ħamas. Għaldaqstant, Aiman Ahmad Al Duwaik jipparteċipa fil-finanzjament tal-organizzazzjoni.

19.1.2024


ANNESS II

Siti web b’informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

IL-BULGARIJA

https://www.mfa.bg/en/EU-sanctions

IĊ-ĊEKJA

https://fau.gov.cz/en/international-sanctions

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

https://www.bmwi.de/Redaktion/DE/Artikel/Aussenwirtschaft/embargos-aussenwirtschaftsrecht.html

L-ESTONJA

https://vm.ee/sanktsioonid-ekspordi-ja-relvastuskontroll/rahvusvahelised-sanktsioonid

L-IRLANDA

https://www.dfa.ie/our-role-policies/ireland-in-the-eu/eu-restrictive-measures/

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

https://www.exteriores.gob.es/es/PoliticaExterior/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

https://mvep.gov.hr/vanjska-politika/medjunarodne-mjere-ogranicavanja/22955

L-ITALJA

https://www.esteri.it/it/politica-estera-e-cooperazione-allo-sviluppo/politica_europea/misure_deroghe/

ĊIPRU

https://mfa.gov.cy/themes/

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/organisations-economiques-int/mesures-restrictives.html

L-UNGERIJA

https://kormany.hu/kulgazdasagi-es-kulugyminiszterium/ensz-eu-szankcios-tajekoztato

MALTA

https://smb.gov.mt/

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

https://www.bmeia.gv.at/themen/aussenpolitik/europa/eu-sanktionen-nationale-behoerden/

IL-POLONJA

https://www.gov.pl/web/dyplomacja/sankcje-miedzynarodowe

https://www.gov.pl/web/diplomacy/international-sanctions

IL-PORTUGALL

https://portaldiplomatico.mne.gov.pt/politica-externa/medidas-restritivas

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

https://um.fi/pakotteet

L-IŻVEZJA

https://www.regeringen.se/sanktioner

Indirizz għal notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Directorate-General for Financial Stability, Financial Services and Capital Markets Union (DG FISMA)

Rue Joseph II 54

B-1049 Brussels, Belgium

E-mail: relex-sanctions@ec.europa.eu


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/386/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)