|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/385 |
19.1.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/385
tad-19 ta’ Jannar 2024
li tistabbilixxi miżuri restrittivi kontra dawk li jappoġġaw, jiffaċilitaw jew jippermettu azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-21 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill Ewropew iddikjara li t-terroriżmu huwa sfida reali għad-dinja u għall-Ewropa u ddeċieda li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ser tkun objettiv prijoritarju tal-Unjoni. Fid-19 ta’ Ottubru 2001, il-Kunsill Ewropew iddikjara li kien determinat li jiġġieled it-terroriżmu taħt kull forma madwar id-dinja u li kien ser ikompli l-isforzi tiegħu biex isaħħaħ il-koalizzjoni tal-komunità internazzjonali biex it-terroriżmu jiġi miġġieled f’kull għamla u forma. |
|
(2) |
Fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (1), li timplimenta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi strateġiji wesgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK tipprovdi għall-iffriżar tal-fondi u assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra ta’ persuni, gruppi u entitajiet elenkati fl-Anness tagħha, u tipprovdi li l-fondi, l-assi finanzjarji jew ir-riżorsi ekonomiċi jew is-servizzi finanzjarji jew servizzi relatati oħra ma jsirux disponibbli, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet elenkati f’dak l-Anness. |
|
(3) |
Mis-27 ta’ Diċembru 2001, l-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK inkluda lil Hamas-Izz al-Din al-Qassem (fergħa terroristika tal-Ħamas) u lill-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina (“PIJ”) bħala gruppi terroristiċi. Fit-12 ta’ Settembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/651/PESK (2) li aġġornat l-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK u ssostitwiet l-entrata għal Hamas-Izz al-Din al-Qassem (fergħa terroristika tal-Ħamas) b’Ħamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem) (“Ħamas”) fil-lista ta’ gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi. |
|
(4) |
L-elenkar tal-Ħamas u l-PIJ ġie rivedut diversi drabi skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, u l-miżuri restrittivi applikabbli għalihom jibqgħu fis-seħħ. |
|
(5) |
L-Unjoni tipprovdi assistenza finanzjarja għall-iżvilupp, inkluż programmi ta’ appoġġ, għall-popolazzjoni Palestinjana, l-Awtorità Palestinjana u l-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib. Il-Kummissjoni wettqet rieżami tal-assistenza finanzjarja li qed tagħti, liema reviżjoni wriet li l-kontrolli u s-salvagwardji eżistenti tal-Kummissjoni jaħdmu tajjeb u li l-ebda fond tal-Unjoni ma jiffinanzja direttament jew indirettament, xi organizzazzjoni terroristika. |
|
(6) |
Fis-7 ta’ Ottubru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea dwar l-attakki kontra Iżrael, li tikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakki multipli u indiskriminati f’Iżrael mill-Ħamas u tikkundanna bil-qawwa t-telf ta’ ħajjiet. |
|
(7) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 u s-27 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Ewropew tenna l-kundanna tiegħu bl-aktar mod qawwi possibbli tal-Ħamas għall-attakki terroristiċi brutali u indiskriminati tiegħu madwar Iżrael. |
|
(8) |
Il-Ħamas u l-PIJ jikkostitwixxu theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, inkluż billi jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà ta’ Iżrael fi ħdan il-fruntieri tiegħu rikonoxxuti internazzjonalment, kif imsemmi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2012 dwar il-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani. L-atti vjolenti mill-Ħamas u l-PIJ jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem. |
|
(9) |
Fid-dawl tal-gravità tal-attakki reċenti kontra Iżrael u l-ħtieġa li jiġu miġġielda atti vjolenti li jheddu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, huwa xieraq li jiġu stabbiliti miżuri restrittivi kontra dawk li jappoġġaw, jiffaċilitaw jew jippermettu azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas u l-PIJ, f’konformità mal-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Tali miżuri restrittivi jaqgħu taħt l-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21(2), il-punti (b) u (c), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. |
|
(10) |
Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’ persuni fiżiċi li:
|
(a) |
jappoġġaw, materjalment jew finanzjarjament, lill-Ħamas, lill-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina (“PIJ”), lil kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom; |
|
(b) |
jipparteċipaw fil-finanzjament tal-Ħamas, tal-PIJ, ta’ kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom, jew fil-finanzjament ta’ atti jew attivitajiet tagħhom, magħhom, taħt isimhom, f’isimhom jew b’appoġġ għalihom; |
|
(c) |
jipparteċipaw fl-ippjanar, it-tħejjija jew li jiġu permessi azzjonijiet vjolenti minn, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem, jew b’appoġġ għall-Ħamas, il-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom; |
|
(d) |
ifornu, ibigħu jew jittrasferixxu armi u materjal relatat lill-Ħamas, lill-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom; |
|
(e) |
jappoġġaw, materjalment jew finanzjarjament, jew jimplimentaw azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà ta’ Iżrael, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem, jew b’appoġġ għall-Ħamas, il-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom; |
|
(f) |
jkunu involuti jew kompliċi fl-ordni jew fit-twettiq ta’ ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali jew tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem f’isem jew taħt l-isem tal-Ħamas, il-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom; |
|
(g) |
jinċitaw jew jipprovokaw pubblikament atti ta’ vjolenza serja minn, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem, jew b’appoġġ għall-Ħamas, il-PIJ, jew kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom; |
|
(h) |
jagħtu appoġġ lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi involuti f’attivitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (g); |
kif elenkati fl-Anness.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu ta’ ċittadini tiegħu stess.
3. Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b’obbligu taħt id-dritt internazzjonali, jiġifieri:
|
(a) |
bħala pajjiż ospitanti għal organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali; |
|
(b) |
bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt l-awspiċji tagħha; |
|
(c) |
bi ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew |
|
(d) |
skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni (il-Patt Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja. |
4. Il-paragrafu 3 għandu japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).
5. Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 3 jew 4.
6. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta’ attendenza għal laqgħat intergovernattivi jew laqgħat promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta’ politika tal-miżuri restrittivi.
7. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn id-dħul jew it-tranżitu jkun neċessarju għall-fini ta’ proċess ġudizzjarju.
8. Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 jew 7 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm ma joġġezzjonax membru wieħed jew aktar tal-Kunsill bil-miktub fi żmien jumejn ta’ xogħol minn meta tasal in-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Jekk membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.
9. Fejn, skont il-paragrafu 3, 4, 6, 7 jew 8, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, ta’ persuni fiżiċi elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih ingħatat u għall-persuni fiżiċi kkonċernati direttament minnha.
Artikolu 2
1. Il-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi l-oħrajn kollha li huma l-proprjetà ta’ jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet u korpi li:
|
(a) |
jappoġġaw, materjalment jew finanzjarjament, lill-Ħamas, lill-PIJ, lil kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom; |
|
(b) |
jipparteċipaw fil-finanzjament tal-Ħamas, tal-PIJ, ta’ kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom, jew fil-finanzjament ta’ atti jew attivitajiet tagħhom, magħhom, taħt isimhom, f’isimhom jew b’appoġġ għalihom; |
|
(c) |
jipparteċipaw fl-ippjanar, it-tħejjija jew jiġu permessi azzjonijiet vjolenti minn, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem, jew b’appoġġ għall-Ħamas, il-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom; |
|
(d) |
ifornu, ibigħu jew jittrasferixxu armi u materjal relatat lill-Ħamas, lill-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew lil kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom; |
|
(e) |
jappoġġaw, materjalment jew finanzjarjament, jew jimplimentaw azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà ta’ Iżrael, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem, jew b’appoġġ għall-Ħamas, il-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom; |
|
(f) |
jkunu involuti jew kompliċi fl-ordni jew fit-twettiq ta’ ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali jew tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem f’isem jew taħt l-isem tal-Ħamas, il-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom; |
|
(g) |
jinċitaw jew jipprovokaw pubblikament atti ta’ vjolenza serja minn, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem, jew b’appoġġ għall-Ħamas, il-PIJ, kwalunkwe grupp affiljat ieħor jew kwalunkwe ċellola, affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom; |
|
(h) |
jagħtu appoġġ lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi involuti f’attivitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (g); |
kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.
2. L-ebda fond, assi finanzjarju jew riżorsa ekonomika oħra ma għandha tkun disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness.
3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kondizzjonijiet li jqisu bħala xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:
|
(a) |
neċessarji biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness u tal-membri dipendenti tal-familji tagħhom, inkluż ħlasijiet għall-ikel, għall-kera jew għall-ipoteki, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ħlasijiet tas-servizzi pubbliċi; |
|
(b) |
maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali; |
|
(c) |
maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; |
|
(d) |
neċessarji għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li jenħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni speċifika tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew |
|
(e) |
ser jitħallsu f’kont jew minn kont ta’ missjoni diplomatika jew konsulari jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali. |
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn minn tali awtorizzazzjoni.
4. B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-soġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, il-grupp, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness, ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel dik id-data, f’dik id-data jew warajha; |
|
(b) |
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu ssodisfati pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fi ħdan il-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet; |
|
(c) |
id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp elenkati fl-Anness; u |
|
(d) |
ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat. |
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn minn tali awtorizzazzjoni.
5. Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp indikati milli tagħmel pagament dovut taħt kuntratt li daħal fis-seħħ qabel l-elenkar ta’ tali persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp, dment li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li l-pagament ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1.
6. Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:
|
(a) |
imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet, dment li tali imgħax jew dħul ieħor jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1; |
|
(b) |
pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li twettqu qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2, dment li tali pagamenti jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1; jew |
|
(c) |
pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, dment li tali pagamenti jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1. |
7. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment, l-ipproċessar jew il-pagament ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jew għall-forniment ta’ oġġetti u servizzi li huma neċessarji biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem fejn tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:
|
(a) |
in-Nazzjonijiet Uniti, inkluż il-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħhom, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħhom; |
|
(b) |
organizzazzjonijiet internazzjonali; |
|
(c) |
organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji; |
|
(d) |
organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati, appelli oħra tan-Nazzjonijiet Uniti jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji ; |
|
(e) |
organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali; |
|
(f) |
aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri; jew |
|
(g) |
l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji, jew is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) waqt u sal-punt li jkunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet. |
8. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7, u b’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huwa neċessarju biex jiġi żgurat it-twassil fil-ħin ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem.
9. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 8, dik l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu fi żmien erba’ ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.
Artikolu 3
1. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità, fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.
2. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni skont il-paragrafu 1, inkluż id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet, lill-persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp ikkonċernati, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li tipprovdi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp b’opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.
3. Fejn jiġu ppreżentati xi osservazzjonijiet jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni skont il-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp ikkonċernata kif meħtieġ.
Artikolu 4
1. L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-gruppi, tal-entitajiet u tal-korpi msemmija fl-Artikoli 1 u 2.
2. L-Anness għandu jinkludi, fejn tkun disponibbli, l-informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, il-gruppi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet u l-psewdonimi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; il-ġeneru; l-indirizz, jekk ikun magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi, din l-informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet; il-post u d-data tar-reġistrazzjoni; in-numru tar-reġistrazzjoni; u l-post tan-negozju.
Artikolu 5
1. Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari:
|
(a) |
fir-rigward tal-Kunsill, it-tħejjija u l-emendar tal-Anness; |
|
(b) |
fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, it-tħejjija ta’ emendi għall-Anness. |
2. Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, ma’ sentenzi kriminali ta’ tali persuni jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss sa fejn tali pproċessar ikun neċessarju għat-tħejjija tal-Anness.
3. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma maħtura bħala “kontrolluri” skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il punt 8, tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), sabiex jiġi żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dak ir-Regolament.
Artikolu 6
1. L-ebda pretensjoni marbuta ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għall-estensjoni jew għall-pagament ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk dawn issiru minn:
|
(a) |
persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi indikati elenkati fl-Anness; |
|
(b) |
kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, grupp, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (a). |
2. Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-obbligu biex ikun ippruvat li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, il-grupp, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-infurzar ta’ dik il-pretensjoni.
3. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, il-gruppi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità li ma jintlaħqux l-obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 7
Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, bil-ħsieb jew intenzjonata, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.
Artikolu 8
Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f’din id-Deċiżjoni.
Artikolu 9
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-20 ta’ Jannar 2025.
Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li ma jkunux intlaħqu l-objettivi tagħha.
L-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(7), (8) u (9) fir-rigward tal-Artikolu 2(1) u (2) għandhom jiġu riveduti f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar jew, wara bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi, fuq talba urġenti ta’ kwalunkwe Stat Membru, tar-Rappreżentant Għoli, jew tal-Kummissjoni.
Artikolu 10
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
H. LAHBIB
(1) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93).
(2) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/651/PESK tat-12 ta’ Settembru 2003 li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/482/PESK (ĠU L 229, 13.9.2003, p. 42).
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ANNESS
Lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet u korpi imsemmija fl-Artikoli 1 u 2
A. Persuni fiżiċi
|
|
Isem |
Informazzjoni għall-identifikazzjoni |
Dikjarazzjoni tar-raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
1. |
Abdelbasit Elhassan Mohamed Khair HAMZA |
Data tat-twelid: 28.8.1955 Post tat-twelid: Is-Sudan Nazzjonalità: Sudaniża Nru tal-Passaport: 10100159792 (is-Sudan) Sess: raġel |
Abdelbasit Elhassan Mohamed Khair Hamza huwa finanzjatur tal-Ħamas ibbażat is-Sudan li jimmaniġġa kumpaniji fil-portafoll ta’ investiment tal-Ħamas. Abdelbasit Elhassan Mohamed Khair Hamza ffaċilita l-fondi għall-Ħamas permezz ta’ network ta’ kumpaniji, inkluż b’mod partikolari Al Rowad Real Estate Development u Al Zawaya Group for Development and Investment. Għaldaqstant, Abdelbasit Elhassan Mohamed Khair Hamza jipparteċipa fil-finanzjament tal-Ħamas. |
19.1.2024 |
|
2. |
Nabil Khaled Halil CHOUMAN |
Data tat-twelid: 1954 Post tat-twelid: Il-Libanu Nazzjonalità: Libaniż Sess: raġel Funzjoni: Fundatur u azzjonist ta’ Chouman (Shuman) Group / Shuman for Currency Exchange SARL |
Nabil Khaled Halil Chouman huwa s-sid ta’ sid Shuman for Currency Exchange SARL, ibbażata f’Bejrut, il-Libanu, li ntużat għall-ħasil ta’ flus u għat-trasferiment ta’ flus lill-Ħamas, inkluż mill-Iran. L-istima tas-somom ta’ flus trasferiti lill-Ħamas permezz ta’ Shuman for Currency Exchange SARL hija ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ USD. Għaldaqstant, Nabil Khaled Halil Chouman jipparteċipa fil-finanzjament tal-Ħamas. |
19.1.2024 |
|
3. |
Khaled CHOUMAN magħruf ukoll bħala Khaled SHUMAN |
Data tat-twelid: 2.4.1987 Post tat-twelid: Il-Libanu Nazzjonalità: Libaniż Sess: raġel Funzjoni: Isarraf il-Flus (money changer) fil-kumpanija Chouman (Shuman) Group / Shuman for Currency Exchange SARL |
Khaled Chouman jaħdem bħala sarraf għal Shuman for Currency Exchange SARL, kumpanija proprjetà ta’ missieru u bbażata f’Bejrut, il-Libanu. Il-kumpanija ntużat għall-ħasil tal-flus u għat-trasferiment ta’ flus lill-Ħamas, inkluż mill-Iran. L-istima tas-somom ta’ flus trasferiti lill-Ħamas permezz ta’ Shuman for Currency Exchange SARL hija ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ USD. Għaldaqstant, Khaled Chouman jipparteċipa fil-finanzjament tal-Ħamas. |
19.1.2024 |
|
4. |
Rida Ali KHAMIS (رضا علي خميس) magħruf ukoll bħala Reda Ali KHAMIS |
Data tat-twelid: 2.9.1967 Nazzjonalità: Libaniż Numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità: 3194104 (il-Libanu) Sess: raġel Funzjoni: sieħeb fin-negozju tal-Grupp Chouman (Shuman) / Shuman għall-Iskambju tal-Munita SARL |
Rida Ali Khamis huwa involut fl-iskambju ta’ muniti li jippermetti l-ħasil tal-flus u t-trasferiment ta’ flus lill-Ħamas, b’mod partikolari permezz tal-kumpaniji Shuman for Currency Exchange SARL u Al-Wasata SARL. Għaldaqstant, Rida Ali Khamis jipparteċipa fil-finanzjament tal-Ħamas. |
19.1.2024 |
|
5. |
Musa Muhammad Salim DUDIN (موسى دودين; موسى محمد سالم دودين) magħruf ukoll bħala Mousa DOUDIN; Mousa DUDIN; Musa DUDIN; Musa Muhammad Salim DODIN; Musa Muhammad Salim DOUDIN; Mussa DODIN; Mussa DUDIN |
Data tat-twelid: 12.6.1972 Post tat-twelid: Dura, Ħebron Nazzjonalità: Palestinjan Sess: raġel Funzjoni: Membru tal-bureau politiku tal-Ħamas |
Musa Muhammad Salim Dudin huwa operatur anzjan tal-Ħamas u membru tal-bureau politiku tal-Ħamas. F’din il-kapaċità, sikwit għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi f’isem l-organizzazzjoni. Barra minn hekk, bħala membru tal-uffiċċju tal-investiment tal-Ħamas, kien involut f’operazzjonijiet ta’ finanzjament għall-organizzazzjoni. Għaldaqstant, Musa Muhammad Salim Dudin jipparteċipa fil-finanzjament tal-Ħamas. |
19.1.2024 |
|
6. |
Aiman Ahmad AL-DUWAIK magħruf ukoll bħala Aiman Ahmad R AL-DUWAIK; Aiman Ahmad Rashed AL-DUWAIK; Ayman AL-DUWAIK |
Data tat-twelid: 24.9.1962 Nazzjonalità: Ġordanjan Sess: raġel Funzjoni: Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Sidar Company, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Anda Turk |
Aiman Ahmad Al-Duwaik huwa finanzjatur għall-Ħamas ibbażat fl-Alġerija li jgħin imexxi l-portafoll ta’ investiment barrani tal-organizzazzjoni. B’mod partikolari, huwa l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u azzjonist tal-kumpanija Alġerina Sidar, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Torka Anda Turk, azzjonist tal-kumpanija bbażata s-Sudan Al Rowad Real Estate Development, u membru tal-bord tad-diretturi tal-kumpanija tal-kostruzzjoni Uzmanlar Co. Dawn il-kumpaniji jagħmlu parti min-network ta’ finanzjament internazzjonali tal-Ħamas. Għaldaqstant, Aiman Ahmad Al Duwaik jipparteċipa fil-finanzjament tal-organizzazzjoni. |
19.1.2024 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/385/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)