European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/287

15.1.2024

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/287

tat-12 ta’ Jannar 2024

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Gwatemala

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/254 tat-12 ta’ Jannar 2024 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Gwatemala (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Jannar 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/254, li tistabbilixxi qafas għal miżuri restrittivi mmirati fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Gwatemala, li tikkostitwixxi theddida għall-istabbiltà tal-Gwatemala u r-reġjun. Id-Deċiżjoni tipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi u l-projbizzjoni li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għal ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għal azzjonijiet li jimminaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt jew it-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala jew li jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Gwatemala, inkluż permezz ta’ mġiba finanzjarja ħażina serja li tikkonċerna fondi pubbliċi u l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta’ kapital, kif ukoll kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom. Persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/254.

(2)

Dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, notevolment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn ikunu implimentati.

(3)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għad-difiża u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi applikat skont dawk id-drittijiet.

(4)

Jenħtieġ li l-proċedura għall-emendar tal-lista stabbilita fl-Anness I għal dan ir-Regolament tkun tinkludi l-għoti tar-raġunijiet għall-elenkar lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, lill-entitajiet jew lill-korpi indikati, sabiex ikollhom l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet.

(5)

Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u sabiex tiġi ggarantita ċertezza ġuridika massima fl-Unjoni, jenħtieġ li jsiru pubbliċi l-ismijiet u data rilevanti oħra rigward persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom għandhom ikunu ffriżati f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li kwalunkwe ipproċessar ta’ data personali jkun jikkonforma mar-Regolamenti (UE) 2016/679 (2) u (UE) 2018/1725 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri li jieħdu skont dan ir-Regolament u dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’rabta ma’ dan ir-Regolament.

(7)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom, u b’mod partikolari:

(i)

pretensjoni għall-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe obbligu li jirriżulta minn kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom;

(ii)

pretensjoni għall-estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, ta’ garanzija finanzjarja jew ta’ indennizz ta’ kwalunkwe forma;

(iii)

pretensjoni għal kumpens fir-rigward ta’ kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)

kontropretensjoni;

(v)

pretensjoni għar-rikonoxximent jew għall-eżekuzzjoni, inkluż permezz tal-proċedura ta’ exequatur, ta’ sentenza, ta’ deċiżjoni arbitrali jew ta’ deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tkun saret jew ingħatat;

(b)

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni tkun kif tkun il-forma, u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, sew jekk tikkonsisti f’kuntratt wieħed jew aktar jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew differenti; għal dan l-iskop “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennità, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennità finanzjarja, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti kif ukoll jekk le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li taqa’ taħt it-tranżazzjoni jew b’konnessjoni magħha;

(c)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II;

(d)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull tip, kemm jekk tanġibbli kif ukoll jekk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(e)

“iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inkluż il-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom, iżda mhux limitat għalihom;

(f)

“iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess, jew trattar ta’ fondi b’kull mod li jirriżulta f’kull bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew fi bdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż il-ġestjoni ta’ portafolli;

(g)

“fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull tip, inkluż, iżda mhux limitati għal:

(i)

flus, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta’ pagament;

(ii)

depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, djun u obbligi ta’ dejn;

(iii)

titoli u strumenti ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti ta’ derivattivi;

(iv)

imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħrajn;

(vi)

ittri ta’ kreditu, poloz ta’ kargu, poloz ta’ bejgħ;

(vii)

dokumenti li jagħtu prova ta’ xi interess f’fondi jew f’riżorsi finanzjarji;

(h)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-TUE, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I, jew li huma l-proprjetà, jew fil-pussess jew fil-kontroll tagħha għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi:

(a)

li jkunu responsabbli għalazzjonijiet li jimminaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt jew it-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala, ikunu involuti f’dawn l-azzjonijiet, ikunu taw appoġġ li dawn l-azzjonijiet jew ikunu ibbenefikaw minnhom, inkluż:

(i)

il-persekuzzjoni jew intimidazzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi jew istituzzjonijiet pubbliċi involuti jew li jappoġġaw il-proċess elettorali, ta’ awtoritajiet eletti demokratikament jew tal-oppożizzjoni demokratika fil-Gwatemala;

(ii)

ir-ripressjoni, il-persekuzzjoni jew l-intimidazzjoni ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jew tal-media, jew ta’ imħallfin, avukati jew prosekuturi;

(b)

li jimminaw id-demokrazija jew tal-istat tad-dritt fil-Gwatemala permezz ta’ mġiba finanzjarja ħażina serja li tikkonċerna fondi pubbliċi jew l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta’ kapital;

(c)

assoċjati mal-persuni fiżiċi ddeżinjati skont il-punti (a) u (b).

Artikolu 3

1.   B’deroga mill-Artikolu 2(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlasijiet għall-ikel, għall-kera jew għall-ipotekar, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi ġuridiċi;

(c)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li jenħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni speċifika, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

iridu jitħallsu f’kont ta’ missjoni diplomatika jew konsulari, jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, jew jinħarġu minn tali kont, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari, jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’kull awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 4

1.   L-Artikolu 2(1) u (2) ma għandux japplika għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi neċessarji biex jiggarantixxu t-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex isostnu attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem meta tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:

(a)

in-Nazzjonijiet Uniti (NU), inkluż il-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħha;

(b)

organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c)

organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-NU u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji;

(d)

organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-NU, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati tan-NU u appelli oħra tan-NU jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji;

(e)

organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali;

(f)

l-aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri; jew

(g)

l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji, jew is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (f) waqt u sal-punt li jkunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, u b’deroga mill-Artikolu 2(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-provvista ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi tkun meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil fil-ħin ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħrajn li jsostnu l-bżonnijiet bażiċi tal-bniedem.

3.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 2, din l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b’kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 2 u 3 fi żmien 4 ġimgħat minn tali awtorizzazzjoni.

Artikolu 5

1.   B’deroga mill-Artikolu 2(1), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fl-Artikolu 2 ġie elenkat fl-Anness I, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu se jintużaw esklużivament biex jissodisfaw pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx imur kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’kull awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 6

1.   B’deroga mill-Artikolu 2(1) u dment li jkun dovut pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I skont kuntratt jew ftehim li jkun ġie konkluż minn, jew skont obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data ta’ meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness I, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, skont il-kondizzjonijiet li jqisu li jkunu adattati, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(b)

il-pagament ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 2(2).

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’kull awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 7

1.   L-Artikolu 2(2) ma għandux iwaqqaf l-ikkreditar ta’ kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, dment li kwalunkwe żieda f’dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti b’kull tranżazzjoni ta’ dan it-tip, mingħajr dewmien.

2.   L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 2 jkunu ġew inklużi fl-Anness I; jew

(c)

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fi Stat Membru jew eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat,

dment li kwalunkwe imgħax, qligħ u pagament ieħor bħal dan ikun iffriżat skont l-Artikolu 2(1).

Artikolu 8

1.   Persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi għandhom:

(a)

ifornu minnufih kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħal informazzjoni dwar kontijiet u l-ammonti ffriżati f’konformità mal-Artikolu 2(1), lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

2.   L-obbligu fil-paragrafu 1 għandu japplika soġġett għar-regoli nazzjonali jew regoli applikabbli oħra dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet ġudizzjarji, u konsistenti mar-rispett għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għal dan l-għan, tali komunikazzjonijiet jinkludu dawk relatati ma’ parir legali pprovdut minn professjonisti ċċertifikati oħra li huma awtorizzati skont il-liġi nazzjonali biex jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fi proċedimenti ġudizzjarji, sa fejn tali parir legali jingħata b’rabta ma’ proċedimenti ġudizzjarji pendenti jew prospettivi.

3.   Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali riċevuta direttament mill-Kummissjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

4.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar, l-awtoritajiet doganali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-awtoritajiet kompetenti skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (5), id-Direttiva (UE) 2015/849 (6) u d-Direttiva 2014/65/UE (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll l-amministraturi ta’ reġistri uffiċjali fejn huma rreġistrati persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi kif ukoll proprjetà immobbli jew mobbli, għandhom jipproċessaw u jiskambjaw mingħajr dewmien informazzjoni, inkluża data personali u, jekk meħtieġ, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, ma’ awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istat Membru tagħhom, ta’ Stati Membri oħra u l-Kummissjoni, jekk tali pproċessar u skambju jkun meħtieġ biex jitwettqu l-kompiti tal-awtorità tal-ipproċessar jew tal-awtorità riċeventi skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari meta jidentifikaw każijiet ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni, jew tentattivi ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni, tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 9

1.   Il-parteċipazzjoni, konsapevolment u intenzjonalment, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun ipprojbita.

2.   Persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Anness I, għandhom:

(a)

jirrapportaw fi żmien 6 ġimgħat mid-data tal-elenkar fl-Anness I il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru li jappartjenu lilhom, li huma proprjetà tagħhom, miżmuma jew ikkontrollati minnhom, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu dawk il-fondi jew riżorsi ekonomiċi; u

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika ta’ tali informazzjoni.

3.   In-nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 2 għandu jitqies bħala parteċipazzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2.

4.   L-Istat Membru kkonċernt għandu jinforma lill-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn bl-informazzjoni li jkun irċieva skont il-paragrafu 2(a).

5.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.

6.   Kwalunkwe ipproċessar ta’ data personali għandu jitwettaq f’konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u sa fejn ikun neċessarju biss għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

1.   L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu disponibbli, imwettqa bona fide fuq il-bażi li tali azzjoni tkun konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandhom joħolqu ebda tip ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawhom, jew ta’ diretturi jew impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b’riżultat ta’ negliġenza.

2.   L-azzjonijiet ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu ebda tip ta’ responsabbiltà fuqhom jekk ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom ikunu jiksru l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 11

1.   Ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni, li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, partikolarment pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I;

(b)

kwalnkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punt (a), jew f’isimhom.

2.   Fi kwalunkwe proċediment għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, l-oneru tal-prova li l-issodisfar tal-pretensjoni ma jkunx ipprojbit mill-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed jitolbu l-eżekuzzjoni ta’ dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari informazzjoni dwar:

(a)

fondi ffriżati skont l-Artikolu 2 u awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt id-derogi stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b)

il-problemi ta’ ksur u eżekuzzjoni u s-sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni minnufih bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, għandu jemenda l-Anness I kif xieraq.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika deċiżjoni skont il-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’avviż, u b’hekk dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni kkonċernata u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif xieraq.

4.   Il-lista fl-Anness I għandha tiġi rieżaminata f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

5.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu 14

1.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-korpi kkonċernati.

2.   L-Anness I għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet u l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karti tal-identità, il-ġeneru, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 15

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jipprevedu wkoll għal miżuri xierqa ta’ konfiska tar-rikavat minn tali ksur.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dawn ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 16

1.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-‘Rappreżentant Għoli’) jistgħu jipproċessaw id-data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a)

fir-rigward tal-Kunsill, it-tħejjija u li jsiru emendi għall-Anness I;

(b)

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, it-tħejjija ta’ emendi għall-Anness I;

(c)

fir-rigward tal-Kummissjoni:

(i)

iż-żieda tal-kontenut tal-Anness I għal-lista elettronika, konsolidata ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għas-sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u għal-mappa interattiva tas-sanzjonijiet, li t-tnejn li huma jinsabu disponibbli għall-pubbliku;

(ii)

l-iproċessar tal-informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ dan ir-Regolament, bħall-valur tal-fondi ffriżati u l-informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għandhom jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, ma’ sentenzi kriminali ta’ tali persuni jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw persuni biss safejn tali pproċessar huwa neċessaarju għat-tħejjija tal-Anness I.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli huma maħtura bħala “kontrollur” skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt 8, tar-Regolament (UE) 2018/1725 sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dak ir-Regolament.

Artikolu 17

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq is-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti.

3.   Fejn dan ir-Regolament jistipula rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata, jew li b’xi mod ieħor issir komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jridu jintużaw għal tali komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 18

Kwalunkwe informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni jew riċevuta minnha f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tintuża mill-Kummissjoni għall-għanijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta biss.

Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ xi Stat Membru;

(c)

għal kwalunkwe persuna fiżika fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ imwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, fl-Unjoni.

Artikolu 20

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU L, 2024/254, 15.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/254/oj

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(7)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).


ANNESS I

LISTA TA’ PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2

(…)


ANNESS II

SITI WEB B’INFORMAZZJONI DWAR L-AWTORITAJIET KOMPETENTI U L-INDIRIZZ GĦAN-NOTIFIKI LILL-KUMMISSJONI

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

Il-BULGARIJA

https://www.mfa.bg/en/EU-sanctions

IĊ-ĊEKJA

https://fau.gov.cz/en/international-sanctions

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

https://www.bmwi.de/Redaktion/DE/Artikel/Aussenwirtschaft/embargos-aussenwirtschaftsrecht.html

L-ESTONJA

https://vm.ee/sanktsioonid-ekspordi-ja-relvastuskontroll/rahvusvahelised-sanktsioonid

L-IRLANDA

https://www.dfa.ie/our-role-policies/ireland-in-the-eu/eu-restrictive-measures/

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

https://www.exteriores.gob.es/es/PoliticaExterior/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

https://mvep.gov.hr/vanjska-politika/medjunarodne-mjere-ogranicavanja/22955

L-ITALJA

https://www.esteri.it/it/politica-estera-e-cooperazione-allo-sviluppo/politica_europea/misure_deroghe/

ĊIPRU

https://mfa.gov.cy/themes/

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/organisations-economiques-int/mesures-restrictives.html

L-UNGERIJA

https://kormany.hu/kulgazdasagi-es-kulugyminiszterium/ensz-eu-szankcios-tajekoztato

MALTA

https://smb.gov.mt/

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

https://www.bmeia.gv.at/themen/aussenpolitik/europa/eu-sanktionen-nationale-behoerden/

IL-POLONJA

https://www.gov.pl/web/dyplomacja/sankcje-miedzynarodowe

https://www.gov.pl/web/diplomacy/international-sanctions

IL-PORTUGALL

https://portaldiplomatico.mne.gov.pt/politica-externa/medidas-restritivas

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

https://um.fi/pakotteet

L-IŻVEZJA

https://www.regeringen.se/sanktioner

Indirizz għal notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-SwieqKapitali (DĠ FISMA)

Rue Joseph II 54

B-1049 Brussell, il-Belġju

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/287/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)