|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/266 |
19.1.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/266
tas-17 ta’ Jannar 2024
li tinnomina ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-benesseri tal-annimali akkwatiċi f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2024) 209)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 95(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-regoli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra, inkluż għall-għażla u għan-nomina taċ-ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq (il-benesseri) tal-annimali. Iċ-ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-attivitajiet orizzontali li jappoġġaw il-benesseri tal-annimali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tar-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali, kif imsemmija fl-Artikolu 1(2)(f), tar-Regolament (UE) 2017/625. |
|
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/329 (2) ħatar ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-benesseri tal-annimali li, skont il-programm ta’ ħidma tiegħu, jiffoka fuq il-ħnieżer. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1685 (3) ħatar ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-benesseri tal-annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/755 (4) ħatret ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-benesseri tal-annimali għar-ruminanti u għall-ekwini. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 95(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni wettqet proċess ta’ għażla pubblika permezz ta’ sejħa għall-għażla u l-ħatra ta’ ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-benesseri tal-annimali akkwatiċi. L-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet li waslu twettqet skont ir-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet stabbiliti fl-Artikoli 95(3) u 96 tar-Regolament (UE) 2017/625 u skont il-kriterji stabbiliti fis-sejħa ta’ għażla. |
|
(4) |
Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni, il-konsorzju mmexxi mill-Università ta’ Kreta (il-Greċja), u kkostitwit ukoll miċ-Ċentru tal-Bijoloġija tal-Akkademja Ċeka tax-Xjenzi, mill-Istitut tal-Parasitoloġija (ir-Repubblika Ċeka) u mill-Universitat Autònoma de Barcelona (Spanja) (il-“konsorzju”) jenħtieġ li jiġi nnominat bħala ċ-ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-benesseri tal-annimali akkwatiċi. Il-konsorzju se jkun responsabbli għall-kompiti ta’ appoġġ inklużi fil-programm ta’ ħidma annwali jew pluriennali taċ-ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea. Dan il-programm ta’ ħidma għandu jiġi stabbilit f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(5) |
L-Artikolu 95(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625 jirrikjedi li l-ħatra ta’ ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-benesseri tal-annimali tkun limitata fiż-żmien jew riveduta regolarment. Għalhekk, il-ħatra taċ-ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-benesseri tal-annimali akkwatiċi jenħtieġ li tiġi rieżaminata kull 7 snin mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(6) |
Jenħtieġ li ċ-ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea maħtur għall-benesseri tal-annimali akkwatiċi, jingħata żmien biżżejjed biex iħejji l-programm ta’ ħidma tiegħu għall-perjodu baġitarju li jmiss. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Frar 2024, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-konsorzju li ġej b’dan jiġi nnominat bħala ċ-ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-benesseri tal-annimali akkwatiċi responsabbli għall-appoġġ tal-attivitajiet orizzontali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tar-rekwiżiti għall-benesseri tal-annimali akkwatiċi:
|
|
Il-konsorzju mmexxi mill-Università ta’ Kreta (Gallos University Campus, 741 00 Rethymno, IL-GREĊJA) u kkostitwit ukoll miċ-Ċentru tal-Bijoloġija tal-Akkademja Ċeka tax-Xjenzi, mill-Istitut tal-Parasitoloġija (Branišovská 1160/31, 370 05 České Budějovice, IR-REPUBBLIKA ĊEKA) u mill-Universitat Autònoma de Barcelona (Edifici A — Campus UAB, 08193 Bellaterra, Cerdanyola del Vallès, SPANJA). |
2. In-nomina msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi rieżaminata kull 7 snin mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Frar 2024.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2024.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj?locale=mt.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/329 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jaħtar Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali (ĠU L 63, 6.3.2018, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/329/oj?locale=mt).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1685 tal-4 ta’ Ottubru 2019 li jaħtar Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett (ĠU L 258, 9.10.2019, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1685/oj?locale=mt).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/755 tas-6 ta’ Mejju 2021 li taħtar ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali, għar-ruminanti u għall-ekwini f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 163, 10.5.2021, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/755/oj?locale=mt).
(5) Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/690/oj?locale=mt).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/266/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)