European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/263

15.1.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/263

tal-11 ta’ Jannar 2024

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż f’ċerti Stati Membri

(notifikata bid-dokument C(2024) 252)

(It-testi bil-Bulgaru u bil-Grieg biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż huma marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u dan jikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fi ħdan l-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Fil-każ ta’ tifqigħa ta’ dik il-marda fl-annimali kaprini u ovini, hemm riskju serju li tista’ tinfirex fi stabbilimenti oħra li jżommu dawk l-annimali.

(2)

Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (2), il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż huma ddefiniti bħala marda tal-kategorija A. Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (3) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u ddefinit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882. B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta fil-każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, u ċerti miżuri għall-kontroll tal-mard li għandhom jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta għandha tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2725 (4) tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ emerġenza wara tifqigħat ikkonfermati tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fil-Bulgarija u fil-Greċja.

(4)

B’mod aktar partikolari, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725 tipprevedi li ż-żoni ristretti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bulgarija u mill-Greċja, wara li jkollhom tifqigħat tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, għandhom ikunu jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725 tistabbilixxi ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiż-żoni ristretti ulterjuri, flimkien mal-miżuri għall-kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(5)

Fil-Bulgarija ma ġiet irrapportata l-ebda tifqigħa ġdida tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż sa mill-konferma, fis-16 ta’ Settembru 2023, ta’ tifqigħa unika fil-provinċja ta’ Burgas. B’riżultat ta’ dan, iż-żoni ristretti kollha f’dak l-Istat Membru ilhom li tneħħew mit-30 ta’ Novembru 2023.

(6)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725, il-Greċja nnotifikat lill-Kummissjoni b’żewġ tifqigħat addizzjonali tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fi stabbilimenti fejn kienu jinżammu l-annimali ovini, li jinsabu fl-unità reġjonali ta’ Phthiotis, fir-reġjun tal-Greċja Ċentrali. B’riżultat ta’ dan, iż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll iż-żoni elenkati bħala żoni ristretti ulterjuri għall-Greċja, fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725, ġew emendati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2892 (5).

(7)

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2892, il-Greċja nnotifikat lill-Kummissjoni b’żewġ tifqigħat addizzjonali tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fi stabbilimenti fejn kienu jinżammu n-nagħaġ, li jinsabu fl-unità reġjonali ta’ Phthiotis, fir-reġjun tal-Greċja Ċentrali, viċin il-fruntiera li tissepara ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza li diġà huma stabbiliti f’dak ir-reġjun.

(8)

L-awtorità kompetenti tal-Greċja infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fit-territorju tagħha, wara t-tifqigħat reċenti ta’ dik il-marda fl-unità reġjonali ta’ Phthiotis, u ħadet il-miżuri meħtieġa għall-kontroll tal-mard f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(9)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe xkiel bla bżonn fil-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u biex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, b’kollaborazzjoni ma’ dan l-Istat Membru, jiġu identifikati malajr iż-żoni ristretti għall-ġidri tan-nagħaġ u għall-ġidri tal-mogħoż, li jinkludu ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll iż-żoni ristretti ulterjuri fil-Greċja. Barra minn hekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali, jeħtieġ jiġu estiżi d-daqs u/jew it-tul taż-żmien ta’ dawn iż-żoni, inkluż iż-żona ristretta ulterjuri stabbilita qabel fil-gżira ta’ Lesbos.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li ż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri fil-Greċja, fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725, jiġu emendati kemm fl-ispazju kif ukoll fil-ħin, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fir-rigward tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fir-reġjun tal-Greċja Ċentrali.

(11)

Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Unjoni fir-rigward tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż, jenħtieġ li l-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725 jiġi estiż, u jenħtieġ li japplika sat-30 ta’ April 2024. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għad-dati tal-bidu tal-applikazzjoni msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2892.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ April 2024.”;

2.

l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija u lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2725 tad-29 ta’ Novembru 2023 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż f’ċerti Stati Membri u li tħassar id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2067 u (UE) 2023/2470 (ĠU L, 2023/2725, 4.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2725/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2892 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż f’ċerti Stati Membri (ĠU L, 2023/2892, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2892/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2725, il-Parti 2 li tikkonċerna l-Greċja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   IL-GREĊJA

A.   Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħat ikkonfermati

Reġjun u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fil-Greċja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Ir-reġjun tal-Greċja Ċentrali

GR-CAPRIPOX-2023-00002

GR-CAPRIPOX-2023-00003

GR-CAPRIPOX-2023-00004

GR-CAPRIPOX-2023-00005

Żona ta’ protezzjoni:

Those parts of the regional unit of Phthiotis, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 38.632418, Long. 23.182044 (2023/2); Lat. 38.624906, Long. 23.155387 (2023/3); Lat. 38.638698, Long. 23.04974 (2023/4); Lat. 38.635042, Long. 23.035453 (2023/5).

24.1.2024

Żona ta’ sorveljanza:

A surveillance zone that comprises the following areas:

in the regional unit of Phthiotis, the Municipality of Lokroi, the Municipal unit of Agios Konstantinos and the Municipal unit of Elateia;

in the regional unit of Boeotia, the Municipality of Orchomenos and the Municipal unit of Chaeronea.

02.2.2024

Żona ta’ sorveljanza:

Those parts of the regional unit of Phthiotis, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 38.632418, Long. 23.182044 (2023/2); Lat. 38.624906, Long. 23.155387 (2023/3); Lat. 38.638698, Long. 23.04974 (2023/4); Lat. 38.635042, Long. 23.035453 (2023/5).

Minn 25.1.2024 sa 02.2.2024

B.   Żoni ristretti ulterjuri

Reġjun

Żoni stabbiliti bħala żoni ristretti ulterjuri fil-Greċja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Ir-reġjun tal-Eġew tat-Tramuntana

A further restricted zone that comprises the entire territory of the regional unit of Lesvos.

31.3.2024

Ir-reġjun tal-Greċja Ċentrali

A further restricted zone that comprises:

the entire territory of the regional unit of Phthiotis;

the entire territory of the regional unit of Boeotia;

in the regional unit of Euboea, the entire territory of the municipality of Chalcis.

31.3.2024”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/263/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)