European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/256

18.1.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/256

tas-17 ta’ Jannar 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1158 dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjonijiet ta’ ikel u għalf li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-aċċident fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1), il-punt (b)(ii), tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 54(4), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u l-Artikolu 90, l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (c) u (f), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1158 (3) jimponi l-kundizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-ikel u l-għalf li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-aċċident fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl.

(2)

Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1158, in-nota f’qiegħ il-paġna li tiddefinixxi kif għandu jiġi applikat il-livell massimu għall-prodotti kkonċentrati jew imnixxfa, tħalliet barra bi żball u għalhekk jenħtieġ li terġa’ tiddaħħal.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/628 (4) dwar mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali għal ċerti annimali u oġġetti, tħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 (5), u t-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness VI ta’ dak ir-Regolament fiha l-iżbalji rigward ir-referenzi għall-Artikoli korrispondenti taż-żewġ atti. Dawk l-iżbalji ta’ korrelazzjoni huma relatati mal-Artikoli tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/628 imsemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1158, u għalhekk jenħtieġ li r-referenza għall-Artikoli tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/628 tiġi sostitwita bir-referenza l-korretta għall-Artikoli tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235.

(4)

L-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1158 jitlob li kull kunsinna tal-prodotti elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, bir-referenza għall-kodiċi NM rilevanti min-Nomenklatura Magħquda, tkun akkumpanjata biċ-ċertifikat uffiċjali rilevanti u identifikata permezz ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni li jrid jiġi indikat fiċ-ċertifikat uffiċjali u fid-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul.

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1832 (6), li ilu applikabbli minn Jannar 2022, introduċa kodiċijiet NM ġodda għall-faqqiegħ tal-ġeneru Cantharellus (NM 0709 53), tal-ġeneru Boletus (NM 0709 52), ix-Shiitake (NM 0709 54, NM 0712 34), il-Matsutake (NM 0709 55) u t-tartuf (NM 0709 56, NM 0710 80 95, NM 2001 90 97). Dak il-faqqiegħ kien jaqa’ taħt il-kodiċi NM 0709 59 qabel dik il-bidla fin-Nomenklatura Tariffarja. Għal raġunijiet ta’ ċertezza u ċarezza legali, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1158 jenħtieġ li jiġi aġġornat sabiex jirrifletti dawn il-bidliet fil-kodiċijiet NM.

(6)

Biex tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata fl-Unjoni kollha tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjonijiet tal-ikel u l-għalf li joriġinaw minn pajjiżi terzi, u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-bniedem, huwa importanti li tiġi ċċarata u evitata kwalunkwe inċertezza legali li l-kundizzjonijiet għad-dħul fl-Unjoni huma applikabbli għall-prodotti kollha li fihom il-faqqiegħ selvaġġ u l-frott selvaġġ tal-ġeneru Vaccinium jew li huma derivati minnhom. Għalhekk, jenħtieġ li jiżdiedu entrati ġodda.

(7)

Jenħtieġ li ċerti prodotti jiżdiedu mal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1158, li għalihom qabel ma kinux japplikaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjonijiet tal-ikel u tal-għalf li joriġinaw minn pajjiżi terzi. Dan jikkonċerna b’mod partikolari t-taħlitiet ta’ ġewż u frott imnixxef, il-ġammijiet, il-jelly tal-frott, il-marmellati, il-purée tal-frott jew tal-ġewż kif ukoll il-pastes tal-frott jew tal-ġewż, it-taħlitiet tal-meraq, l-ilmijiet imħawrin u ċerti prodotti tal-ikel li jikkonsistu minn diversi ingredjenti li fihom il-faqqiegħ u l-frott elenkati. L-inklużjoni ta’ dawk il-prodotti tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-bniedem u tevita kwalunkwe dubju li l-kundizzjonijiet għad-dħul fl-Unjoni huma applikabbli għall-prodotti kollha li fihom il-faqqiegħ selvaġġ jew il-frott selvaġġ elenkati jew li huma derivati minnhom.

(8)

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1158, il-kontrolli fiżiċi fuq il-prodotti elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, soġġetti għall-verifiki fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, jenħtieġ li jitwettqu fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew f’punt ta’ kontroll deżinjat.

(9)

Minħabba li ċertu ikel li fih il-faqqiegħ selvaġġ jew il-frott artab selvaġġ jista’ jkun fih ukoll ingredjenti ta’ oriġini mill-annimali, il-kontrolli fiżiċi fuq dak l-ikel jenħtieġ li jitwettqu biss fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

(10)

Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-kampjunar, tal-analiżi u taċ-ċertifikazzjoni għall-prodotti kkonċernati minn din il-miżura, u biex tkun tista’ ssir tranżizzjoni bla xkiel għar-regoli l-ġodda, jixraq li jiġi previst perjodu tranżizzjonali li matulu l-kunsinni li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 0813 50, ex 2007, ex 2008 97, ex 2009 90, ex 2202 10, ex 2202 99, ex 1704 90, ex 1806 u ex 1905, ma jkollhomx għalfejn ikunu akkumpanjati b’ċertifikat uffiċjali kif meħtieġ mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1158.

(11)

Għal ċertu faqqiegħ selvaġġ li qabel kien jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 0709 59, ġew stabbiliti kodiċijiet NM ġodda mill-2020, jiġifieri ex 0709 52 00, ex 0709 53 00, ex 0709 54 00, ex 0709 55 00, ex 0709 56 00 u ex 0712 34 00. Barra minn hekk, it-tartuf selvaġġ ipproċessat li qabel kien kopert bil-kodiċijiet ex 0710 80 69 u ex 2001 90 50, huwa kkummerċjalizzat taħt il-kodiċijiet ex 7108095 u ex 2001 90 97. Għalhekk, ma hemmx bżonn li jiġu previsti miżuri tranżizzjonali għal dawk il-prodotti peress li diġà japplika għalihom l-Artikolu 3(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1158.

(12)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1158 jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1158

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1158 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-prodotti għandhom jikkonformaw mal-livelli massimi permessi akkumulati ta’ kontaminazzjoni radjuattiva fit-termini taċ-ċesju-137 (*1), li ġejjin:

(a)

370 Bq/kg għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib u għall-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar kif definit fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 609/2013;

(b)

600 Bq/kg għall-prodotti l-oħrajn kollha ikkonċernati.

(*1)  Il-livell li japplika għall-prodotti kkonċentrati jew imnixxfa għandu jiġi kalkolat abbażi tal-prodott rikostitwit bħala lest għall-konsum.” "

(2)

fl-Artikolu 4, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“3.   Iċ-ċertifikat uffiċjali li ma jiġix sottomess fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC) mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li joħroġu, għandu jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti għall-mudelli ta’ ċertifikati uffiċjali mhux sottomessi fl-IMSOC stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235.

4.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu biss joħorġu ċertifikat uffiċjali ta’ sostituzzjoni f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235.”

(3)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-kunsinni tal-prodotti ta’ oriġini mhux mill-annimali, imsemmija fl-Artikolu 3(3), għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali mad-dħul tagħhom fl-Unjoni fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera u/jew f’punt ta’ kontroll deżinjat.

Il-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(3) li fihom ingredjent jew ingredjenti ta’ oriġini mill-annimali, għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali mad-dħul tagħhom fl-Unjoni f’post ta’ kontroll fuq il-fruntiera.”

(4)

L-Anness II huwa sostitwit bl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Miżura tranżizzjonali

Il-kunsinni tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 0813 50, ex 2007, ex 2008 97, ex 2009 90, ex 2202 10, ex 2202 99, ex 1704 90, ex 1806 u ex 1905, li ntbagħtu lejn l-Unjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, minn pajjiż terz elenkat fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1158, jistgħu jidħlu fl-Unjoni sas-7 ta’ Marzu 2024 mingħajr ma jkunu akkumpanjati b’ċertifikat uffiċjali kif meħtieġ mill-Artikolu 3(3) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, bil-kundizzjoni li jikkonformaw mar-rekwiżiti l-oħrajn kollha tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għalihom.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1158 tal-5 ta’ Awwissu 2020 dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjonijiet ta’ ikel u għalf li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-aċċident fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Chernobyl (ĠU L 257, 6.8.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/628 tat-8 ta’ April 2019 dwar mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali għal ċerti annimali u oġġetti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/759 fir-rigward ta’ dawn il-mudelli taċ-ċertifikati (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 101).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali u mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali, għad-dħul fl-Unjoni u l-movimenti fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti, ċertifikazzjoni uffiċjali dwar dawn iċ-ċertifikati u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 599/2004, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 636/2014 u (UE) 2019/628, id-Direttiva 98/68/KE u d-Deċiżjonijiet 2000/572/KE, 2003/779/KE u 2007/240/KE (ĠU L 442, 30.12.2020, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1832 tat-12 ta’ Ottubru 2021 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 385, 29.10.2021, p. 1).


ANNESS

“ANNESS II

Lista ta’ prodotti li għalihom japplikaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(3)

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

 

Ikel elenkat bħala taħlitiet minn hawn ’il quddiem huwa relatat ma’ taħlitiet li fihom il-faqqiegħ selvaġġ u/jew il-frott selvaġġ tal-ġeneru Vaccinium fi kwantità ta’ aktar minn 20 % ta’ prodott wieħed jew bħala s-somma tal-faqqiegħ selvaġġ u tal-frott selvaġġ tal-ġeneru Vaccinium.

ex 0709 51 00

faqqiegħ tal-ġeneru Agaricus, frisk jew imkessaħ, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ ikkultivat u selvaġġ tal-ġeneru Agaricus, frisk jew imkessaħ

ex 0709 52 00

faqqiegħ tal-ġeneru Boletus, frisk jew imkessaħ, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ ikkultivat u selvaġġ tal-ġeneru Boletus, frisk jew imkessaħ

ex 0709 53 00

faqqiegħ tal-ġeneru Cantharellus, frisk jew imkessaħ, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ ikkultivat u selvaġġ tal-ġeneru Cantharellus, frisk jew imkessaħ

ex 0709 54 00

shiitake (Lentinus edodes), frisk jew imkessaħ, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ shiitake (Lentinus edodes) ikkultivat u selvaġġ, frisk jew imkessaħ

ex 0709 55 00

matsutake (Tricholoma matsutake, Tricholoma magnivelare, Tricholoma anatolicum, Tricholoma dulciolens, Tricholoma caligatum), frisk jew imkessaħ, għajr ikkultivat;

taħlitiet ta’ matsutake (Tricholoma matsutake, Tricholoma magnivelare, Tricholoma anatolicum, Tricholoma dulciolens, Tricholoma caligatum) ikkultivat u selvaġġ, frisk jew imkessaħ

ex 0709 56 00

tartuf (Tuber spp.), frisk jew imkessaħ, għajr ikkultivat;

taħlitiet ta’ tartuf (Tuber spp.) ikkultivat u selvaġġ, frisk jew imkessaħ

ex 0709 59 00

faqqiegħ ieħor, frisk jew imkessaħ, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ ieħor ikkultivat u selvaġġ, frisk jew imkessaħ

ex 0710 80 61

faqqiegħ tal-ġeneru Agaricus (mhux imsajjar jew imsajjar bl-istim jew bit-togħlija fl-ilma), iffriżat, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ ikkultivat u selvaġġ tal-ġeneru Agaricus (mhux imsajjar jew imsajjar bl-istim jew bit-togħlija fl-ilma), iffriżat

ex 0710 80 69

faqqiegħ ieħor (mhux imsajjar jew imsajjar bl-istim jew bit-togħlija fl-ilma), iffriżat, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ ieħor ikkultivat u selvaġġ (mhux imsajjar jew imsajjar bl-istim jew bit-togħlija fl-ilma), iffriżat

ex 0710 80 95

tartuf (Tuber spp.) (mhux imsajjar jew imsajjar bl-istim jew bit-togħlija fl-ilma), iffriżat, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ tartuf ikkultivat u selvaġġ (mhux imsajjar jew imsajjar bl-istim jew bit-togħlija fl-ilma), iffriżat

ex 0711 51 00

faqqiegħ tal-ġeneru Agaricus ippreservat b’mod provviżorju, iżda li ma jkunx tajjeb għall-konsum immedjat f’dak l-istat, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ ikkultivat u selvaġġ tal-ġeneru Agaricus ippreservat b’mod provviżorju, iżda li ma jkunx tajjeb għall-konsum immedjat f’dak l-istat

ex 0711 59 00

faqqiegħ u tartuf ieħor ippreservat b’mod provviżorju, iżda li ma jkunx tajjeb għall-konsum immedjat f’dak l-istat, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ u tartuf ieħor ikkultivat u selvaġġ ippreservat b’mod provviżorju, iżda li ma jkunx tajjeb għall-konsum immedjat f’dak l-istat

ex 0712 31 00

faqqiegħ tal-ġeneru Agaricus, imnixxef, sħiħ, imqatta’, flieli, biċċiet jew trab, iżda mhux ippreparat mod ieħor, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ ikkultivat u selvaġġ tal-ġeneru Agaricus, imnixxef, sħiħ, imqatta’, flieli, biċċiet jew trab, iżda mhux ippreparat mod ieħor

ex 0712 32 00

faqqiegħ wood ears (Auricularia spp.) imnixxef, sħiħ, imqatta’, flieli, biċċiet jew trab, iżda mhux ippreparat mod ieħor, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ wood ears (Auricularia spp.) imnixxef, sħiħ, imqatta’, flieli, biċċiet jew trab, iżda mhux ippreparat mod ieħor

ex 0712 33 00

jelly fungi (Tremella spp.) imnixxef, sħiħ, imqatta’, flieli, biċċiet jew trab, iżda mhux ippreparat mod ieħor, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ jelly fungi (Tremella spp.) ikkultivat u selvaġġ, imnixxef, sħiħ, imqatta’, flieli, biċċiet jew trab, iżda mhux ippreparat mod ieħor

ex 0712 34 00

shiitake (Lentinus edodes) imnixxef, sħiħ, imqatta’, flieli, biċċiet jew trab, iżda mhux ippreparat mod ieħor, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ shiitake (Lentinus edodes) ikkultivat u selvaġġ, imnixxef, sħiħ, imqatta’, flieli, biċċiet jew trab, iżda mhux ippreparat mod ieħor

ex 0712 39 00

faqqiegħ u tartuf ieħor, imnixxef, sħiħ, imqatta’, flieli, biċċiet jew trab, iżda mhux ippreparat mod ieħor, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ u tartuf ieħor ikkultivat u selvaġġ, imnixxef, sħiħ, imqatta’, flieli, biċċiet jew trab, iżda mhux ippreparat mod ieħor

ex 2001 90 50

faqqiegħ ippreparat jew ippreservat bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ ippreparat jew ippreservat bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku

ex 2001 90 97

tartuf (Tuber spp.) ippreparat jew ippreservat bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku, għajr faqqiegħ ikkultivat

taħlitiet ta’ tartuf (Tuber spp) ikkultivat u selvaġġ, ippreparat jew ippreservat bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku

ex 2003

faqqiegħ u tartuf, ippreparati jew ippreservati mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku, għajr faqqiegħ ikkultivat;

taħlitiet ta’ faqqiegħ u tartuf ikkultivat u selvaġġ, ippreparati jew ippreservati mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku

ex 0810 40

cranberries selvaġġi, mirtill selvaġġ u frott ieħor salvaġġ tal-ġeneru Vaccinium, friski;

taħlitiet ta’ cranberries selvaġġi, mirtill selvaġġ u frott ieħor salvaġġ tal-ġeneru Vaccinium, friski

ex 0811 90 50

frott selvaġġ tal-ispeċi Vaccinium myrtillus, nej jew imsajjar bl-istim jew mgħolli fl-ilma, iffriżat, kemm jekk ikun fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u kemm jekk le;

taħlitiet ta’ frott selvaġġ u kkultivat tal-ispeċi Vaccinium myrtillus, nej jew imsajjar bl-istim jew mgħolli fl-ilma, iffriżat, kemm jekk ikun fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u kemm jekk le

ex 0811 90 70

frott selvaġġ tal-ispeċijiet Vaccinium myrtilloides u Vaccinium angustifolium, nej jew imsajjar bl-istim jew mgħolli fl-ilma, iffriżat, kemm jekk ikun fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u kemm jekk le;

taħlitiet ta’ frott selvaġġ u kkultivat tal-ispeċijiet Vaccinium myrtilloides u Vaccinium angustifolium, nej jew imsajjar bl-istim jew mgħolli fl-ilma, iffriżat, kemm jekk ikun fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u kemm jekk le

ex 0811 90 95

frott selvaġġ ta’ speċijiet oħra tal-ġeneru Vaccinium, nej jew imsajjar bl-istim jew mgħolli fl-ilma, iffriżat, kemm jekk ikun fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u kemm jekk le;

taħlitiet ta’ frott selvaġġ u kkultivat ta’ speċijiet oħra tal-ġeneru Vaccinium, nej jew imsajjar bl-istim jew mgħolli fl-ilma, iffriżat, kemm jekk ikun fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u kemm jekk le

ex 0812 90 40

frott selvaġġ tal-ispeċi Vaccinium myrtillus, ippreservat b’mod provviżorju, iżda li ma jkunx tajjeb għall-konsum immedjat f’dak l-istat;

taħlitiet ta’ frott selvaġġ u kkultivat tal-ispeċi Vaccinium myrtillus, ippreservat b’mod provviżorju, iżda li ma jkunx tajjeb għall-konsum immedjat f’dak l-istat;

ex 0813 40 95

frott selvaġġ, imnixxef, tal-ġeneru Vaccinium

ex 0813 50 15

ex 0813 50 19

ex 0813 50 91

ex 0813 50 99

taħlitiet ta’ frott imnixxef jew ta’ ġewż u frott imnixxef li fih il-frott selvaġġ tal-ġeneru Vaccinium

ex 2007

ġammijiet, jellies tal-frott, marmellati, purée tal-frott jew tal-ġewż u pastes tal-frott jew tal-ġewż, miksubin bit-tisjir, kemm jekk fihom iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u kemm jekk le, magħmulin minn u/jew fihom frott selvaġġ tal-ġeneru Vaccinium jew prodotti pproċessati tagħhom

ex 2008 93

cranberries selvaġġi (Vaccinium macrocarpon, Vaccinium oxycoccos) u ligonberries (Vaccinium vitis-idaea), ippreparati jew ippreservati mod ieħor, kemm jekk fihom iz-zokkor jew dolċifikant ieħor jew spirtu miżjud u kemm jekk le, li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra;

taħlitiet ta’ cranberries selvaġġi u kkultivati (Vaccinium macrocarpon, Vaccinium oxycoccos) u ligonberries (Vaccinium vitis-idaea), ippreparati jew ippreservati mod ieħor, kemm jekk fihom iz-zokkor jew dolċifikant ieħor jew spirtu miżjud u kemm jekk le, li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra

ex 2008 97

Taħlitiet ta’ frott, ġewż u partijiet oħra tal-pjanti, tajbin għall-ikel, ippreparati jew ippreservati mod ieħor, kemm jekk fihom iz-zokkor jew dolċifikant ieħor jew spirtu miżjud u kemm jekk le, li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra, li fihom il-frott selvaġġ tal-ġeneru Vaccinium

ex 2008 99 28

ex 2008 99 34

ex 2008 99 37

ex 2008 99 40

ex 2008 99 49

ex 2008 99 67

ex 2008 99 99

frott selvaġġ ieħor tal-ġeneru Vaccinium, ippreparat jew ippreservat mod ieħor, kemm jekk fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor jew spirtu miżjud u kemm jekk le, li mhux speċifikat jew inkluż banda oħra;

taħlitiet ta’ frott ieħor selvaġġ u kkultivat tal-ġeneru Vaccinium, ippreparati jew ippreservati mod ieħor, kemm jekk fihom iz-zokkor jew dolċifikant ieħor jew spirtu miżjud u kemm jekk le, li mhumiex speċifikati jew inklużi banda oħra

ex 2009 81

meraq tal-cranberries (Vaccinium macrocarpon, Vaccinium oxycoccos) u meraq tal-lingonberries (Vaccinium vitis-idaea) minn frott selvaġġ, mhux iffermentat u li ma fihx spirtu miżjud, kemm jekk fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor u kemm jekk le;

meraq tal-cranberries (Vaccinium macrocarpon, Vaccinium oxycoccos) u meraq tal-lingonberries (Vaccinium vitis-idaea) minn taħlita ta’ frott selvaġġ u kkultivat, mhux iffermentat u li ma fihx spirtu miżjud, kemm jekk fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor u kemm jekk le

ex 2009 89 35

ex 2009 89 38

ex 2009 89 79

ex 2009 89 86

ex 2009 89 89

ex 2009 89 99

meraq ieħor ta’ frott selvaġġ tal-ġeneru Vaccinium, mhux iffermentat u li ma fihx spirtu miżjud, kemm jekk fih iz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u kemm jekk le

ex 2009 90 21

ex 2009 90 29

ex 2009 90 51

ex 2009 90 59

ex 2009 90 94

ex 2009 90 96

ex 2009 90 98

taħlita ta’ meraq magħmul minn u/jew li fih frott selvaġġ tal-ġeneru Vaccinium jew prodotti pproċessati tiegħu

ex 2202 10

Ilmijiet, inkluż ilmijiet minerali u ilmijiet aerati, biz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud jew imħawrin li fihom meraq jew prodotti proċessati oħra minn frott selvaġġ tal-ġeneru Vaccinium

ex 2202 99

Ilmijiet, inkluż ilmijiet minerali u ilmijiet aerati, biz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud jew imħawrin u xarbiet oħrajn mhux alkoħoliċi, li fihom meraq jew prodotti proċessati oħra minn frott selvaġġ tal-ġeneru Vaccinium

 

Minħabba r-riskju ta’ kontaminazzjoni bir-radjuattività, l-ikel elenkat minn issa ’l quddiem huwa relatat mal-ikel magħmul minn żewġ ingredjenti jew aktar, li fih xi wieħed mill-prodotti individwali elenkati hawn fuq fi kwantità ta’ aktar minn 20 % ta’ prodott wieħed jew bħala s-somma tal-prodotti elenkati

ex 1704 90

Ħlewwiet taz-zokkor (inkluż iċ-ċikkulata bajda), li ma fihomx kawkaw, minbarra ċ-chewing gum, kemm miksi biz-zokkor u kemm jekk le

ex 1806

Ċikkulata u preparati oħrajn tal-ikel li fihom il-kawkaw

ex 1905

Ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnara, kemm jekk ikun fihom il-kawkaw u kemm jekk le; ostji tat-tqarbin, cachets vojta li huma adatti għall-użu farmaċewtiku, wafers tas-siġill, karta tar-ross u prodotti simili


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/256/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)