European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/254

15.1.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/254

tat-12 ta’ Jannar 2024

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Gwatemala

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Awwissu 2023, it-Tribunal Elettorali Suprem tal-Gwatemala (it-“TSE”) iddikjara r-riżultati uffiċjali tat-tieni ċiklu tal-elezzjonijiet presidenzjali li saru fil-pajjiż fl-20 ta’ Awwissu 2023.

(2)

Fil-5 ta’ Ottubru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni dwar l-iżviluppi wara l-elezzjonijiet presidenzjali. Esprima tħassib serju dwar tentattivi persistenti biex jiġu mminati r-riżultati tal-elezzjoni permezz ta’ azzjonijiet legali u proċedurali selettivi u arbitrarji li la huma konformi mal-kostituzzjoni tal-Gwatemala u lanqas mal-istandards internazzjonali u reġjonali li l-Gwatemala qablet magħhom, u appella lill-istituzzjonijiet u lill-uffiċjali kollha tal-Gwatemala biex jirrispettaw bis-sħiħ l-integrità tar-riżultati tal-elezzjoni li t-TSE ċċertifika u biex iwaqqfu kwalunkwe azzjoni li tista’ tipperikola proċess ta’ tranżizzjoni paċifika. Enfasizza li azzjonijiet ulterjuri biex ireġġgħu lura l-eżitu tal-elezzjonijiet u strumentalizzazzjoni kontinwa tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni biex jimminaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt ikollhom impatt fuq ir-relazzjonijiet tal-Gwatemala mal-Unjoni.

(3)

Fit-13 ta’ Novembru 2023, il-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE fil-Gwatemala 2023 (MOE tal-UE) ippubblikat ir-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar l-elezzjonijiet ġenerali tal-2023 fil-Gwatemala. Ir-rapport jissottolinja r-riżultati ċari tal-elezzjonijiet kif iċċertifikati mit-TSE fit-28 ta’ Awwissu 2023, ir-reżiljenza u l-impenn notevoli miċ-ċittadini tal-Gwatemala biex jiddefendu d-demokrazija, kif ukoll sens ta’ kriżi demokratika profonda wara tentattivi mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u membri oħra tal-ġudikatura tal-pajjiż biex jannullaw l-għażla tal-votanti u l-implimentazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni. Fl-analiżi tal-kuntest tal-elezzjonijiet, il-MOE tal-UE enfasizzat għadd ta’ tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward ta’ restrizzjonijiet severi fuq il-libertajiet tal-espressjoni u tal-istampa.

(4)

Fit-8 ta’ Diċembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni dwar l-aħħar żviluppi fil-Gwatemala fejn ikkundanna t-tentattivi li jitħassru r-riżultati tal-elezzjonijiet ġenerali u presidenzjali fil-pajjiż, filwaqt li appella lill-awtoritajiet tal-Gwatemala biex jiddefendu l-proċess elettorali u l-ordni kostituzzjonali tal-pajjiż, u fejn enfasizza li l-aħħar azzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Gwatemala jikkostitwixxu ksur tal-kostituzzjoni tal-Gwatemala, l-istat tad-dritt, il-proċess elettorali u l-aktar prinċipji bażiċi ta’ demokrazija. Id-dikjarazzjoni enfasizzat li l-Unjoni kienet qablet fil-prinċipju dwar, u kienet lesta li tadotta, qafas li jippermetti miżuri restrittivi mmirati kontra dawk responsabbli għal tali azzjonijiet.

(5)

F’allinjament sħiħ mal-pożizzjoni konsistenti tal-Unjoni dwar l-elezzjonijiet ġenerali fil-Gwatemala, il-komunità internazzjonali, inkluż l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, fir-reżoluzzjoni tagħha adottata fil-15 ta’ Novembru 2023, u l-uffiċju tal-Kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, f’dikjarazzjoni tat-2 ta’ Ottubru 2023, ripetutament esprimiet tħassib serju dwar tentattivi biex jiġu annullati r-riżultati elettorali u appellat għal tranżizzjoni paċifika u ordnata tal-poter fil-Gwatemala.

(6)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, li tikkostitwixxi theddida għall-istabbiltà tal-Gwatemala u r-reġjun, huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas dedikat ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għal azzjonijiet li jimminaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt jew it-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala jew li jimminaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Gwatemala inkluż permezz ta’ mġiba finanzjarja ħażina serja li tikkonċerna fondi pubbliċi u l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta’ kapital, kif ukoll kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

(7)

Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, tal-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness.

2.   L-Anness għandu jinkludi persuni fiżiċi:

(a)

li jkunu responsabbli għal ‘azzjonijiet li jimminaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt jew it-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala, ikunu involuti f’dawn l-azzjonijiet, ikunu taw appoġġ lil dawn l-azzjonijiet jew ikunu ibbenefikaw minnhom, inkluż:

(i)

il-persekuzzjoni jew intimidazzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi jew istituzzjonijiet pubbliċi involuti fi jew li jagħtu appoġġ lill-proċess elettorali, ta’ awtoritajiet eletti demokratikament jew tal-oppożizzjoni demokratika fil-Gwatemala;

(ii)

ir-ripressjoni, il-persekuzzjoni jew l-intimidazzjoni ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jew tal-media, jew ta’ imħallfin, avukati jew prosekuturi;

(b)

li jimminaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Gwatemala permezz ta’ mġiba finanzjarja ħażina serja li tikkonċerna fondi pubbliċi jew l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta’ kapital;

(c)

assoċjati mal-persuni fiżiċi ddeżinjati skont il-punti (a) u (b) hawn fuq.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu ta’ ċittadini tiegħu stess.

4.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu tad-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż ospitanti ta’ organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż ospitanti ta’ konferenza internazzjonali mlaqqa’ min-Nazzjonijiet Uniti (NU) jew taħt il-patroċinju tagħhom;

(c)

skont ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew

(d)

skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (Stat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

5.   Il-paragrafu 4 għandu japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

6.   Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafi 4 jew 5.

7.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat minħabba ħtieġa umanitarja urġenti jew minħabba attendenza f’laqgħat intergovernattivi jew laqgħat promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi politiċi tal-miżuri restrittivi, inkluż appoġġ għall-istabbiltà u r-restawr tal-ordni kostituzzjonali fil-Gwatemala.

8.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu wkoll eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn id-dħul jew it-tranżitu jkun meħtieġ biex isir proċess ġudizzjarju.

9.   Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 jew 8 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies bħala mogħtija dment li wieħed jew aktar mill-Istati Membri ma joġġezzjonawx bil-miktub fi żmien jumejn minn meta jirċievu n-notifika tal-eżenzjoni proposta. F’każ li wieħed jew aktar mill-Istati Membri joġġezzjonaw, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

10.   Fejn, skont il-paragrafi 4, 5, 7, 8 u 9, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, ta’ persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih jingħata lill-persuna kkonċernata.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kif elenkat fl-Anness għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness, jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   L-Anness għandu jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi:

(a)

li jkunu responsabbli għal ‘azzjonijiet li jimminaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt jew it-trasferiment paċifika tal-poter fil-Gwatemala, ikunu involuti f’dawn l-azzjonijiet, ikunu taw appoġġ lil dawn l-azzjonijiet jew ikunu ibbenefikaw minnhom, inkluż:

(i)

il-persekuzzjoni jew intimidazzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi jew istituzzjonijiet pubbliċi involuti jew li jagħtu appoġġ lill-proċess elettorali, ta’ awtoritajiet eletti demokratikament jew tal-oppożizzjoni demokratika fil-Gwatemala;

(ii)

ir-ripressjoni, il-persekuzzjoni jew l-intimidazzjoni ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jew tal-media, jew ta’ imħallfin, avukati jew prosekuturi;

(b)

li jimminaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Gwatemala permezz ta’ mġiba finanzjarja ħażina serja li tikkonċerna fondi pubbliċi jew l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta’ kapital;

(c)

assoċjati mal-persuni fiżiċi ddeżinjati skont il-punti (a) u (b) hawn fuq.

4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati:

(a)

huma meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness u tal-membri tal-familja dipendenti tagħhom, inkluż pagamenti għal ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

huma maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi ġuridiċi;

(c)

huma maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

huma meħtieġa għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li jenħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

iridu jitħallsu f’kont ta’ missjoni diplomatika jew uffiċċju konsolari jew organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, jew jinħarġu minn tali kont, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsolari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

5.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1 ġew elenkati fl-Anness, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament biex jissodisfaw pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx imur kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

6.   Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness milli jagħmlu ħlas dovut skont kuntratt jew ftehim konkluż, jew obbligu li jkun irriżulta, qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-pagament ma ġiex riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1.

7.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data meta dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

(c)

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, dment li kwalunkwe mgħax, dħul ieħor u pagament bħal dan jibqa’ soġġett għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

8.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment, l-ipproċessar jew il-pagament ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jew għall-forniment ta’ oġġetti u servizzi, li huma neċessarji biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem fejn tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:

(a)

in-NU, inkluż il-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħha;

(b)

organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c)

organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji;

(d)

organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-NU, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati tan-NU u appelli oħra tan-NU jew raggruppamenti umanitarji kkoordinati mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji;

(e)

organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali;

(f)

l-aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri; jew

(g)

l-impjegati, il-benefiċjarji, is-sussidjarji, jew is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (f) waqt, u sal-punt, li jkunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.

9.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8, u b’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-provvista ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi tkun meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil fil-ħin ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħrajn li jsostnu l-bżonnijiet bażiċi tal-bniedem.

10.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għal awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 9, din l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

11.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b’kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 9 u 10 fi żmien 4 ġimgħat minn tali awtorizzazzjoni.

Artikolu 3

1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati, kemm direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew inkella permezz tal-pubblikazzjoni ta’ notifika, li tipprovdi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b’opportunità li jippreżentaw xi osservazzjonijiet.

3.   Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati skont il-każ.

Artikolu 4

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 1 u 2.

2.   L-Anness għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet u l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karti tal-identità, il-ġeneru, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni, u l-post tan-negozju.

Artikolu 5

1.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari:

(a)

fir-rigward tal-Kunsill, il-preparazzjoni u l-emendar tal-Anness;

(b)

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, il-preparazzjoni ta’ emendi għall-Anness.

2.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti b’rabta ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, u ma’ kundanni penali jew miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss sa fejn tali proċessar ikun meħtieġ għall-preparazzjoni tal-Anness.

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma maħtura bħala “kontrollur” skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), sabiex jiġi żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dak ir-Regolament.

Artikolu 6

Ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni, li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, partikolarment pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati elenkati fl-Anness;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (a) jew f’isimhom.

Artikolu 7

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, bil-ħsieb jew intenzjonata, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-13 ta’ Jannar 2025.

Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li ma jkunux intlaħqu l-objettivi tagħha.

Fir-reviżjoni tal-miżuri restrittivi meħuda skont l-Artikolu 1(2)(b) u l-Artikolu 2(3)(b), il-Kunsill għandu jqis kif inhu xieraq jekk il-persuni inkwistjoni humiex soġġetti għal proċeduri ġudizzjarji jew le fir-rigward tal-imġieba li għaliha kienu elenkati.

L-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(8), (9) u (10) fir-rigward tal-Artikolu 2(1) u (2) għandhom jiġu riveduti f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar jew, wara bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi, fuq talba urġenti ta’ kwalunkwe Stat Membru, tar-Rappreżentant Għoli, jew tal-Kummissjoni.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

LISTA TA’ PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 1 U 2

[…]


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/254/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)