European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/212

5.1.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/212

tal-4 ta’ Jannar 2024

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1770 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1770 tat-28 ta’ Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2374(2017), li stabbiliet qafas għall-impożizzjoni ta’ projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra individwi u entitajiet responsabbli għat-theddid għall-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Mali jew kienu kompliċi fih jew involuti fih direttament jew indirettament.

(2)

Fit-28 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1770 biex jagħti effett lid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775, li tikkonċerna miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (2).

(3)

Fil-31 ta’ Awwissu 2023, ir-reġim ta’ sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti skada, meta l-Kunsill tas-Sigurtà naqas milli jaqbel dwar l-estensjoni tiegħu.

(4)

Fid-dawl tat-tmiem tar-reġim ta’ sanzjonijiet tan-NU fuq il-Mali, jenħtieġ li l-entrati kollha fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/1770 jitħassru.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li ir-Regolament (UE) 2017/1770 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/1770 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU L 251, 29.9.2017, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 tat-28 ta’ Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (ĠU L 251, 29.9.2017, p. 23).


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/1770, fil-“Lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2a”, jitħassru l-entrati li jikkonċernaw il-persuni li ġejjin:

1.

AHMED AG ALBACHAR;

2.

HOUKA HOUKA AG ALHOUSSEINI;

3.

MAHRI SIDI AMAR BEN DAHA;

4.

MOHAMED BEN AHMED MAHRI;

5.

MOHAMED OULD MATALY.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/212/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)