European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/206

29.2.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/206

tat-18 ta’ Diċembru 2023

li jistabbilixxi l-frekwenza u l-format tar-rapportar ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, skont ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1975

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Istati Membri huma meħtieġa li jirrapportaw l-irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali skont l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116, u f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/205 (2).

(2)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu protetti bl-istess mod irrispettivament mill-fondi użati biex jintlaħqu l-objettivi li għalihom ikunu ġew stabbiliti l-fondi. Għal dak l-għan, l-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-proċeduri relatati mal-obbligi ta’ kooperazzjoni li għandhom jinġabru mal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-Istati Membri li jirrappurtaw irregolaritajiet relatati mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni. Jenħtieġ li tali regoli jkunu ekwivalenti għar-regoli dettaljati dwar ir-rapportar ta’ irregolaritajiet stabbiliti fl-Anness XII tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/203 (4).

(3)

Sabiex tiġu żgurata analiżi effiċjenti u ġestjoni ġenerali tal-każijiet ta’ irregolaritajiet skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (5) u każijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri fil-pjanijiet strateġiċi tal-politika agrikola komuni f’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-irregolaritajiet li jridu jiġu rrapportati skont l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116 u f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/205, fuq bażi regolari u fil-ħin. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għas-sottomissjoni ta’ dik l-informazzjoni, b’mod partikolari dwar il-frekwenza u l-għamla tagħha.

(4)

Sabiex jinkisbu l-benefiċċji massimi mill-użu ta’ mezzi elettroniċi għall-iskambju ta’ informazzjoni filwaqt li tiġi ppreservata s-sigurtà tal-iskambji, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet Irregularity Management System (IMS) dedikata għan-notifika tal-irregolaritajiet.

(5)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jiżguraw li t-trasferiment ta’ data permezz tal-IMS jitwettaq b’mod sigur li jippermetti d-disponibbiltà, l-integrità, l-awtentiċità, u l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni.

(6)

Sabiex tgħin biex jiġi evitat li irregolarità jkollha riperkussjonijiet barra t-territorju tal-Istat Membru relatur, l-Istati Membri kkonċernati jenħtieġ li jirrapportaw lill-Kummissjoni kwalunkwe irregolarità ta’ dak it-tip mingħajr dewmien.

(7)

L-użu tal-euro bħala l-unika munita għall-irrapportar ta’ irregolaritajiet huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-informazzjoni rrappurtata. Fir-rigward tal-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita tagħhom, huwa meħtieġ li tiġi ddeterminata r-rata tal-kambju li għandha tintuża biex l-ammonti kkonċernati jiġu kkonvertiti f’euro u r-rata tal-kambju għall-konverżjoni tan-nefqa li ma tkunx ġiet irreġistrata fil-kontijiet tal-aġenzija tal-pagamenti.

(8)

Jenħtieġ li jitħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1975 (6), li stabbilixxa l-frekwenza u l-format tar-rapportar tal-irregolaritajiet fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020. Madanakollu, jenħtieġ li jkompli japplika għar-rapportar ta’ irregolaritajiet fir-rigward tal-assistenza mogħtija skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(9)

Peress li diġà saru l-pagamenti għall-fondi kkonċernati u jistgħu jseħħu l-irregolaritajiet, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika immedjatament. Għalhekk jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat dwar dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-frekwenza u l-għamla tar-rapportar ta’ irregolaritajiet mill-Istati Membri skont l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

Artikolu 2

Il-frekwenza tarrapportar ta’ irregolaritajiet

1.   Fi żmien xahrejn wara t-tmiem ta’ kull perjodu ta’ tliet xhur, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport inizjali dwar l-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/205.

Madankollu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta kwalunkwe irregolarità bħal din lill-Kummissjoni mingħajr dewmien fejn tali irregolarità x’aktarx li jkollha riperkussjonijiet ulterjuri barra t-territorju tal-Istat Membru relatur.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni r-rapport ta’ segwitu skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/205 mingħajr dewmien wara li jkunu kisbu l-informazzjoni rilevanti.

Artikolu 3

Format tar-rappurtar

L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2024/205 għandu jintbagħat b’mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS) dedikata.

Artikolu 4

L-użu tal-euro

1.   L-ammonti rrapportati mill-Istati Membri għandu jiġu indikati f’euro.

2.   L-Istati Membri li ma jkunux adottaw l-euro bħala l-munita tagħhom sad-data meta r-rapport skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2024/205 jiġi sottomess għandu jikkonverti l-ammonti fil-munita nazzjonali għall-euro skont l-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) 2021/2116. Fejn in-nefqa ma tkunx ġiet irreġistrata fil-kontijiet tal-aġenzija tal-pagamenti, għandha tintuża l-aktar rata ta’ skambju riċenti tal-kontabbiltà ta’ kull xahar ippubblikata elettronikament mill-Kummissjoni fil-mument tar-rapportar inizjali.

Artikolu 5

Tħassir u dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Jitħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1975.

Madankollu, għandu jibqa’ japplika fir-rigward tar-rapportar ta’ irregolaritajiet li jirrigwardaw l-assistenza mogħtija għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/205 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rapportar ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1971 (ĠU L, 2024/205, dd.mm.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/205/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(4)  Ir- Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/203 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi l-format li għandu jintuża għar-rapportar ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) skont ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/203, dd.mm.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/203/oj).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(6)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1975 tat-8 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi l-frekwenza u l-għamla tal-irrappurtar ta’ irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 293, 10.11.2015, p. 23).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/206/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)