European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/204

29.2.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/204

tat-18 ta’ Diċembru 2023

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rapportar ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jissupplimenta d-dispożizzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu, il-punt (e) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2021/691 dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jirrapportaw irregolaritajiet lill-Kummissjoni li jikkonċernaw il-FEG. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha rigward il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari biex twettaq analiżi tar-riskju, tiżviluppa sistemi għal identifikazzjoni tar-riskju aktar effettiva u tipproduċi rapporti għall-finijiet ta’ tali kompiti, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kriterji biex jiġu determinati l-każijiet ta’ irregolaritajiet li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni u li tiġi speċifikata liema data għandha tiġi pprovduta.

(2)

Jenħtieġ li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bl-istess mod irrispettivament mill-fondi kkonċernati u l-objettivi li għalihom tali fondi jkunu ġew stabbiliti. Għal dak l-għan, l-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) 2021/691 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta regoli li jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jirrapportaw irregolaritajiet relatati mal-finanzjament tal-FEG. Jenħtieġ li tali regoli jkunu ekwivalenti għar-regoli dettaljati dwar ir-rapportar ta’ irregolaritajiet stabbiliti fl-Anness XII, Taqsima 1, tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/205 (3).

(3)

Sabiex tkun tista’ ssir applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti ta’ rapportar fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ li jiġi definit it-terminu “suspett ta’ frodi”, filwaqt li titqies id-definizzjoni ta’ frodi u reati kriminali oħra fl-Artikolu 3(2), il-punti (a) u (b), u l-Artikolu 4(1), (2) u (3), tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u, għall-Istati Membri li mhux marbuta b’dik id-Direttiva, fl-Artikolu 1(1), il-punt (a), tal-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (5).

(4)

Bl-istess mod, it-terminu “sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja” jenħtieġ li jiġi definit biex jiġu żgurati l-effettività u l-konsistenza fl-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-espressjoni “operatur ekonomiku” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “irregolarità” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) 2021/691, jenħtieġ li tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità oħra li tieħu sehem fl-implimentazzjoni tal-assistenza mill-Fond, bl-eċċezzjoni ta’ Stat Membru li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (30), tar-Regolament (UE) 2021/1060.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 jispeċifika l-limitu ta’ rapportar li irregolaritajiet li jaqgħu taħt dak il-limitu ma jkunux jeħtieġu li jiġu rrapportati lill-Kummissjoni, u każijiet li għalihom ma hemmx bżonn isir rapportar. Jinstab bilanċ bejn il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-interess komuni fil-forniment ta’ data preċiża għall-analiżi fil-ġlieda tal-Unjoni kontra l-frodi, huwa xieraq li jiġu allinjati l-limiti ta’ rapportar u d-derogi għar-rapportar ta’ irregolaritajiet skont dan ir-Regolament Delegat ma’ dawk skont ir-Regolament (UE) 2021/1060.

(7)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tar-rapportar huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kriterji biex jiġi determinat meta każijiet ta’ irregolarità għandhom jiġu inizjalment irrapportati u d-data li għandha tiġi pprovduta f’dan ir-rapport inizjali.

(8)

Sabiex id-data pprovduta lill-Kummissjoni tkun preċiża, huwa meħtieġ rapportar ta’ segwitu. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni aġġornata dwar kull progress sinifikanti fil-proċeduri, jew il-proċedimenti, amministrattivi u ġuridiċi relatati ma’ kull rapport inizjali.

(9)

Fejn għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huwa meħtieġ li tiġi pproċessata data personali, dan jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Fid-dawl tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mal-informazzjoni pprovduta skont dan ir-Regolament, jipprevjenu kwalunkwe żvelar mhux awtorizzat ta’ datapersonali, jew aċċess mhux awtorizzat għaliha. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jispeċifika għal liema skopijiet il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jipproċessaw dik id-data. Kwalunkwe użu ulterjuri tiegħu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2016/679.

(10)

Jenħtieġ li l-obbligi tal-Istati Membri li jirrapportaw l-irregolaritajiet lill-Kummissjoni permezz tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS) skont ir-Regolament (UE) 2021/691, jiġu applikati mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (9).

(11)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat dwar dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(12)

Peress li setgħu diġà seħħew irregolaritajiet rapportabbli u huwa fl-interess tal-Unjoni li tindirizza tali irregolaritajiet, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika malajr kemm jista’ jkun. Għalhekk, jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni tal-każijiet ta’ irregolarità li għandhom jiġu rrapportati mill-Istati Membri u d-data li għandha tiġi pprovduta f’dak il-kuntest.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/691. Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“suspett ta’ frodi” tfisser irregolarità li tagħti lok għall-bidu ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji fil-livell nazzjonali sabiex tiġi stabbilita l-preżenza ta’ mġiba intenzjonata, b’mod partikolari frodi jew reati kriminali oħra, kif imsemmija, rispettivament, fl-Artikolu 3(2), il-punti (a) u (b), u l-Artikolu 4(1), (2) u (3), tad-Direttiva (UE) 2017/1371 u, għall-Istati Membri mhux marbuta b’dik id-Direttiva, l-Artikolu 1(1), il-punt (a), tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej;

(b)

“riżultanza amministrattiva jew ġudizzjarja primarja” tfisser l-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti, jew amministrattiva jew ġudizzjarja, li fuq il-bażi ta’ fatti speċifiċi tkun ikkonkludiet li jista’ jkun li tkun twettqet irregolarità, irrispettivament mill-possibilità li din il-konklużjoni sussegwentement jista’ jkollha tiġi riveduta jew irtirata minħabba żviluppi matul il-proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju.

Artikolu 3

Rapportar

1.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni irregolaritajiet li kienu s-suġġett ta’ riżultanza amministrattiva jew ġudizzjarja primarja.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri ma għandhomx jirrapportaw lill-Kummissjoni:

(a)

irregolaritajiet li jinvolvu kontribuzzjoni totali mill-Fond ta’ inqas minn EUR 10 000; din id-deroga ma għandiex tapplika għal irregolaritajiet li huma interkonnessi u li jinvolvu kontribuzzjoni totali mill-Fond ta’ aktar minn EUR 10 000, anke meta l-ebda irregolarità individwali ma teċċedi dak il-limitu massimu waħedha;

(b)

każijiet fejn l-irregolarità tikkonsisti biss min-nuqqas li tiġi eżegwita, kompletament jew parzjalment, miżura appoġġata mill-FEG minħabba l-falliment mhux frodulenti tal-operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-FEG;

(c)

il-każijiet li b’mod volontarju jinġiebu għall-attenzjoni tal-awtorità ta’ ġestjoni jew minn awtorità kompetenti oħra involuta fl-implimentazzjoni tal-FEG b’mod volontarju u qabel identifikazzjoni minn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet, kemm qabel kif ukoll wara l-pagament tal-kontribuzzjoni pubblika;

(d)

każijiet li jinstabu u jiġu kkoreġuti mill-awtorità ta’ ġestjoni jew awtorità kompetenti oħra, qabel l-inklużjoni fid-dikjarazzjoni tan-nefqa sottomessa mar-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja lill-Kummissjoni.

Id-derogi fil-punti (c) u (d) tas-subparagrafu preċedenti ma għandhomx japplikaw għall-każijiet ta’ irregolarità kif imsemmija fl-Artikolu 2, il-punt (a).

3.   Fir-rapport inizjali dwar l-irregolaritajiet, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identifikaturi tal-każ tal-FEG (numru tal-kodiċi komuni ta’ identifikazzjoni (CCI) u t-titolu tal-każ), il-miżura u l-operazzjoni kkonċernata;

(b)

l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti, jew tat-tnejn li huma, jew ta’ kull entità oħra li kellha rwol fit-twettiq tal-irregolarità, minbarra fejn din l-informazzjoni ma tkunx relevanti għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, minħabba n-natura tal-irregolarità kkonċernata;

(c)

in-numru ta’ Identità nazzjonali tal-persuni kkonċernati;

(d)

in-numru tal-VAT tal-persuni kkonċernati;

(e)

ir-reġjun jew iż-żona fejn seħħet l-operazzjoni, identifikat bl-użu ta’ informazzjoni xierqa, bħalma hu l-livell NUTS (klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-Istatistika);

(f)

id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet, fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, li nkisru;

(g)

id-data u s-sors tal-ewwel informazzjoni li wasslet biex jiġi suspettat li twettqet irregolarità;

(h)

il-prattiki (modi operandi) użati biex titwettaq l-irregolarità;

(i)

fejn xieraq, jekk il-prattika twassalx għal suspett ta’ frodi;

(j)

il-mod li bih ġiet skoperta l-irregolarità;

(k)

in-numru tal-każ tal-OLAF (Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi), fejn applikabbli;

(l)

Fejn xieraq, l-Istati Membri involuti,

(m)

il-perjodu li matulu, jew id-data ta’ meta twettqet l-irregolarità;

(n)

id-data li fiha ġiet stabbilita s-sejba primarja amministrattiva jew ġudizzjarja dwar l-irregolarità;

(o)

l-ammont totali tan-nefqa, espress f’termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u l-kofinanzjament nazzjonali, inkluż kontribuzzjonijiet privati, jekk ikun hemm;

(p)

l-ammont affettwat mill-irregolarità espress f’termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u tal-kontribuzzjoni nazzjonali, inkluż kontribuzzjonijiet privati, jekk ikun hemm;

(q)

f’każijiet ta’ suspett ta’ frodi, u fejn ma jkun sar l-ebda ħlas tal-kontribuzzjoni pubblika lill-operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-FEG, l-ammont li jkun tħallas indebitament kieku l-irregolarità ma ġietx identifikata, espress f’termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u tal-kofinanzjament nazzjonali, inklużi l-kontribuzzjonijiet privati, jekk ikun hemm;

(r)

in-natura tan-nefqa irregolari.

4.   Jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprevdu l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet, ir-rapportar tal-informazzjoni għandu jkun soġġett għall-awtorizzazzjoni tat-tribunal, tal-qorti jew ta’ korp ieħor kompetenti f’konformità mar-regoli nazzjonali.

5.   Fejn parti mill-informazzjoni li tissemma fil-paragrafu 3, b’mod partikolari l-informazzjoni li tikkonċerna l-prattiki użati biex titwettaq l-irregolarità u l-mod li bih tkun ġiet skoperta, ma tkunx disponibbli jew jeħtieġ li tiġi rettifikata jew ikkomplementata, l-Istati Membru għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni nieqsa jew korretta fir-rapporti ta’ segwitu tal-irregolaritajiet.

6.   L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-bidu, il-konklużjoni jew l-abbandun ta’ kwalunkwe proċedura jew proċediment għall-impożizzjoni ta’ miżuri amministrattivi, pieni amministrattivi jew sanzjonijiet kriminali fir-rigward tal-irregolaritajiet irrapportati, kif ukoll l-eżitu ta’ dawk il-proċeduri jew il-proċedimenti. Fir-rigward tal-irregolaritajiet li għalihom ikunu ġew imposti penali, l-Istati Membri għandhom jindikaw ukoll dan li ġej:

(a)

jekk il-penali humiex ta’ natura amministrattiva jew kriminali u d-dettalji tal-penali;

(b)

jekk il-penali jirriżultawx minn ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali;

(c)

jekk ġiex stabbilit li kien hemm frodi.

7.   Fuq talba bil-miktub tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni fir-rigward ta’ irregolarità speċifika jew grupp ta’ irregolaritajiet.

Artikolu 4

Użu u pproċessar ta’ informazzjoni rrapportata

1.   Il-Kummissjoni tista’ tuża kull informazzjoni ta’ natura ġenerali jew operattiva pprovduta mill-Istati Membri f’konformità ma’ dan ir-Regolament biex tagħmel analiżi tar-riskju, bl-appoġġ tat-teknoloġija informatika, u tista’, fuq il-bażi tal-informazzjoni miksuba, tipproduċi rapporti u tiżviluppa sistemi li jservu biex jidentifikaw ir-riskji b’mod iktar effettiv.

2.   L-informazzjoni mogħtija skont dan ir-Regolament għandha tiġi koperta mis-segretezza professjonali u tkun protetta bl-istess mod bħalma tkun protetta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li pprovdiha u mid-dispożizzjonijiet relevanti għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jiżguraw li l-informazzjoni tibqa’ kunfidenzjali.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 b’mod partikolari, ma għandhiex tintbagħat lill-persuni ħlief dawk fl-Istati Membri jew fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-uffiċċji u l-korpi tal-Unjoni li d-dmirijiet tagħhom jeħtieġu li jkollhom aċċess għaliha, sakemm l-Istat Membru li jkun qed jipprovdiha ma jkunx ta l-kunsens speċifiku tiegħu.

4.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tintuża għall-ebda skop ieħor għajr il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni sakemm l-Istat Membru li jkun qed jipprovdiha ma jkunx ta l-kunsens speċifiku tiegħu.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/205 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rapportar ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1971 (ĠU L, 2024/205, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/205/oj).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(5)   ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ datapersonali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”), (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/204/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)