European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/196

3.1.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/196

tal-21 ta’ Diċembru 2023

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 u s-27 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Ewropew tenna l-kundanna qawwija tiegħu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan- Nazzjonijiet Uniti, u afferma mill-ġdid l-appoġġ sod tal-Unjoni għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha u għad-dritt inerenti tagħha li tiddefendi ruħha kontra l-aggressjoni Russa. Il-Kunsill Ewropew iddikjara wkoll li l-kapaċità tar-Russja li twettaq il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha trid tkompli tiddgħajjef, inkluż billi jissaħħu aktar is-sanzjonijiet.

(3)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, huwa xieraq li jiġu adottati aktar miżuri restrittivi.

(4)

B’mod partikolari, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li persuna waħda u entità waħda responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna jiżdiedu mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.


ANNESS

Il-persuna u l-entità li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

Persuna

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1646.

Pavel Alekseevich MARINYCHEV

(Павел Алексеевич МАРИНЫЧЕВ)

Funzjoni: Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Alrosa

Data tat-twelid: 25.10.1978

Post tat-twelid: Yakutsk, USSR (now Russian Federation)

Nazzjonalità: Russa

Numru ta’ identifikazzjoni tat-Taxxa: 143515801397

Entità assoċjata: PJSC Alrosa

Sess: raġel

Pavel Marinychev huwa l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Alrosa, kumpanija tal-istat li topera fir-Russja, li hija speċjalizzata fl-esplorazzjoni, fl-estrazzjoni, fil-manifattura u fil-bejgħ tad-djamanti. Alrosa hija l-akbar kumpanija tal-estrazzjoni tad-djamanti fid-dinja. L-industrija tad-djamanti hija strateġikament importanti għall-ekonomija tal-Federazzjoni Russa, peress li hija l-akbar esportazzjoni mhux tal-enerġija tal-pajjiż. Alrosa tirrappreżenta aktar minn 90 % tal-produzzjoni Russa kollha tad-djamanti. Bħala l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Alrosa, Pavel Marinychev huwa negozjant involut f’settur ekonomiku li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Fir-rwol tiegħu, qed jappoġġa finanzjarjament lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Huwa assoċjat ma’ Alrosa.

3.1.2024”;

Entità

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“337

PJSC Alrosa

(АЛРОСА)

Indirizzi: Mirny office: 678174, ul. Lenina, 6, Mirny, Republic of Sakha (Yakutia), Russian Federation

Moscow office: 24, Ozerkovskaya nab. 115184, Moscow, Russian Federation

Tip ta’ entità: Kumpanija b’Ishma Konġunti Pubbliċi

Alrosa hija kumpanija tal-istat li topera fir-Russja, li hija speċjalizzata fl-esplorazzjoni, fl-estrazzjoni, fil-manifattura u fil-bejgħ tad-djamanti. Alrosa hija l-akbar kumpanija tal-estrazzjoni tad-djamanti fid-dinja. L-industrija tad-djamanti hija strateġikament importanti għall-ekonomija tal-Federazzjoni Russa, peress li hija l-akbar esportazzjoni mhux tal-enerġija tal-pajjiż. Alrosa tirrappreżenta aktar minn 90 % tal-produzzjoni Russa kollha tad-djamanti. Alrosa għandha wkoll sħubija fit-tul mal-Forzi Armati Russi, peress li sponsorjat sottomarin tal-Flotta Russa mill-1997. Għalhekk, Alrosa hija involuta f’settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Alrosa qed tappoġġa wkoll finanzjament lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

3.1.2024”.

 

 

Post tar-reġistrazzjoni: Russian Federation

Data tar-reġistrazzjoni: 17.7.2002

OGRN: 1021400967092

NIT: 1433000147

Post prinċipali tan-negozju: Russian Federation

Persuni assoċjati: Pavel Alekseevich Marinychev (Uffiċjal Kap Eżekuttiv)

 

 


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/196/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)