European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/190

5.1.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/190 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-15 ta’ Diċembru 2023

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/948 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (BĊE/2016/16) (BĊE/2023/38)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-9 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2022/1613 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/29) (1), li emendat id-Deċiżjoni (UE) 2016/948 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/16) (2). Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1613 (BĊE/2022/29) ipprevediet l-inkorporazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fl-allokazzjoni tal-parametru referenzjarju għal xiri ta’ bonds korporattivi taħt il-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP) u l-programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza f’każ ta’ pandemija (PEPP), b’mod partikolari sabiex tiġi ġestita l-iskopertura tal-Eurosistema għal riskji finanzjarji relatati mal-klima, skont metodoloġija approvata mill-Kunsill Governattiv.

(2)

Skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1613 (BĊE/2022/29), il-kunsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima ġew inkorporati permezz ta’ “xaqlib” tal-parametru referenzjarju lejn emittenti bi prestazzjoni klimatika aħjar, jiġifieri s-sehem tal-assi fuq il-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema maħruġa minn kumpaniji bi prestazzjoni klimatika aħjar żdied meta mqabbel ma’ dak ta’ kumpaniji bi prestazzjoni klimatika aktar fqira. Kif innotat fil-premessa 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1613 (BĊE/2022/29), il-prestazzjoni klimatika tal-emittenti jenħtieġ li titkejjel b’referenza għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom, il-livell ta’ ambizzjoni tal-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-karbonju u d-divulgazzjonijiet tagħhom relatati mal-klima.

(3)

Fid-19 ta’ Settembru 2022, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ippubblika fuq is-sit web tiegħu aktar dettalji dwar l-inkorporazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima fix-xiri ta’ bonds korporattivi, li spjegaw l-elementi ewlenin tal-mod li bih il-prestazzjoni klimatika tal-emittenti tiġi vvalutata, inkluża l-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-punteġġi tal-prestazzjoni klimatika tal-emittenti.

(4)

Fit-23 ta’ Marzu 2023, il-BĊE ppubblika rapport intitolat “Divulgazzjonijiet finanzjarji relatati mal-klima tal-holdings tas-settur korporattiv tal-Eurosistema għall-finijiet tal-politika monetarja” (3). Minbarra li jiddeskrivi l-progress tal-Eurosistema fil-ġestjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji finanzjarji assoċjati mat-tibdil fil-klima, ir-rapport ipprovda aktar dettalji dwar il-metodoloġija tal-punteġġ klimatiku u l-approċċ ta’ xaqlib applikati wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni (UE) 2022/1613 (BĊE/2022/29).

(5)

Fil-5 ta’ Ottubru 2023, wara l-ewwel rieżami regolari tal-metodoloġija tal-punteġġ klimatiku, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-informazzjoni pubblika eżistenti dwar il-metodoloġija tal-punteġġ klimatiku jenħtieġ li tiġi stabbilita b’mod konsolidat u ppubblikata bħala parti mid-Deċiżjoni (UE) 2016/948 (BĊE/2016/16). Dan l-eżerċizzju jitwettaq bil-ħsieb li jittejbu ċ-ċertezza legali, iċ-ċarezza u t-trasparenza fir-rigward tal-metodoloġija tal-punteġġ klimatiku u l-approċċ ta’ inklinazzjoni.

(6)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2016/948 (BĊE/2016/16) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2016/948 (BĊE/2016/16) hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 4a huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4a

Inkorporazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fl-allokazzjoni tal-parametru referenzjarju

1.   L-allokazzjoni tal-parametru referenzjarju msemmija fl-Artikolu 4(3) għandha tinkorpora kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima, b’mod partikolari sabiex tiġi ġestita l-iskopertura tal-Eurosistema għal riskji finanzjarji relatati mal-klima, skont il-metodoloġija approvata mill-Kunsill Governattiv, inklużi l-elementi tagħha stabbiliti fl-Anness.

2.   Il-Kunsill Governattiv jista’, meta jqis li jkun meħtieġ li jagħmel dan, jirrevedi l-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 1, b’mod partikolari sabiex iqis ir-riskji finanzjarji relatati mal-klima u l-avvanz fil-kapaċitajiet tal-valutazzjoni tar-riskju.”;

2.

It-test stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni jiżdied bħala Anness.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-15 ta’ Diċembru 2023.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1613 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/948 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti (BĊE/2016/16) (BĊE/2022/29) (ĠU L 241, 19.9.2022, p. 13).

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2016/948 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-1 ta’ Ġunju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (BĊE/2016/16) (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 28).

(3)  Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.


ANNESS

L-Anness li ġej huwa miżjud mad-Deċiżjoni (UE) 2016/948 (BĊE/2016/16):

“ANNESS

METODOLOĠIJA TA’ PUNTEĠĠ KLIMATIKU U APPROĊĊ TA’ XAQLIB

1.   METODOLOĠIJA TA’ PUNTEĠĠ KLIMATIKU

Għal kull emittent, jiġi kkomputat punteġġ biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni klimatika tiegħu (il-“punteġġ klimatiku”) abbażi ta’ tliet metriċi: il-metrika tad-divulgazzjoni, il-metrika li tħares lura u l-metrika li tħares ’il quddiem, f’konformità ma’ formula ddeterminata mill-Kunsill Governattiv. Il-punteġġ klimatiku jvarja minn minimu ta’ żero għal massimu ta’ ħamsa u jiffoka fuq ir-riskji finanzjarji relatati mal-klima stmati abbażi ta’ (a) il-kwalità tad-divulgazzjonijiet tal-emittent, (b) l-intensitajiet (1) tal-emissjonijiet reċenti tal-emittenti u (c) il-miri tal-emittent relatati mal-klima. Aktar ma jkun għoli l-punteġġ, aktar tkun tajba l-prestazzjoni klimatika vvalutata.

1.1.   Il-metrika tad-divulgazzjoni

Il-metrika tad-divulgazzjoni tivvaluta l-kwalità tad-divulgazzjonijiet mill-emittenti fir-rigward tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-kamp ta’ applikazzjoni 1 u tal-kamp ta’ applikazzjoni 2 tagħhom kif imsemmi fil-Protokoll dwar il-Gassijiet Serra (2), skont formula ddeterminata mill-Kunsill Governattiv. Il-metrika tad-divulgazzjoni tippremja lill-emittenti b’divulgazzjonijiet ta’ kwalità għolja. L-emittenti jirċievu punteġġ aħjar taħt din il-metrika meta d-divulgazzjonijiet tagħhom ikunu ġew soġġetti għal verifika minn parti terza. L-emittenti jirċievu l-ifqar punteġġ jekk ma jkollhom l-ebda data dwar l-emissjonijiet awtorapportata.

1.2.   Il-metrika li tħares lura

Il-metrika li tħares lura tivvaluta l-livell tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-passat tal-emittenti kemm f’termini tal-livell ta’ intensità tal-emissjonijiet kif ukoll tar-rata ta’ dekarbonizzazzjoni. Din il-metrika tqis l-intensitajiet tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-kamp ta’ applikazzjoni 1 u tal-kamp ta’ applikazzjoni 2 tal-emittenti u l-medji tas-setturi tal-intensitajiet tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-kamp ta’ applikazzjoni 3. Dan jikkombina l-aħjar klassi ma’ approċċ tal-aħjar fl-univers, f’konformità ma’ metodoloġija ddeterminata mill-Kunsill Governattiv. L-approċċ tal-aħjar klassi jqabbel il-kumpaniji mal-pari tagħhom f’setturi speċifiċi tal-industrija. L-aħjar approċċ univers iqabbel il-kumpaniji fl-univers korporattiv kollu kemm fir-rigward tal-intensitajiet tal-emissjonijiet fil-punt fiż-żmien tagħhom, kif ukoll fir-rigward tar-rata ta’ dekarbonizzazzjoni.

1.3.   Il-metrika li tħares ’il quddiem

Il-metrika li tħares ’il quddiem tivvaluta l-evoluzzjoni mistennija tal-intensitajiet tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-emittenti. Il-fatturi li jwasslu għal punteġġ ogħla taħt din il-metrika jinkludu l-livell ta’ ambizzjoni u l-kredibbiltà tal-miri ddikjarati tal-emittenti għat-tnaqqis tal-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (b’mod partikolari jekk il-mira tkun ibbażata fuq ix-xjenza u tkun ġiet ivvalidata minn parti terza), u aderenza osservata għall-miri ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet tal-gass serra tagħħhom stess, kif ivvalutati skont metodoloġija ddeterminata mill-Kunsill Governattiv.

2.   APPROĊĊ TA’ XAQLIB

Ix-xiri ta’ bonds korporattivi huwa mxaqleb lejn emittenti b’punteġġi klimatiċi ogħla f’konformità ma’ formula ddeterminata mill-Kunsill Governattiv. Xaqlib ifisser li s-sehem ponderat tal-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-assi fil-parametru referenzjarju li jiggwida x-xiri tas-settur korporattiv tal-Eurosistema se jiżdied għall-emittenti b’punteġġ klimatiku aħjar meta mqabbel ma’ dawk l-emittenti b’punteġġi klimatiċi aktar foqra. Il-parametru referenzjarju mxaqleb huwa inkorporat f’limiti tal-grupp ta’ emittenti biex jiġi żgurat li x-xiri jkun iggwidat mill-parametru referenzjarju mxaqleb.

”.

(1)  L-intensità tal-emissjonijiet għal emittent hija ddefinita bħala l-emissjonijiet GHG tal-emittent (f’tCO2) diviż bid-dħul tal-emittent (f’miljuni ta’ EUR).

(2)  Il-Protokoll dwar il-Gassijiet Serra jiddistingwi bejn l-emissjonijiet diretti ta’ gassijiet serra ta’ kumpaniji minn sorsi proprjetà jew ikkontrollati (kamp ta’ applikazzjoni 1); l-emissjonijiet indiretti minn elettriku, fwar, tisħin jew tkessiħ mixtrija jew akkwistati (kamp ta’ applikazzjoni 2) u l-emissjonijiet indiretti l-oħra kollha, inkluż b’mod partikolari dawk li jseħħu tul il-katina tal-valur korporattiva, jew upstream jew downstream (kamp ta’ applikazzjoni 3); ara s-sit web tal-Protokoll dwar il-Gassijiet Serra fuq ghgprotocol.org.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/190/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)