European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2900

29.12.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2900

tal-11 ta’ Diċembru 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/865

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/608/KEE (1), l-Unjoni kkonkludiet il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (2) (il-”Konvenzjoni NEAFC”), li stabbiliet il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC). L-emendi tal-2004 u l-2006 għall-Konvenzjoni NEAFC ġew approvati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/550/KE (3). L-emendi formalment daħlu fis-seħħ fid-29 ta’ Ottubru 2013 għalkemm, skont id-Dikjarazzjoni ta’ Londra tat-18 ta’ Novembru 2005, ġie miftiehem li l-emendi jiġu implimentati fuq bażi provviżorja mill-adozzjoni tagħhom, sakemm jidħlu fis-seħħ.

(2)

In-NEAFC tadotta miżuri biex tiżgura l-konservazzjoni u użu ottimu fuq terminu twil, tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni NEAFC. Tali miżuri jistgħu jsiru vinkolanti għall-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi marini ħajjin jirrestawra u jmantni l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada ’l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġa l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista’ jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, u trażżan l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema marina u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.

(4)

F’konformità mal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna”, “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima — L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” u “Strateġija mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent”, huwa essenzjali li tiġi protetta n-natura u titreġġa’ lura d-degradazzjoni tal-ekosistemi. It-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità ma jridux jippreġudikaw id-disponibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi li ekosistemi marini f’saħħithom jipprovdu lis-sajjieda, lill-komunitajiet kostali u lill-umanità inġenerali.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari” tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastiks u t-tniġġis tal-baħar kif ukoll it-telf jew l-abbandun tal-irkaptu tas-sajd fil-baħar. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija” timmira li tnaqqas 50 % tal-iskart tal-plastik fil-baħar u 30 % tal-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent.

(6)

Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Inwittu t-triq lejn pjaneta blu sostenibbli” tenfasizza l-importanza tal-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità marini taħt l-azzjoni esterna tal-Unjoni. L-Unjoni hija l-aktar attur prominenti fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u fil-korpi tas-sajd madwar id-dinja. Hemmhekk, l-Unjoni tippromwovi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut, tippromwovi t-teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti abbażi ta’ parir xjentifiku sod, ittejjeb ir-riċerka xjentifika, u ssaħħaħ il-konformità.

(7)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni SPRFMO għall-perjodu 2024-2028, minħabba li l-miżuri ta’ konservazzjoni u infurzar tal-SPRFMO jistgħu jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u kapaċi li deċiżament jinfluwenzaw il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (5) u (KE) Nru 1224/2009 (6) u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(8)

Bħalissa l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-SPRFMO hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/859 (8). Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u tiġi sostitwita b’Deċiżjoni ġdida li tkun tkopri l-perjodu 2024-2028.

(9)

Fid-dawl tan-natura li tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni SPRFMO u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra preżentata qabel jew matul il-laqgħat tal-Kummissjoni SPRFMO, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-perjodu 2024-2028 f’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO) hija stipulata fl-Anness I.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni minn sena għall-oħra tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kummissjoni SPRFMO għandha ssir f’konformità mal-Anness II.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni tal-Unjoni stipulata fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-Kummissjoni SPRFMO fl-2029.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/859 hija b’dan imħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

L. PLANAS PUCHADES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/608/KEE tat-13 ta’ Lulju 1981 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (ĠU L 227, 12.8.1981, p. 21).

(2)   ĠU L 227, 12.8.1981, p. 22.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/550/KE tal-5 ta’ Marzu 2009 dwar l-approvazzjoni ta’ emendi għall-Konvenzjoni dwar il-koperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni rigward is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku, li jippermettu l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ disputi, l-estensjoni tal-ambitu tal-Konvenzjoni u reviżjoni tal-għanijiet tal-Konvenzjoni (ĠU L 184, 16.7.2009, p. 12).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/859 tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO), u li tħassar id-Deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2017 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fis-SPRFMO (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 27).


ANNESS I

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO)

1.   PRINĊIPJI

Fil-qafas tal-SPRFMO, l-Unjoni għandha:

(a)

tiżgura li l-miżuri adottati fl-SPRFMO ikunu konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikolarment mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 fuq id-Dritt Marittimu, tal-Ftehim tal-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Tranżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna, tal-Ftehim tal-1993 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) biex jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni minn bastimenti tas-sajd f’ibħra internazzjonali, u tal-Ftehim tal-FAO tal-2009 dwar Miżuri tal-Istat Portwarju;

(b)

tippromwovi l-objettivi tal-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika marini lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali u fil-15-il Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, b’mod partikolari fiż-żieda fil-protezzjoni tal-bijodiversità marina u l-protezzjoni ta’ 30 % tal-oċean tad-dinja permezz ta’ żoni marini protetti;

(c)

tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2020 dwar il-Bijodiversità — il-ħtieġa għal azzjoni urġenti, mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2021 dwar Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima — l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tan-natura, u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, u Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja;

(d)

taġixxi skont l-objettivi u l-prinċipji segwiti mill-Unjoni fil-politika komuni tas-sajd, jiġifieri permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, u biex jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-qabdiet possibbli mhux mixtieqa, u telimina gradwalment l-iskartar, u timminimizza l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta’ sajd tal-Unjoni ekonomikament vijabbli u kompetittiv, sabiex jiġi pprovdut standard tal-għajxien ġust lil dawk li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;

(e)

tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd;

(f)

tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani għal oċeani u ibħra sikuri, siguri, nodfa, f’saħħithom u ġestiti b’mod sostenibbli fir-rigward tal-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar;

(g)

taħdem favur involviment xieraq tal-partijiet konċernati fil-fażi tal-preparazzjoni għall-miżuri SPRFMO u tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan l-SPRFMO jkunu skont l-objettivi tal-Konvenzjoni SPRFMO;

(h)

tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs);

(i)

tara li jkun hemm konsistenza u sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tagħha tas-sajd ma’ pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha notevolment fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-impjiegi, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

(j)

timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fl-ambitu taż-Żona tal-Konvenzjoni SPRFMO abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta’ dawk il-prinċipji u ta’ dawk l-istandards;

(k)

fejn xieraq, tippromwovi l-koordinazzjoni bejn is-SPRFMO, RFMOs eżistenti u konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli skont il-mandati tagħhom;

(l)

tippromwovi l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fost RFMOs mhux tat-tonn bħalma hu l-proċess Kobe għal RFMOs tat-tonn.

2.   ORJENTAZZJONIJIET

Fejn xieraq, l-Unjoni għandha tfittex li tappoġġa l-adozzjoni minn SPRFMO tal-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

miżuri li jippromwovu l-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u li jippromwovu s-sostenibbiltà tal-istokkijiet, u l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

(b)

miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni SPRFMO abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, inkluż il-qabdiet totali permissibbli u l-kwoti jew ir-regolazzjoni tal-isforz fis-sajd li jistad riżorsi bijoloġiċi marini ħajjin regolati mill-SPRFMO, li jiksbu r-rendiment massimu sostenibbli. Fejn meħtieġ, dawk il-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet li huma soġġetti għal sajd eċċessiv biex l-isforz tas-sajd jinżamm konformi mal-opportunitajiet ta’ sajd disponibbli;

(c)

miżuri li jippromwovu l-ġbir tad-data, ir-riċerka xjentifika u d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni abbażi tax-xjenza, it-tisħiħ tal-kumitat tal-konformità tagħha, kultura ta’ konformità u rieżamijiet perjodiċi indipendenti tal-prestazzjoni;

(d)

miżuri għall-prevenzjoni, id-deterrent u l-eliminazzjoni ta’ attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) fiż-Żona tal-Konvenzjoni SPRFMO, inkluż l-elenkar tal-bastimenti IUU u l-elenkar komuni ma’ RFMOs oħra, u miżuri li jippromwovu t-traċċabbiltà tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd abbażi tal-Linji Gwida Volontarji għall-Iskemi ta’ Dokumentazzjoni tal-Qbid;

(e)

miżuri ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-Żona tal-Konvenzjoni SPRFMO sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan l-SPRFMO inkluż it-tisħiħ tal-kontroll fuq l-operazzjonijiet tat-trażbord abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar it-Trażbord;

(f)

miżuri biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, inkluż miżuri protettivi għal ekosistemi marini vulnerabbli fiż-Żona tal-Konvenzjoni SPRFMO bi qbil mal-Konvenzjoni SPRFMO u l-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, miżuri biex jiġi evitat u jitnaqqas kemm jista’ jkun il-qbid mhux mixtieq, inkluż partikolarment l-ispeċijiet marini vulnerabbli, u biex gradwalment jiġi eliminat il-qbid skartat;

(g)

miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar u jiġi prevenut l-iskariku tal-plastik fil-baħar u jitnaqqas l-impatt tal-plastik fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini, inkluż miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta’ Rkaptu tas-Sajd Abbandunat, Mitluf jew Skartat Mod Ieħor fl-oċean u biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u l-irkupru ta’ tali rkaptu abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Markar tal-Irkaptu tas-Sajd;

(h)

miżuri mmirati lejn il-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tas-sajd għall-pinen tal-klieb il-baħar u li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art bil-pinen kollha mwaħħla kif tipprovdi n-natura;

(i)

rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sa fejn hu permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

(j)

approċċi komuni ma’ RFMOs oħrajn, fejn xieraq, partikolarment dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun;

(k)

miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-pariri mill-korpi sussidjarji u mill-gruppi ta’ ħidma tal-SPRFMO;

(l)

miżuri konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel.


ANNESS II

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC)

Qabel kull laqgħa tan-NEAFC, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti ġuridiċi fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis l-aktar informazzjoni xjentifika reċenti u informazzjoni rilevanti oħra trażmessa lill-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

Konsegwentement u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Kunsill, jew lill-korpi preparatorji tiegħu fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tan-NEAFC, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.

Jekk matul laqgħa tan-NEAFC ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis elementi ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2900/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)