|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2882 |
19.12.2023 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2882
tat-18 ta’ Diċembru 2023
li jissospendi l-miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fl-20 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/886 (2) dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti) li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ għadd ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti, kif ġej:
|
|
(2) |
Fis-7 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/502 (3) li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti, kif ġej:
|
|
(3) |
Fil-31 ta’ Mejju 2021, wara Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti ppubblikata fis-17 ta’ Mejju 2021 li fiha l-UE u l-Istati Uniti qablu “li jħejju rotta li ttemm it-tilwimiet fid-WTO wara l-applikazzjoni mill-Istati Uniti ta’ tariffi fuq l-importazzjonijiet mill-UE skont it-taqsima 232”, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/866 (4), li ssospenda l-applikazzjoni tad-dazji ad valorem addizzjonali fuq prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 sat-30 ta’ Novembru 2021. |
|
(4) |
Fil-31 ta’ Ottubru 2021, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ħabbru li kienu se jinnegozjaw fi żmien sentejn arranġament — magħruf bħala l-Arranġament Globali dwar l-Azzar u l-Aluminju Sostenibbli — biex jindirizzaw il-kapaċità żejda mhux tas-suq u l-intensità tal-emissjonijiet tal-industriji tal-azzar u tal-aluminju. Arranġament bħal dan, ladarba jiġi konkluż, kien jimplika l-eliminazzjoni tat-tariffi tal-Istati Uniti fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar u tal-aluminju tal-UE. Fil-31 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Uniti ħabbru wkoll l-istabbiliment ta’ Kwoti Tariffarja (“TRQs”, Tariff Rate Quotas) fuq l-importazzjonijiet fl-Istati Uniti ta’ prodotti tal-azzar u tal-aluminju tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2023. Wara din it-tħabbira, fis-26 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2083 (5) li ssospenda l-applikazzjoni tad-dazji ad valorem addizzjonali imposti mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502 sal-31 ta’ Diċembru 2023. |
|
(5) |
Fis-Summit tal-20 ta’ Ottubru 2023, għalkemm l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ma kkonkludewx in-negozjati fir-rigward tal-Arranġament Globali dwar l-Azzar u l-Aluminju Sostenibbli, huma rrikonoxxew li kienu għamlu progress sostanzjali biex jidentifikaw is-sorsi tal-kapaċità żejda mhux tas-suq u jilħqu fehim aħjar tal-għodod biex tiġi indirizzata l-intensità tal-emissjonijiet tal-industriji tal-azzar u tal-aluminju. |
|
(6) |
Wara l-konklużjoni tas-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-20 ta’ Ottubru 2023, l-Istati Uniti infurmaw lill-Kummissjoni li kellhom l-intenzjoni li jipprolungaw it-TRQs eżistenti fuq l-importazzjonijiet fl-Istati Uniti ta’ prodotti tal-azzar u tal-aluminju tal-UE għal perjodu ta’ żmien addizzjonali. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, tista’ temenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 (6) u (UE) 2020/502 (7), jekk tqis li dan ikun xieraq, fid-dawl ta’ kwalunkwe modifika jew emenda tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti. |
|
(8) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Unjoni tissospendi l-applikazzjoni tad-dazji ad valorem addizzjonali imposti mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502 għall-perjodu sal-31 ta’ Marzu 2025. |
|
(9) |
Din is-sospensjoni hija meqjusa neċessarja fid-dawl tal-prolungament tat-TRQs mill-Istati Uniti u biex l-Unjoni u l-Istati Uniti jkunu jistgħu jmexxu ’l quddiem il-kooperazzjoni tagħhom li għaddejja bħalissa, inkluż bil-ħsieb li jeliminaw it-tariffi rispettivi tagħhom. |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm is-sospensjoni taħt rieżami fid-dawl ta’ żviluppi, bħal dawk li jistgħu jgħarrqu is-sitwazzjoni għall-esportazzjonijiet tal-Unjoni li jibqgħu soġġetti għall-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti, inklużi t-TRQs. |
|
(11) |
Is-sospensjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Unjoni li l-miżuri ta’ salvagwardja mill-Istati Uniti jibqgħu inkompatibbli mal-Ftehim tad-WTO. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ, imwaqqaf permezz tar-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-applikazzjoni tad-dazji ad valorem addizzjonali ta’ rata ta’ 10 %, 25 %, 35 % u 50 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness I u l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 għandha tiġi sospiża mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Marzu 2025.
Artikolu 2
L-applikazzjoni tad-dazji ad valorem addizzjonali ta’ rata ta’ 20 %, 7 %, u 4,4 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502 għandha tiġi sospiża mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Marzu 2025.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50 kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/167 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 (ĠU L 49, 12.2.2021, p. 1).
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/886 tal-20 ta’ Ġunju 2018 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724 (ĠU L 158, 21.6.2018, p. 5).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/502 tas-6 ta’ April 2020 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 109, 7.4.2020, p. 10).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/866 tat-28 ta’ Mejju 2021 li jissospendi ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 (ĠU L 190, 31.5.2021, p. 94).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2083 tas-26 ta’ Novembru 2021 li jissospendi ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502 (ĠU L 426, 29.11.2021, p. 41).
(6) Il-Premessa 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886.
(7) Il-Premessa 19 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502.
(8) Ir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (kodifikazzjoni) (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2882/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)