European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2858

15.12.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2858

tat-12 ta’ Diċembru 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija li għandu jsir fi Vjenna, l-Awstrija, fl-14 ta’ Diċembru 2023

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006.

(2)

Skont l-Artikolu 47 tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, il-Kunsill Ministerjali j għandu jieħu Miżuri, li, skont l-Artikolu 76 ta’ dak it-Trattat, jistgħu jieħdu l-forma ta’ Deċiżjoni jew ta’ Rakkomandazzjoni.

(3)

Il-Kunsill Ministerjali, matul il-21 sessjoni tiegħu fl-14 ta’ Diċembru 2023, ser jadotta għadd ta’ atti mehmuża ma' din id-Deċiżjoni, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li fuqhom għandhom jivvutaw ir-rappreżentanti tal-Unjoni.

(4)

L-għan tal-atti previsti huwa li jiffaċilitaw l-ilħuq tal-objettivi tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija.

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali rigward l-atti mehmuża ma' din id-Deċiżjoni, peress li dawk l-atti se jkollhom effetti legali għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-21 sessjoni tal-Kunsill Ministerjali li għandha ssir fi Vjenna, l-Awstrija, fl-14 ta’ Diċembru 2023, rigward il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija li tapprova l-adozzjoni tal-atti stabbiliti mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   Bidliet żgħar fl-atti mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni, fid-dawl tal-kummenti mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, jistgħu jiġu miftiehma mill-Kummissjoni, qabel jew waqt il-Kunsill Ministerjali, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE tad-29 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tat-Trattat tal-Komunità tal- Enerġija (ĠU L 198, 20.7.2006, p. 15).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2858/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)