|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2851 |
21.12.2023 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2851
tal-20 ta’ Diċembru 2023
li jawtorizza l-introduzzjoni fis-suq tal-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel il-ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid biss jista’ jiġi introdott fis-suq tal-Unjoni. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid. |
|
(3) |
Fl-20 ta’ Novembru 2020, il-kumpanija Evergrain LLC (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex tintroduċi l-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) fis-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid. L-applikant talab li l-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) tintuża f’għadd ta’ ikel maħsub għall-popolazzjoni ġenerali. |
|
(4) |
Minbarra din it-talba, fl-20 ta’ Novembru 2020, l-applikant talab lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tad-data proprjetarja, b’mod partikolari rapport dwar il-kwalità protejka tal-ikel il-ġdid (3), informazzjoni dwar l-inattivazzjoni tal-enzima fl-ikel il-ġdid (4), informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ potenzjal tossiġeniku fil-preparat enzimatiku (5), informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ mikotossini u ta’ metaboliti sekondarji oħrajn prodotti mill-Aspergillus niger fil-preparat enzimatiku (6), data tal-kompożizzjoni (iċ-ċertifikati tal-analiżi tal-lottijiet tal-ikel il-ġdid) (7) u r-rapport ta’ studju dwar l-istabbiltà (8). |
|
(5) |
Fl-10 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex twettaq valutazzjoni tal-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) bħala ikel ġdid. |
|
(6) |
Fl-24 ta’ Mejju 2023, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha “Safety of partially hydrolysed protein from spent barley (Hordeum vulgare) and rice (Oryza sativa) as a novel food pursuant to Regulation (UE) 2015/2283” (9) f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(7) |
Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li l-ikel il-ġdid, il-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa), huwa sikur skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti. Għalhekk, dik l-opinjoni xjentifika tipprovdi biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li meta l-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) tintuża skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, din tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni tagħha fis-suq f’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(8) |
Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità nnotat ukoll li l-konklużjoni tagħha dwar is-sikurezza tal-ikel il-ġdid kienet ibbażata fuq ir-rapport dwar il-kwalità protejka tal-ikel il-ġdid, l-informazzjoni dwar l-inattivazzjoni tal-enzima fl-ikel il-ġdid, l-informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ mikotossini u ta’ metaboliti sekondarji oħrajn prodotti mill-Aspergillus niger fil-preparat enzimatiku, id-data tal-kompożizzjoni (iċ-ċertifikati tal-analiżi tal-lottijiet tal-ikel il-ġdid) u r-rapport ta’ studju dwar l-istabbiltà, li mingħajrhom ma setgħetx tivvaluta l-ikel il-ġdid u tasal għall-konklużjoni dwaru. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni talbet lill-applikant jiċċara aktar il-ġustifikazzjoni li kien ipprovda biex isostni l-pretensjoni proprjetarja tiegħu fuq dik id-data u dawk l-istudji, u biex jiċċara l-pretensjoni tiegħu li jkollu d-dritt esklużiv ta’ referenza għalihom f’konformità mal-Artikolu 26(2)(b) tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(10) |
L-applikant iddikjara li kellu drittijiet proprjetarji u esklużivi ta’ referenza għar-rapport dwar il-kwalità protejka tal-ikel il-ġdid, għall-informazzjoni dwar l-inattivazzjoni tal-enzima fl-ikel il-ġdid, għall-informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ mikotossini u ta’ metaboliti sekondarji oħrajn prodotti mill-Aspergillus niger fil-preparat enzimatiku, għad-data tal-kompożizzjoni (iċ-ċertifikati tal-analiżi tal-lottijiet tal-ikel il-ġdid) u għar-rapport ta’ studju dwar l-istabbiltà, fil-mument li ppreżenta l-applikazzjoni, u li l-partijiet terzi ma jistgħux jaċċessaw jew jużaw dik id-data jew jirreferu għaliha b’mod legali. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni kollha pprovduta mill-applikant u qieset li dan kien wera biżżejjed provi li kien issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għalhekk, jenħtieġ li r-rapport dwar il-kwalità protejka tal-ikel il-ġdid, l-informazzjoni dwar l-inattivazzjoni tal-enzima fl-ikel il-ġdid, l-informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ mikotossini u ta’ metaboliti sekondarji oħrajn prodotti mill-Aspergillus niger fil-preparat enzimatiku, id-data tal-kompożizzjoni (iċ-ċertifikati tal-analiżi tal-lottijiet tal-ikel il-ġdid) u r-rapport ta’ studju dwar l-istabbiltà jiġu protetti f’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-applikant biss ikun awtorizzat li jintroduċi l-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) fis-suq tal-Unjoni matul perjodu ta’ 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(12) |
Madankollu, ir-restrizzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) u r-referenza għad-data li tinsab fil-fajl tal-applikant għall-użu uniku ta’ dan tal-aħħar ma twaqqafx lill-applikanti sussegwenti milli japplikaw għal awtorizzazzjoni biex jintroduċu fis-suq l-istess ikel ġdid, dment li l-applikazzjoni tagħhom tkun ibbażata fuq informazzjoni li tkun inkisbet b’mod legali biex issostni din l-awtorizzazzjoni. |
|
(13) |
Peress li s-sors tal-ikel il-ġdid ġej mix-xgħir (Hordeum vulgare), li huwa elenkat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) bħala wieħed minn għadd ta’ sustanzi jew prodotti li jaf jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi, jenħtieġ li l-ikel li jkun fih mill-ikel il-ġdid ikun ittikkettat kif xieraq skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament. |
|
(14) |
Huwa xieraq li l-inklużjoni tal-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) bħala ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid ikun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(15) |
Jenħtieġ li l-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan. |
|
(16) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Il-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) hija awtorizzata li tiġi introdotta fis-suq tal-Unjoni.
Il-proteina parzjalment idrolizzata mir-residwi tax-xgħir (Hordeum vulgare) u tar-ross (Oryza sativa) għandha tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.
2. L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Il-kumpanija Evergrain LLC (11) biss hija awtorizzata li tintroduċi fis-suq tal-Unjoni l-ikel il-ġdid imsemmi fl-Artikolu 1, għal perjodu ta’ 5 snin mill-10 ta’ Jannar 2024, sakemm ma jkunx hemm xi applikant sussegwenti li jikseb awtorizzazzjoni għal dak l-ikel il-ġdid mingħajr referenza għad-data xjentifika protetta skont l-Artikolu 3 jew bi qbil ma’ Evergrain LLC.
Artikolu 3
Id-data xjentifika li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 ma għandhiex tintuża għall-benefiċċju ta’ applikant sussegwenti għal perjodu ta’ 5 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mingħajr qbil ma’ Evergrain LLC.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2283/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2470/oj).
(3) It-Taqsima 2.h.4.1 u l-Anness F tad-dossier; Gallaher (2019, Vrasidas, 2022).
(4) It-Taqsima 2.b.1.2 tad-dossier.
(5) It-Taqsima 2.b.1.2 tad-dossier.
(6) It-Taqsima 2.b.1.2 tad-dossier.
(7) It-Taqsima 2.c.1 u l-Anness C tad-dossier.
(8) It-Taqsima 2.c.2 u l-Anness D tad-dossier.
(9) EFSA Journal 2023;21(9):8064.
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1169/oj).
(11) 3205 S. 9th St, St. Louis, Missouri, 63118 USA.
ANNESS
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja:
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(2) |
fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2851/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)