European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2848

18.12.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2848

tad-9 ta’ Novembru 2023

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehimiet, fil-forma ta’ skambju ta’ ittri, li jemendaw u jissupplimentaw il-ftehimiet għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, ir-Repubblika Libaniża u r-Renju tal-Marokk, rispettivament, li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fir-rigward ta’ Orizzont Ewropa fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) imwettqa b’mod konġunt minn diversi Stati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-pajjiżi terzi (“l-Istati Parteċipanti”) fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA), b’mod partikolari l-obbligi finanzjarji tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-istrutturi regolatorji tal-PRIMA.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) stabbilixxa l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (“Orizzont 2020”). Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-PRIMA hija ffinanzjata mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għall-partijiet rilevanti tal-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (3).

(3)

Dsatax-il pajjiż qablu li jwettqu l-PRIMA b’mod konġunt billi jimpenjaw kontribuzzjonijiet finanzjarji, jiġifieri Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja; il-pajjiżi terzi assoċjati ma’ Orizzont 2020, jiġifieri Iżrael, it-Tuneżija u t-Turkija; u l-pajjiżi terzi mhux assoċjati ma’ Orizzont 2020, jiġifieri l-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu u l-Marokk.

(4)

Skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324, l-Istati Parteċipanti kollha għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi. Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324, l-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu u l-Marokk għandhom isiru Stati Parteċipanti soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-PRIMA.

(5)

Il-Ftehimiet għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni u l-Alġerija (4), l-Eġittu (5), il-Ġordan (6), il-Libanu (7) u l-Marokk (8), rispettivament, li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-PRIMA (“il-Ftehimiet KXT”) ser jibqgħu fis-seħħ sakemm tibqa’ fis-seħħ id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324.

(6)

Skont l-Artikolu 2 tal-Ftehimiet KXT, ġew iffirmati arranġamenti ta’ implimentazzjoni għal assistenza reċiproka (l-“arranġamenti ta’ implimentazzjoni”) bejn l-Unjoni u l-awtoritajiet rispettivi tal-Alġerija, tal-Eġittu, tal-Ġordan, tal-Libanu u tal-Marokk. L-arranġamenti ta’ implimentazzjoni jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) u tal-Artikolu 11(3) u (4) tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 rigward l-azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Unjoni msemmija fl-Artikolu 6(1)(a) tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324.

(7)

Il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 dwar il-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-PRIMA fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa, bl-għan li testendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-PRIMA, għall-perjodu 2025-2027, mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għall-partijiet rilevanti tal-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa, kif stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 (9).

(8)

L-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu u l-Marokk esprimew l-interess tagħhom li jkomplu jipparteċipaw fil-PRIMA fir-rigward ta’ Orizzont Ewropa. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni u l-involviment tagħhom fuq bażi ugwali mal-Istati Parteċipanti kollha, l-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu u l-Marokk, li mhumiex assoċjati ma’ Orizzont Ewropa, għandhom jaċċettaw formalment it-termini u l-kundizzjonijiet il-ġodda stabbiliti bid-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 billi jikkonkludu ftehimiet mal-Unjoni, fil-forma ta’ skambju ta’ ittri, li jemendaw u jissupplimentaw il-Ftehimiet KXT, inkluż l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni ffirmati skont l-Artikolu 2 tal-Ftehimiet KXT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, għal ftehimiet, fil-forma ta’ skambju ta’ ittri, li jemendaw u jissupplimentaw il-Ftehimiet għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, ir-Repubblika Libaniża u r-Renju tal-Marokk, rispettivament, li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fir-rigward ta’ Orizzont Ewropa fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA).

2.   In-negozjati għandhom jitmexxew fuq il-bażi tad-direttivi ta’ negozjar tal-Kunsill stabbiliti fl-addendum għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom isiru f’konsultazzjoni mal-Kumitat Speċjali previst fl-Artikolu 218(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

N. CALVIÑO SANTAMARÍA


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li jipparteċipaw fiha b’mod konġunt diversi Stati Membri (ĠU L 185, 18.7.2017, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE. (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE ((ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

(4)  Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) (ĠU L 316, 1.12.2017, p. 3).

(5)  Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) (ĠU L 316, 1.12.2017, p. 9).

(6)  Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 29).

(7)  Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Libaniża li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Libaniża fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) (ĠU L 79, 22.3.2018, p. 3).

(8)  Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) (ĠU L 106, 26.4.2018, p. 3).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU L 167I, 12.5.2021, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2848/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)