European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2842

20.12.2023

REGOLAMENT (UE) 2023/2842 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Novembru 2023

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u (KE) Nru 1005/2008 u r-Regolamenti (UE) 2016/1139, (UE) 2017/2403 u (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-objettivi tal-politika komuni tas-sajd u r-rekwiżiti għall-kontroll u għall-infurzar tas-sajd huma stabbiliti fl-Artikoli 2 u 36 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). L-implimentazzjoni b’suċċess tal-politika komuni tas-sajd tiddependi fuq sistema effettiva, effiċjenti, moderna u trasparenti ta’ kontroll u infurzar.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (4) stabbilixxa sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-Unjoni li tipprevedi, fost l-oħrajn, ċentri ta’ monitoraġġ tas-sajd, it-traċċar ta’ bastimenti tas-sajd, obbligi ta’ rappurtar tal-qabdiet, notifiki minn qabel, awtorizzazzjonijiet għal trażbordi f’pajjiżi terzi, il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-għeluq tal-attivitajiet tas-sajd, il-kontroll tal-kapaċitajiet tas-sajd, programmi nazzjonali ta’ kontroll, il-kontroll tas-sajd rikreattiv, kontroll fil-katina tal-provvista ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, l-użin ta’ prodotti tas-sajd, dokumenti tat-trasport, dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art, in-noti tal-bejgħ u d-dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni, spezzjonijiet u awditi, is-sanzjonar ta’ infrazzjonijiet u l-aċċess għad-data.

(3)

Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 ġie adottat qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għall-fini tal-kontroll u l-infurzar tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd fis-seħħ dak iż-żmien. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi emendat biex jindirizza aħjar ir-rekwiżiti għall-kontroll u għall-infurzar tal-politika komuni tas-sajd f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, biex jieħu vantaġġ mit-teknoloġiji ta’ kontroll moderni u aktar kosteffiċjenti u jqis l-aktar sejbiet xjentifiċi reċenti biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fuq medda twila ta’ żmien. Jenħtieġ li l-emendi jkunu konsistenti wkoll mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, inkluż dawk skont il-Ftehim tal-2009 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura dwar miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat approvat mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/443/UE (5).

(4)

Barra minn hekk, jenħtieġ li s-sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-Unjoni trawwem kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi fl-Istati Membri filwaqt li tikkontribwixxi wkoll għall-kisba tal-objettivi l-oħra tal-politika komuni tas-sajd.

(5)

Fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, jenħtieġ li ssir referenza għad-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u fir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Fl-interess taċ-ċarezza u tal-konsistenza, jenħtieġ li xi definizzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jitħassru jew jiġu emendati u jenħtieġ li jiżdiedu definizzjonijiet ġodda.

(6)

Id-definizzjoni ta’ “regoli tal-politika komuni tas-sajd” jenħtieġ li tiġi emendata biex jiġi ċċarat li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkopri d-dritt kollu tal-Unjoni fl-oqsma tal-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, l-akkwakultura, kif ukoll l-ipproċessar, it-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Dak jinkludi regoli dwar il-miżuri tekniċi u ta’ konservazzjoni għal riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, dwar il-ġestjoni u l-kontroll tal-flotot tal-Unjoni li jisfruttaw tali riżorsi, u dwar l-ipproċessar, it-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, kif ukoll is-sistema tal-Unjoni għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU). Jenħtieġ li dik id-definizzjoni tkopri wkoll l-obbligi internazzjonali f’dawk l-oqsma li huma vinkolanti fuq l-Unjoni u l-Istati Membri, inkluż, fir-rigward tal-operaturi, l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni li jistgħu jiġu infurzati fuqhom.

(7)

Id-definizzjoni ta’ “data tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti” jenħtieġ li tiġi ssostitwita bit-terminu “data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti”, li huwa aktar preċiż. Id-definizzjoni ta’ “data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti” ma għandhiex tibqa’ tirreferi għat-trażmissjoni b’apparati bi traċċar satellitari, peress li hemm teknoloġiji differenti għat-traċċar tal-bastimenti u għat-trażmissjoni tad-data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti llum il-ġurnata.

(8)

Id-definizzjoni ta’ “lott” jenħtieġ li tiġi allinjata mad-definizzjoni ta’ “lott” stabbilita fil-liġi tal-Unjoni dwar l-ikel.

(9)

Id-definizzjoni ta’ “pjanijiet pluriennali” jenħtieġ li tiġi aġġornata biex tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(10)

Fid-definizzjonijiet ta’ “liċenzja tas-sajd”, “żona ristretta għas-sajd” u “sajd rikreattiv”, it-terminu “riżorsi akkwatiċi ħajjin” jenħtieġ li jiġi ssostitwit bit-terminu “riżorsi bijoloġiċi tal-baħar”, biex dawk id-definizzjonijiet jiġu allinjati mat-terminoloġija użata fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(11)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-regoli dwar il-miżuri tekniċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jenħtieġ li tiġi introdotta definizzjoni ta’ “speċijiet sensittivi”.

(12)

Sabiex jinftiehmu aħjar u jiġu evitati l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq speċijiet sensittivi, inkluż biex jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-qabdiet inċidentali ta’ dawk l-ispeċijiet li huma mhedda bl-estinzjoni, jeħtieġ li jittejjeb il-ġbir ta’ data dwar il-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi. Għal dak l-għan, jenħtieġ li fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd tiġi rreġistrata informazzjoni addizzjonali dwar il-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi.

(13)

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 huma relatati ma’ bastimenti tal-qbid, sistema effettiva ta’ kontroll tas-sajd tal-Unjoni tirrikjedi li f’ċerti każijiet bastimenti oħra użati għall-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ikunu koperti wkoll. Għal dak l-għan, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ “bastiment tas-sajd” f’dak ir-Regolament tiġi ssostitwita b’definizzjoni aktar dettaljata li tispjega b’mod ċar li t-terminu jkopri bastiment tal-qbid kif ukoll kwalunkwe bastiment ieħor użat għall-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li jinkludi bastimenti ta’ appoġġ, bastimenti ta’ proċessar tal-ħut, bastimenti involuti fit-trażbord, bastimenti tal-irmunkar, bastimenti awżiljarji u bastimenti trasportaturi użati għat-trasport ta’ prodotti tas-sajd, iżda li jeskludi bastimenti tal-kontejners u bastimenti użati esklużivament għall-akkwakultura. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi introdotta definizzjoni ta’ “bastiment tal-qbid”.

(14)

Jenħtieġ li tiġi introdotta definizzjoni ta’ “operazzjoni tas-sajd” sabiex tiġi ċċarata t-tifsira tat-terminu u biex ikun hemm distinzjoni mit-terminu “attivitajiet tas-sajd”, li għandu ambitu usa’.

(15)

It-tħarrib hija prattika li biha l-ħut jiġi rilaxxat intenzjonalment mill-irkaptu tas-sajd qabel ma l-qabda tittella’ abbord, li tista’ tikkostitwixxi infrazzjoni tal-obbligu li speċijiet jittellgħu u jinżammu abbord soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi introdotta definizzjoni ta’ “tħarrib”.

(16)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd jiġu aġġornati u ċċarati. Sabiex jiġi żgurat kontroll komprensiv, jenħtieġ li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għajr il-bastimenti tal-qbid ma jitħallewx iwettqu attivitajiet tas-sajd sakemm ma jkunux ġew awtorizzati jagħmlu dan mill-Istat Membru tal-bandiera tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni ġdida dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għajr il-bastimenti tal-qbid.

(17)

Irkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew skartat mod ieħor, b’mod partikolari dak magħmul mill-plastik, jikkostitwixxi waħda mill-aktar forom dannużi ta’ skart fil-baħar, kif ukoll tal-iskart tal-plastik fil-baħar. Sabiex jitnaqqas l-impatt fit-tul u sinifikanti tal-irkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew skartat mod ieħor fuq il-ħajja u l-ekosistemi tal-baħar, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-irkaptu tas-sajd, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu, jinġieb lura fix-xatt għat-trattament fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet stabbiliti għal dak l-għan skont id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Dak jippermetti wkoll lill-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-iskart tal-irkaptu tas-sajd, inkluż l-irkaptu fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu, li jiġbru kull sena skont id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Għal dak l-għan, jenħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu adottati proċeduri biex jiġi żgurat li l-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jinnotifikaw l-irkaptu tas-sajd tagħhom fi tmiem il-ħajja lill-awtoritajiet kompetenti u jirritornawh fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet jew f’sistemi ta’ ġbir ekwivalenti oħra.

(18)

Sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd ikunu sostenibbli għall-ambjent fit-tul, u biex jiġi evitat riskju serju għall-ekosistemi tal-baħar, għall-bijodiversità u għas-saħħa tal-bniedem ikkawżat mir-rimi illegali fil-baħar tal-irkaptu tas-sajd u rkaptu jew inġenji oħra użati fis-sajd, b’mod partikolari rkaptu magħmul mill-plastik, jenħtieġ li dan ir-rimi mill-bastimenti tas-sajd jitqies bħala infrazzjoni serja skont ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(19)

Is-sajd fuq skala żgħira jaqdi rwol importanti fl-Unjoni, minn perspettiva bijoloġika, ekonomika u soċjali. Fid-dawl tal-impatti possibbli tas-sajd fuq skala żgħira fuq l-istokkijiet, huwa importanti li jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd u l-isforz tas-sajd ta’ bastimenti iżgħar ikunu konformi mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jittraċċaw il-bastimenti tas-sajd kollha, inkluż il-bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru, u li jirċievu data dwar il-pożizzjoni mingħandhom f’intervalli regolari u qosra biżżejjed. Sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-użu ta’ sistemi ta’ traċċar għal bastimenti ta’ skala żgħira, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa, fuq talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, sistema ta’ traċċar għall-bastimenti b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżentaw ċerti bastimenti ta’ skala żgħira mill-obbligu ta’ traċċar matul perjodu ta’ żmien limitat, sabiex ikun hemm żmien ta’ tħejjija suffiċjenti biex jintużaw għodod ġodda għal dawk il-bastimenti. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri tkun ibbilanċjata u proporzjonata mal-objettivi segwiti u li ma tinvolvix piż eċċessiv għall-flotta, speċjalment il-flotta fuq skala żgħira li tista’ tibbenefika minn għajnuna skont il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(20)

Skont l-Artikolu 32(2) u l-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz awtorizzat biex jistad fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jikkonforma mar-regoli ta’ kontroll li jirregolaw l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, inkluż ir-regoli relatati mas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti. Sabiex jiġi żgurat kontroll komprensiv, l-obbligu li jkun hemm installat abbord apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti li jaħdem għalkollox li jippermetti li bastiment jiġi lokalizzat u identifikat awtomatikament minn sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, li tagħmel parti minn dawk ir-regoli ta’ kontroll, jenħtieġ li japplika għall-bastimenti tas-sajd kollha ta’ pajjiżi terzi awtorizzati biex iwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni, inkluż dawk li jwettqu attivitajiet tas-sajd għajr operazzjonijiet tas-sajd u li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2403.

(21)

Biex jiġi ċċarat ir-rwol taċ-ċentri ta’ monitoraġġ tas-sajd, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 li jikkonċernaw dawk iċ-ċentri jitqiegħdu f’Artikolu separat.

(22)

Għall-finijiet ta’ kontroll u sorveljanza effettivi tas-sajd fl-Unjoni, jenħtieġ li ċ-ċentri ta’ monitoraġġ tas-sajd ikunu meħtieġa jkollhom biżżejjed persunal u jkunu mgħammra kif xieraq u jkollhom fis-seħħ tal-inqas sistema awtomatika ta’ twissijiet u/jew dmirijiet ta’ xogħol fuq talba matul is-sigħat mhux tax-xogħol.

(23)

Jenħtieġ li jiġu speċifikati r-regoli dwar l-użu ta’ sistemi awtomatiċi ta’ identifikazzjoni (AIS - automatic identification system) għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni. Sabiex jitqiesu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali relatati mas-sikurezza jew mas-sigurtà tal-ekwipaġġ ta’ bastiment tas-sajd, jenħtieġ li tiġi prevista deroga mill-obbligu li l-AIS tinżamm operattiva l-ħin kollu msemmija fl-Artikolu 6a tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), taħt ċerti kondizzjonijiet.

(24)

Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) sabiex uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu allinjati mal-obbligu ta’ ħatt l-art stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art, jeħtieġ li, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, ċerti bastimenti tal-qbid jiġu mgħammra b’sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod (REM - remote electronic monitoring) abbord. Jenħtieġ li dawk is-sistemi jinkludu kameras tat-televiżjoni b’ċirkwit magħluq (CCTV). Id-data tas-CCTV ma għandhiex tixxandar dirett. Sabiex jiġi ssalvagwardjat id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, jenħtieġ li r-reġistrazzjoni ta’ materjal vidjo permezz tas-CCTV tkun permessa biss fir-rigward tal-irkaptu u ta’ dawk il-partijiet tal-bastimenti fejn il-prodotti tas-sajd jittellgħu abbord, jiġu mmaniġġjati u jinħażnu jew fejn jista’ jseħħ rimi. Jenħtieġ li l-attività tar-reġistrazzjoni tkun limitata għal dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-irkaptu jitħaddem b’mod attiv, bħall-kalar tal-irkaptu jew l-irfigħ jew it-tneħħija tal-irkaptu mill-ilma, u fejn il-qabda tittella’ abbord u tiġi mmaniġġjata mill-ekwipaġġ jew fejn jista’ jseħħ rimi. Il-possibbiltà li jiġu identifikati persuni individwali fil-materjal vidjo rreġistrat jenħtieġ li tkun limitata kemm jista’ jkun possibbli, u fejn meħtieġ id-data jenħtieġ li tiġi anonimizzata. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-konsistenza, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għad-data minn dawk is-sistemi REM. Jenħtieġ li l-filmat mis-CCTV jitqiegħed għad-dispożizzjoni esklużivament għall-finijiet ta’ kontroll u spezzjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għall-awtoritajiet speċifikati f’dak ir-Regolament.

(25)

Biex jiġi ffaċilitat l-użu tas-sistemi REM fuq bażi volontarja, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jipprovdu inċentivi għal dak l-għan.

(26)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd, l-affidabbiltà u l-ġbir komprensiv tad-data dwar il-qabdiet huma ta’ importanza assoluta.

(27)

Is-sottomissjoni tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet f’format stampat wasslet għal rappurtar inkomplut u inaffidabbli u, finalment, għal rappurtar inadegwat tal-qabdiet mill-operaturi lill-Istati Membri u mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, u xekklet l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, hu meqjus neċessarju li l-kaptani jirreġistraw id-data dwar il-qabdiet b’mod diġitalizzat u jissottomettuha b’mezzi elettroniċi, b’mod partikolari l-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd, id-dikjarazzjonijiet tat-trażbord u d-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art.

(28)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-kontroll tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet pluriennali, jenħtieġ li l-qabdiet tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ soġġetti għal dawn il-pjanijiet jiġu stivati separatament, sabiex l-istokkijiet differenti maqbuda jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment abbord il-bastiment tas-sajd għal finijiet ta’ spezzjoni. Madankollu, l-introduzzjoni ta’ aktar pjanijiet pluriennali żiedet il-każijiet fejn, f’ċerti ċirkostanzi, jista’ jkun diffiċli li l-kaptani jissodisfaw dak l-obbligu, minħabba raġunijiet bħal spazju limitat ta’ ħżin abbord, ħafna speċijiet fi kwantitajiet żgħar miżmuma abbord, qabdiet miżmuma abbord f’tankijiet tal-ilma baħar imkessħin, l-għadd ta’ stokkijiet differenti maqbuda f’ċertu sajd, jew minħabba tħassib għas-sikurezza tal-ekwipaġġ. Għal każijiet bħal dawn, jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li jiġu previsti eżenzjonijiet mill-obbligu li l-qabdiet jiġu stivati separatament.

(29)

In-nuqqas ta’ obbligi ta’ rapportar tal-qabdiet għall-kaptani ta’ bastimenti b’tul totali ta’ inqas minn 10 metri wasslet għal data inkompluta u inaffidabbli dwar ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet għal dawn il-bastimenti, peress li l-ġbir tad-data għal dawk il-bastimenti kien prinċipalment ibbażat fuq pjanijiet ta’ kampjunar. Għalhekk, huwa importanti li jkun meħtieġ ir-rappurtar tal-qabdiet għall-bastimenti tas-sajd kollha irrispettivament mid-daqs tagħhom. B’dak il-mod, ir-regoli ser jiġu ssimplifikati wkoll, u l-konformità u l-kontroll ser jittejbu.

(30)

Bl-għan li tittejjeb l-effettività tal-kontroll, huwa importanti li l-informazzjoni fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd tkun aktar dettaljata, u li għalhekk tinkludi, fil-każ ta’ bastimenti tal-qbid b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar, data dwar il-qabdiet għal kull operazzjoni tas-sajd. Fil-każ ta’ bastimenti tal-qbid b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru, jenħtieġ li l-ġurnal elettroniku ta’ abbord dwar is-sajd u t-trażmissjoni tal-informazzjoni inkluża fih ma jwasslux għal piż sproporzjonat fuq il-kaptani ta’ dawk il-bastimenti. Għaldaqstant, fil-każ ta’ bastimenti tal-qbid b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru, jenħtieġ li l-kaptani jkunu meħtieġa biss jissottomettu l-informazzjoni li tinsab fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, wara li tkun tlestiet l-aħħar operazzjoni tas-sajd u qabel ma jibda ħatt l-art.

(31)

Jenħtieġ li l-kaptani ta’ bastimenti tal-qbid tal-Unjoni b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru jkollhom il-possibbiltà li jimlew u jissottomettu l-ġurnal elettroniku ta’ abbord dwar is-sajd b’mezzi simplifikati.

(32)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-użu tal-ġurnali elettroniċi ta’ abbord dwar is-sajd għall-bastimenti kollha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa, fuq talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, sistema għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar tal-qabdiet għall-bastimenti tal-qbid b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru, adattata għaċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ bastimenti iżgħar.

(33)

Sabiex jissaħħaħ il-kontroll tal-qabdiet ta’ speċijiet sensittivi, jenħtieġ li fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd tiġi rreġistrata informazzjoni addizzjonali dwar ir-rimi ta’ speċijiet bħal dawn.

(34)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-marġni ta’ tolleranza fl-istimi fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd tal-kwantitajiet ta’ ħut miżmuma abbord jiġu emendati biex jiġu indirizzati l-isfidi biex tingħata stima preċiża tal-qabdiet skont l-ispeċi għal kwantitajiet iżgħar ta’ qabdiet, u għal ħatt l-art mhux imqassam minn sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir, sajd industrijali u sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża. L-istess emendi jenħtieġ li jsiru għad-dispożizzjonijiet dwar il-marġni ta’ tolleranza fid-dikjarazzjoni tat-trażbord. Fir-rigward tad-derogi mogħtija għal ħatt l-art mhux imqassam minn sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir, sajd industrijali u sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tipprovdi aktar dettalji dwar kundizzjonijiet uniformi relatati ma’ ħatt l-art u l-użin ta’ prodotti tas-sajd fil-portijiet elenkati, bħall-involviment ta’ partijiet terzi indipendenti u akkreditati li jistgħu jiggarantixxu l-preċiżjoni tar-rappurtar tal-qabdiet ma’ ħatt l-art jew rekwiżiti għall-operazzjonijiet ta’ kampjunar u ta’ użin. Jenħtieġ li dawk il-kundizzjonijiet jiżguraw kontroll adegwat fuq dawn l-operazzjonijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-lista ta’ portijiet li jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet uniformi. L-istess jista’ japplika wkoll għall-elenkar tal-portijiet f’pajjiżi terzi, inkluż portijiet magħżula fil-qafas tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, dment li l-kontroll meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-pajjiż terz ikkonċernat u l-kooperazzjoni magħhom jiġu żgurati.

(35)

Meta bastiment tal-qbid isalpa, jenħtieġ li dan minnufih jibda ġurnal elettroniku ta’ abbord dwar is-sajd u jenħtieġ li għal dak il-vjaġġ jiġi assenjat numru ta’ identifikazzjoni uniku tal-vjaġġ tas-sajd. Il-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, id-dikjarazzjonijiet tat-trażbord u d-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art jenħtieġ li jinkludu referenza għal dak in-numru ta’ identifikazzjoni uniku tal-vjaġġ tas-sajd biex ikun jista’ jsir kontroll aħjar u titjieb il-validazzjoni tad-data mill-Istati Membri u t-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd fil-katina ta’ provvista.

(36)

Biex tittejjeb u tiġi ssimplifikata t-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar l-irkaptu tas-sajd u t-telf ta’ rkaptu tas-sajd lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, il-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar l-irkaptu tas-sajd u l-irkaptu tas-sajd mitluf. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika fuq is-sit web tagħha, fuq bażi annwali, ġabra ta’ informazzjoni dwar l-irkaptu tas-sajd mitluf ipprovduta mill-Istat Membru.

(37)

Ir-Regolament (UE) 2017/2403 jistabbilixxi regoli għal bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li jwettqu operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 38(1) ta’ dak ir-Regolament, bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi awtorizzati li jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni għandhom jikkonformaw mar-regoli ta’ kontroll li jirregolaw l-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd li joperaw fiha. Biex tiġi evitata r-ripetizzjoni u tiġi żgurata ċ-ċarezza, jenħtieġ li jitħassru xi dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 li speċifikament jistabbilixxu regoli għal bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi.

(38)

In-notifika minn qabel ta’ ħatt l-art tippermetti li jsir kontroll aħjar tal-konformità mar-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet u l-attivitajiet tas-sajd. Biex titjieb il-konformità mar-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar in-notifiki minn qabel japplikaw għall-bastimenti kollha b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar u mhux biss għal bastimenti tas-sajd li jistadu għall-istokkijiet skont il-pjanijiet pluriennali. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri kostali li jistabbilixxu perjodu iqsar għan-notifika minn qabel għal ċerti kategoriji ta’ bastimenti, dment li dan ma jxekkilx il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jispezzjonaw il-bastimenti malli jaslu.

(39)

Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jħottu l-art prodotti tas-sajd f’pajjiżi terzi jenħtieġ li jissottomettu notifika minn qabel lill-Istati Membri tal-bandiera tagħhom. Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jittrażbordaw prodotti tas-sajd fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi jew fl-ibħra internazzjonali jenħtieġ li jiksbu awtorizzazzjoni mingħand l-Istati Membri tal-bandiera tagħhom. Tali notifiki minn qabel u awtorizzazzjonijiet huma meħtieġa, b’kont meħud tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri tal-bandiera relatati mal-prevenzjoni ta’ prodotti tas-sajd li joriġinaw minn sajd IUU milli jidħlu fis-swieq internazzjonali.

(40)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni tad-data dwar il-qabdiet u l-isforz tas-sajd mill-Istati Membri jiġu emendati biex jinkludu data li tinsab fir-rekords tal-użin, fid-dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni u fid-dokumenti tat-trasport.

(41)

Jenħtieġ li r-regoli dwar is-sottomissjoni ta’ data aggregata dwar il-qabdiet u tal-isforz tas-sajd lill-Kummissjoni jiġu ssimplifikati billi tiġi prevista data waħda għas-sottomissjonijiet kollha.

(42)

Sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tingħata l-aktar data preċiża dwar il-qabdiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkoreġu d-data aggregata sottomessa lill-Kummissjoni meta qabel ikunu ssottomettew biss stimi, meta jidentifikaw inkonsistenzi wara li jkunu vvalidaw id-data, jew meta l-Kummissjoni tidentifika inkonsistenzi.

(43)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-qabdiet ta’ speċi, stokk jew grupp ta’ stokkijiet li huma soġġetti għal kwota għandhom jinqatgħu mill-kwota applikabbli għall-Istati Membri kkonċernati meta dan ikun meħtieġ skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(44)

Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni biex jingħalqu l-attivitajiet tas-sajd meta kwota tkun ġiet eżawrita jew meta jintlaħaq l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jenħtieġ li jiġu ssimplifikati, biex dan l-għeluq ikun jista’ jiġi ppubblikat fi żmien xieraq. Barra minn hekk, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu armonizzati mad-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu ta’ ħatt l-art stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(45)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-kapaċità tas-sajd jiġu aġġornati biex jirreferu għar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(46)

Jekk bastimenti tal-qbid joperaw b’magna li l-qawwa tagħha taqbeż il-qawwa ċċertifikata tal-magna kif iddikjarata fil-liċenzja tas-sajd u kif irreġistrata fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni, huwa impossibbli li tiġi żgurata l-konformità mal-limiti massimi tal-kapaċità stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-verifika tal-qawwa tal-magna jiġu ċċarati. Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi prevista l-possibbiltà li tiġi kkontrollata b’mod effettiv il-qawwa tal-magna ta’ ċerti bastimenti tal-qbid li jippreżentaw riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd dwar il-qawwa tal-magna jew li joperaw f’żoni speċifiċi, pereżempju permezz ta’ apparati li jimmonitorjaw il-qawwa tal-magna fuq bażi kontinwa. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu ssimplifikati d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-verifika tat-tunnellaġġ tal-bastimenti tal-qbid għall-finijiet tal-kontroll tal-kapaċità.

(47)

Biex tiġi żgurata konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, kull Stat Membru għandu jkun meħtieġ jistabbilixxi u jaġġorna b’mod regolari programm nazzjonali annwali jew pluriennali ta’ kontroll li jkopri r-regoli kollha tal-politika komuni tas-sajd. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kontroll jitwettaq abbażi ta’ analiżi tar-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità.

(48)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tal-kontroll u l-ispezzjoni tas-sajd, jenħtieġ li kull Stat Membru jippubblika rapport annwali darba fis-sena fuq is-sit web tiegħu li jinkludi ċerta informazzjoni minima kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, bħal data dwar ir-riżorsi disponibbli għall-kontroll u l-ispezzjonijiet, il-kontroll u l-ispezzjonijiet imwettqa, l-infrazzjonijiet identifikati u kkonfermati u s-sanzjonijiet imposti. Kull sena, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika ġabra tal-informazzjoni rilevanti rrappurtata mill-Istati Membri.

(49)

Sabiex ikun hemm aktar ċarezza, huwa xieraq li tiġi emendata d-definizzjoni ta’ “żona ristretta għas-sajd”. Jenħtieġ li dik id-definizzjoni tkopri żoni tal-baħar speċifiċi ddefiniti ġeografikament f’baċir tal-baħar wieħed jew aktar, inkluż żoni tal-baħar protetti, fejn l-attivitajiet tas-sajd kollha jew ċerti attivitajiet tas-sajd ikunu ristretti jew ipprojbiti fuq bażi temporanja jew permanenti sabiex tittejjeb il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew il-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd, bħal dawk imsemmija fl-Artikoli 12, 17 u 21 u fl-Anness II, il-Parti C tal-Annessi V sa VIII, il-Parti B tal-Anness XI u l-Partijiet C u D tal-Anness XII għar-Regolament (UE) 2019/1241, u fir-Regolament (UE) 2023/2124 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u żoni simili stabbiliti f’regoli oħra tal-politika komuni tas-sajd. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-regoli dwar il-kontroll f’żoni ristretti għas-sajd jittejbu, fosthom billi tintalab il-pubblikazzjoni tal-lista taż-żoni ristretti għas-sajd u r-restrizzjonijiet korrispondenti mill-Istati Membri fuq is-siti web uffiċjali tagħhom.

(50)

Attivitajiet li jikkonsistu fl-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar mingħajr l-użu ta’ bastiment tal-qbid jaqgħu fl-ambitu tal-politika komuni tas-sajd. Attivitajiet bħal dawn jinkludu, pereżempju, il-ġbir ta’ frott tal-baħar bil-qoxra, is-sajd taħt l-ilma, is-sajd fis-silġ u s-sajd mix-xatt, inkluż is-sajd tal-miexi. Għalhekk, sabiex il-kontroll ta’ dawn l-attivitajiet jiġi armonizzat madwar l-Unjoni, jenħtieġ li fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 tiġi introdotta definizzjoni ta’ “sajd mingħajr bastiment” u miżuri speċifiċi ta’ kontroll għal dawn l-attivitajiet, filwaqt li jitqiesu, fejn ikun meħtieġ, l-ispeċifiċitajiet ta’ dak is-sajd, inkluż l-ispeċifiċitajiet reġjonali.

(51)

Is-sajd rikreattiv għandu rwol importanti fl-Unjoni minn perspettiva bijoloġika, ekonomika u soċjali. Meta jitqiesu l-impatti sinifikanti tas-sajd rikreattiv fuq ċerti stokkijiet, hemm bżonn li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu li jsir kontroll effettiv tas-sajd rikreattiv mill-Istati Membri , inkluż sistema xierqa ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Il-ġbir ta’ data affidabbli dwar il-qabdiet minn ċertu sajd rikreattiv huwa meħtieġ biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jingħataw l-informazzjoni meħtieġa għal ġestjoni u kontroll effettivi tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istat Membru jkollu sistema fis-seħħ biex jikkontrolla b’mod effettiv il-qabdiet f’ċertu sajd rikreattiv, li jinkludi attivitajiet mhux kummerċjali mwettqa minn persuni individwali b’bastimenti tas-sajd jew attivitajiet organizzati minn entitajiet kummerċjali fis-setturi tat-turiżmu jew tal-kompetizzjonijiet sportivi.

(52)

Diġà ġew stabbiliti għadd ta’ miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi applikabbli għas-sajd rikreattiv skont il-politika komuni tas-sajd, b’mod partikolari fir-regolamenti tal-Kunsill li jistabbilixxu l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut jew gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut. Il-miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi diġà applikati jinkludu limiti tal-qabda u projbizzjonijiet fuq is-sajd f’ċerti perjodi jew, f’ċerti żoni jew b’ċertu rkaptu. Il-konservazzjoni ta’ speċijiet partikolari tista’ tirrikjedi l-użu ta’ miżuri oħra fil-futur minbarra dawk diġà applikati. L-infurzar tal-miżuri ta’ konservazzjoni applikabbli għas-sajd rikreattiv jirrikjedi l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ kontroll xierqa.

(53)

Bl-eċċezzjoni tal-projbizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni jew il-bejgħ tal-qabdiet mis-sajd rikreattiv, li għandha tiġi infurzata mill-Istati Membri kollha, jenħtieġ li r-regoli dwar il-kontroll tas-sajd rikreattiv japplikaw għall-Istati Membri kostali biss.

(54)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll fil-katina ta’ provvista jiġu ċċarati biex l-Istati Membri jwettqu kontroll u spezzjonijiet fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, mill-ewwel bejgħ sal-bejgħ bl-imnut, inkluż it-trasport u l-catering.

(55)

Sabiex jittejjeb il-kontroll tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, jenħtieġ li r-regoli dwar it-tqegħid ta’ dawk il-prodotti f’lottijiet u dwar it-tgħaqqid u l-qsim tal-lottijiet jiġu ċċarati u aġġornati.

(56)

F’konformità mar-rekwiżiti ta’ traċċabilità stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 931/2011 (16) jistabbilixxi ċerti regoli dwar it-traċċabilità għas-settur speċifiku tal-ikel li joriġina mill-annimali, jiġifieri li sett speċifiku ta’ informazzjoni jrid jinżamm irreġistrat mill-operaturi, jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fuq talba, u jiġi ttrasferit lill-operatur li lilu jiġi fornut il-prodott tas-sajd jew tal-akkwakultura. It-traċċabilità hija importanti mhux biss għall-finijiet ta’ sikurezza alimentari iżda anki biex ikun jista’ jsir il-kontroll, tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, jiġi miġġieled is-sajd IUU u jingħata kontribut biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta.

(57)

Għalhekk huwa xieraq li bħala bażi jintużaw ir-regoli eżistenti dwar it-traċċabilità kif stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 931/2011. Sett speċifiku ta’ informazzjoni dwar il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura jenħtieġ li jinżamm irreġistrat mill-operaturi, jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fuq talba, u jiġi ttrasferit lill-operatur li lilu jiġu fornuti l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Fil-każ ta’ prodotti tas-sajd li mhumiex importati, jenħtieġ li dik l-informazzjoni dwar it-traċċabilità tinkludi n-numru/i ta’ identifikazzjoni uniku/uniċi tal-vjaġġ tas-sajd peress li dan ser jagħmilha possibbli li lott speċifiku ta’ prodotti tas-sajd jintrabat ma’ ħatt l-art partikolari minn bastiment tas-sajd tal-Unjoni jew minn diversi bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-istess żona ġeografika rilevanti. Fil-każ ta’ sajd mingħajr bastiment, jenħtieġ li l-informazzjoni tinkludi n-numru/i ta’ identifikazzjoni uniku/uniċi tal-jum tas-sajd.

(58)

F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 931/2011, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar it-traċċabilità rilevanti għall-kontroll tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura tkun disponibbli mill-ewwel bejgħ sal-istadju tal-bejgħ bl-imnut. B’mod partikolari, din ser tagħmilha possibbli li l-informazzjoni li tingħata lill-konsumatur dwar l-ispeċi u l-oriġini tal-prodott tas-sajd jew tal-akkwakultura tkun preċiża.

(59)

L-istess regoli bħal dawk għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li joriġinaw mill-Unjoni jenħtieġ li japplikaw għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura importati minn pajjiżi terzi. Fil-każ ta’ prodotti importati, jenħtieġ li l-informazzjoni obbligatorja dwar it-traċċabilità tinkludi referenza għan-numri taċ-ċertifikat(i) tal-qabda sottomessi f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (17).

(60)

Sabiex tiġi żgurata trażmissjoni effettiva u puntwali tal-informazzjoni dwar it-traċċabilità li tikkonċerna l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, jenħtieġ li l-operaturi jagħmlu l-informazzjoni dwar il-prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3 tan-Nomenklatura Magħquda, stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (18), disponibbli b’mod diġitali fil-katina tal-provvista u għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

(61)

Bl-għan li tiġi żgurata traċċabilità effiċjenti għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li jaqgħu taħt l-intestaturi 1604 u 1605 tal-Kapitolu 16 tan-Nomenklatura Magħquda, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq studju li jinkludi analiżi tas-soluzzjonijiet jew tal-metodi disponibbli biex dawn il-prodotti jkunu jistgħu jiġu traċċati b’mod effettiv. Abbażi ta’ dak l-istudju, jenħtieġ li l-Kummissjoni, permezz ta’ atti delegati, tadotta regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti ta’ traċċabilità għal-lottijiet ta’ dawn il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

(62)

Fil-każ ta’ prodotti tas-sajd mibjugħa direttament mill-bastimenti tas-sajd lill-konsumaturi finali, ir-regoli relatati mat-traċċabilità, ix-xerrejja rreġistrati u n-noti tal-bejgħ jenħtieġ li ma japplikawx għal kwantitajiet taħt ċerti limiti. Jenħtieġ li dawk il-limiti jkunu armonizzati u jkunu baxxi biżżejjed biex jimminimizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd li ma jkunux jistgħu jiġu traċċati, u għalhekk ikkontrollati, u li jistgħu jikkontribwixxu għall-kummerċ illegali.

(63)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd, l-affidabbiltà u l-ġbir komprensiv tad-data dwar il-qabdiet huma ta’ importanza assoluta. B’mod partikolari, jenħtieġ li r-reġistrazzjoni tal-qabdiet fil-mument ta’ ħatt l-art issir bl-aktar mod affidabbli possibbli. Għal dak l-għan, hemm bżonn li jissaħħu l-proċeduri li jikkonċernaw l-użin tal-prodotti tas-sajd ma’ ħatt l-art, mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat fuq l-operaturi.

(64)

Jenħtieġ li l-użin isir fuq sistemi approvati mill-awtoritajiet kompetenti u mill-operaturi rreġistrati mill-Istati Membri biex iwettqu dak il-kompitu. Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li l-prodotti kollha jintiżnu għal kull speċi ma’ ħatt l-art sabiex jiġi żgurat rappurtar preċiż tal-qabdiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-rekords tal-użin jinżammu għal tliet snin.

(65)

Jenħtieġ li l-użin tal-kampjuni, l-użin abbord jew l-użin wara t-trasport jitħallew isiru biss taħt kundizzjonijiet stretti. Wara l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ kampjunar, pjanijiet ta’ kontroll u programmi ta’ kontroll komuni mill-Kummissjoni, għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jippermettu li l-prodotti tas-sajd jintiżnu f’konformità ma’ dawk il-pjanijiet ta’ kampjunar, il-pjanijiet ta’ kontroll jew il-programmi ta’ kontroll komuni.

(66)

Sabiex jitjieb il-kontroll u tkun tista’ ssir il-validazzjoni rapida tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet u l-iskambju rapidu ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, hemm bżonn li l-operaturi kollha jirreġistraw id-data b’mod diġitali u jissottomettu dik id-data b’mezzi elettroniċi lill-Istati Membri. Dak jikkonċerna, b’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art, in-noti tal-bejgħ u d-dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni.

(67)

Minħabba d-disponibbiltà ta’ għodod teknoloġiċi adegwati, jenħtieġ li r-rekwiżit li d-data tiġi rreġistrata b’mod diġitali u tiġi sottomessa b’mod elettroniku lill-Istati Membri japplika għax-xerrejja rreġistrati kollha ta’ prodotti tas-sajd.

(68)

Jenħtieġ li t-trażmissjoni tad-dokumenti tat-trasport lill-Istati Membri rilevanti tiġi ssimplifikata u ssir qabel ma jibda t-trasport biex tippermetti l-kontroll u l-ispezzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti.

(69)

Id-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art, in-noti tal-bejgħ, id-dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni u d-dokumenti tat-trasport jenħtieġ li jinkludu referenza għan-numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-vjaġġ tas-sajd sabiex ikun jista’ jsir kontroll imsaħħaħ u jittejbu l-validazzjoni tad-data mill-Istati Membri u t-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd fil-katina tal-provvista. Fil-każ ta’ sajd mingħajr bastiment, in-noti tal-bejgħ, id-dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni u d-dokumenti tat-trasport jenħtieġ li jinkludu n-numru/i uniku/uniċi ta’ identifikazzjoni tal-jum tas-sajd u jenħtieġ li jsiru għadd ta’ aġġustamenti f’dispożizzjonijiet oħra biex tiġi indirizzata l-inklużjoni tas-sajd mingħajr bastiment.

(70)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 dwar il-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-monitoraġġ tal-arranġamenti tal-prezzijiet u ta’ intervenzjoni ma għadhomx rilevanti u jenħtieġ li jitħassru, peress li dan il-monitoraġġ issa huwa previst fir-Regolament (UE) Nru 1379/2013.

(71)

Spezzjonijiet li jinvolvu uffiċjali kemm tal-Istat Membru tal-bandiera kif ukoll tal-Istat Membru kostali jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ għarfien espert. Għalhekk, jenħtieġ li Stat Membru kostali jkollu l-possibbiltà li jistieden uffiċjali ta’ Stat Membru tal-bandiera biex jieħdu sehem fi spezzjonijiet ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru meta dawk il-bastimenti jkunu qed joperaw fl-ilmijiet tal-Istat kostali jew iħottu l-art fil-portijiet tiegħu jew fil-postijiet ta’ ħatt l-art tiegħu.

(72)

Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi jikkonformaw mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jistabbilixxi kif jenħtieġ li jipproċedu l-uffiċjali fil-każ ta’ infrazzjonijiet possibbli ta’ dawk ir-regoli. Dan jenħtieġ li jinkludi regoli dwar kif għandhom jiġu ttrattati infrazzjonijiet identifikati fejn l-uffiċjali jkollhom raġuni biex jemmnu, abbażi ta’ spezzjonijiet jew kwalunkwe data jew informazzjoni rilevanti, li seta’ kien hemm infrazzjoni tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd u qabel deċiżjoni minn qorti jew awtorità kompetenti li tikkonferma jekk tali infrazzjoni tkunx seħħitx jew le.

(73)

Biex tittejjeb il-valutazzjoni tar-riskju li ssir mill-awtoritajiet nazzjonali meta jippjanaw l-attivitajiet ta’ kontroll u l-effettività tal-ispezzjonijiet, jenħtieġ li jissaħħu r-rekwiżiti li jikkonċernaw ir-reġistru nazzjonali dwar il-każijiet ta’ infrazzjoni.

(74)

Is-sanzjonijiet u l-miżuri l-oħra previsti fir-Regolamenti (KE) Nru 1224/2009 u (KE) Nru 1005/2008 jenħtieġ li jiġu applikati mill-Istati Membri b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat.

(75)

Jenħtieġ li jissaħħu r-regoli u l-proċeduri dwar in-notifika ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-miżuri meħuda u s-sanzjonijiet imposti mill-Istati Membri kontra ċittadini jew bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stati Membri oħra jew ta’ pajjiżi terzi, inkluż dawk li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-punti għal infrazzjoni serja tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, sabiex jittejbu l-kontroll u l-infurzar tas-sajd ġewwa u barra l-ilmijiet tal-Unjoni.

(76)

Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri rigward it-trattament ġudizzjarju u amministrattiv ta’ dawk li jiksru r-regoli tal-politika komuni tas-sajd, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta’ mġiba li tikkostitwixxi infrazzjoni serja ta’ dawk ir-regoli jenħtieġ li jiġu ċċarati u msaħħa.

(77)

Biex tiġi żgurata deterrenza effettiva kontra l-aktar imġiba dannuża, f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, hemm bżonn li tiġi stabbilita lista eżawrjenti ta’ infrazzjonijiet li għandhom jitqiesu bħala serji fiċ-ċirkostanzi kollha. Barra minn hekk, hemm infrazzjonijiet oħra tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd li jenħtieġ li jitqiesu bħala serji meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Sabiex jiġu żgurati infurzar effettiv u proporzjonat kif ukoll approċċ armonizzat madwar l-Unjoni, hemm bżonn li tiġi stabbilita lista eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti meta jkunu qed jiddeterminaw is-serjetà ta’ tali infrazzjonijiet.

(78)

Jenħtieġ li infrazzjonijiet serji jkunu soġġetti għal sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(79)

Meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari li l-kontenut ta’ kwalunkwe wieħed mill-kriterji biex infrazzjoni titqies bħala serja ma jkunx biżżejjed biex jiġi żgurat infurzar effettiv u proporzjonat tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd mill-Istati Membri u bejniethom, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li tadatta dawk il-kriterji, permezz ta’ atti delegati. Meta tkun qed teżerċita s-setgħa mogħtija lilha biex temenda dawk il-kriterji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis, b’mod partikolari, il-pariri tal-grupp ta’ esperti dwar il-konformità msemmi fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jew is-sejbiet tar-rapport imħejji mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 118(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Jenħtieġ li ebda emenda bħal din ma żżid xi kriterju ġdid u jenħtieġ li tħassar biss kriterji f’każijiet eċċezzjonali fejn ikun hemm indikazzjonijiet ċari li dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat infurzar effettiv u proporzjonat tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd mill-Istati Membri u bejniethom.

(80)

Fir-rigward ta’ ksur serju, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu penali finanzjarji amministrattivi, mingħajr preġudizzju għal sanzjonijiet xierqa oħra u miżuri ta’ akkumpanjament, u jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli minimi għal tali penali finanzjarji amministrattivi. Alternattivament, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jipprevedu rati standard ta’ penali finanzjarji amministrattivi, u jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli xierqa għal tali rati standard. Jenħtieġ li dawk il-livelli minimi u r-rati standard ikunu mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jiddevjaw minn dawk il-livelli minimi f’każijiet individwali, f’konformità mal-liġi nazzjonali, sabiex jitqiesu ċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u mitiganti oħra speċifiċi tal-każ, bħall-kooperazzjoni mal-infurzar tal-liġi, l-età tat-trasgressur jew il-kapaċità mnaqqsa tat-trasgressur. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew ukoll, alternattivament, jipprevedu sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi filwaqt li jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet ikollhom effett ekwivalenti għall-penali finanzjarji amministrattivi. Dak jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni tal-qrati li jiddeterminaw is-sanzjonijiet kriminali f’każijiet individwali, f’konformità mal-liġi nazzjonali, u li jqisu ċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u mitiganti oħra speċifiċi tal-każ.

(81)

Sabiex jiżdiedu l-livelli ta’ konformità u titnaqqas il-probabbiltà li jitwettaq ksur serju, jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw sistema ta’ punti u jassenjaw punti lid-detenturi tal-liċenzji tas-sajd u lill-kaptani tal-bastimenti tal-qbid ikkonċernati fil-każ ta’ ksur serju kkonfermat. Jenħtieġ li l-punti ma jiġux assenjati fil-każ ta’ ksur b’bastimenti li ma jkollhomx nazzjonalità, ksur relatat mat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura u t-twettiq ta’ negozju marbut direttament mas-sajd IUU, u ksur li jikkonċerna attivitajiet tas-sajd rikreattiv. Il-punti ma għandhomx jiġu assenjati wkoll fil-każ ta’ ksur relatat man-nuqqas ta’ ssodisfar tal-obbligi biex tiġi rreġistrata, maħżuna u rrappurtata b’mod preċiż data relatata mal-attivitajiet tas-sajd, jekk il-ksur ikkonċernat ma jkunx applikabbli għad-detentur tal-liċenzja tas-sajd jew għall-kaptan.

(82)

Sabiex jiġi żgurat l-effett deterrenti kontinwu tas-sistema ta’ punti għad-detenturi ta’ liċenzja tas-sajd, il-punti assenjati jenħtieġ li jiġu ttrasferiti lid-detentur il-ġdid tal-liċenzja tas-sajd fil-każ li l-bastiment jew il-liċenzja tas-sajd jinbiegħu, jiġu ttrasferiti jew inkella jinbidlu s-sjieda wara d-data tal-ksur, inkluż lil operatur fi Stat Membru ieħor.

(83)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti għall-kaptani, is-sistema tal-punti għall-kaptani tiġi armonizzata u allinjata mas-sistema ta’ punti għad-detenturi tal-liċenzji. Bħala tali, jenħtieġ li l-Istati Membri tal-bandiera jassenjaw punti lill-kaptani tal-bastimenti tal-qbid li jtajru l-bandiera tagħhom meta jkunu wettqu ksur serju skont ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istat Membru li tiegħu l-kaptan huwa ċittadin jiġi infurmat u jirreġistra l-punti assenjati lil dak il-kaptan, fil-każ li dawk il-punti jkunu ġew assenjati minn Stat Membru ieħor.

(84)

Bl-għan li jinkisbu aħjar kundizzjonijiet ekwivalenti u kultura ta’ konformità fl-Unjoni u barra minnha, jenħtieġ li l-kaptani li għalihom tkun ġiet attivata s-sospensjoni jew l-irtirar tad-dritt tal-kmand ta’ bastiment tas-sajd minħabba l-assenjazzjoni ta’ punti ma jitħallewx joperaw bħala kaptani ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni, b’mod permanenti jew sakemm iddum is-sospensjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw ma’ xulxin għal dak l-għan.

(85)

Jenħtieġ li l-ksur serju jinkludi l-użu ta’ rkaptu jew metodi tas-sajd ipprojbiti bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/1241 jew fi kwalunkwe regola ekwivalenti oħra tal-politika komuni tas-sajd li jkun fiha projbizzjonijiet ġenerali simili fuq l-użu ta’ ċertu rkaptu jew metodi tas-sajd.

(86)

Bl-għan li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd dwar il-kapaċità tas-sajd, jenħtieġ li ċerti attivitajiet li jikkonsistu fil-manipulazzjoni tal-magni tal-bastimenti, għall-fini li tiżdied il-qawwa tagħhom, jew l-użu ta’ magna manipulata, jitqiesu bħala ksur serju skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(87)

Sabiex tissaħħaħ il-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd u biex jittejjeb il-ġbir tad-data, jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn ksur serju li jikkonsisti fi ksur tar-regoli dwar il-marġni ta’ tolleranza għall-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd u d-dikjarazzjonijiet tat-trażbord, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u bejn ksur serju ieħor li jikkonsisti f’nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li tiġi rreġistrata, maħżuna u rrapportata b’mod preċiż data relatata mal-attivitajiet tas-sajd, abbażi ta’ ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni u rappurtar ta’ kwalunkwe qabda ta’ speċi soġġetta għall-obbligu ta’ ħatt l-art jikkwalifika bħala serju taħt il-kategorija tal-aħħar skont is-serjetà tar-reat, li għandha tiġi ddeterminata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ, bħal, fejn applikabbli, l-ispeċifiċitajiet tas-sajd ikkonċernat. Għal dak l-għan, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni speċjali lin-natura u l-firxa tal-imġiba, inkluż il-qabdiet ġenerali, il-kwantità, it-tip u l-proporzjon tal-qabdiet mhux irrapportati, inkluż fid-dawl tal-marġni ta’ tolleranza applikabbli, u kwalunkwe indikazzjoni ta’ intenzjoni li jiġu evitati r-regoli dwar il-mili tal-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd jew tad-dikjarazzjonijiet tat-trażbord.

(88)

Huwa xieraq li jiġi speċifikat liema attivitajiet taċ-ċittadini tal-Istati Membri u tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fir-rigward tal-involviment f’sajd IUU jew l-appoġġ għalih jenħtieġ li jikkostitwixxu ksur serju. Minbarra l-imġiba li tikkostitwixxi ksur serju tar-regoli dwar l-attivitajiet tas-sajd, jenħtieġ li jitqies ukoll bħala ksur serju t-twettiq ta’ negozju marbut direttament mas-sajd IUU, inkluż l-importazzjoni jew il-kummerċ fi prodotti tas-sajd li ġejjin minn sajd IUU, bħax-xiri ta’ tali prodotti mwettaq mingħajr id-dokumenti kollha meħtieġa legalment.

(89)

L-Artikolu 5 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jipprevedu li ħadd ma għandu jkun meħtieġ iwettaq xogħol furzat jew obbligatorju. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni Nru 29 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ix-Xogħol Furzat, li tirrikjedi li l-eżazzjoni illegali ta’ xogħol furzat jew obbligatorju għandha tkun punibbli bħala reat penali u għandha tkun soġġetta għal penali imposti bil-liġi li huma verament adegwati u infurzati b’mod strett. Barra minn hekk, it-twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd bl-użu ta’ xogħol furzat imur kontra l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd, b’mod partikolari li l-attivitajiet tas-sajd għandhom jiġu ġestiti b’mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkiseb benefiċċju soċjali u tal-impjieg u li jikkontribwixxu għal standard tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd. Dan idgħajjef ukoll il-kundizzjonijiet ekwivalenti għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura kkummerċjalizzati fl-Unjoni. Għalhekk, it-twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd bl-użu tax-xogħol furzat jenħtieġ li jitqies bħala ksur serju, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe sanzjoni kriminali għax-xogħol furzat f’konformità mal-obbligi tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat.

(90)

L-entitajiet nazzjonali inkarigati mill-attivitajiet ta’ kontroll tas-sajd kif ukoll kwalunkwe korp ġudizzjarju rilevanti għandu jkollhom aċċess għar-reġistru nazzjonali dwar il-każijiet ta’ ksur. Skambju ta’ informazzjoni trasparenti għalkollox li jinsab fir-reġistri nazzjonali bejn l-Istati Membri ser itejjeb l-effettività wkoll u jiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-attivitajiet ta’ kontroll.

(91)

Skont ftehimiet internazzjonali, is-sajd eċċessiv minn Stat Membru jista’ jwassal għal tnaqqis tal-kwota tal-Unjoni skont dak il-ftehim internazzjonali. Fil-każ ta’ tali tnaqqis, jenħtieġ li l-Kunsill, meta jalloka l-opportunitajiet tas-sajd għal dak l-istokk jew grupp ta’ stokkijiet skont l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għas-sena li għaliha jsir dak it-tnaqqis u, jekk ikun meħtieġ, għas-sena ta’ wara, jaġġusta l-kwoti tal-Istati Membri b’tali mod li l-Istati Membri li ma jkunux stadu b’mod eċċessiv ma jsofrux mit-tnaqqis tal-kwota tal-Unjoni.

(92)

Pass importanti fl-iżgurar li d-data miġbura mill-Istati Membri skont ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 tkun affidabbli u kompluta huwa l-validazzjoni. Is-sett ta’ data li għandu jiġi vvalidat u l-obbligi tal-Istati Membri fil-każ ta’ inkonsistenzi jenħtieġ li jiġu ċċarati.

(93)

Biex tissodisfa d-dmirijiet tagħha skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni jkollha aċċess għal data varja miġbura mill-Istati Membri. Jenħtieġ li jiġi ċċarat liema data jenħtieġ li tkun aċċessibbli għall-Kummissjoni u liema kompiti għandha twettaq il-Kummissjoni bl-użu ta’ dik id-data.

(94)

Id-data miġbura mill-Istati Membri huma wkoll tassew siewja għal skopijiet xjentifiċi. Għandu jiġi ċċarat li l-korpi xjentifiċi indipendenti li huma rikonoxxuti fil-livell nazzjonali, fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell internazzjonali jistgħu jiġu pprovduti aċċess għad-data miġbura f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, b’mod partikolari għal data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti u għal data dwar l-attivitajiet tas-sajd. Qabel ma jittrasferixxu tali data, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw jekk ir-riċerka xjentifika tistax titwettaq abbażi ta’ data psewdonimizzata jew anonimizzata u, jekk iva, jipprovdu lil dawk il-korpi xjentifiċi b’data li tkun tneħħietilha l-identifikazzjoni b’dak il-mod. Id-data dwar l-attività tas-sajd miġbura mill-Istati Membri hija wkoll ta’ valur għall-produzzjoni tal-istatistika, b’mod partikolari mill-Eurostat, li jenħtieġ li jkun jista’ juża dik id-data biex jipproduċi statistika dwar is-sajd.

(95)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta’ Lulju 2012, għal kull aġenzija jenħtieġ li ssir evalwazzjoni kull ħames snin ikkummissjonata mill-Kummissjoni. Minħabba li għadd ta’ sfidi tas-sajd u sfidi ambjentali huma interkonnessi sew, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni perjodika li jmiss tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (“EEA”), ser tikkunsidra kif tista’ ttejjeb il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni rilevanti tad-data bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (l-“Aġenzija”) u l-EEA u f’liema format tista’ tiġi formalizzata tali kooperazzjoni msaħħa, inkluż, jekk ikun meħtieġ, billi tippreżenta kwalunkwe proposta leġiżlattiva rilevanti jew miżura oħra għal dak l-għan.

(96)

Peress li l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri hu kruċjali għall-obbligi ta’ kontroll u ta’ infurzar skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd, id-dispożizzjonijiet relatati mat-tali skambji għandhom jiġu ċċarati.

(97)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvalida d-data dwar il-qabdiet ipprovduta mill-Istati Membri u tissodisfa l-obbligi tagħha fil-kuntest ta’ ftehimiet internazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, permezz ta’ skambju elettroniku dirett, data dwar l-attività tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom.

(98)

Is-sett ta’ data miġbura mill-Istati Membri li għalih jenħtieġ li jkollha aċċess il-Kummissjoni, bħad-data dwar l-attivitajiet tas-sajd, id-data ta’ kontroll, u d-data dwar il-ksur, jista’ jinkludi data personali. Minħabba li n-numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-vjaġġ tas-sajd, l-isem tal-bastiment tas-sajd jew, fil-każ ta’ sajd mingħajr bastiment, in-numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-jum tas-sajd jistgħu jippermetti li jiġu identifikati persuni fiżiċi, bħas-sid jew il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd, informazzjoni li fiha data bħal din tista’ wkoll, f’ċerti ċirkostanzi, tikkostitwixxi data personali.

(99)

Ir-Regolamenti (UE) 2016/679 (19) u (UE) 2018/1725 (20) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u għal ċertu pproċessar ta’ data personali, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), huma applikabbli meta data personali tiġi pproċessata fil-kuntest tar-Regolamenti (KE) Nru 1005/2008 u (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), u jenħtieġ li jiġi żgurat li jitħarsu l-obbligi relatati mal-protezzjoni tad-data personali fi kwalunkwe ħin u fil-livelli kollha.

(100)

L-ipproċessar tad-data personali li tinsab fl-informazzjoni miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli u l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd u l-konformità magħhom. B’mod partikolari, għall-fini tal-monitoraġġ tal-opportunitajiet tas-sajd, inkluż l-użu tal-kwota, l-iżgurar tal-konformità ma’ miżuri oħra ta’ ġestjoni u konservazzjoni, il-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, jew it-twettiq ta’ valutazzjoni li tippermetti kontroll ibbażat fuq ir-riskju, l-Istati Membri jeħtieġ li jipproċessaw id-data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti, il-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd, id-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art, in-noti tal-bejgħ u data oħra dwar l-attivitajiet tas-sajd sabiex iwettqu l-validazzjoni u l-kontroverifiki. Dak huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li d-data ppreżentata mill-operaturi tkun kompluta u preċiża u li l-operaturi jikkonformaw mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd. Sabiex tkun tista’ tiċċekkja u tevalwa l-applikazzjoni tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd permezz ta’ verifiki, spezzjonijiet jew awditi u biex timmonitorja l-attivitajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha jkollha aċċess u tkun tista’ tipproċessa, flimkien mad-data dwar l-attivitajiet tas-sajd, id-data li tinsab fir-rapporti tal-osservatur tal-kontroll u l-ispezzjoni u d-data relatata mal-ksur. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tħejjija u l-monitoraġġ ta’ konformità ma’ ftehimiet internazzjonali u ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tipproċessa data dwar l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra mill-ibħra tal-Unjoni, inkluż in-numri ta’ identifikazzjoni tal-bastimenti, u l-ismijiet ta’ sid il-bastiment u l-kaptan tal-bastiment. L-ipproċessar tad-data dwar l-attivitajiet tas-sajd jista’ jkun meħtieġ ukoll għall-fini li jiġu ppruvati, difiżi jew stabbiliti d-drittijiet tas-sajd ta’ bastimenti tas-sajd individwali, tal-Istati Membri jew tal-Unjoni.

(101)

Jenħtieġ li l-Istati Membri, il-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha ma jaħżnux data personali għal aktar żmien milli jkun meħtieġ biex jintlaħqu l-finijiet li għalihom jeħtieġ li tiġi pproċessata d-data personali. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti perjodi massimi ta’ żamma għad-data personali pproċessata fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(102)

Sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-Kummissjoni, il-korp maħtur minnha u l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jżommu, fejn meħtieġ għal ċerti skopijiet, data personali li tinsab fl-informazzjoni miġbura skont dak ir-Regolament għal perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin wara li jiksbu d-data rilevanti. L-Istati Membri jwettqu validazzjoni tad-data matul is-snin preċedenti sabiex jivverifikaw u jikkoreġu d-data bil-ħsieb li jiżguraw data kompluta u preċiża. L-Istati Membri jivvalutaw ukoll id-data mis-snin preċedenti biex iwettqu l-ġestjoni tar-riskju. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tevalwa l-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd mill-Istati Membri, u għal dak l-għan għandha teżamina d-data miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 li tikkonċerna diversi snin preċedenti, pereżempju meta twettaq awditi u verifiki.

(103)

Madankollu, f’każ ta’ segwitu ta’ ksur, spezzjonijiet, verifiki, ilmenti jew awditi, jew f’każ ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li jkunu għaddejjin, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jżommu ċerta data sa tmiem il-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji kkonċernati jew iż-żmien meħtieġ għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet minħabba l-ħtieġa li dik id-data tintuża matul il-perjodu kollu meta tali proċedimenti jkunu għaddejjin u għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, bħas-sistema tal-punti.

(104)

Barra minn hekk, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu evidenza tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, pereżempju fejn meħtieġ biex juru konformità mal-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont ftehimiet internazzjonali jew biex jappoġġaw pretensjonijiet ta’ drittijiet storiċi jew drittijiet oħra tas-sajd, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu rekords tad-data tal-attivitajiet tas-sajd għal perjodu ta’ mhux aktar minn għaxar snin.

(105)

Ċerta data relatata ma’ attivitajiet tas-sajd fl-imgħoddi hija meħtieġa għall-finijiet tal-evalwazzjonijiet tal-politika u tal-valutazzjonijiet tal-impatt kif ukoll tar-riċerka xjentifika u tal-pariri xjentifiċi, li jirfdu l-ġestjoni tal-attivitajiet tas-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-politika komuni tas-sajd. It-tendenzi u x-xejriet fl-iżvilupp tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar normalment jeħtieġu perspettiva u analiżi aktar fit-tul tad-data matul għexieren ta’ snin. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu ċerta data personali għal perjodu ta’ mhux aktar minn 25 sena biex tkun tista’ ssir l-analiżi tal-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u l-ambjent fuq perjodi itwal ta’ żmien.

(106)

F’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/679, il-kontrolluri għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li jiżguraw il-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku. Jenħtieġ li jkun hemm konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data meta jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-installazzjoni u l-funzjonament tas-sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod, inkluż is-CCTV. B’mod partikolari, dawk is-sistemi jenħtieġ li jitfasslu u jiġu implimentati b’tali mod li jeskludu, sa fejn ikun possibbli, l-immaġnijiet u l-identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi fuq materjal vidjo rreġistrat miksub minn sistemi elettroniċi remoti, u jenħtieġ li jiġu pprovduti salvagwardji fejn tali identifikazzjoni tiġi identifikata b’mod eċċezzjonali.

(107)

L-obbligi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fir-rigward tal-informazzjoni koperta mis-segretezza professjonali u kummerċjali, miġbura, irċevuta u trażmessa fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jenħtieġ li jiġu ċċarati. Jenħtieġ li tali informazzjoni tiġi trażmessa biss lil persuni għajr dawk fl-Istati Membri, il-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu li jkollhom tali aċċess, bil-kunsens tal-Istat Membru jew tal-istituzzjoni li tkun ipprovdiet l-informazzjoni. F’każ ta’ rifjut li jingħata tali kunsens, jenħtieġ li jiġu pprovduti r-raġunijiet għar-rifjut.

(108)

Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex timplimenta xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

(109)

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jeħtieġ li s-setgħat ikkonferiti skont ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jkunu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 TFUE.

(110)

Jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1224/2009 b’regoli speċifiċi li jirregolaw il-kontroll, fir-rigward ta’:

ir-regoli li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ ħsara fis-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar, fir-rigward tal-monitoraġġ tal-bastimenti, tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, tan-notifika minn qabel, u tad-dikjarazzjonijiet tat-trażbord u tal-ħatt l-art;

l-eżenzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ bastimenti tas-sajd mill-obbligu li jimlew u jissottomettu notifika minn qabel u dikjarazzjoni tat-trażbord;

l-eżenzjoni ta’ ċerti stokkijiet mill-obbligu li jiġu stivati stokkijiet demersali soġġetti għal pjanijiet pluriennali separatament;

ir-regoli dettaljati li jikkonċernaw il-funzjonament tas-sistemi ta’ traċċabilità;

ir-regoli dwar il-proċeduri tal-użin u r-regoli speċjali għal speċijiet pelaġiċi żgħar;

ir-regoli dwar l-osservaturi tal-kontroll;

ir-regoli dwar l-ispezzjonijiet għall-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi tal-Istati Membri;

is-segwitu għas-sospensjoni jew l-irtirar tal-liċenzja tas-sajd u l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw it-tħassir tal-punti;

ir-rekwiżiti minimi għall-programmi nazzjonali ta’ kontroll , ir-rapporti annwali dwar il-kontroll u l-ispezzjonijiet u l-istabbiliment ta’ punti ta’ riferiment;

l-issettjar tal-iskadenza għall-Istati Membri biex juru li l-istokkijiet jistgħu jiġu sfruttati b’mod sikur;

it-tnaqqis ta’ kwoti minħabba nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

Is-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata wkoll lill-Kummissjoni sabiex temenda l-lista ta’ kriterji stabbiliti fl-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Huwa ta’ importanza partikolari li, matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adegwati, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (23). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(111)

Jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fir-rigward ta’:

il-liċenzji tas-sajd u l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd;

l-immarkar u l-identifikazzjoni tal-bastimenti tas-sajd, tal-irkaptu u tal-inġenji;

ir-rekwiżiti tekniċi u l-karatteristiċi tas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti;

il-marġni ta’ tolleranza;

il-fatturi ta’ konverżjoni biex il-piż tal-ħut maħżun jew proċessat jiġi kkonvertit f’piż ta’ ħut ħaj;

il-kontenut tad-data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti u l-kontenut u l-format, ir-regoli li jikkonċernaw it-tlestija u r-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni diġitali tal-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd, id-dikjarazzjonijiet tat-trażbord, u d-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art;

ir-rekwiżiti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistemi REM, inkluż is-CCTV, id-determinazzjoni tas-segmenti tal-flotta u t-trattament tad-data minn tali sistemi;

il-format għas-sottomissjoni ta’ data dwar ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet u tal-isforz tas-sajd lill-Kummissjoni;

ir-rimedji fil-każ ta’ preġudizzju kkawżat lil Stat Membru;

il-verifika tal-qawwa tal-magni u t-tunnaġġ tal-bastimenti tal-qbid, u l-verifika tat-tip, l-għadd u l-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd;

ir-rekwiżiti tekniċi u l-karatteristiċi tas-sistemi għall-monitoraġġ kontinwu tasl-qawwa tal-magna;

iċ-ċertifikat tal-qawwa tal-magna;

ir-regoli dwar id-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet għas-sajd mingħajr bastiment;

għas-sajd rikreattiv, il-lista ta’ speċijiet, stokkijiet jew gruppi ta’ stokkijiet li għalihom japplikaw ir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni, l-irrekordjar u r-rappurtar, is-sottomissjoni tad-data dwar il-qabdiet u l-immarkar tal-irkaptu tas-sajd;

pjanijiet għat-teħid ta’ kampjuni, pjanijiet ta’ kontroll u programmi ta’ kontroll komuni għall-użin;

il-proċeduri tal-użin, ir-rekords tal-użin u s-sistemi tal-użin;

ir-regoli dettaljati dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ akkwist u d-dokumenti tat-trasport;

ir-rapporti ta’ sorveljanza u r-rapporti ta’ spezzjoni;

it-tħaddim tal-bażi tad-data għar-rapporti ta’ spezzjoni u sorveljanza;

l-iffissar tal-kwantitajiet fuq il-bażi tal-kwoti fil-każ ta’ miżuri korrettivi;

it-tħaddim tas-sistema ta’ punti għad-detenturi ta’ liċenzji u għall-kaptani;

programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni;

l-aċċess għad-data u l-iskambju ta’ data;

ir-rapportar mill-Istati Membri; u

l-assistenza reċiproka.

Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24).

(112)

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jeħtieġ li jiġu adattati xi dispożizzjonijiet li jikkonferixxu setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-Kunsill waħdu, sabiex jinġiebu konformi mal-proċeduri l-ġodda applikabbli għall-politika komuni tas-sajd. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 rigward l-elementi li ġejjin jinkitbu mill-ġdid: l-adozzjoni f’kull pjan pluriennali ta’ limitu massimu tal-qabdiet li jekk jinqabeż ikun irid jintuża port magħżul jew post ta’ ħatt l-art u l-frekwenza tal-komunikazzjoni tad-data; u l-istabbiliment ta’ skema tal-osservatur tal-kontroll.

(113)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jiġi emendat skont dan.

(114)

Għal raġunijiet ta’ konsistenza mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-objettivi tar-Regolament (UE) 2019/473 jenħtieġ li jitwessgħu. Jenħtieġ li l-missjoni tal-Aġenzija tkopri l-armonizzazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd. Jenħtieġ li tinkludi riċerka u żvilupp fil-qasam tat-tekniki ta’ kontroll u spezzjoni, inkluż, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-iżvilupp ta’ proġetti pilota, u l-għoti ta’ assistenza lill-Kummissjoni f’oqsma speċifiċi.

(115)

Għandu jiġi żgurat li jkun hemm konformità mal-obbligi li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ data personali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725 jiġu rrispettati mill-Aġenzija fil-kuntest tal-ipproċessar u tal-iskambju ta’ data.

(116)

Il-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jistieden rappreżentanti tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni biex jieħdu sehem fil-laqgħat tiegħu.

(117)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/473 dwar il-kompożizzjoni tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija jenħtieġ li jiġu emendati sabiex jipprevedu l-inklużjoni ta’ rappreżentant wieħed tal-Parlament Ewropew, f’konformità mal-Approċċ Komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati. Jenħtieġ li tali inklużjoni tkun mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Parlament Ewropew dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija. Il-membri kollha tal-Bord Amministrattiv jenħtieġ li jinħatru abbażi tal-esperjenza u l-għarfien espert rilevanti tagħhom fil-qasam tal-kontroll u l-ispezzjoni tas-sajd, u jenħtieġ li ma jkollhom l-ebda kunflitt ta’ interess dirett jew indirett li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom. Jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni biss ikollhom id-drittijiet tal-vot.

(118)

Jenħtieġ li l-Aġenzija tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Aġenzija tkun tista’ tikkonkludi ftehimiet amministrattivi ma’ korpi oħra tal-Unjoni li huma involuti wkoll fl-implimentazzjoni ta’ dik il-politika.

(119)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-abbozz ta’ dokument uniku ta’ programmazzjoni mħejji mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jiġi ppreżentat lill-Bord Amministrattiv .

(120)

Għall-fini li tiġi żgurata programmazzjoni konsistenti u biex ir-Regolament (UE) 2019/473 jiġi allinjat mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (25), jenħtieġ li l-Aġenzija tfassal dokument uniku ta’ programmazzjoni li jkun fih il-programmazzjoni annwali u pluriennali.

(121)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-Aġenzija jenħtieġ li tkun tista’ tirċievi fondi fil-forma ta’ ftehimiet ta’ delega jew ta’ għotjiet ad-hoc, mingħajr preġudizzju għal tipi oħra ta’ introjtu.

(122)

Id-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni perjodika tal-Aġenzija mill-Kummissjoni jenħtieġ li jiġu ċċarati u allinjati mal-Approċċ komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Aġenzija jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex jipproduċu dik l-evalwazzjoni. Għall-finijiet ta’ dik l-evalwazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tfittex ukoll il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Meta tistabbilixxi t-termini ta’ referenza għall-evalwazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija.

(123)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/473 jiġi emendat skont dan.

(124)

Biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (26) u r-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) jiġu emendati. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontroll tas-sajd rikreattiv, ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar ta’ trażbordi u r-reġistrazzjonijiet tal-qabdiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1139 jenħtieġ li jitħassru u, minflok, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-marġni ta’ tolleranza fl-istimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1139 jenħtieġ li jiġu emendati.

(125)

L-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda, kif stabbilita fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, hi bbażata fuq il-karti u, għalhekk, mhix effiċjenti u mhix konformi ma’ sistema diġitalizzata ta’ traċċabilità għall-prodotti tas-sajd. F’konformità ma’ impenji internazzjonali u biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-iskema, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jiġi emendat biex tiġi stabbilita bażi ta’ data għall-ġestjoni taċ-ċertifikati tal-qabda (CATCH) u dokumenti relatati abbażi ta’ TRACES imsemmija fir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), biex ikun jista’ jsir kontroll ibbażat fuq ir-riskju, jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ importazzjonijiet frawdolenti u jitħaffef il-piż amministrattiv tal-Istati Membri.

(126)

Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, b’mod partikolari biex ikunu jistgħu jsiru l-ġestjoni integrata, l-immaniġġar, il-ħżin u l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti rilevanti għall-ispezzjonijiet, il-verifiki u l-kontroll uffiċjali u għal attivitajiet uffiċjali rilevanti oħra li jikkonċernaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti tas-sajd kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1005/2008, jenħtieġ li s-setgħat ta’ implimentazzjoni jingħataw lill-Kummissjoni b’rabta mal-funzjonament u l-iżvilupp tal-CATCH ibbażata fuq TRACES.

(127)

Jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni sabiex tissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1005/2008 billi jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għal kull eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-CATCH.

(128)

Sabiex tiżdied it-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd destinati għas-suq tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti speċifiċi dwar il-kunsinni maqsuma taħt l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda. Jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1005/2008 billi tiżviluppa mudell ta’ dokument sabiex jiġi armonizzat il-kontroll ta’ tali rekwiżiti.

(129)

Sabiex jissaħħu l-miżuri kontra pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, is-sjieda, inkluż bħala sid benefiċjarju kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29), it-tħaddim jew il-ġestjoni mill-operaturi tal-Unjoni ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ tali pajjiżi terzi jenħtieġ li tkun ipprojbita. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aċċess għas-servizzi portwarji u t-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ ħatt l-art jew trażbord fil-portijiet tal-Unjoni minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ tali pajjiżi terzi jkunu pprojbiti.

(130)

Biex tiġi żgurata l-konsistenza fost l-istrumenti legali tal-Unjoni li jirregolaw il-kontroll tas-sajd, id-dispożizzjonijiet dwar ksur serju, is-sanzjonijiet u s-sanzjonijiet li jakkumpanjawhom stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jenħtieġ li jitħassru u, meta jkun hemm bżonn, jitmexxew għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, li hu l-istrument legali ewlieni fil-qasam tal-kontroll tas-sajd. Għaldaqstant, jenħtieġ li fir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 issir referenza għad-dispożizzjonijiet dwar ksur serju, miżuri ta’ infurzar immedjati, sanzjonijiet u sanzjonijiet li jakkumpanjawhom li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(131)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jiġi emendat skont dan.

(132)

Peress li r-regoli dwar it-trażbord barra mill-Unjoni huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-Kapitolu VI tat-Titolu II tar-Regolament (UE) 2017/2403, li jistabbilixxi r-regoli dwar it-trażbord fl-ibħra internazzjonali u taħt awtorizzazzjoni diretta, sar superfluwu u jenħtieġ li jitħassar. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2403 jiġi emendat skont dan.

(133)

L-emendi introdotti minn dan ir-Regolament ivarjaw minn emendi minuri għal bidliet kbar u huma meħtieġa perjodi differenti għat-tħejjija għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda. Għalhekk, id-dati tal-applikazzjoni għal dawk l-emendi jenħtieġ li jkunu differenzjati u jenħtieġ li jkunu adegwati biex iħejju għall-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu introdotti ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali meħtieġa biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għar-regoli l-ġodda.

(134)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fit-18 ta’ Lulju 2018,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) għandhom japplikaw, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament. Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).”;"

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“1a.

“operazzjoni tas-sajd” tfisser kwalunkwe attività b’rabta mat-tiftix għall-ħut, l-isparar, il-kalar u l-irfigħ tal-irkaptu tas-sajd attiv, l-irranġar, it-tbaħbiħ, it-tneħħija jew l-irranġar mill-ġdid ta’ rkaptu tas-sajd passiv u t-tneħħija ta’ kwalunkwe qabda mill-irkaptu tas-sajd, mix-xibka ta’ lqugħ, jew minn gaġġa tat-trasport għal gaġeġ tat-tismin u tat-trobbija;”;

(c)

il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

“regoli tal-politika komuni tas-sajd” tfisser atti legalment vinkolanti tal-Unjoni, u obbligi internazzjonali applikabbli tal-Unjoni relatati mal-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttament ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, mal-akkwakultura, u mal-proċessar, it-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;”;

(d)

il-punti 5, 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“5.

“sorveljanza” tfisser l-osservazzjoni ta’ attivitajiet tas-sajd abbażi ta’ avvistamenti minn bastimenti ta’ spezzjoni, inġenji tal-ajru uffiċjali, sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) uffiċjali, vetturi jew mezzi oħra, inkluż metodi tekniċi ta’ rilevament tekniku u ta’ identifikazzjoni;

6.

“uffiċjal” tfisser kwalunkwe persuna awtorizzata minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, tal-Kummissjoni jew tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), biex twettaq kontroll jew spezzjonijiet;

7.

“spettur tal-Unjoni” tfisser uffiċjal ta’ Stat Membru, tal-Kummissjoni jew tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, li ismu jinsab fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 79;

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (ĠU L 83, 25.3.2019, p. 18).”;"

(e)

il-punti 9 u 10 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“9.

“liċenzja tas-sajd” tfisser dokument uffiċjali li jikkonferixxi lid-detentur tiegħu d-dritt, kif determinat mir-regoli nazzjonali, li juża ċerta kapaċità tas-sajd għall-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

10.

“awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa għal bastiment tas-sajd tal-Unjoni, fejn rilevanti flimkien mal-liċenzja tas-sajd tiegħu, li tintitolah iwettaq attivitajiet tas-sajd speċifiċi matul perjodu speċifikat, f’żona partikolari jew għal sajd partikolari taħt kondizzjonijiet speċifiċi;”;

(f)

il-punt 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.

data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment” tfisser id-data dwar l-identifikazzjoni, il-pożizzjoni ġeografika, id-data, il-ħin, ir-rotta u l-veloċità tal-bastiment tas-sajd trażmessi permezz ta’ apparati ta’ monitoraġġ tal-bastimenti installati abbord bastiment tas-sajd liċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sajd tal-Istat Membru tal-bandiera;”;

(g)

il-punti 14 u 15 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“14.

“żona ristretta għas-sajd” tfisser żona tal-baħar speċifika ddefinita ġeografikament f’baċir tal-baħar wieħed jew aktar fejn l-attivitajiet tas-sajd kollha jew uħud huma temporanjament jew permanentement ristretti jew ipprojbiti sabiex tittejjeb il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew il-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd;

15.

“ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd” tfisser ċentru operattiv stabbilit minn Stat Membru tal-bandiera u mgħammar b’hardware u software tal-kompjuter li jippermettu r-reċezzjoni awtomatika ta’ data, l-ipproċessar, l-analiżi, il-monitoraġġ u t-trażmissjoni elettronika ta’ data;”;

(h)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“15a.

“post ta’ ħatt l-art” tfisser post, għajr port marittimu kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (16), tar-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), li huwa rikonoxxut uffiċjalment minn Stat Membru għall-ħatt l-art;

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1).”;"

(i)

il-punti 20, 21 u 22 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“20.

“lott” tfisser lott ta’ unitajiet ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura;

21.

“proċessar” tfisser il-proċess li bih ġiet ippreparata l-preżentazzjoni. Dan jinkludi t-tqattigħ, l-iflettjar, l-ippakkjar, it-tqegħid f’laned, l-iffriżar, l-affumikar, it-tmelliħ, it-tisjir, l-ippriservar, it-tnixxif jew il-preparazzjoni tal-ħut għas-suq bi kwalunkwe mod ieħor;

22.

“ħatt l-art” tfisser l-ewwel ħatt ta’ kwalunkwe kwantità ta’ prodotti tas-sajd minn abbord bastiment tas-sajd għal fuq l-art;”;

(j)

jitħassar il-punt 23;

(k)

il-punt 24 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“24.

“pjan multiannwali” tfisser pjan kif imsemmi fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jew kwalunkwe miżura oħra tal-Unjoni adottata abbażi tal-Artikolu 43(2) TFEU li jipprevedi ġestjoni speċifika jew irkupru ta’ stokkijiet ta’ ħut partikolari u li jkopru perjodu ta’ aktar minn sena;”;

(l)

il-punt 28 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“28.

“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet ta’ sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw riżorsi akkwatiċi ħajjin għar-rikreazzjoni, turiżmu jew sport;”;

(m)

il-punt 31 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“31.

“bastiment tas-sajd” tfisser bastiment tas-sajd jew kwalunkwe bastiment ieħor użat għall-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li jinkludi bastimenti ta’ appoġġ, bastimenti ta’ proċessar tal-ħut, bastimenti involuti fit-trażbord, bastimenti tal-irmunkar, bastimenti awżiljarji u bastimenti trasportaturi użati għat-trasport ta’ prodotti tas-sajd, iżda li jeskludi bastimenti tal-kontejners u bastimenti użati esklużivament għall-akkwakultura;”;

(n)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“33.

“bastiment tal-qbid” tfisser bastiment mgħammar jew użat għall-qbid ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għal finijiet kummerċjali;

34.

“tħarrib” tfisser il-prattika li intenzjonalment jitħarrab il-ħut mill-irkaptu tas-sajd qabel ma dak l-irkaptu jittella’ abbord kollu kemm hu fuq bastiment tal-qbid;

35.

“vjaġġ tas-sajd” tfisser kwalunkwe vjaġġ ta’ bastiment tal-qbid li jibda fil-mument meta l-bastiment jitlaq minn port u jintemm meta l-bastiment jasal fil-port;

36.

“numru ta’ identifikazzjoni uniku tal-vjaġġ dwar is-sajd” tfisser in-numru speċifiku ġġenerat mill-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd elettroniku għal kull vjaġġ tas-sajd;

37.

“speċi sensittiva” tfisser speċi sensittiva kif iddefinit fl-Artikolu 6, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5);

38.

“sajd mingħajr bastiment” tfisser attività għall-isfruttament kummerċjali ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fejn dawk ir-riżorsi jinqabdu jew jinħasdu mingħajr l-użu ta’ bastiment tal-qbid, bħall-ġbir ta’ frott tal-baħar bil-qoxra, sajd taħt l-ilma, sajd fis-silġ u sajd mill-kosta, inkluż sajd bil-mixi;

39.

“numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-jum ta’ sajd” tfisser in-numru speċifiku ġġenerat għal kwalunkwe perjodu kontinwu ta’ 24 siegħa jew parti minnu li matulu jsir sajd mingħajr bastiment.

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).”."

(2)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 5, il-kliem “l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 768/2005” huwa sostitwit b’“EFCA”;

(b)

jitħassar il-paragrafu 6.

(3)

L-Artikoli 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Liċenzja tas-sajd

1.   Bastiment tal-qbid tal-Unjoni jista’ jintuża għall-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin biss jekk għandu liċenzja valida tas-sajd.

2.   L-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li l-liċenzja tas-sajd tissodisfa r-rekwiżiti minimi ta’ informazzjoni dwar l-identifikazzjoni, il-karatteristiċi tekniċi u l-armar ta’ bastiment tal-qbid u li l-informazzjoni li tinsab fil-liċenzja tas-sajd hija preċiża u konsistenti ma’ dik li tinsab fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

3.   L-Istat Membru tal-bandiera għandu jirtira permanentement il-liċenzja tas-sajd ta’ bastiment tal-qbid li hu s-suġġett ta’ miżura ta’ aġġustament tal-kapaċità tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

4.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-validità tal-liċenzji tas-sajd maħruġa mill-Istati Membri tal-bandiera kif ukoll ir-rekwiżiti minimi ta’ informazzjoni li għandu jkun hemm fihom dwar l-identifikazzjoni, il-karatteristiċi tekniċi u l-armar ta’ bastiment tal-qbid. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

Artikolu 7

Awtorizzazzjoni tas-sajd għall-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni

1.   Bastiment tal-qbid tal-Unjoni għandu jiġi awtorizzat li jwettaq attivitajiet tas-sajd speċifiċi biss jekk dawn ikunu indikati f’awtorizzazzjoni tas-sajd valida meta s-sajd jew iż-żoni tas-sajd fejn l-attivitajiet tas-sajd huma awtorizzati, jew il-bastiment, ikunu soġġetti għal:

(a)

reġim tal-isforz tas-sajd;

(b)

pjan pluriennali;

(c)

żona ristretta għas-sajd;

(d)

sajd għal skopijiet xjentifiċi;

(e)

l-obbligu li tintuża sistema ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod (REM), inkluż CCTV; jew

(f)

każijiet oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

2.   Fejn Stat Membru jkollu skema nazzjonali speċifika għall-awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastimenti tal-qbid li jtajru l-bandiera tiegħu, huwa għandu jibgħat lill-Kummissjoni fuq it-talba tagħha sommarju tal-informazzjoni li hemm fl-awtorizzazzjoni tas-sajd mogħtija u d-data aggregata relatata fuq l-isforz tas-sajd.

3.   Fejn l-Istat Membru tal-bandiera jkun adotta dispożizzjonijiet nazzjonali fil-forma ta’ skema nazzjonali għall-awtorizzazzjoni tas-sajd għall-allokazzjoni lil bastimenti tas-sajd individwali tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalih, dan għandu jibgħat lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, l-informazzjoni dwar il-bastimenti tal-qbid awtorizzati biex ikunu impenjati f’attività tas-sajd f’żona partikolari tas-sajd, b’mod partikolari dwar in-numri ta’ identifikazzjoni esterni, l-ismijiet tal-bastimenti tal-qbid ikkonċernati, u l-opportunitajiet individwali tas-sajd allokati lilhom.

4.   Awtorizzazzjoni tas-sajd ma tistax toħroġ għal bastiment tal-qbid jekk dak il-bastiment ma jkollux liċenzja tas-sajd miksuba skont l-Artikolu 6, jew jekk il-liċenzja tas-sajd tiegħu tkun ġiet sospiża jew irtirata. Awtorizzazzjoni tas-sajd għal bastiment tal-qbid għandha tiġi awtomatikament irtirata jekk il-liċenzja tas-sajd li tikkorrispondi ma’ dak il-bastiment tkun ġiet irtirata permanentament. Din għandha tiġi sospiża jekk il-liċenzja tas-sajd tkun ġiet sospiża temporanjament.

5.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa mill-Istat Membru tal-bandiera, inkluż il-kundizzjonijiet għall-validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd u l-informazzjoni minima li għandha tkun fiha, kif ukoll il-kundizzjonijiet dwar l-aċċess għad-data mis-sistemi REM. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

6.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, Stat Membru jista’ jeżenta bastimenti tal-qbid tal-Unjoni b’tul totali ta’ inqas minn 10 metri mill-obbligu li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd jekk iwettqu attivitajiet tas-sajd esklużivament f’waħda miż-żoni li ġejjin jew fit-tnejn li huma:

(a)

fl-ilmijiet territorjali tagħha;

(b)

fl-ilmijiet territorjali ta’ Stat Membru ieħor li eżenta bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-istess żona ta’ sajd mill-obbligu li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd.

Kwalunkwe Stat Membru li jiddeċiedi li japplika l-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati b’dan fi żmien 10 t’ijiem tax-xogħol mid-deċiżjoni tiegħu.”.

(4)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 7a

Awtorizzazzjoni tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għajr il-bastimenti tal-qbid

1.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għajr il-bastimenti tal-qbid jistgħu jwettqu attivitajiet tas-sajd biss jekk ikunu ġew awtorizzati jagħmlu dan mill-Istat Membru tal-bandiera tagħhom.

2.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u dwar l-informazzjoni minima li għandha tkun fihom. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(5)

L-Artikolu 8 hu emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura tal-Artikolu 8 hija sostitwita b’dan li ġej:

L-immarkar u l-identifikazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u tal-irkaptu ”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:

(a)

l-immarkar u l-identifikazzjoni tal-bastimenti;

(b)

id-dokumenti ta’ identifikazzjoni tal-bastimenti li jridu jinġarru abbord;

(c)

l-immarkar u l-identifikazzjoni ta’ inġenji u ta’ rkaptu biex jinġema’ l-ħut;

(d)

l-immarkar u l-identifikazzjoni tal-irkaptu tas-sajd;

(e)

it-tikketti għall-immarkar tal-irkaptu tas-sajd;

(f)

l-immarkar tal-bagi u tal-irbit tal-ħbula;

(g)

proċeduri għan-notifika u r-ritorn fil-port tal-irkaptu tas-sajd li ma għadux jintuża.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(6)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Is-sistemi tal-monitoraġġ tal-bastimenti

1.   L-Istati Membri għandhom joperaw sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti għall-monitoraġġ effettiv tal-pożizzjoni u tal-moviment tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom, ikunu fejn ikunu dawk il-bastimenti, kif ukoll tal-bastimenti tas-sajd fl-ilmijiet tagħhom . Kull Stat Membru tal-bandiera għandu jiġbor u janalizza d-data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment u jiżgura l-monitoraġġ tiegħu fuq bażi kontinwa u sistematika.

2.   Kull bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu jkollu installat abbord apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti li jaħdem għalkollox li jippermetti li l-bastiment jiġi lokalizzat u identifikat awtomatikament minn sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti permezz tat-trażmissjoni awtomatika ta’ data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment f’intervalli regolari.

Is-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti għandhom jippermettu wkoll liċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd imsemmi fl-Artikolu 9a tal-Istat Membru tal-bandiera biex jieħu d-dettalji ta’ bastiment tas-sajd fi kwalunkwe ħin. It-trażmissjoni tad-data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment u t-teħid tad-dettalji għandhom jgħaddu permezz ta’ konnessjoni satellitari, jew, fejn possibbli, network mobbli bbażat fuq l-art jew teknoloġija oħra ekwivalenti.

3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2, bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ anqas minn 12-il metru jistgħu jġorru abbord apparat li ma għandux għalfejn ikun installat abbord u li jippermetti li l-bastiment jiġi lokalizzat u identifikat b’mod awtomatiku waqt li jkun fuq il-baħar permezz ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni u trażmissjoni tad-data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti f’intervalli regolari permezz ta’ konnessjoni satellitari jew kwalunkwe network ieħor.

Għall-fini tal-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli tali sistema alternattiva ta’ monitoraġġ tal-bastimenti. Tali sistema tista’ tiġi żviluppata fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni. Jekk Stat Membru wieħed jew aktar jitolbu hekk sal-10 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti għall-bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru. Stat Membru li jagħmel it-talba għandu jimplimenta s-sistema kif żviluppata mill-Kummissjoni. Is-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti għandha tippermetti liċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd tal-Istat Membru tal-bandiera imsemmi fl-Artikolu 9a biex jieħu d-dettalji tal-pożizzjoni tal-bastiment tas-sajd permezz ta’ konnessjoni satellitari jew, fejn possibbli, kwalunkwe network ieħor. Fil-każ li l-apparat imsemmi f’dan il-paragrafu ma jkunx f’inħawi koperti minn network, id-data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment għandha tiġi rreġistrata matul dak il-perjodu ta’ żmien u għandha tintbagħat awtomatikament malli l-bastiment jidħol f’żona koperta minn tali network. Il-konnessjoni man-network għandha tiġi stabbilita mill-ġdid mhux aktar tard minn qabel id-dħul f’port jew f’post ta’ ħatt l-art.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi taħt kwalunkwe atti legali oħra tal-Unjoni, Stat Membru jista’ jeżenta, sal-31 ta’ Diċembru 2029, il-bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ anqas minn 9 metri li jtajru l-bandiera tiegħu mir-rekwiżit li jkunu mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti jekk tali bastimenti:

(a)

joperaw esklużivament:

(i)

fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru sa sitt mili nawtiċi mil-linji bażi li minnhom jitkejjel il-wisa’ tal-baħar territorjali u jużaw biss irkaptu passiv; jew

(ii)

fl-ilmijiet fuq in-naħa tal-art tal-linji bażi ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

qatt ma jqattgħu aktar minn 24 siegħa fuq il-baħar mill-ħin tat-tluq mill-port sar-ritorn; u

(c)

ma jkunux soġġetti għal restrizzjonijiet applikabbli fi kwalunkwe żona ristretta għas-sajd li fiha joperaw.

5.   Meta bastiment tas-sajd tal-Unjoni jkun fl-ilmijiet ta’ Stat Membru ieħor, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jagħmel disponibbli d-data dwar il-pożizzjoni ta’ dak il-bastiment permezz tat-trażmissjoni awtomatika tad-data li jkun irċieva liċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd tal-Istat Membru kostali.

6.   Jekk bastiment tas-sajd tal-Unjoni iwettaq attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz jew f’ilmijiet fejn ir-riżorsi tas-sajd huma ġestiti minn organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd kif imsemmija fl-Artikolu 3(1), u jekk il-ftehim ma’ dak il-pajjiż terz jew ir-regoli applikabbli ta’ dik l-organizzazzjoni jipprovdu hekk, id-data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dak il-pajjiż jew dik l-organizzazzjoni.

7.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6), il-bastimenti tas-sajd kollha ta’ pajjiżi terzi awtorizzati li jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni għandu jkollhom installat abbord apparat li jaħdem għalkollox li jippermetti li tali bastiment jiġi lokalizzat u identifikat awtomatikament minn sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti permezz tat-trażmissjoni tad-data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment f’intervalli regolari bl-istess mod bħall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni skont dan l-Artikolu.

8.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dettaljati dwar:

(a)

il-format u l-kontenut tad-data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti;

(b)

ir-rekwiżiti minimi u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi minimi ta’ apparati ta’ monitoraġġ tal-bastimenti;

(c)

il-frekwenza tat-trażmissjoni tad-data rigward il-pożizzjoni u l-moviment tal-bastimenti tas-sajd, inkluż f’żoni ristretti għas-sajd;

(d)

it-trażmissjoni tad-data lill-Istati Membri kostali;

(e)

ir-responsabbiltajiet tal-kaptani tal-bastimenti tas-sajd li jikkonċernaw it-tħaddim ta’ apparati ta’ monitoraġġ tal-bastimenti.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

(*6)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).”."

(7)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

Ċentri ta’ monitoraġġ tas-sajd

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u joperaw ċentri ta’ monitoraġġ tas-sajd, li għandhom jissorveljaw l-attivitajiet tas-sajd u l-isforz tas-sajd. Iċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd ta’ kull Stat Membru għandu jimmonitorja l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu, ikunu x’ikunu l-ilmijiet li qed joperaw fihom jew il-port li qegħdin fih, kif ukoll bastiment tas-sajd li jtajru bandiera ta’ Stati Membri oħra u bastiment tas-sajd ta’ pajjiżi terzi awtorizzati li jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ sovranità jew ġuriżdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru partikolari.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-funzjonament taċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd tiegħu u għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jiżgura li ċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd tiegħu jkollu r-riżorsi xierqa f’dak li għandu x’jaqsam mal-persunal u li jkun mgħammar bil-hardware u s-software tal-kompjuter li jippermettu l-ipproċessar awtomatiku tad-data, l-analiżi, il-kontroll, it-trażmissjoni tad-data elettronika u l-monitoraġġ tad-data sebat ijiem fil-ġimgħa u 24 siegħa kuljum. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal proċeduri ta’ riżerva u ta’ rkupru fil-każ ta’ ħsara fis-sistema. L-Istati Membri jistgħu joperaw ċentru konġunt ta’ monitoraġġ tas-sajd.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċentri ta’ monitoraġġ tas-sajd ikollhom l-aċċess għad-data rilevanti kollha, b’mod partikolari, id-data elenkata fl-Artikoli 109 u 110.

4.   Iċ-ċentri tal-monitoraġġ tas-sajd għandhom jappoġġaw il-monitoraġġ tal-bastimenti f’ħin reali sabiex tkun tista’ titwettaq azzjoni ta’ infurzar.

5.   Il-Kummissjoni hi mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta regoli dettaljati dwar il-monitoraġġ ta’ attivitajiet tas-sajd u tal-isforz tas-sajd miċ-ċentri ta’ monitoraġġ tas-sajd, b’mod partikolari rigward:

(a)

il-monitoraġġ tad-dħul f’żoni speċifiċi kif ukoll tal-ħruġ minnhom;

(b)

il-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd;

(c)

ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ ħsara teknika jew tal-komunikazzjoni jew jekk ma jiffunzjonax l-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti;

(d)

il-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ li ma tasalx data rigward il-pożizzjoni u l-moviment tal-bastimenti tas-sajd.”.

(8)   L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Sistemi awtomatiċi ta’ identifikazzjoni

1.   F’konformità mal-Artikolu 6a tad-Direttiva 2002/59/KE, bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jaqbżu tul totali ta’ 15-il metru għandhom ikunu mgħammra b’sistema awtomatika ta’ identifikazzjoni (AIS) u għandhom iżommuha operattiva kontinwament, u din għandha tissodisfa l-istandards ta’ prestazzjoni imsemmija f’dik id-Direttiva.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni jista’ jitfi l-AIS f’ċirkostanzi eċċezzjonali meta l-kaptan iqis li s-sikurezza jew is-sigurtà tal-ekwipaġġ tkun f’riskju imminenti li tiġi kompromessa. Meta l-AIS tintefa f’konformità ma’ dan il-paragrafu, il-kaptan għandu jirrapporta dik l-azzjoni u r-raġuni għal dan lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tiegħu u, fejn rilevanti, anke lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat kostali. Meta s-sitwazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu tkun għaddiet, il-kaptan għandu jerġa’ jibda l-AIS hekk kif is-sors tal-periklu jisparixxi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data mill-AIS tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tagħhom responsabbli għall-kontroll tas-sajd għal finijiet ta’ kontroll, inkluż kontroverifiki ta’ data tal-AIS ma’ data oħra disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 109.”.

(9)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Trażmissjoni tad-data għal operazzjonijiet ta’ sorveljanza

Għall-finijiet tas-sikurezza u s-sigurtà marittima, il-kontroll tal-fruntieri, il-protezzjoni tal-ambjent marittimu u l-infurzar ġenerali tal-liġi, id-data mis-sistema/i ta’ monitoraġġ tal-bastimenti u s-sistema tad-detezzjoni tal-bastimenti miġbura fil-qafas ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni, l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri involuti fl-operazzjonijiet ta’ sorveljanza .”.

(10)

L-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Monitoraġġ elettroniku mill-bogħod

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-monitoraġġ u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd permezz ta’ sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod (REM) kif stipulat f’dan l-Artikolu.

2.   Għall-finijiet tal-monitoraġġ u l-kontroll tal-obbligu ta’ ħatt l-art, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni b’tul totali ta’ 18-il metru jew aktar li jtajru l-bandiera tagħhom li jippreżentaw riskju serju ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art ikollhom abbord sistema REM li taħdem. Il-valutazzjoni tar-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art għandha titwettaq f’konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 95(1). Is-sistema REM għandha tkun kapaċi timmonitorja u tikkontrolla b’mod effettiv il-konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art, għandha tinkludi s-CCTV u tista’ tinkludi strumenti u/jew tagħmir ieħor. Il-kaptan għandu jiżgura li d-data mis-sistema REM tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-bandiera u kostali responsabbli għall-kontroll tas-sajd għandu jkollhom aċċess ugwali għal dik id-data, mingħajr preġudizzju għar-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali.

3.   Għall-fini tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha:

(a)

tiddetermina s-segmenti tal-flotta tal-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni li għalihom għandu japplika l-obbligu li jkollhom installata abbord sistema REM, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju tan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art;

(b)

tistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-manutenzjoni u l-funzjonament tas-sistema REM u l-perijodu li għalih għandha topera s-sistema REM, waqt li jittieħed kont tal-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi l-aktar reċenti. Dawk ir-regoli għandhom jipprevedu li l-materjal vidjo rreġistrat miksub minn dawk is-sistemi jikkonċerna biss l-irkaptu u l-partijiet tal-bastiment fejn il-prodotti tas-sajd jittellgħu abbord, jiġu mmaniġġjati u jinħażnu, u ż-żoni kollha fejn jista’ jseħħ ir-rimi, u ma jippermettix, sa fejn ikun possibbli, l-identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi. Huma għandhom jirrikjedu wkoll li, jekk jinstab li persuni fiżiċi jistgħu jiġu identifikati fuq tali materjal vidjo rreġistrat, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw l-anonimizzazzjoni tad-data personali malajr kemm jista’ jkun u għandhom jinfurmaw lill-kaptan jew lill-operatur tas-sistema REM dwar din is-sejba;

(c)

tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-ħżin tad-data, l-iskambju tagħha u l-aċċess għaliha mis-sistema REM, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 112.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li ċerti segmenti tal-flotta tal-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni b’tul totali ta’ inqas minn 18-il metru li jtajru l-bandiera tagħhom ikollhom abbord sistema REM li taħdem, abbażi tar-riskju tan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art kif ivvalutat mill-Istat Membru kkonċernat jew mill-Kummissjoni.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu inċentivi għal bastimenti li mhumiex meħtieġa li jkunu mgħammra b’sistema REM skont il-paragrafi 2 u 4 iżda li jużaw tali sistema għall-kontroll tal-obbligu ta’ ħatt l-art fuq bażi volontarja.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-użu ta’ sistemi REM għall-kontroll tal-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd minbarra l-obbligu ta’ ħatt l-art.”.

(11)

L-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Kompletar tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd

1.   Il-kaptan ta’ kull bastiment tal-qbid tal-Unjoni għandu jżomm ġurnal ta’ abbord elettroniku dwar is-sajd għall-fini ta’ reġistrazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd.

2.   Il-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fih tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta’ identifikazzjoni uniku tal-vjaġġ tas-sajd;

(b)

in-numru tar-reġistru tal-flotta komuni (CFR) jew, fejn dak in-numru ma jkunx disponibbli, numru ieħor ta’ identifikazzjoni ieħor tal-bastiment u l-isem tal-bastiment tal-qbid;

(c)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi u ż-żona ġeografika rilevanti li fiha ttieħdu l-qabdiet;

(d)

id-data u, għal bastimenti b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar, il-ħin tal-qabdiet;

(e)

id-data u l-ħin tat-tluq minn port u dawk tal-wasla fih ;

(f)

it-tip ta’ rkaptu, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u d-dimensjonijiet tiegħu;

(g)

il-kwantitajiet stmati f’kilogrammi ta’ piż ħaj, jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi, ta’ kull speċi miżmuma abbord, inkluż, bħala entrata separata, il-kwantitajiet jew individwi taħt id-daqs ta’ referenza minimu għall-konservazzjoni applikabbli. Għal bastimenti tal-qbid tal-Unjoni b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għal kull operazzjoni tas-sajd;

(h)

kwantitajiet stmati ta’ kull speċi f’kilogrammi espressi f’piż ħaj jew, fejn adatt, espressi f’numru ta’ individwi;

(i)

fejn applikabbli, il-fattur/i ta’ konverżjoni użat/i;

(j)

id-data meħtieġa b’applikazzjoni tal-ftehimiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 3(1).

3.   Meta mqabbel mal-kwantitajiet li nħattu l-art jew mar-riżultat ta’ spezzjoni, il-marġni ta’ tolleranza awtorizzat fi stimi reġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord għandu jkun ta’ 10 % għal kull speċi.

Għal speċijiet miżmuma abbord li l-kwantità tagħhom ma taqbiżx il-100 kg f’ekwivalenti ta’ piż ħaj, il-marġni ta’ tolleranza awtorizzat għandu jkun ta’ 20 % għal kull speċi.

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 3, fil-każ ta’ sajd imsemmija fl-Artikolu 15(1), il-punt (a), l-ewwel u t-tielet inċiż, tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għal speċijiet li jinħattu l-art mingħajr ma jkunu tqassmu, u fil-każ ta’ qabdiet fis-sajd tat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża għal speċijiet li jinħattu l-art mingħajr ma jkunu tqassmu, għandhom japplikaw il-marġnijiet ta’ tolleranza li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ ħatt l-art f’portijiet elenkati u soġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali dwar il-ħatt l-art u l-użin tal-qabdiet sabiex jiġi żgurat rappurtar preċiż tal-qabdiet:

(i)

għal speċijiet li jirrappreżentaw 2 % jew aktar f’kilogrammi ta’ piż ħaj tal-ispeċijiet kollha li jinħattu l-art, il-marġni ta’ tolleranza tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord awtorizzat fl-istimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd għandu jkun ta’ 10 % tal-kwantità totali tal-ispeċijiet kollha rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, għal kull speċi;

(ii)

għal speċijiet li jirrappreżentaw inqas minn 2 % f’kilogrammi ta’ piż ħaj tal-ispeċijiet kollha li jinħattu l-art, il-marġni ta’ tolleranza tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord awtorizzat fl-istimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd għandu jkun ta’ 200 kg jew 0,5 %, skont liem ikun l-ikbar, tal-volum totali tal-ispeċijiet kollha rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, għal kull speċi.

Minbarra d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti (i) u (ii), fi kwalunkwe każ, għall-kwantitajiet tal-ispeċijiet kollha, il-marġni ta’ tolleranza tal-kwantità totali f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord awtorizzat fl-istimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord għandu jkun ta’ 10 % tal-volum totali tal-ispeċijiet kollha rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd.

Il-kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-ħatt l-art u l-użin għandhom jinkludu salvagwardji li jippermettu r-rappurtar preċiż tal-qabdiet, bħall-involviment ta’ partijiet terzi indipendenti akkreditati jew rekwiżiti speċifiċi għall-operazzjonijiet ta’ kampjunar u użin. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jipprevedu l-kontroll meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-pajjiż ikkonċernat u l-kooperazzjoni magħhom;

(b)

fil-każ ta’ ħatt l-art għajr dak imsemmi fil-punt (a):

(i)

għal speċijiet li jirrappreżentaw 2 % jew aktar f’kilogrammi ta’ piż ħaj tal-ispeċijiet kollha li jinħattu l-art, il-marġni ta’ tolleranza awtorizzat fi stimi reġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord għandu jkun ta’ 10 % għal kull speċi;

(ii)

għal speċijiet li jirrappreżentaw inqas minn 2 % f’kilogrammi ta’ piż ħaj tal-ispeċijiet kollha li jinħattu l-art , il-marġni ta’ tolleranza tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord awtorizzat fl-istimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd għandu jkun ta’ 200 kg jew 20 %, skont liem ikun l-ikbar, tal-volum totali tal-ispeċijiet kollha rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, għal kull speċi.

5.   Għall-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni involuti fis-sajd imsemmi fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni tista’, fuq talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, titlob lill-EFCA tiżviluppa linji gwida tekniċi armonizzati dwar l-aħjar prattiki għall-istima tal-qabdiet abbord.

6.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, sal-10 ta’ Lulju 2024 tistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet relatati b’mod partikolari mal-ħatt l-art u l-użin tal-qbid tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu sabiex tiġi żgurata l-eżattezza tar-rappurtar tal-qabdiet. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tapprova l-portijiet li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’konformità ma’ dan l-Artikolu u abbażi ta’ sottomissjonijiet mill-Istati Membri. Il-lista inizjali ta’ portijiet għandha tiġi adottata sal-10 ta’ Lulju 2024. Il-Kummissjoni tista’ temenda l-lista u tista’ tirrevoka l-approvazzjoni tagħha ta’ port elenkat fil-każ li l-kundizzjonijiet ma jibqgħux jiġu rrispettati.

7.   Fil-każ ta’ rkaptu tas-sajd mitluf fil-baħar, il-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd għandu jkun fih ukoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tip u d-dimensjonijiet approssimattivi tal-irkaptu mitluf;

(b)

id-data u l-ħin stmati ta’ meta ntilef l-irkaptu;

(c)

il-pożizzjoni ta’ fejn intilef l-irkaptu;

(d)

il-miżuri li ttieħdu biex jiġi rkuprat l-irkaptu mitluf.

8.   Fil-każ ta’ qabdiet ta’ speċijiet sensittivi msemmija fl-Artikolu 10(1) u (2) u fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2019/1241, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (h), ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fiha wkoll il-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi, tal-qabdiet feruti, li jkunu mietu jew inħelsu ħajjin.

9.   F’sajd soġġett għal reġim tal-Unjoni tal-isforz tas-sajd, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jirreġistraw u jżommu akkont fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd tagħhom iż-żmien li jqattgħu f’żona kif ġej:

(a)

f’dak li għandu x’jaqsam mal-irkaptu rmunkat:

(i)

dħul ġewwa, u ħruġ mill-port li jinsab f’dik iż-żona;

(ii)

kull dħul ġewwa, u ħruġ minn, żoni marittimi li għalihom japplikaw regoli speċifiċi dwar l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi;

(iii)

il-qabda li tinżamm abbord skont l-ispeċi f’kilogrammi ta’ piż ħaj fil-ħin tal-ħruġ minn dik iż-żona jew qabel id-dħul f’port li jinsab f’dik iż-żona;

(b)

f’dak li għandu x’jaqsam mal-irkaptu statiku:

(i)

dħul ġewwa, u ħruġ mill-port li jinsab f’dik iż-żona;

(ii)

kull dħul ġewwa, u ħruġ minn, żoni marittimi li għalihom japplikaw regoli speċifiċi dwar l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi;

(iii)

id-data u l-ħin tal-kalar jew il-kalar mill-ġdid tal-irkaptu statiku f’dawn iż-żoni;

(iv)

id-data u l-ħin tat-tmiem ta’ operazzjonijiet ta’ sajd bl-użu tal-irkaptu statiku;

(v)

il-qabda li tinżamm abbord skont l-ispeċi f’kilogrammi ta’ piż ħaj fil-ħin tal-ħruġ minn dik iż-żona jew qabel id-dħul f’port li jinsab f’dik iż-żona.

10.   Biex il-piż tal-ħut maħżun jew proċessat jiġi kkonvertit f’piż ta’ ħut ħaj għall-finijiet tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, il-kaptani ta’ bastimenti tal-qbid tal-Unjoni għandhom japplikaw fattur ta’ konverżjoni stabbilit skont il-paragrafu 12.

11.   L-eżattezza tad-data rreġistrata fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd għandha tkun ir-responsabbiltà tal-kaptan.

12.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi fatturi ta’ konverżjoni u tistipula regoli dettaljati dwar:

(a)

l-implimentazzjoni tal-marġni ta’ tolleranza kif definit fil-paragrafi 3 u 4;

(b)

l-użu ta’ fatturi ta’ konverżjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(12)

L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

Sottomissjoni elettronika tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd

1.   Kaptani ta’ bastimenti tal-qbid tal-Unjoni għandhom jissottomettu, permezz ta’ mezzi elettroniċi, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom:

(a)

tal-inqas darba kuljum;

(b)

wara l-aħħar operazzjoni ta’ sajd u qabel id-dħul f’port jew post ieħor ta’ ħatt l-art.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, il-kaptani tal-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni b’tul totali ta’ anqas minn 12-il metru għandhom jissottomettu b’mezzi elettroniċi, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom wara li jlestu l-aħħar operazzjoni tas-sajd u qabel ma jibda l-ħatt l-art.

3.   Fil-ħin ta’ spezzjoni u fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom, il-kaptani tal-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni għandhom jirreġistraw u jissottomettu b’mezzi elettroniċi lil dik l-awtorità l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14. Fil-każ li l-bastiment ma jkunx jista’ jaqbad ma’ network, l-informazzjoni għandha tiġi sottomessa hekk kif il-bastiment jaqbad ma’ network.

4.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru kostali għandhom jaċċettaw rapporti elettroniċi li jkunu rċevew mingħand l-Istat Membru tal-bandiera li jkun fihom id-data minn bastimenti tas-sajd imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3.

5.   Kaptani ta’ bastimenti tal-qbid ta’ pajjiżi terz li joperaw fl-ilmijiet tal-Unjoni għandhom jissottomettu permezz ta’ mezzi elettroniċi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għall-kaptani tal-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni.”.

(13)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 15a

Ġurnal elettroniku ta’ abbord dwar is-sajd u sistemi oħra għal bastimenti b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru

Għall-finijiet tal-Artikoli 14 u 15, għal bastimenti b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru l-Istati Membri jistgħu jużaw sistema għall-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd żviluppata fil-livell nazzjonali jew f’dak tal-Unjoni. Jekk Stat Membru wieħed jew aktar jitolbu hekk sal-10 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa tali sistema għall-bastimenti tal-qbid b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru. Jekk Stat Membru wieħed jew aktar jitolbu dan, is-sistema żviluppata mill-Kummissjoni għandha tkun tali li tippermetti lill-operaturi kkonċernati biex jirrispettaw ukoll l-obbligi tagħhom taħt l-Artikoli 9, 19a, 20, 21, 22, 23 u 24. Stat Membru li jagħmel it-talba għandu jimplimenta s-sistema kif żviluppata mill-Kummissjoni.

Artikolu 15b

Atti delegati u ta’ implimentazzjoni rigward ir-rekwiżiti tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd

1.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 119a, li jissupplimentaw dan ir-Regolament dwar:

(a)

ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ ħsara teknika jew ta’ komunikazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u ta’ rapportar għad-data tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd;

(b)

miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ li ma tasalx id-data tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd;

(c)

l-aċċess għad-data tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd u l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ nuqqas ta’ aċċess għad-data;

(d)

l-eżenzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ bastimenti tal-qbid tal-Unjoni mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 14(2), il-punti (d) u (g) biex fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd jiġu rreġistrati l-ħin tal-qabdiet u l-kwantitajiet stmati għal kull operazzjoni tas-sajd.

2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:

(a)

il-format, il-kontenut u l-proċedura għas-sottomissjoni tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd;

(b)

il-kompletar u r-reġistrazzjoni elettronika tal-informazzjoni fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd;

(c)

il-funzjonament tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rapportar għad-data tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd;

(d)

ir-rekwiżiti għat-trażmissjoni tad-data tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd minn bastiment tal-qbid tal-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera tiegħu u l-messaġġi ta’ ritorn mill-awtoritajiet;

(e)

il-kompiti tal-awtorità unika msemmija fl-Artikolu 5(5) fir-rigward tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd;

(f)

il-frekwenza tas-sottomissjonijiet tad-data tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(14)

Jitħassar l-Artikolu 16.

(15)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fil-pjanijiet pluriennali, il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar għandhom jissottomettu b’mezzi elettroniċi l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom tal-inqas erba’ sigħat qabel il-ħin stmat tal-wasla f’port jew post ta’ ħatt l-art ta’ Stat Membru:

(a)

in-numru ta’ identifikazzjoni uniku tal-vjaġġ tas-sajd u, fil-każ ta’ bastimenti għajr bastimenti tal-qbid, in-numru/i ta’ identifikazzjoni uniku/uniċi tal-vjaġġ tas-sajd relatat mal-qabdiet;

(b)

in-numru CFR jew, fejn dak in-numru ma jkunx disponibbli, numru ta’ identifikazzjoni ieħor tal-bastiment u l-isem tal-bastiment tas-sajd;

(c)

il-port jew post ta’ ħatt l-art ta’ destinazzjoni u l-iskopijiet taż-żjara, bħall-ħatt l-art, it-trażbord jew l-aċċess għas-servizzi;

(d)

id-dati tal-vjaġġ tas-sajd ;

(e)

id-data u l-ħin stmati tal-wasla fil-port jew f’post ta’ ħatt l-art;

(f)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi u ż-żoni ġeografiċi rilevanti li fihom ttieħdu l-qabdiet;

(g)

il-kwantitajiet ta’ kull speċi reġistrata fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, inkluż, bħala entrata separata, dawk taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli;

(h)

il-kwantitajiet ta’ kull speċi li tinħatt jew tiġi trażbordata, inkluż, bħala entrata separata, dawk taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli.”

;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   L-Istat Membru kostali fejn iseħħ il-ħatt l-art jista’ jistabbilixxi perjodu iqsar għan-notifika minn qabel imsemmija fil-paragrafu 1 għal ċerti kategoriji ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, b’kont meħud tat-tip ta’ prodotti tas-sajd u d-distanza bejn iż-żoni tas-sajd u l-port jew il-post ta’ ħatt l-art, u dment li tali perjodu iqsar ta’ notifika minn qabel ma jfixkilx il-kapaċità ta’ dak l-Istat Membru li jwettaq spezzjonijiet. Dak l-Istat Membru kostali għandu jagħmel tali perjodu iqsar għal notifika minn qabel disponibbli għall-pubbliku u għandu jikkomunikah mingħajr dewmien lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmlu disponibbli fuq is-sit web tagħha.

1b.   Meta l-qabdiet isiru bejn il-ħin tan-notifika minn qabel u l-wasla fil-port, dawk il-qabdiet addizzjonali għandhom jiġu nnotifikati f’notifika oħra minn qabel.”

;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi:

(a)

teżenta ċerti kategoriji ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwantitajiet u t-tip ta’ prodotti tas-sajd li għandhom jinħattu l-art u r-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd;

(b)

tadotta regoli li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ ħsara teknika jew ta’ komunikazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u ta’ rapportar għan-notifika minn qabel;

(c)

tadotta miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ li ma tasalx id-data tan-notifika minn qabel;

(d)

tadotta regoli dwar l-aċċess għad-data tan-notifika minn qabel u l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ nuqqas ta’ aċċess għad-data.”

.

(16)

Jitħassar l-Artikolu 18.

(17)

L-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Awtorizzazzjoni għad-dħul fil-port

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali jistgħu jiċħdu l-aċċess għall-port lil bastimenti tas-sajd jekk l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 ma tkunx kompleta, ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri jew diffikultà.”.

(18)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 19a

Notifika minn qabel tal-ħatt l-art f’portijiet ta’ pajjiżi terzi

1.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jitħallew iħottu l-art f’portijiet ta’ pajjiżi terzi biss jekk il-kaptani tagħhom ikunu ppreżentaw b’mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tal-inqas 48 siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla f’port ta’ pajjiż terz, u jekk l-Istat Membru tal-bandiera ma jkunx ċaħad tali awtorizzazzjoni għall-ħatt l-art.

2.   L-Istat Membru tal-bandiera jista’ jistabbilixxi perjodu iqsar, ta’ mhux inqas minn sagħtejn, għas-sottomissjoni msemmija fil-paragrafu 1 għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu, b’kont meħud tat-tip ta’ prodotti tas-sajd, id-distanza bejn iż-żoni tas-sajd u l-port u ż-żmien meħtieġ biex tiġi analizzata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u biex jiġu ssodisfati l-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 4. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jikkomunika dan il-perjodu iqsar lill-Kummissjoni.

3.   Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jissottomettu lill-Istat Membru tal-bandiera b’mod partikolari l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta’ identifikazzjoni uniku tal-vjaġġ tas-sajd u, fil-każ ta’ bastimenti tas-sajd għajr bastimenti tal-qbid, in-numru/i ta’ identifikazzjoni uniku/uniċi tal-vjaġġ tas-sajd relatat mal-qabdiet;

(b)

in-numru CFR jew, fejn dak in-numru ma jkunx disponibbli, numru ta’ identifikazzjoni ieħor tal-bastiment u l-isem tal-bastiment tas-sajd;

(c)

il-port ta’ destinazzjoni u l-iskopijiet taż-żjara, bħall-ħatt l-art jew l-aċċess għas-servizzi;

(d)

id-dati tal-vjaġġ tas-sajd;

(e)

id-data u l-ħin stmati tal-wasla fil-port;

(f)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi u ż-żoni ġeografiċi rilevanti li fihom ttieħdu l-qabdiet;

(g)

il-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, fejn xieraq, f’numru ta’ individwi ta’ kull speċi reġistrata fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd jew fid-dikjarazzjoni tat-trażbord, inkluż, bħala entrata separata, il-kwantitajiet jew l-individwi taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli;

(h)

il-kwantitajiet, f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, fejn xieraq, f’numru ta’ individwi ta’ kull speċi li ser tinħatt, inkluż, bħala entrata separata, il-kwantitajiet jew l-individwi taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli.

4.   Fejn, fuq il-bażi tal-analiżi tal-informazzjoni sottomessa u ta’ informazzjoni oħra disponibbli, ikun hemm motivazzjonijiet raġonevoli għaliex jitwemmen li l-bastiment tas-sajd tal-Unjoni mhuwiex jew ma kienx qed jikkonforma mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tiegħu għandhom jitolbu l-kooperazzjoni tal-pajjiż terz fejn il-bastiment ikun biħsiebu jiżbarka, għal spezzjoni possibbli. Għal dak l-għan, l-Istat Membru tal-bandiera jista’ jitlob lill-bastiment tas-sajd jiżbarka f’port differenti, jew jittardja ż-żmien tal-wasla f’port jew tal-iżbark.”.

(19)

L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “postijiet qrib ix-xatt” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “f’postijiet ta’ ħatt l-art”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“2a.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (*7) u għall-Artikolu 43(3) ta’ dan ir-Regolament, il-bastimenti tas-sajd donaturi u riċevituri tal-Unjoni ma għandhom ikunu awtorizzati jittrażbordaw fuq il-baħar barra mill-ilmijiet tal-Unjoni jew f’portijiet ta’ pajjiżi terzi biss soġġett għal awtorizzazzjoni riċevuta mill-Istat(i) Membru/i tal-bandiera tagħhom.

2b.   Biex japplikaw għal awtorizzazzjoni sabiex jittrażbordaw skont il-paragrafu 2a, il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd donaturi u riċevituri tal-Unjoni għandhom jissottomettu b’mod elettroniku lill-Istat Membru tal-bandiera tagħhom, tal-inqas 48 siegħa qabel l-operazzjoni ta’ trażbord ippjanata, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru/i ta’ identifikazzjoni uniku/uniċi tal-vjaġġ tas-sajd u, fil-każ ta’ bastimenti tas-sajd għajr bastimenti tal-qbid, in-numru/i ta’ identifikazzjoni uniku/uniċi tal-vjaġġ tas-sajd relatat mal-qabdiet;

(b)

in-numru CFR jew, fejn dak in-numru ma jkunx disponibbli, numru/i ta’ identifikazzjoni ieħor/oħra tal-bastiment u l-isem kemm tal-bastiment tas-sajd donatur kif ukoll ta’ dak riċevitur;

(c)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi li għandha tiġi ttrażbordata u ż-żona/i ġeografika/ġeografiċi rilevanti li fiha ttieħdu l-qabdiet;

(d)

l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi li għandha tiġi ttrażbordata f’kilogrammi f’piż tal-prodott u f’piż ħaj, imqassma skont it-tip ta’ preżentazzjoni tal-prodott u l-istat tal-ipproċessar;

(e)

il-port ta’ destinazzjoni tal-bastiment tas-sajd riċeventi;

(f)

id-data u l-ħin tat-trażbord ippjanat;

(g)

il-pożizzjoni ġeografika jew l-isem speċifiku tal-port li fih hi ppjanata l-operazzjoni ta’ trażbord.

2c.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-preżentazzjoni tal-prodott u l-istat tal-ipproċessar, b’mod partikolari permezz ta’ kodiċijiet u deskrizzjonijiet. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

(*7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).”."

(20)

L-Artikolu 21 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 21

Kompletar tad-dikjarazzjoni tat-trażbord

1.   Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni involuti f’operazzjoni ta’ trażbord għandhom jimlew dikjarazzjoni elettronika tat-trażbord.

2.   Id-dikjarazzjoni tat-trażbord imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru/i ta’ identifikazzjoni uniku/uniċi tal-vjaġġ tas-sajd u, fil-każ ta’ bastimenti tas-sajd għajr bastimenti tal-qbid, in-numru/i ta’ identifikazzjoni uniku/uniċi tal-vjaġġ tas-sajd relatat mal-qabdiet;

(b)

in-numru CFR jew, fejn dak in-numru ma jkunx disponibbli, numru/i ta’ identifikazzjoni ieħor/oħra tal-bastiment u l-isem kemm tal-bastiment tas-sajd donatur kif ukoll ta’ dak riċevitur;

(c)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi trażbordata u ż-żona/i ġeografika/ġeografiċi rilevanti li fiha ttieħdu l-qabdiet;

(d)

l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi trażbordata f’kilogrammi f’piż tal-prodott u f’piż ħaj, imqassma skont it-tip ta’ preżentazzjoni tal-prodott u l-istat tal-ipproċessar, jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi inkluż, bħala entrata separata, il-kwantitajiet jew l-individwi taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli;

(e)

il-port jew il-post ta’ ħatt l-art ta’ destinazzjoni tal-bastiment tas-sajd riċevitur u d-data u l-ħin stmati tal-wasla;

(f)

id-data u l-ħin tat-trażbord;

(g)

iż-żona ġeografika jew il-port magħżul tat-trażbord;

(h)

il-fattur(i) ta’ konverżjoni użat(i).

3.   Meta mqabbel mal-kwantitajiet li nħattu l-art jew mar-riżultat ta’ spezzjoni, il-marġni ta’ tolleranza permess fi stimi reġistrati fid-dikjarazzjoni tat-trażbord tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord għandu jkun kif stipulat fl-Artikolu 14(3) u (4).

4.   Il-kaptani kemm tal-bastimenti tas-sajd donaturi kif ukoll ta’ dawk riċevituri għandhom ilkoll ikunu responsabbli għall-akkuratezza tad-data reġistrata fid-dikjarazzjonijiet tat-trażbord rispettivi tagħhom.

5.   Biex il-piż tal-ħut maħżun jew ipproċessat jiġi kkonvertit f’piż ta’ ħut ħaj għall-finijiet tad-dikjarazzjoni tat-trażbord, il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd għandhom japplikaw fattur ta’ konverżjoni stabbilit f’konformità mal-Artikolu 14(12).

6.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi teżenta ċerti kategoriji ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni mill-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b’kont meħud tal-kwantitajiet u/jew tat-tip ta’ prodotti tas-sajd, id-distanza bejn iż-żoni tas-sajd, il-postijiet tat-trażbord u l-portijiet fejn il-bastimenti kkonċernati huma reġistrati.”.

(21)

L-Artikoli 22, 23 u 24 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 22

Trażmissjoni elettronika tad-data tad-dikjarazzjoni tat-trażbord

1.   Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jissottomettu b’mezzi elettroniċi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom fi żmien 24 siegħa wara t-tlestija tal-operazzjoni ta’ trażbord.

2.   Meta bastiment tas-sajd tal-Unjoni jittrażborda l-qabdiet tiegħu fi Stat Membru li hu differenti mill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera malli jirċievu d-data tad-dikjarazzjoni tat-trażbord għandhom jibagħtuha permezz ta’ mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-qabda tkun ġiet trażbordata u fejn il-qabda tkun iddestinata.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi:

(a)

tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ ħsara teknika jew ta’ komunikazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u ta’ rapportar għad-data dwar it-trażbord;

(b)

tadotta miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ li ma tasalx id-data dwar it-trażbord;

(c)

tadotta regoli dwar l-aċċess għad-data dwar it-trażbord u l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ nuqqas ta’ aċċess għad-data.

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:

(a)

il-format u l-proċedura għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tat-trażbord;

(b)

il-kompletar u r-reġistrazzjoni elettronika tad-data tad-dikjarazzjoni tat-trażbord;

(c)

il-funzjonament tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rapportar għad-data tat-trażbord;

(d)

ir-rekwiżiti għat-trażmissjoni tad-data tat-trażbord minn bastiment tas-sajd tal-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tiegħu u l-messaġġi ta’ ritorn mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

Artikolu 23

Kompletar tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art

1.   Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni, jew rappreżentant tal-kaptan, għandu jimla dikjarazzjoni elettronika tal-ħatt l-art.

2.   Id-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru identifikatur uniku tal-vjaġġ tas-sajd;

(b)

in-numru CFR jew, fejn dak in-numru ma jkunx disponibbli, numru ta’ identifikazzjoni ieħor, tal-bastiment u l-isem tal-bastiment tas-sajd;

(c)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi li tinħatt l-art u ż-żona ġeografika rilevanti li fiha ttieħdu l-qabdiet;

(d)

il-kwantitajiet ta’ kull speċi li tinħatt l-art f’kilogrammi ta’ piż tal-prodott f’konformità mal-Artikolu 60 u f’piż ħaj, imqassma skont it-tip ta’ preżentazzjoni tal-prodott u l-istat tal-ipproċessar, jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi inkluż, bħala entrata separata, il-kwantitajiet jew l-individwi taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli;

(e)

il-port jew il-post ta’ ħatt l-art;

(f)

id-data u l-ħin tat-tlestija tal-ħatt l-art jew, fil-każ li l-ħatt l-art jieħu aktar minn 24 siegħa, id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tlestija tal-ħatt l-art;

(g)

id-data u l-ħin tat-tlestija tal-użin jew, fil-każ li l-użin jieħu aktar minn 24 siegħa, id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tlestija tal-użin;

(h)

l-isem jew numru ta’ identifikazzjoni tal-operatur imsemmi fl-Artikolu 60(5);

(i)

il-fatturi ta’ konverżjoni użati.

3.   L-akkuratezza tad-data rreġistrata fid-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art għandha tkun ir-responsabbiltà tal-kaptan.

4.   Sabiex il-piż tal-ħut maħżun jew proċessat jiġi kkonvertit f’piż ta’ ħut ħaj għall-fini tal-kompletar tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd, jew rappreżentant tal-kaptan, għandu japplika fattur ta’ konverżjoni stabbilit f’konformità mal-Artikolu 14(12).

Artikolu 24

Trażmissjoni elettronika tad-data tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art

1.   Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni jew rappreżentant tal-kaptan għandu jissottometti permezz ta’ mezzi elettroniċi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(2) lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom fi żmien 24 siegħa wara t-tlestija tal-ħatt l-art.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għall-prodotti tas-sajd li jintiżnu f’konformità mal-Artikolu 60(3), il-punti (c) u (d), il-kaptan jew rappreżentant tal-kaptan għandu jissottometti b’mezzi elettroniċi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 23 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera fi żmien 24 siegħa wara t-tlestija tal-użin.

3.   Fejn bastiment tas-sajd tal-Unjoni jħott il-qabdiet fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tal-bandiera tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera malli jirċievu d-data tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art għandhom jibagħtuha minnufih permezz ta’ mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun inħattet il-qabda.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi:

(a)

tistabbilixxi regoli dettaljati dwar derogi li jikkonċernaw is-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art;

(b)

tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ ħsara teknika jew ta’ komunikazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u ta’ rapportar għad-data tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art;

(c)

tadotta miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ li ma tasalx id-data tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art;

(d)

tadotta regoli dwar l-aċċess għad-data tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art u l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ nuqqas ta’ aċċess għad-data.

5.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:

(a)

il-format u l-proċedura għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art;

(b)

il-kompletar u r-reġistrazzjoni diġitali tad-data tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art;

(c)

il-funzjonament tas-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u ta’ rapportar għad-data tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art;

(d)

ir-rekwiżiti għat-trażmissjoni tad-data tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art minn bastiment tas-sajd tal-Unjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera tiegħu u l-messaġġi ta’ ritorn mill-awtoritajiet.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(22)

Jitħassar l-Artikolu 25.

(23)

L-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “bastimenti tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastimenti tal-qbid”, u l-kliem “bastiment tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastiment tal-qbid”;

(b)

fil-paragrafi 2 u 3, il-kliem “bastiment tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastiment tal-qbid tal-Unjoni”;

(c)

fil-paragrafu 4, il-kliem “bastimenti tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastimenti tal-qbid tal-Unjoni”;

(d)

fil-paragrafu 6, il-kliem “bastiment tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastiment tal-qbid”.

(24)

Fl-Artikolu 27(1), il-kliem “bastiment tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastiment tal-qbid tal-Unjoni”.

(25)

Jitħassar l-Artikolu 28.

(26)

L-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “bastiment tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastiment tal-qbid tal-Unjoni”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-kliem “bastiment tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastiment tal-qbid tal-Unjoni”, u l-kliem “bastimenti tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastimenti tal-qbid”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Stat Membru jista’ jagħżel li ma jattribwix għal kwalunkwe sforz tas-sajd massimu permissibbli l-attività ta’ bastiment tal-qbid tal-Unjoni f’żona ġeografika soġġetta għal reġim tal-isforz tas-sajd fejn dak il-bastiment tal-qbid tal-Unjoni kien preżenti f’dik iż-żona ġeografika, iżda li ma setax jistad peress li kien qiegħed jgħin bastiment ieħor fi bżonn ta’ għajnuna urġenti, jew peress li kien qiegħed jittrasporta persuna mweġġa’ għall-għajnuna medika urġenti.”

.

(27)

L-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “bastiment tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastiment tal-qbid tal-Unjoni”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-kliem “bastiment tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastiment tal-qbid tal-Unjoni”.

(28)

L-Artikolu 31 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 31

Bastimenti tal-qbid eżentati mill-applikazzjoni tar-reġim tal-isforz tas-sajd

Din it-Taqsima ma għandhiex tapplika għall-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni sal-punt li jiġu eżentati mill-applikazzjoni ta’ reġim tal-isforz tas-sajd.”

(29)

Jitħassar l-Artikolu 32.

(30)

L-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 33

Reġistrar ta’ qabdiet u tal-isforz tas-sajd

1.   Kull Stat Membru tal-bandiera jew, fil-każ ta’ sajd mingħajr bastiment, kull Stat Membru kostali, għandu jirreġistra d-data kollha relatata mal-qabdiet u mal-isforz tas-sajd imsemmija f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari d-data msemmija fl-Artikoli 14, 21, 23, 54d, 55, 62, 66 u 68, u għandu jżomm l-oriġinali ta’ dik id-data għal perjodu ta’ mill-inqas tliet snin f’konformità mal-liġi nazzjonali.

2.   Qabel il-15-il jum ta’ kull xahar, kull Stat Membru tal-bandiera jew, fil-każ ta’ sajd mingħajr bastiment, kull Stat Membru kostali għandu jissottometti b’mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha, id-data aggregata dwar:

(a)

il-kwantitajiet ta’ kull speċi, jekk applikabbli skont l-istokk jew il-grupp ta’ stokkijiet, maqbuda u miżmuma abbord, u l-kwantitajiet ta’ kull speċi skartati, f’ekwivalenti ta’ piż ħaj, matul ix-xahar preċedenti, inkluż, bħala entrata separata, dawk li huma inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli;

(b)

l-isforz tas-sajd użat matul ix-xahar preċedenti għal kull żona tas-sajd soġġetta għal reġim tal-isforz tas-sajd jew, fejn adatt, għal kull sajd soġġett għal reġim tal-isforz tas-sajd;

(c)

il-kwantitajiet ta’ kull speċi, jekk applikabbli skont l-istokk jew il-grupp ta’ stokkijiet, maqbuda fil-każ ta’ sajd mingħajr bastiment, u l-kwantitajiet ta’ kull speċi skartati, f’ekwivalenti ta’ piż ħaj, matul ix-xahar preċedenti, inkluż, bħala entrata separata, dawk li huma anqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli.

3.   Meta d-data sottomessa minn Stat Membru f’konformità mal-paragrafu 2 tkun ibbażata fuq stimi għal speċi, stokk jew grupp ta’ stokkijiet, l-Istat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni d-data kkorreġuta dwar il-kwantitajiet stabbiliti fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art, in-noti tal-bejgħ jew id-dikjarazzjonijiet tal-qbid malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-tmiem tal-perjodu li għalih ġie stabbilit il-limitu tal-kwota jew tal-isforz tas-sajd.

4.   Meta Stat Membru jindividwa inkonsistenzi bejn l-informazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu u r-riżultati tal-validazzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 109, l-Istat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni d-data kkoreġuta dwar il-kwantitajiet stabbiliti abbażi ta’ dik il-validazzjoni malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu li għalih ġie stabbilit il-limitu tal-kwota jew tal-isforz tas-sajd.

5.   Fejn il-Kummissjoni tiskopri inkonsistenzi dwar id-data sottomessa minn Stat Membru lill-Kummissjoni skont dan l-Artikolu, hija għandha tikkonsulta lill-Istat Membru kkonċernat, li għandu jikkoreġi d-data u jissottometti d-data kkoreġuta lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli.

6.   Qabdiet ta’ kull speċi, stokk jew grupp ta’ stokkijiet li huma soġġetti għal kwota għandhom jinqatgħu mill-kwoti applikabbli għall-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

7.   Il-qabdiet meħuda fil-qafas ta’ riċerka xjentifika li jiġu kkummerċjalizzati u mibjugħa, inkluż, fejn xieraq, dawk taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli, għandhom jiġu rreġistrati mill-Istati Membri u d-data dwar tali qabdiet għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni. Il-qabdiet għandhom jinqatgħu mill-kwota applikabbli għall-Istat Membru tal-bandiera sa fejn dawn jaqbżu t-2 % tal-kwota kkonċernata. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal qabdiet meħuda matul stħarriġiet ta’ riċerka mandatorji fil-baħar kif imsemmija fl-Artikolu 5(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8).

8.   Għajr għall-isforz tas-sajd użat mill-bastimenti tal-qbid li huma eżentati mill-applikazzjoni ta’ reġim tal-isforz tas-sajd, l-isforzi kollha tas-sajd użati mill-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni meta jġorru abbord jew, fejn xieraq, jużaw irkaptu tas-sajd li huwa soġġett għal reġim tal-isforz tas-sajd jew joperaw f’sajd soġġett għal reġim tal-isforz tas-sajd f’żona ġeografika soġġetta għal dak ir-reġim tal-isforz tas-sajd għandhom jinqatgħu mill-isforz tas-sajd massimu permissibbli relatat ma’ tali rkaptu tas-sajd, sajd jew żona ġeografika li huwa disponibbli għall-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat.

9.   L-isforz tas-sajd użat fil-kuntest tar-riċerka xjentifika minn bastiment tal-qbid li jkun qed iġorr irkaptu tas-sajd li huwa soġġett għal reġim tal-isforz tas-sajd jew li jopera f’sajd soġġett għal reġim tal-isforz tas-sajd f’żona ġeografika soġġetta għal dak ir-reġim tal-isforz tas-sajd għandu jinqata’ mill-isforz tas-sajd massimu permissibbli relatat ma’ tali rkaptu tas-sajd, sajd jew żona ġeografika li hija disponibbli għall-Istat Membru tal-bandiera tiegħu, jekk il-qabdiet meħuda matul l-użu ta’ dak l-isforz tas-sajd jiġu kummerċjalizzati u mibjugħa, sa fejn jaqbżu t-2 % tal-isforz tas-sajd allokat. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal qabdiet meħuda matul stħarriġiet ta’ riċerka mandatorji fil-baħar kif imsemmija fl-Artikolu 5(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2017/1004.

10.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw il-formati għat-trażmissjoni tad-data msemmija f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

(*8)  Ir-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (ĠU L 157, 20.6.2017, p. 1).”."

(31)

L-Artikolu 34 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 34

Data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd

Il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru biex jissottometti informazzjoni aktar dettaljata minn dik prevista fl-Artikolu 33 fejn 80 % ta’ kwota għal stokk jew grupp ta’ stokkijiet titqies li tkun ġiet eżawrita, jew fejn 80 % tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli għall-irkaptu tas-sajd jew għal sajd speċifiku u żona ġeografika korrispondenti titqies li tkun intlaħqet.”.

(32)

L-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1, 2 u 3 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi d-data li minnha:

(a)

il-qabdiet ta’ stokk jew ta’ grupp ta’ stokkijiet soġġetti għal kwota tal-Istat Membru għandhom jitqiesu li eżawrew dik il-kwota;

(b)

l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għall-irkaptu tas-sajd jew sajd u żona ġeografika korrispondenti għandu jitqies li ntlaħaq.

2.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprojbixxi l-operazzjonijiet tas-sajd, kif ukoll is-sajd mingħajr bastiment, għall-istokk jew għall-grupp ta’ stokkijiet li għalihom tkun ġiet eżawrita l-kwota, fis-sajd rilevanti, jew meta jinġarr abbord l-irkaptu tas-sajd rilevanti fiż-żona ġeografika fejn ikun intlaħaq l-isforz tas-sajd massimu permissibbli, mill-bastimenti tal-qbid kollha jew parti minnhom li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru jew, kif applikabbli, mill-operaturi tiegħu fil-każ ta’ sajd mingħajr bastiment. Fil-każ bħal dan, dak l-Istat Membru jista’ jistabbilixxi data sa meta t-trażbordi, it-trasferimenti u l-ħatt l-art jew id-dikjarazzjonijiet finali tal-qabdiet għandhom ikunu lesti.

3.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir pubblika mill-Istat Membru kkonċernat u għandha tiġi kkomunikata immedjatament lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmilha pubblikament disponibbli fuq is-sit web tagħha.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Mid-data li fiha d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 tkun saret pubblika mill-Istat Membru kkonċernat, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li ma ssir l-ebda operazzjoni tas-sajd minn kwalunkwe bastiment tal-qbid li jtajjar il-bandiera tiegħu, jew mill-operaturi tas-sajd mingħajr bastiment, għall-istokk jew għall-grupp ta’ stokkijiet ikkonċernati.”

.

(33)

Fl-Artikolu 36, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Meta l-Kummissjoni ssib li l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni, għal Stat Membru, jew għal grupp ta’ Stati Membri jitqiesu li jkunu ġew eżawriti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan u tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tipprojbixxi l-operazzjonijiet tas-sajd kif ukoll is-sajd mingħajr bastiment, għaż-żona rilevanti, l-irkaptu tas-sajd, l-istokk, il-grupp ta’ stokkijiet jew il-flotta involuta f’dawk l-operazzjonijiet tas-sajd.”

.

(34)

l-Artikolu 37 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Fejn il-Kummissjoni tkun ipprojbiet operazzjonijiet tas-sajd kif ukoll sajd mingħajr bastiment minħabba l-eżawriment allegat tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri, jew għall-Unjoni u jsir magħruf li Stat Membru ma kienx eżawrixxa l-opportunitajiet tas-sajd, għandu japplika dan l-Artikolu.

2.   Jekk il-preġudizzju mġarrab mill-Istat Membru li fir-rigward tiegħu ġew ipprojbiti l-operazzjonijiet tas-sajd qabel ma ġew eżawriti l-opportunitajiet tas-sajd tiegħu ma jkunx tneħħa, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta miżuri bl-għan li jiġi rrimedjat b’mod xieraq il-preġudizzju kkawżat. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom, b’mod partikolari, jistabbilixxu:

(a)

in-notifika ta’ preġudizzju mġarrab;

(b)

l-identifikazzjoni tal-Istati Membri li ġarrbu preġudizzju u l-ammont tal-preġudizzju;

(c)

l-identifikazzjoni tal-Istati Membri li stadu b’mod eċċessiv, u l-kwantitajiet ta’ ħut maqbud żejjed;

(d)

it-tnaqqis li għandu jsir mill-opportunitajiet tas-sajd tal-Istati Membri li stadu b’mod eċċessiv, b’mod proporzjonat għall-opportunitajiet tas-sajd li nqabżu;

(e)

iż-żidiet li għandhom isiru mal-opportunitajiet tas-sajd tal-Istati Membri ppreġudikati b’mod proporzjonat għall-preġudizzju mġarrab;

(f)

id-dati li fihom iż-żidiet u t-tnaqqis għandhom isiru effettivi.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”;

(b)

jitħassar il-paragrafu 4.

(35)

Fit-Titolu IV, l-intestatura tal-Kapitolu II hi ssostitwita b’dan li ġej:

Kapitolu II

Kontroll tal-kapaċità tas-sajd ”.

(36)

L-Artikolu 38 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 38

Kapaċità tas-sajd

1.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biex iwettqu l-kontrolli meħtieġa bl-għan li jiżguraw li l-kapaċità totali li tikkorrispondi għal-liċenzji tas-sajd maħruġa mill-Istat Membru kkonċernat, f’TG u f’kW, fl-ebda mument ma tkun ogħla mil-livelli massimi ta’ kapaċità għal dak l-Istat Membru stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.   Il-Kummissjoni tista’ , permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu dwar:

(a)

il-verifika tal-qawwa tal-magna tal-bastimenti tal-qbid;

(b)

il-verifika tat-tunnellaġġ tal-bastimenti tal-qbid;

(c)

il-verifika tat-tip, tal-għadd u tal-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(37)

Fil-Kapitolu II tat-Titolu IV, l-intestatura tat-Taqsima 2 hija sostitwita b’dan li ġej:

“TAQSIMA 2

QAWWA TAL-MAGNA U TUNNELLAĠĠ”.

(38)

L-Artikolu 39 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “bastiment tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastiment tal-qbid”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Meta bastiment tal-qbid jaqbeż il-qawwa tal-magna awtorizzata stabbilita fil-liċenzja tas-sajd, tista’ ssir regolarizzazzjoni f’perjodu massimu u f’konformità mal-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat.”

;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-ispejjeż kollha li jirriżultaw miċ-ċertifikazzjoni u l-verifika tal-qawwa tal-magna skont dan l-Artikolu għandhom jitħallsu mill-Istati Membri tal-bandiera. F’konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-operaturi tal-bastimenti tal-qbid li jtajru l-bandiera tagħhom involuti fis-sajd rilevanti jikkontribwixxu għal dawk l-ispejjeż.”

.

(39)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 39a

Monitoraġġ kontinwu tal-qawwa tal-magna

1.   l-Istati Membri għandhom, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, jiddeterminaw liema bastimenti mgħammra b’magni propulsivi abbord b’qawwa tal-magna ċċertifikata li taqbeż il-221 kilowatt u li jużaw irkaptu rmunkat, kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (12), tar-Regolament (UE) 2019/1241, jippreżentaw riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd dwar il-qawwa tal-magna. Huma għandhom jiżguraw li dawk il-bastimenti jkunu mgħammra b’sistemi installati b’mod permanenti li jkejlu u jirreġistraw il-qawwa tal-magna kontinwament.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-bastimenti tal-qbid ikunu mgħammra b’sistemi installati b’mod permanenti li jkejlu u jirreġistraw il-qawwa tal-magna kontinwament f’każijiet fejn dawk il-bastimenti jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni Daniżi, ikunu mgħammra b’magni propulsivi abbord b’qawwa tal-magna ċċertifikata ta’ bejn 120 u 221 kilowatts, u jkunu qed joperaw fiż-żona msemmija fil-parti C, il-punt 2.1, tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1241.

3.   Is-sistemi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw il-kejl kontinwu tal-qawwa propulsiva tal-magna f’kilowatts u l-ħżin ta’ dik id-data abbord.

4.   Il-kaptani tal-bastimenti tal-qbid u d-detenturi ta’ liċenzji tas-sajd għandhom jiżguraw li s-sistemi msemmija fil-paragrafu 1 jaħdmu l-ħin kollu u li d-data mill-kejl kontinwu tal-qawwa propulsiva tal-magna tiġi rreġistrata u maħżuna abbord u li tkun aċċessibbli abbord il-bastimenti f’kull ħin għall-uffiċjali.

5.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-installazzjoni, ir-rekwiżiti tekniċi u l-karatteristiċi tas-sistemi imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

6.   Il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a)

tistabbilixxi l-livell ta’ riskju ta’ nuqqas ta’ konformità skont is-segment tal-flotta, abbażi tal-irkaptu, iż-żona koperta, ir-reġim tal-isforz, l-ispeċijiet fil-mira, it-tnaqqis tal-qawwa u l-veloċità;

(b)

tikkunsidra infrazzjonijiet ikkonfermati relatati mal-użu ta’ magna b’qawwa tal-magna li taqbeż dik indikata fuq iċ-ċertifikat tal-magna;

(c)

tinkludi analiżi li tiddetermina l-probabbiltà u l-impatt tan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd dwar il-qawwa tal-magna, b’mod partikolari fir-rigward tas-sajd eċċessiv;

(d)

tikkunsidra l-qbiż tal-limitu massimu tal-kapaċità.

7.   Il-valutazzjoni tar-riskju għandha titwettaq b’mod konġunt mill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-EFCA.

8.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tagħhom mgħammra b’magni propulsivi abbord b’qawwa tal-magna ċċertifikata ta’ mhux aktar minn 221 kilowatt u li jużaw irkaptu rmunkat, kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (12), tar-Regolament (UE) 2019/1241, għandhom ikunu mgħammra b’sistemi installati b’mod permanenti li jkejlu u jirreġistraw il-qawwa tal-magna kontinwament, abbażi tar-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd dwar il-qawwa tal-magna.”.

(40)

L-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “bastimenti tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastimenti tal-qbid”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-kliem “bastimenti tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastimenti tal-qbid”;

(c)

jitħassar il-paragrafu 5;

(d)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-qawwa ta’ propulsjoni tal-magna. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”

.

(41)

L-Artikolu 41 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 41

Verifikazzjoni tal-qawwa tal-magna

1.   Fil-każ ta’ bastimenti tal-qbid li mhumiex mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ kontinwu kif previst fl-Artikolu 39a, l-Istati Membri għandhom, wara analiżi tar-riskju, iwettqu verifika tad-data, skont pjan ta’ teħid ta’ kampjuni bbażat fuq il-metodoloġija li għandha tiġi adottata skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, tal-konsistenza tal-qawwa tal-magna bl-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar il-karatteristiċi tal-bastiment ikkonċernat. B’mod partikolari, għandhom jivverifikaw l-informazzjoni li hemm:

(a)

fid-data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment;

(b)

fid-data tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd;

(c)

fiċ-Ċertifikat Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Atmosfera mill-Magni (EIAPP) maħruġ għall-magna skont l-Anness VI għall-Konvenzjoni tal-MARPOL 73/78;

(d)

fiċ-ċertifikati tal-klassi maħruġin minn organizzazzjoni rikonoxxuta tal-ispezzjoni u l-organizzazzjoni tal-perizji fuq il-bastimenti skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*9);

(e)

iċ-ċertifikat tal-provi fuq il-baħar;

(f)

ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni; u

(g)

kwalunkwe dokument ieħor li jipprovdi informazzjoni rilevanti dwar il-qawwa tal-bastimenti jew kwalunkwe karatteristika teknika relatata.

2.   Fejn, wara l-analiżi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, ikun hemm indikazzjonijiet li l-qawwa tal-magna ta’ bastiment tal-qbid taqbeż il-qawwa indikata fil-liċenzja tas-sajd jew fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni jew nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jipproċedu b’verifika fiżika tal-qawwa tal-magna jew għandhom jiżguraw li l-bastiment tal-qbid ikkonċernat ikun mgħammar b’sistema msemmija fl-Artikolu 39a(1).

3.   Għall-fini tal-verifika tal-qawwa tal-magna ta’ bastiment tal-qbid, l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-rekwiżiti adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni fl-Istandard Internazzjonali rakkomandat tagħha ISO 15016:2015 jew metodi ekwivalenti Ewropej jew nazzjonali rikonoxxuti.

4.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 119a li jemendaw il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu sabiex tadatta r-referenza għall-Istandard Internazzjonali rilevanti tal-ISO għall-progress tekniku.

5.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-verifika tal-qawwa tal-magna, inkluż il-metodoloġija għall-istabbiliment tal-pjan ta’ kampjunar. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(*9)  Id-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 47)."

(42)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 41a

Verifika tat-tunnellaġġ

1.   Fejn ikun hemm evidenza li t-tunnellaġġ ta’ bastiment tal-qbid huwa differenti mit-tunnellaġġ indikat fil-liċenzja tas-sajd, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jipproċedi b’verifika tat-tunnellaġġ. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom iqisu, b’mod partikolari, il-bidliet fil-volum jew fid-dimensjonijiet magħluqa tal-bastiment.

2.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-verifika tat-tunnellaġġ. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(43)

L-Artikolu 42 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “f’postijiet qrib ix-xatt” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “f’post ta’ ħatt l-art magħżul”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-kliem “f’postijiet qrib ix-xatt” huwa sostitwit bil-kliem “f’postijiet ta’ ħatt l-art magħżula”, u l-kliem “Artikoli 60 u 61” huwa sostitwit b’“Artikolu 60”.

(44)

L-Artikolu 43 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Fi pjan pluriennali jista’ jiġi stabbilit limitu massimu, applikabbli għall-piż ħaj ta’ speċijiet soġġetti għal dak il-pjan, li fil-każ li dan il-limitu jinqabeż, bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu jkun meħtieġ li jħott il-qabdiet l-art f’port magħżul jew f’post ta’ ħatt l-art magħżul.

2.   Meta l-kwantitajiet li jinżammu abbord jaqbżu l-limitu massimu msemmi fil-paragrafu 1, il-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu jiżgura li ħatt l-art tal-qabdiet jitwettaq f’port magħżul jew f’post tal-ħatt l-art magħżul fl-Unjoni.”

;

(b)

fil-paragrafi 4, 5 u 6, il-kliem “postijiet qrib ix-xatt” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “postijiet tal-ħatt l-art”;

(c)

jitħassar il-paragrafu 7.

(45)

L-Artikolu 44 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 44

Stivar separat ta’ qabdiet tal-ħut tal-qiegħ soġġetti għal pjanijiet pluriennali

1.   Il-qabdiet ta’ stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ soġġetti għal pjan pluriennali miżmuma abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar u li mhumiex taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għandhom jitpoġġew f’kaxxi, kompartimenti jew kontenituri separatament għal kull wieħed minn tali stokkijiet b’tali mod li jkunu identifikabbli minn kaxxi, kompartimenti jew kontenituri oħra.

2.   Kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom iżommu l-qabdiet imsemmija fil-paragrafu 1 skont pjan ta’ stivar li jindika fejn jinsabu l-ispeċijiet differenti fl-istivi.

3.   Għandha tkun ipprojbita ż-żamma abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni, fi kwalunkwe kaxxa, kompartiment jew kontenitur, ta’ kwalunkwe kwantità ta’ qabdiet imsemmija fil-paragrafu 1 mħallta ma’ kwalunkwe prodott tas-sajd ieħor.

4.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a dwar l-eżenzjoni ta’ ċerti stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ mill-obbligu stabbilit f’dan l-Artikolu.”.

(46)

Jitħassru l-Artikoli 45 u 46.

(47)

L-Artikolu 48 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Bastiment tal-qbid tal-Unjoni għandu jkollu tagħmir abbord biex jirkupra l-irkaptu mitluf tiegħu, inkluż rkaptu tas-sajd, rkaptu biex jinġema’ l-ħut u l-bagi.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-kliem “bastiment tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastiment tal-qbid”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Jekk l-irkaptu mitluf ma jistax jiġi rkuprat, il-kaptan tal-bastiment tal-qbid għandu jinkludi l-informazzjoni dwar l-irkaptu mitluf fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd skont l-Artikolu 14(7). L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera għandha mingħajr dewmien tibgħat dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kostali.”

;

(d)

fil-paragrafu 4, il-kliem “bastiment tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastiment tal-qbid”;

(e)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jiġbru u jirreġistraw l-informazzjoni li tikkonċerna l-irkaptu mitluf u jipprovdu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni jew lill-EFCA fuq talba.

6.   Sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit web tagħha ġabra tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 għas-sena preċedenti. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-EFCA tassisti fil-ġbir ta’ tali informazzjoni.”

.

(48)

L-Artikolu 49 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “bastiment tas-sajd” huwa sostitwit bil-kliem “bastiment tal-qbid”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dettaljati dwar iż-żamma abbord ta’ pjan ta’ stivar, skont l-ispeċi, għall-prodotti pproċessati, filwaqt li tindika fejn jinsabu fl-istiva. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”

.

(49)

L-Artikolu 50 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 50

Kontroll ta’ żoni ristretti għas-sajd

1.   L-attivitajiet tas-sajd f’żoni ristretti għas-sajd li jinsabu fl-ilmijiet tal-Unjoni għandhom ikunu kkontrollati mill-Istat Membru kostali. L-Istat Membru kostali għandu jkollu sistema biex jindividwa u jirreġistra d-dħul tal-bastimenti tas-sajd f’żoni ristretti għas-sajd u l-ħruġ ta’ dawn mit-tali żoni li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tiegħu.

2.   L-attivitajiet tas-sajd ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni f’żoni ristretti għas-sajd li jinsabu f’ibħra ta’ pajjiżi terzi jew f’ibħra internazzjonali għandhom ikunu kkontrollati mill-Istati Membri tal-bandiera.

3.   Il-bastimenti tal-qbid tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux awtorizzati jwettqu attivitajiet tas-sajd f’żoni ristretti għas-sajd jistgħu biss jgħaddu fi tranżitu minn tali żoni soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-irkaptu kollu tas-sajd abbord ikun marbut u stivat matul it-tranżitu;

(b)

it-tranżitu jkun kontinwu u rapidu u l-veloċità matul it-tranżitu ma tkunx inqas minn sitt mili nawtiċi ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri. F’każijiet bħal dawn, il-kaptan ta’ bastiment tal-qbid tal-Unjoni għandu jinforma minnufih liċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd tal-Istat Membru tal-bandiera tiegħu, li għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali, u l-kaptan ta’ bastiment tal-qbid ta’ pajjiż terz għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali; u

(c)

l-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti msemmi fl-Artikolu 9 jkun qed jaħdem.

4.   Il-paragrafu 3 għandu japplika biss sa fejn ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni rilevanti tal-attivitajiet tas-sajd kollha jew ta’ ċerti attivitajiet tas-sajd f’żoni ristretti għas-sajd ikunu fis-seħħ.”.

(50)

Il-kapitolu li ġej qed jiddaħħal wara l-Artikolu 54c:

Kapitolu IVa

Kontroll ta’ sajd mingħajr bastiment

Artikolu 54d

Sajd mingħajr bastiment

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sajd mingħajr bastiment fit-territorju tagħhom u fl-ilmijiet tal-Unjoni isir skont l-objettivi u r-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

2.   Għall-fini msemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jistabbilixxu sistema ta’ liċenzji jew sistema ta’ reġistrazzjoni alternattiva oħra għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jwettqu tali attivitajiet; u

(b)

jiżguraw li l-kwantitajiet ta’ speċijiet, stokkijiet jew grupp ta’ stokkijiet maqbuda huma rreġistrati u li dawk ir-reġistri jiġu sottomessi b’mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti.

3.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu sajd mingħajr bastiment jew ir-rappreżentant tagħhom għandhom jirreġistraw il-qabdiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), u dawk ir-reġistri għandu jkun fihom b’mod partikolari l-informazzjoni li ġejja:

(a)

numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-jum ta’ sajd;

(b)

l-identifikatur uniku fis-sistema msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a);

(c)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi u ż-żona ġeografika rilevanti li fiha ttieħdu l-qabdiet;

(d)

id-data tal-qabdiet;

(e)

il-kategorija tal-irkaptu tas-sajd, fejn applikabbli;

(f)

il-kwantitajiet ta’ kull speċi f’kilogrammi ta’ piż ħaj, jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi, inkluż il-kwantitajiet jew l-individwi taħt id-daqs ta’ referenza minimu għall-konservazzjoni applikabbli, bħala entrata separata;

(g)

fejn applikabbli, il-kwantitajiet stmati ta’ kull speċi skartat f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, fejn adatt, in-numru ta’ individwi.

4.   Ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), għandhom jiġu sottomessi lill-awtoritajiet kompetenti b’mezzi elettroniċi mill-inqas darba fi żmien 24 siegħa wara l-bidu tal-attività tas-sajd.

5.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-użin tal-qabdiet, kif ukoll il-format u s-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tal-qbid imsemmija fil-paragrafu 3, b’kont meħud, jekk ikun meħtieġ, l-ispeċifiċitajiet ta’ dak is-sajd. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(51)

L-Artikolu 55 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 55

Sajd rikreattiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sajd rikreattiv fit-territorju tagħhom u fl-ilmijiet tal-Unjoni jsir b’mod kompatibbli mal-objettivi u r-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

Għal dak l-għan, l-Istati Membri kostali għandu jkollhom fis-seħħ sistema elettronika għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar tal-qabdiet mis-sajd rikreattiv.

L-Istati Membri kostali jistgħu jużaw sistema elettronika msemmija fit-tieni subparagrafu żviluppata fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni. Jekk Stat Membru kostali wieħed jew aktar jitolbu hekk sal-10 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa tali sistema. Stat Membru li jagħmel it-talba għandu jimplimenta s-sistema kif żviluppata mill-Kummissjoni.

2.   Ħlief għal data dwar is-sajd rikreattiv irreġistrata u rrapportata skont il-paragrafu 3 u mingħajr preġudizzju għall-ġbir ta’ data għas-sajd rikreattiv skont ir-Regolament (UE) 2017/1004, l-Istati Membri kostali għandhom jiġbru data dwar il-qabdiet minn persuni fiżiċi involuti fis-sajd rikreattiv għal speċijiet, stokkijiet jew gruppi ta’ stokkijiet li għalihom l-opportunitajiet tas-sajd huma stabbiliti mill-Unjoni, li huma koperti minn pjan pluriennali, jew li huma soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art. Dik id-data għandha tinġabar permezz ta’ mekkaniżmi ta’ ġbir tad-data bbażati fuq metodoloġija, li għandha tiġi determinata minn kull Stat Membru kostali u notifikata lill-Kummissjoni. L-Istati Membri kostali għandhom jibagħtu dik id-data lill-Kummissjoni mill-inqas darba fis-sena b’referenza għas-sena kalendarja preċedenti.

3.   L-Istati Membri kostali għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi involuti fis-sajd rikreattiv ikunu rreġistrati u li jirreġistraw u jirrapportaw il-qabdiet tagħhom permezz ta’ sistema elettronika msemmija fil-paragrafu 1 kif ġej:

(a)

Għal speċijiet, stokkijiet jew gruppi ta’ stokkijiet li huma soġġetti għal miżuri ta’ konservazzjoni tal-Unjoni li japplikaw b’mod speċifiku għas-sajd rikreattiv, bħall-kwoti, il-limiti tal-qbid u l-limiti tal-qabda fuq bażi ta’ kuljum; u

(b)

għal speċijiet, stokkijiet jew gruppi ta’ stokkijiet li għalihom l-opportunitajiet tas-sajd huma stabbiliti mill-Unjoni jew li huma koperti minn pjan pluriennali jew li huma soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art, u li għalihom il-parir xjentifiku dwar l-ispeċijiet mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), l-ICES jew korp xjentifiku ekwivalenti jindika li s-sajd rikreattiv qed ikollu impatt sinifikanti fuq il-mortalità mis-sajd, mill-1 ta’ Jannar 2030.

Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-lista ta’ speċijiet, stokkijiet jew gruppi ta’ stokkijiet li għalihom japplika l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u tistabbilixxi l-frekwenza tar-reġistrazzjoni u r-rappurtar ta’ dawn il-qabdiet. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

4.   Ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar tal-qabdiet mis-sajd rikreattiv minn persuni fiżiċi jistgħu jitwettqu minn persuna ġuridika f’isimhom.

5.   Il-kummerċjalizzazzjoni jew il-bejgħ tal-qabdiet mis-sajd rikreattiv għandu jkun ipprojbit.

6.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta regoli dettaljati dwar:

(a)

is-sottomissjoni lill-Kummissjoni tad-data dwar il-qabdiet miġbura mill-Istati Membri skont il-paragrafi 2 u 3;

(b)

l-immarkar ta’ rkapti użati għas-sajd rikreattiv, għajr irkapti li jinżammu fl-idejn, b’mod sempliċi u proporzjonat.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

7.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal kwalunkwe attività tas-sajd rikreattiv, inkluż attivitajiet tas-sajd organizzati minn entitajiet kummerċjali fis-settur tat-turiżmu u fis-settur tal-kompetizzjonijiet sportivi.”.

(52)

L-intestatura tat-Titolu V hija sostitwita b’dan li ġej:

TITOLU V

KONTROLL FIL-KATINA TAL-PROVVISTA ”.

(53)

Fit-Titolu V, il-Kapitolu I huwa sostitwit b’dan li ġej:

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 56

Prinċipji għall-kontroll tal-kummerċjalizzazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-kontroll fit-territorju tiegħu tal-applikazzjoni tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, mit-tqegħid tagħhom fis-suq sal-bejgħ bl-imnut, inkluż it-trasport. L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jieħdu miżuri li jiżguraw li l-użu ta’ prodotti tas-sajd taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli li huma soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jiġi ristrett għal skopijiet oħra għajr dak tal-konsum dirett mill-bniedem, minbarra fejn regoli oħra tal-politika komuni tas-sajd jipprevedu mod ieħor.

2.   Meta jkun iffissat daqs minimu għal speċi partikolari fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-operaturi responsabbli għax-xiri, għall-bejgħ, għall-ħżin jew għat-trasport għandhom ikunu kapaċi jippruvaw iż-żona ġeografika rilevanti tal-oriġini tal-prodotti.

Artikolu 56a

Kompożizzjoni ta’ lottijiet ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

1.   Il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mill-qbid jew mill-ħsad għandhom jitqiegħdu f’lottijiet qabel ma jiġu introdotti fis-suq.

2.   Lott ta’ prodotti tas-sajd jew lott ta’ prodotti tal-akkwakultura li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3 tan-Nomenklatura Magħquda stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (*10) (in-“Nomenklatura Magħquda”) għandu jkun fih biss:

(a)

prodotti tas-sajd ta’ speċi waħda biss, bl-istess preżentazzjoni tal-prodott u li ġejjin mill-istess żona ġeografika rilevanti u mill-istess bastiment tas-sajd, jew grupp ta’ bastimenti tas-sajd; jew

(b)

prodotti tal-akkwakultura ta’ speċi waħda biss, bl-istess preżentazzjoni tal-prodott u mill-istess unità ta’ produzzjoni tal-akkwakultura.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, qabel ma jiġu introdotti fis-suq, kwantitajiet tal-prodotti tas-sajd li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3 tan-Nomenklatura Magħquda b’total ta’ inqas minn 30 kg ta’ diversi speċijiet u li jiġu mill-istess żona ġeografika rilevanti u bl-istess preżentazzjoni tal-prodott, għal kull bastiment tal-qbid u għal kull jum, jistgħu jitqiegħdu fl-istess lott.

4.   B’deroga mill-paragrafu 2, qabel ma jiġu introdotti fis-suq, kwantitajiet tal-prodotti tas-sajd li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3 tan-Nomenklatura Magħquda ta’ diversi speċijiet, li jikkonsistu f’individwi iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli u li jiġu mill-istess żona ġeografika rilevanti u mill-istess bastiment tal-qbid, jew grupp ta’ bastimenti tal-qbid, jistgħu jitqiegħdu f’lottijiet għal skopijiet oħra apparti konsum dirett mill-bniedem.

5.   Wara li jiġi introdott fis-suq, lott ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura li jaqa’ taħt il-Kapitolu 3 tan-Nomenklatura Magħquda jista’ biss jingħaqad ma’ lott ieħor jew jinqasam, jekk il-lott maħluq mit-tgħaqqid jew il-lottijiet maħluqa mill-qsim jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni dwar it-traċċabilità elenkata fl-Artikolu 58(5) hi pprovduta għal-lott jew għal-lottijiet maħluqa ġodda;

(b)

l-operatur responsabbli għall-introduzzjoni tal-lott(ijiet) maħluqa ġodda fis-suq iżomm u kapaċi jipprovdi l-informazzjoni relatata mal-kompożizzjoni tal-lott(ijiet) maħluqa ġodda, b’mod partikolari l-informazzjoni relatata ma’ kull wieħed mil-lottijiet ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura li fih u mal-kwantitajiet ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura li ġejjin minn kull wieħed mil-lottijiet li jifformaw il-lott(ijiet) il-ġodda.

6.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal ħut ornamentali, krustaċji ornamentali, molluski ornamentali jew alka ornamentali.

Artikolu 57

Standards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti li għalihom japplikaw l-istandards komuni ta’ kummerċjalizzazzjoni jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq f’konformità ma’ dawk l-istandards. L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli biex jiżguraw tali konformità.

Tali kontrolli jistgħu jsiru fl-istadji kollha fil-katina ta’ provvista, inkluż it-trasport u l-catering.

2.   L-operaturi fl-istadji kollha tal-katina ta’ provvista responsabbli għax-xiri, għall-bejgħ, għall-ħżin jew għat-trasport tal-lottijiet tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura għandhom ikunu kapaċi juru bil-provi li l-prodotti jikkonformaw, fejn applikabbli, mal-istandards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni.

Artikolu 58

Traċċabilità

1.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti dwar it-traċċabilità stipulati fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*11), il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura għandhom jitqiegħdu f’lottijiet mill-operaturi u għandhom ikunu traċċabbli fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni, mill-qbid jew mill-ħsad sal-istadju tal-bejgħ bl-imnut.

2.   Il-lottijiet tal-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura li jitqiegħdu fis-suq jew li x’aktarx jitqiegħdu fis-suq għandhom jiġu mmarkati b’mod adegwat biex tkun żgurata t-traċċabilità ta’ kull lott.

3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-operaturi jkollhom fis-seħħ sistemi u proċeduri għall-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe operatur li jkun fornihom b’lottijiet tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura u li lilu jkunu ġew forniti dawk il-prodotti. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba.

4.   Il-lottijiet ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3, l-Intestaturi 1604 u 1605 tal-Kapitolu 16, u s-sottointestatura 1212 21 tal-Kapitolu 12 tan-Nomenklatura Magħquda għandhom ikunu akkumpanjati minn sett minimu ta’ informazzjoni f’konformità mal-paragrafi 5, 10 u 11 ta’ dan l-Artikolu rispettivament.

5.   Għal-lottijiet ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3 tan-Nomenklatura Magħquda, għandha mill-inqas issir disponibbli l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-lott;

(b)

fil-każ ta’ prodotti li mhumiex importati fl-Unjoni:

(i)

għall-prodotti tas-sajd kollha inklużi fil-lott, in-numru/i uniku/uniċi ta’ identifikazzjoni tal-vjaġġ ta’ sajd, jew in-numru/i uniku/uniċi ta’ identifikazzjoni tal-jum ta’ sajd, jew

(ii)

għall-prodotti kollha tal-akkwakultura inklużi fil-lott, l-isem u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-produttur jew tal-unità tal-produzzjoni tal-akkwakultura;

(c)

fil-każ ta’ prodotti importati:

(i)

għall-prodotti tas-sajd kollha inklużi fil-lott, in-numru tal-OMI jew, jekk ma jkunx applikabbli, identifikatur uniku ieħor tal-bastiment(i) tal-qbid, jekk applikabbli, u n-numru(i) taċ-ċertifikat(i) tal-qbid sottomess(i) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, fejn applikabbli, jew

(ii)

għall-prodotti kollha tal-akkwakultura inklużi fil-lott, l-isem u, fejn disponibbli, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-produttur jew tal-unità tal-produzzjoni tal-akkwakultura;

(d)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO tal-ispeċijiet u l-isem xjentifiku;

(e)

iż-żona jew żoni ġeografiċi rilevanti għall-prodotti tas-sajd maqbuda mill-baħar, jew iż-żona tal-qabda jew tal-produzzjoni għal prodotti tas-sajd maqbuda fl-ilma ħelu u għall-prodotti tal-akkwakultura, kif imsemmija fl-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(f)

għal prodotti tas-sajd, il-kategorija ta’ rkaptu kif stabbilita fl-ewwel kolonna tal-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(g)

id-data jew dati tal-qabdiet għall-prodotti tas-sajd jew id-data jew dati tal-ħsad għall-prodotti tal-akkwakultura;

(h)

il-kwantitajiet f’kilogrammi espressi f’piż nett jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi;

(i)

fejn ikun hemm prodotti tas-sajd iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni preżenti fil-lott, informazzjoni separata dwar il-kwantitajiet f’kilogrammi espressi f’piż nett, jew in-numru ta’ individwi iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni;

(j)

għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura soġġetti għal standards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni, l-informazzjoni meħtieġa għall-konformità ma’ dawk l-istandards.

6.   Fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni, mill-qbid jew mill-ħsad sal-istadju tal-bejgħ bl-imnut, l-operaturi għandhom jiżguraw li fir-rigward ta’ kull lott ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura li jaqa’ taħt il-Kapitolu 3 tan-Nomenklatura Magħquda, l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 5:

(a)

jinżamm rekord tagħha; u

(b)

issir disponibbli b’mod diġitali lill-operatur li lilu jiġi fornit il-prodott tas-sajd jew tal-akkwakultura, u, fuq talba, lill-awtoritajiet kompetenti.

7.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin biex jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor minbarra dak fejn il-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura jkunu tqiegħdu fil-lottijiet jew fejn ikunu ġew importati, b’mod partikolari meta l-informazzjoni tkun ipprovduta permezz ta’ għodda ta’ identifikazzjoni bħal kodiċi, barcode, ċippa elettronika jew apparat jew sistema ta’ mmarkar simili.

8.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti stipulati f’dan l-Artikolu kwantitajiet żgħar ta’ prodotti tas-sajd li jinbiegħu direttament lill-konsumaturi minn bastimenti tal-qbid, minn operaturi li jistadu mingħajr bastiment, jew minn operaturi tas-sajd tal-ilma ħelu, dment li l-prodotti jintużaw biss għall-konsum privat u li dawk il-kwantitajiet ma jaqbżux l-10 kg ta’ prodotti tas-sajd għal kull konsumatur kuljum. Għas-salamun (Salmo salar) maqbud fil-Baħar Baltiku, il-limitu għandu jkun ta’ żewġ individwi għal kull konsumatur kuljum.

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti stipulati f’dan l-Artikolu kwantitajiet żgħar ta’ prodotti tal-akkwakultura li jinbiegħu direttament lill-konsumaturi minn unità tal-produzzjoni tal-akkwakultura, dment li l-prodotti jintużaw biss għall-konsum privat u li dawk il-kwantitajiet ma jaqbżux l-10 kg ta’ prodotti tal-akkwakultura għal kull konsumatur kuljum.

9.   Il-Kummissjoni għandha twettaq studju dwar sistemi u proċeduri ta’ traċċabilità fattibbli, inkluż informazzjoni minima dwar it-traċċabilità, għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li jaqgħu taħt l-intestaturi 1604 u 1605 tal-Kapitolu 16 tan-Nomenklatura Magħquda, bil-ħsieb li tiddefinixxi regoli dettaljati għal tali prodotti. L-istudju għandu jinkludi analiżi tas-soluzzjonijiet jew il-metodi diġitali disponibbli li jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar it-traċċabilità f’dan ir-Regolament, filwaqt li jitqies l-impatt fuq l-operaturi ż-żgħar.

10.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a li jissupplimentaw dan ir-Regolament dwar ir-rekwiżiti ta’ traċċabilità għal lottijiet ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura li jaqgħu taħt l-intestaturi 1604 u 1605 tal-Kapitolu 16 tan-Nomenklatura Magħquda, inkluż l-użu ta’ sistemi diġitali, abbażi tar-riżultati tal-istudju mwettaq f’konformità mal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu. Dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw mill-10 ta’ Jannar 2029.

11.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a li jissupplimentaw dan ir-Regolament fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ traċċabilità għal-lottijiet u l-kompożizzjoni ta’ lottijiet ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li jaqgħu taħt is-subintestatura 1212 21 tal-Kapitolu 12 tan-Nomenklatura Magħquda, inkluż l-użu ta’ sistemi diġitali. Dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw mill-10 ta’ Jannar 2029.

12.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 119a rigward:

(a)

rekwiżiti tekniċi minimi għar-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, skont il-paragrafu 6;

(b)

metodi ta’ mmarkar tal-lottijiet u t-twaħħil fiżiku ta’ informazzjoni dwar it-traċċabilità fuq il-lottijiet ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

(c)

aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-aċċess għall-informazzjoni li takkumpanja lott;

(d)

ir-rekwiżiti ta’ traċċabilità għal lottijiet ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3 tan-Nomenklatura Magħquda li fihom diversi speċijiet kif imsemmi fl-Artikolu 56a(3) u (4), u għal lottijiet ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3 tan-Nomenklatura Magħquda li jirriżultaw mill-fużjoni jew mill-qsim ta’ lottijiet differenti kif imsemmi fl-Artikolu 56a(5);

(e)

l-informazzjoni dwar iż-żona ġeografika rilevanti.

13.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal ħut ornamentali, krustaċji ornamentali, molluski ornamentali jew alka ornamentali.

(*10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1)."

(*11)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).”."

(54)

Fl-Artikolu 59, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Ix-xerrej tal-prodotti tas-sajd fl-ewwel bejgħ għandu jkun irreġistrat mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn isir l-ewwel bejgħ. Għall-iskopijiet ta’ reġistrazzjoni, kull xerrej għandu jiġi identifikat skont in-numru tal-VAT tiegħu, in-numru ta’ identifikazzjoni fiskali tiegħu jew identifikatur uniku ieħor fil-bażijiet tad-data nazzjonali.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-konsumaturi li jixtru prodotti tas-sajd li wara ma jitqegħdux fis-suq iżda jintużaw biss għall-konsum privat, dment li dawk il-kwantitajiet ma jaqbżux l-10 kg ta’ prodotti tas-sajd għal kull konsumatur kuljum. Għas-salamun (Salmo salar) maqbud fil-Baħar Baltiku, dak il-limitu għandu jkun ta’ żewġ individwi għal kull konsumatur kuljum.”

.

(55)

L-Artikolu 60 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 60

Użin ta’ prodotti tas-sajd

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwantitajiet kollha tal-prodotti tas-sajd jintiżnu għal kull speċi immedjatament wara l-ħatt l-art fi Stat Membru, mill-operaturi msemmija fil-paragrafu 5 u f’sistemi tal-użin approvati mill-awtoritajiet kompetenti, qabel ma dawk il-prodotti jinħażnu, jiġu ttrasportati jew jitqiegħdu fis-suq.

Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li jħottu l-art prodotti tas-sajd fl-Unjoni għandhom jikkonformaw mar-regoli li jirregolaw l-użin applikabbli għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni.

2.   Fil-każ ta’ ħatt l-art barra mill-Unjoni u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli stipulati, b’mod partikolari, fil-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli jew fil-liġi tal-pajjiżi terzi kkonċernati, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiżguraw li l-kwantitajiet kollha tal-prodotti tas-sajd jintiżnu, fejn possibbli, immedjatament wara l-ħatt l-art u qabel ma dawk il-prodotti jinħażnu, jiġu ttrasportati jew jitqiegħdu fis-suq.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1 u soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-Istati Membri li fihom jinħattu l-prodotti tas-sajd jistgħu jippermettu li dawk il-prodotti jintiżnu f’sistemi tal-użin approvati mill-awtoritajiet kompetenti:

(a)

ma’ ħatt l-art f’konformità ma’ pjan ta’ kampjunar skont il-paragrafu 10, irrispettivament minn jekk il-prodotti tas-sajd ikunux ġew magħżula jew le;

(b)

abbord, fil-każ ta’ prodotti tas-sajd magħżula, dment li dawk il-prodotti jintiżnu malli jinħattu l-art f’konformità ma’ pjan ta’ kampjunar adottat skont il-paragrafu 10. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jkun responsabbli għall-għoti tad-deroga lill-bastimenti tal-qbid li jtajru l-bandiera tiegħu u biex jiżgura li s-sistemi tal-użin abbord ikunu approvati;

(c)

wara t-trasport lejn destinazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru fejn seħħ ħatt l-art, f’konformità ma’ pjan ta’ kontroll adottat skont il-paragrafu 10, irrispettivament minn jekk il-prodotti tas-sajd ikunux ġew magħżula jew le;

(d)

wara t-trasport mill-Istat Membru fejn il-prodotti tas-sajd inħattu l-art lejn destinazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, skont programm ta’ kontroll komuni adottat skont il-paragrafu 10 u bi ftehim bejn l-Istati Membri kkonċernati, irrispettivament minn jekk il-prodotti tas-sajd humiex magħżula jew le.

4.   Il-kaptani għandhom jiżguraw li l-kwantitajiet kollha tal-prodotti tas-sajd li jinħattu l-art jintiżnu minn operatur imsemmi fil-paragrafu 5.

5.   L-użin għandu jitwettaq minn operatur, li għandu jkun xerrej irreġistrat, irkant irreġistrat, organizzazzjoni ta’ produtturi jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, inkluż il-kaptan, awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti biex twettaq attivitajiet tal-użin. L-operatur li jwettaq l-użin għandu jkun responsabbli għall-akkuratezza tal-użin. L-operaturi li jiżnu l-prodotti tas-sajd għandhom jimlew reġistru tal-użin għal kull ħatt l-art. Dawn għandhom jżommu r-reġistri tal-użin għal perjodu ta’ tliet snin.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi msemmija fil-paragrafu 5 jkunu mgħammra b’mod adegwat biex iwettqu attivitajiet tal-użin.

7.   Ir-reġistri tal-użin għandhom jintbagħtu immedjatament lill-kaptan u, fejn applikabbli, lit-trasportatur. Dawn għandhom jintużaw għall-ikkompletar tad-dikjarazzjoni ta’ ħatt l-art u, fejn applikabbli, tad-dokument tat-trasport.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fil-każ ta’ prodotti tas-sajd li jintiżnu minn uffiċjal f’konformità mal-paragrafu 9, ir-riżultat ta’ tali użin għandu jintuża għall-ikkompletar tad-dikjarazzjoni ta’ ħatt l-art u, fejn applikabbli, tad-dokument tat-trasport.

8.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-operaturi msemmija fil-paragrafu 5 jissottomettu r-reġistri tal-użin f’intervalli regolari, jew fuq talba, lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

9.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jitolbu li kwalunkwe kwantità ta’ prodotti tas-sajd li tinħatt l-art f’dak l-Istat Membru tintiżen minn uffiċjali tagħhom, jew fil-preżenza tagħhom qabel ma tiġi ttrasportata xi mkien ieħor mill-post ta’ ħatt l-art.

10.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta pjanijiet ta’ kampjunar, pjanijiet ta’ kontroll u programmi ta’ kontroll komuni msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a), (b), (c) u (d), ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(56)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 60a

Regoli dettaljati dwar l-użin

1.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dwar:

(a)

id-determinazzjoni tal-proċeduri tal-użin;

(b)

ir-reġistri tal-użin, inkluż iż-żamma ta’ dawk ir-reġistri;

(c)

il-ħin tal-użin;

(d)

is-sistemi tal-użin, inkluż sistemi tal-użin għal skopijiet ta’ kontroll;

(e)

l-użin ta’ prodotti tas-sajd iffriżati;

(f)

it-tnaqqis tas-silġ u tal-ilma;

(g)

l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għas-sistemi tal-użin u r-reġistri tal-użin.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistipulaw regoli speċjali għall-użin ta’ ċerti speċijiet pelaġiċi. Dawk ir-regoli jistgħu jikkonċernaw:

(a)

l-użin ta’ qabdiet ta’ aringi, kavalli, stokkafixx u sawrell;

(b)

il-portijiet tal-użin;

(c)

l-informazzjoni li għandha tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti qabel id-dħul fil-port;

(d)

il-ħatt l-art;

(e)

l-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd;

(f)

il-faċilitajiet tal-użin imħaddma pubblikament;

(g)

il-faċilitajiet tal-użin imħaddma privatament;

(h)

l-użin ta’ ħut iffriżat;

(i)

iż-żamma tar-reġistri tal-użin;

(j)

nota tal-bejgħ u dikjarazzjoni ta’ konsenja;

(k)

il-kontroverifiki;

(l)

il-monitoraġġ tal-użin.”.

(57)

Jitħassar l-Artikolu 61.

(58)

L-Artikolu 62 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 62

Kompletar u sottomissjoni tan-noti tal-bejgħ

1.   Xerrejja rreġistrati, stabbilimenti tal-irkant irreġistrati jew organizzazzjonijiet ta’ produtturi awtorizzati mill-Istati Membri għandhom jirreġistraw b’mezzi elettroniċi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 64(1) u għandhom jissottomettu b’mezzi elettroniċi, fi żmien 48 siegħa wara l-ewwel bejgħ, nota tal-bejgħ li jkun fiha din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jseħħ l-ewwel bejgħ. L-akkuratezza tan-nota tal-bejgħ għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ dawk ix-xerrejja, l-istabbilimenti tal-irkant, jew l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi.

2.   Meta l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jseħħ l-ewwel bejgħ ma jkunx l-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment tal-qbid ikkonċernat, hu għandu jiżgura li kopja tan-nota tal-bejgħ, malli din tasal, tiġi sottomessa b’mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera.

3.   Meta l-ewwel bejgħ tal-prodotti tas-sajd ma jseħħx fl-Istat Membru fejn il-prodotti jkunu nħattew l-art, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jseħħ l-ewwel bejgħ għandu jiżgura li kopja tan-nota tal-bejgħ, malli din tasal, tiġi sottomessa b’mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn il-prodotti kkonċernati jkunu nħattew l-art.

4.   Meta l-ewwel bejgħ isir barra mill-Unjoni, il-kaptan tal-bastiment tal-qbid tal-Unjoni jew rappreżentant tal-kaptan, għandu jibgħat, b’mezzi elettroniċi, kopja tan-nota tal-bejgħ jew kwalunkwe dokument ekwivalenti ieħor li jkun fih l-istess livell ta’ informazzjoni, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera fi żmien 48 siegħa wara l-ewwel bejgħ.

5.   Meta nota tal-bejgħ ma taqbilx mal-fattura jew ma’ dokument ieħor minflokha, kif imsemmi fl-Artikoli 218 u 219 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (*12), l-Istat Membru kkonċernat għandu jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiżgura li l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet u dwar il-prezz, eskluż it-taxxa għall-kunsinni tal-oġġetti lix-xerrej, tkun l-istess bħal dik indikata fuq il-fattura.

6.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:

(a)

ir-reġistrazzjoni tax-xerrejja;

(b)

il-format tan-noti tal-bejgħ;

(c)

ir-reġistrazzjoni elettronika u s-sottomissjoni elettronika tan-noti tal-bejgħ.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

(*12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).”."

(59)

Jitħassar l-Artikolu 63.

(60)

L-Artikoli 64, 65 u 66 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 64

Kontenut tan-noti tal-bejgħ

1.   In-noti tal-bejgħ imsemmija fl-Artikolu 62 għandu jkollhom numru uniku ta’ identifikazzjoni u jkun fihom id-data li ġejja:

(a)

in-numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-vjaġġ tas-sajd;

(b)

in-numru CFR jew, fejn dak in-numru ma jkunx disponibbli, numru ta’ identifikazzjoni ieħor tal-bastiment tal-qbid, u l-isem tal-bastiment tal-qbid;

(c)

il-port tal-ħatt jew il-post tal-ħatt l-art u d-data tat-tlestija tal-ħatt l-art;

(d)

l-isem tal-operatur jew tal-kaptan tal-bastiment tal-qbid u, jekk differenti, l-isem tal-bejjiegħ;

(e)

l-isem tax-xerrej u n-numru tal-VAT tax-xerrej, in-numru ta’ identifikazzjoni fiskali tax-xerrej, jew identifikatur uniku ieħor;

(f)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi u ż-żona ġeografika rilevanti li fiha ttieħdu l-qabdiet;

(g)

il-kwantitajiet ta’ kull speċi f’piż tal-prodott, imqassma skont it-tip ta’ preżentazzjoni u l-istat tal-ipproċessar tal-prodott, jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi;

(h)

għall-prodotti kollha soġġetti għal standards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni, id-daqs jew il-piż individwali, il-kategorija tad-daqs, il-preżentazzjoni u l-freskezza tal-prodott, kif xieraq;

(i)

għal prodotti tas-sajd taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, il-kwantitajiet f’kilogrammi espressi f’piż nett jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi;

(j)

l-isem jew numru ta’ identifikazzjoni tal-operatur imsemmi fl-Artikolu 60(5);

(k)

il-post u d-data tal-bejgħ;

(l)

fejn possibbli, in-numru ta’ referenza u d-data tal-fattura u fejn xieraq, tal-kuntratt tal-bejgħ;

(m)

fejn applikabbli, ir-referenza għad-dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni imsemmija fl-Artikolu 66, jew id-dokument tat-trasport imsemmi fl-Artikolu 68;

(n)

il-prezz, eskluż it-taxxi, u l-munita;

(o)

fejn disponibbli, l-użu maħsub tal-prodotti tas-sajd, bħal pereżempju għall-konsum mill-bniedem jew għall-użu bħala prodotti sekondarji mill-annimali.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, fil-każ tas-sajd mingħajr bastiment, in-nota tal-bejgħ għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identifikatur uniku fis-sistema msemmija fl-Artikolu 54d(2), il-punt (a);

(b)

in-numru jew in-numri uniċi ta’ identifikazzjoni tal-jum tas-sajd;

(c)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (e), (f), (g), (h), (i), (k), (l), (m), (n) u (o), ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 65

Eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tan-noti tal-bejgħ

L-Artikoli 62 u 64 ma għandhomx japplikaw għal konsumatur li jakkwista prodotti tas-sajd li ma jaqbżux l-10 kg kuljum li wara dan ma jinbigħux iżda jintużaw biss għall-konsum privat. Għas-salamun (Salmo salar) maqbud fil-Baħar Baltiku, dak il-limitu għandu jkun ta’ żewġ individwi għal kull konsumatur kuljum.

Artikolu 66

Kompletar u sottomissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ akkwiżizzjoni

1.   Meta l-prodotti tas-sajd ikunu maħsuba għall-bejgħ fi stadju aktar tard, l-operaturi li huma responsabbli għall-ħżin tal-prodotti tas-sajd li jinħattu l-art fi Stat Membru għandhom jirreġistraw b’mezzi elettroniċi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u għandhom jissottomettu b’mezzi elettroniċi, fi żmien 24 siegħa wara ħatt l-art, dikjarazzjoni ta’ akkwiżizzjoni li jkun fiha din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu sseħħ l-akkwiżizzjoni. Dawk l-operaturi għandhom ikunu responsabbli għall-akkuratezza tad-dikjarazzjoni ta’ akkwiżizzjoni.

2.   Meta l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ssir l-akkwiżizzjoni ma jkunx l-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun ħatt l-art il-ħut, dan għandu jiżgura li kopja tad-dikjarazzjoni ta’ akkwiżizzjoni, malli din tasal, tiġi sottomessa b’mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera.

3.   Meta l-akkwiżizzjoni ssir barra mill-Unjoni, il-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni, jew rappreżentant tal-kaptan, għandu jibgħat b’mezzi elettroniċi, kopja tad-dikjarazzjoni ta’ akkwiżizzjoni jew kwalunkwe dokument ekwivalenti ieħor li jkun fih l-istess livell ta’ informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera fi żmien 48 siegħa wara l-akkwiżizzjoni.

4.   Id-dikjarazzjoni ta’ akkwiżizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha numru uniku ta’ identifikazzjoni u jkun fiha tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-vjaġġ tas-sajd;

(b)

in-numru CFR jew, fejn dak in-numru ma jkunx disponibbli, numru ta’ identifikazzjoni ieħor tal-bastiment tal-qbid, u l-isem tal-bastiment tal-qbid;

(c)

il-port tal-ħatt jew il-post tal-ħatt l-art u d-data tat-tlestija tal-ħatt l-art;

(d)

l-isem tal-operatur jew tal-kaptan tal-bastiment tal-qbid;

(e)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi u ż-żona ġeografika rilevanti li fiha ttieħdu l-qabdiet;

(f)

il-kwantitajiet ta’ kull speċi maħżuna f’kilogrammi ta’ piż tal-prodott, imqassma skont it-tip ta’ preżentazzjoni u l-istat tal-ipproċessar tal-prodott jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi;

(g)

l-isem jew numru ta’ identifikazzjoni tal-operatur imsemmi fl-Artikolu 60(5);

(h)

l-isem u l-indirizz tal-faċilitajiet fejn il-prodotti huma maħżuna u l-identifikatur uniku tagħhom;

(i)

fejn applikabbli, referenza għad-dokument tat-trasport imsemmi fl-Artikolu 68;

(j)

għal prodotti tas-sajd taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, il-kwantitajiet f’kilogrammi espressi f’piż nett jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi.

5.   B’deroga mill-paragrafu 4, fil-każ tas-sajd mingħajr bastiment, id-dikjarazzjoni ta’ akkwiżizzjoni għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identifikatur uniku fis-sistema msemmija fl-Artikolu 54d(2), il-punt (a);

(b)

in-numru jew in-numri uniċi ta’ identifikazzjoni tal-jum tas-sajd;

(c)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (e), (f), (h), (i) u (j), ta’ dan l-Artikolu.

6.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-format u s-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ akkwiżizzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(61)

Jitħassar l-Artikolu 67.

(62)

L-Artikolu 68 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 68

Trasport ta’ prodotti tas-sajd u kompletar u sottomissjoni tad-dokument tat-trasport

1.   Meta l-prodotti tas-sajd jiġu ttrasportati qabel l-ewwel bejgħ tagħhom, inkluż fil-każijiet imsemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 60(3), jew qabel l-ewwel bejgħ tagħhom f’pajjiż terz, dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn dokument tat-trasport li jindika l-prodotti tas-sajd u l-kwantitajiet ittrasportati.

2.   Qabel ma jibda t-trasport imsemmi fil-paragrafu 1, it-trasportatur għandu jibgħat id-dokument tat-trasport b’mod elettroniku lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera, tal-Istat Membru tal-ħatt l-art, tal-Istat Membru jew l-Istati Membri ta’ tranżitu u tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-prodotti tas-sajd, kif xieraq.

3.   It-trasportatur għandu jkun responsabbli għall-akkuratezza tad-dokument tat-trasport.

4.   Id-dokument tat-trasport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu numru uniku ta’ identifikazzjoni u jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-post(ijiet) u l-indirizz(i) tad-destinazzjoni tal-kunsinna jew tal-kunsinni u l-identità tal-vettura tat-trasport u tat-trasportatur;

(b)

in-numru jew in-numri uniċi ta’ identifikazzjoni tal-vjaġġ tas-sajd;

(c)

in-numru CFR jew, fejn dak in-numru ma jkunx disponibbli, numru ta’ identifikazzjoni ieħor tal-bastiment tal-qbid, u l-isem tal-bastiment tal-qbid;

(d)

il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi u ż-żona ġeografika rilevanti li fiha ttieħdu l-qabdiet;

(e)

il-kwantitajiet ta’ kull speċi ttrasportata f’kilogrammi ta’ piż tal-prodott, maqsuma skont it-tip ta’ preżentazzjoni u l-istat tal-ipproċessar tal-prodott jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi u, fejn xieraq, skont il-postijiet ta’ destinazzjoni;

(f)

l-isem jew numru ta’ identifikazzjoni tal-operatur imsemmi fl-Artikolu 60(5), jekk applikabbli;

(g)

l-isem/ismijiet, identifikatur(i) uniċi u l-indirizz(i) tal-kunsinnatarju/i;

(h)

il-post u d-data u l-ħin tat-tagħbija;

(i)

għal prodotti tas-sajd taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli, il-kwantitajiet f’kilogrammi espressi f’piż nett jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi.

5.   B’deroga mill-paragrafu 4, fil-każ tas-sajd mingħajr bastiment, id-dokument tat-trasport għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identifikatur uniku fis-sistema msemmija fl-Artikolu 54d(2), il-punt (a);

(b)

in-numru jew in-numri uniċi ta’ identifikazzjoni tal-jum tas-sajd;

(c)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a), (d), (e), (g), (h) u (i), ta’ dan l-Artikolu.

6.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-obbligu stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 jekk il-prodotti tas-sajd jiġu ttrasportati f’żona ta’ port jew mhux aktar minn 25 km ‘l bogħod mill-post tal-ħatt l-art.

7.   Meta l-prodotti tas-sajd li ġew iddikjarati bħala mibjugħa f’nota tal-bejgħ jiġu ttrasportati għal post differenti minn dak ta’ ħatt l-art, it-trasportatur għandu jkun jista’ juri bil-provi li tkun saret tranżazzjoni ta’ bejgħ.

8.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-obbligi u r-responsabbiltajiet ta’ trasportatur skont il-paragrafi 2, 3 u 7 għandhom japplikaw għal kwalunkwe operatur ieħor.

9.   Id-dokument tat-trasport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi sostitwit b’kopja tad-dikjarazzjoni ta’ ħatt l-art imsemmija fl-Artikolu 23 jew kwalunkwe dokument ekwivalenti li jappartjeni għall-kwantitajiet ta’ prodotti tas-sajd li jkunu qed jiġu ttrasportati, dment li d-dokument li jissostitwixxi d-dokument tat-trasport ikun fih l-istess informazzjoni prevista fil-paragrafu 4 jew 5 ta’ dan l-Artikolu, kif applikabbli.

10.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-format u s-sottomissjoni tad-dokument tat-trasport. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(63)

Jitħassar il-Kapitolu III tat-Titolu V.

(64)

L-Artikolu 71 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

avvistamenti ta’ bastimenti tas-sajd minn bastimenti ta’ spezzjoni, minn inġenji tal-ajru tas-sorveljanza jew minn mezzi oħra ta’ sorveljanza;”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Jekk l-avvistament jew ir-rilevament jirreferi għal bastiment tas-sajd ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz u l-informazzjoni ma tikkorrispondi ma’ ebda informazzjoni oħra disponibbli għall-Istat Membru kostali, u jekk dak l-Istat Membru kostali mhuwiex f’pożizzjoni li jieħu aktar azzjoni, dan għandu jirreġistra s-sejbiet tiegħu f’rapport ta’ sorveljanza u jittrażmetti dak ir-rapport mingħajr dewmien, jekk possibbli b’mezzi elettroniċi, lill-Istat Membru tal-bandiera jew lill-pajjiż terz ikkonċernat. Fil-każ ta’ bastiment ta’ pajjiż terz, ir-rapport tas-sorveljanza għandu jintbagħat ukoll lill-Kummissjoni u lill-EFCA.”

;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dwar il-format u l-kontenut tar-rapport tas-sorveljanza. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”

.

(65)

l-Artikolu 73 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Fejn skema tal-osservaturi tal-kontroll tal-Unjoni tkun ġiet stabbilita f’konformità mat-Trattat, l-osservaturi tal-kontroll abbord il-bastimenti tas-sajd maħtura mill-Istati Membri għandhom jissorveljaw il-konformità tal-bastiment tas-sajd mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd. Huma għandhom iwettqu l-kompiti kollha tal-iskema tal-osservaturi u b’mod jirreġistraw l-attivitajiet tas-sajd u jeżaminaw id-dokumenti rilevanti tal-bastiment.

2.   L-osservaturi tal-kontroll għandhom:

(a)

ikunu kkwalifikati għall-kompiti tagħhom u jirċievu taħriġ regolari mill-Istati Membri jew, kif xieraq, mill-EFCA;

(b)

għandhom ikunu indipendenti mis-sid, mid-detentur ta’ liċenzja, mill-kaptan tal-bastiment tas-sajd u minn kwalunkwe membru tal-ekwipaġġ;

(c)

ma għandux ikollhom xi rabta ekonomika mal-operatur;

(d)

għandhom iwettqu l-kompitu tagħhom b’mod nondiskriminatorju;

(e)

ikunu mgħammra b’apparat ta’ komunikazzjoni bidirezzjonali indipendentement mill-bastiment li jbaħħar.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fil-każ li l-osservaturi tal-kontroll jinnotaw infrazzjoni serja, inkluż l-att ta’ ostruzzjoni jew ta’ prevenzjoni b’xi mod ieħor tat-twettiq mill-osservaturi tal-kontroll ta’ dmirijiethom, dawn għandhom jinformaw mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera.”

;

(c)

il-paragrafi 8 u 9 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“8.   L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-operazzjoni tal-osservaturi tal-kontroll skont dan l-Artikolu għandhom jitħallsu mill-Istati Membri tal-bandiera. F’konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-operaturi tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom involuti fis-sajd rilevanti jikkontribwixxu għal dawk l-ispejjeż mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-punt (b).

9.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 119a rigward:

(a)

il-metodoloġija li għandha tintuża għall-identifikazzjoni tal-bastimenti għall-applikazzjoni ta’ skema tal-osservaturi tal-kontroll;

(b)

il-format u l-kontenut tar-rapporti tal-osservatur;

(c)

is-sistema ta’ komunikazzjoni għall-osservaturi tal-kontroll;

(d)

ir-regoli li jappartjenu għas-sigurtà tal-osservaturi tal-kontroll fuq il-bastimenti;

(e)

miżuri li jiżguraw l-indipendenza tal-osservaturi tal-kontroll, inkluż arranġamenti għar-remunerazzjoni tagħhom;

(f)

id-dmirijiet tal-osservaturi tal-kontroll, inkluż fil-każ ta’ suspett ta’ infrazzjoni serja;

(g)

rekwiżiti minimi relatati mal-kwalifika u t-taħriġ tal-osservaturi tal-kontroll.”

.

(66)

Fit-Titolu VII, il-Kapitolu I huwa sostitwit b’dan li ġej:

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 74

Twettiq ta’ spezzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu aġġornata lista ta’ uffiċjali responsabbli għat-twettiq ta’ spezzjonijiet.

2.   L-uffiċjali għandhom iwettqu dmirijiethom f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Għandhom iħejju u jwettqu l-ispezzjonijiet b’mod nondiskriminatorju fuq il-baħar, mal-kosta, fil-portijiet u fil-postijiet tal-ħatt l-art, matul it-trasport, fuq il-postijiet tal-ipproċessar u tul il-katina ta’ provvista tal-prodotti tas-sajd.

3.   L-uffiċjali għandhom jivverifikaw il-konformità tal-attivitajiet imwettqa mill-operaturi u mill-kaptani mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, u b’mod partikolari:

(a)

il-legalità tal-prodotti tas-sajd miżmuma abbord, maħżuna, trażbordati, trasferiti, li nħattu l-art, proċessati jew kummerċjalizzati u l-akkuratezza tad-dokumentazzjoni jew tat-trażmissjonijiet elettroniċi relatati magħhom;

(b)

il-legalità tal-irkaptu tas-sajd użat għall-ispeċijiet fil-mira u dawk aċċessorji, għall-qabdiet miżmuma abbord, u l-konformità ma’ miżuri tekniċi applikabbli oħrajn għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar;

(c)

il-preżenza abbord ta’ tagħmir għas-sejbien tal-irkaptu tas-sajd kif imsemmi fl-Artikolu 48;

(d)

jekk applikabbli, il-pjan tal-istivar u l-istivar separat tal-ispeċijiet;

(e)

l-immarkar u l-identifikazzjoni tal-bastimenti u l-irkaptu;

(f)

l-informazzjoni dwar il-magna msemmija fl-Artikolu 40;

(g)

l-użu u l-funzjonament tas-sistemi REM u apparat elettroniku ieħor ta’ monitoraġġ, jekk applikabbli;

(h)

il-konformità mar-regoli dwar l-osservaturi tal-kontroll, jekk applikabbli.

4.   L-uffiċjali jistgħu jeżaminaw iż-żoni, il-gverti u l-kmamar kollha rilevanti. Jistgħu jeżaminaw ukoll il-qabdiet, kemm jekk ipproċessati jew le, kwalunkwe rkaptu tas-sajd, tagħmir, kontenituri u pakketti li fihom ħut jew prodotti tas-sajd u kwalunkwe dokument jew trażmissjoni elettronika rilevanti li huma jqisu meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd. Jistgħu jinterrogaw persuni li huma jaħsbu li għandhom informazzjoni dwar il-kwistjoni li hija s-suġġett tal-ispezzjoni.

5.   L-uffiċjali għandhom jirċievu t-taħriġ meħtieġ biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

6.   L-uffiċjali għandhom iwettqu l-ispezzjonijiet b’tali mod li jikkawża l-anqas tfixkil jew inkonvenjenza għall-bastiment jew għall-vettura tat-trasport u għall-attivitajiet tagħhom, u għall-ħażna, għall-proċessar u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-qabda. Huma għandhom jevitaw kemm jista’ jkun kwalunkwe degradazzjoni tal-qabda matul l-ispezzjoni.

7.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri biex jiżguraw li kwalunkwe lment dwar it-twettiq tal-ispezzjonijiet jiġi investigat kif xieraq.

8.   Jekk uffiċjal li jwettaq spezzjoni jkollu raġuni biex jemmen li bastiment tas-sajd ikun involut f’attivitajiet tas-sajd bl-użu ta’ xogħol furzat, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Nru 29 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ix-Xogħol Furzat, dak l-uffiċjal għandu jinnotifika lil kwalunkwe awtorità rilevanti oħra ta’ dak l-Istat Membru.

9.   L-Istati Membri kostali jistgħu, soġġett għal arranġamenti xierqa mal-Istat Membru tal-bandiera, jistiednu uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru biex jipparteċipaw fi spezzjonijiet ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru, waqt li dawk il-bastimenti jkunu qed joperaw fl-ilmijiet tal-Istat Membru kostali jew ikunu qed iħottu l-art fil-portijiet tiegħu jew fil-postijiet tiegħu tal-ħatt l-art.

10.   L-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex jintgħażlu l-miri għall-ispezzjoni. Għas-sajd soġġett għall-programmi speċifiċi ta’ kontroll u spezzjoni msemmija fl-Artikolu 95, dak l-approċċ għandu jiġi stabbilit skont il-metodoloġija armonizzata stabbilita mill-Istati Membri f’kooperazzjoni mal-EFCA.

11.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistipulaw regoli speċifiċi dwar it-twettiq ta’ spezzjonijiet. Dawk ir-regoli jistgħu jikkonċernaw:

(a)

l-awtorizzazzjoni u l-istandards minimi għall-kwalifika tal-uffiċjali responsabbli mit-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar jew fuq l-art;

(b)

il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ kontroll, spezzjoni u infurzar bejn l-Istati Membri;

(c)

id-dmirijiet tal-uffiċjali awtorizzati biex iwettqu l-ispezzjonijiet;

(d)

it-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar u fuq l-art.

Artikolu 75

Dmirijiet tal-operatur u tal-kaptan

1.   L-operatur u l-kaptan għandhom jassistu u jikkooperaw mal-uffiċjali fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom relatati mal-ispezzjonijiet. Għandhom jiffaċilitaw l-aċċess sikur għall-bastiment, inkluż l-istivi tiegħu, il-vetturi tat-trasport, il-kontejners jew l-imħażen fejn il-prodotti tas-sajd jiġu maħżuna, ipproċessati jew kummerċjalizzati, jew għall-faċilitajiet fejn jinħażen jew jissewwa l-irkaptu tas-sajd. Dawn għandhom jiżguraw is-sikurezza tal-uffiċjali u ma għandhomx ifixklu, jintimidaw jew jinterferixxu mal-uffiċjali fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

2.   Il-Kummissjoni hi mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistipulaw regoli dwar id-dmirijiet tal-operaturi u l-kaptani relatati mal-ispezzjonijiet.

Artikolu 76

Rapport ta’ spezzjoni

1.   L-uffiċjali għandhom iħejju rapport ta’ spezzjoni wara kull spezzjoni u għandhom jibagħtuh lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Id-data li tinsab f’dan ir-rapport għandha tiġi rreġistrata u trażmessa b’mezzi elettroniċi. Fil-każ li spezzjoni ta’ bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru ieħor, kopja tar-rapport tal-ispezzjoni għandha tintbagħat b’mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien lill-Istat Membru tal-bandiera.

Fil-każ ta’ spezzjoni ta’ bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz, għandha tintbagħat kopja tar-rapport ta’ spezzjoni b’mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat. Fil-każ fejn tinstab infrazzjoni serja, kopja tar-rapport tal-ispezzjoni għandha tintbagħat ukoll lill-Kummissjoni.

Fil-każ li spezzjoni mwettqa fl-ibħra jew fil-portijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru tal-ispezzjoni, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, jew fl-ibħra jew fil-portijiet ta’ pajjiż terz f’konformità ma’ ftehimiet internazzjonali, għandha tintbagħat kopja tar-rapport tal-ispezzjoni b’mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien lil dak l-Istat Membru jew dak il-pajjiż terz.

2.   L-uffiċjali għandhom jikkomunikaw is-sejbiet tagħhom mill-ispezzjoni lill-operatur jew lill-kaptan, li għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-ispezzjoni u s-sejbiet tagħha. Dawk il-kummenti għandhom jitniżżlu fir-rapport ta’ spezzjoni. L-uffiċjali għandhom jindikaw fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd li tkun saret spezzjoni.

3.   Għandha tintbagħat kopja tar-rapport ta’ spezzjoni malajr kemm jista’ jkun lill-operatur jew lill-kaptan, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il jum tax-xogħol wara li titlesta l-ispezzjoni.

4.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-format minimu u l-kontenut tar-rapporti tal-ispezzjoni, dwar it-tlestija u t-trażmissjoni tar-rapporti tal-ispezzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

Artikolu 77

Ammissibbiltà tar-rapporti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza

Ir-rapporti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza mħejjija minn spetturi tal-Unjoni jew minn uffiċjali ta’ Stat Membru ieħor jew minn uffiċjali tal-Kummissjoni jew minn awtoritajiet kompetenti minn pajjiż terz għandhom jikkostitwixxu xhieda ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġuridiċi ta’ kwalunkwe Stat Membru. Għall-istabbiliment tal-fatti, ir-rapporti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza mħejjija minn spetturi tal-Unjoni jew minn uffiċjali ta’ Stat Membru ieħor jew minn uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għar-rapporti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza tal-Istati Membri.

Artikolu 78

Bażi ta’ data elettronika

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornata bażi ta’ data elettronika fejn huwa jtella’ r-rapporti ta’ spezzjoni u r-rapporti ta’ sorveljanza kollha li jikkonċernaw l-operaturi stabbiliti fit-territorju tiegħu u l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu, imfassla mill-uffiċjali tiegħu, kif ukoll rapporti ta’ spezzjoni u rapporti ta’ sorveljanza oħra mfassla mill-uffiċjali tiegħu. Il-Kummissjoni u l-EFCA għandu jkollhom aċċess remot għall-bażijiet tad-data tal-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 110.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħżen, f’format elettroniku, rapporti ta’ spezzjoni u rapporti ta’ sorveljanza dwar bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu mfassla minn uffiċjali ta’ pajjiżi terzi.

3.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-operat tal-bażi ta’ data elettronika. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

Artikolu 79

Spetturi tal-Unjoni

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinnotifikaw lista ta’ uffiċjali lill-EFCA biex ikunu inklużi fil-lista tal-ispetturi tal-Unjoni. L-EFCA għandha żżomm u taġġorna l-lista tal-ispetturi tal-Unjoni, inkluż uffiċjali tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-EFCA. L-EFCA għandha tagħmel din il-lista disponibbli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri kostali, l-ispetturi tal-Unjoni jistgħu jwettqu spezzjonijiet skont dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istati Membri fl-ilmijiet tal-Unjoni, u fuq bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ‘l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni. Fil-każ ta’ spezzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru, l-ispetturi tal-Unjoni mhux maħtura minn dak l-Istat Membru jistgħu jwettqu tali spezzjonijiet biss fil-preżenza ta’ uffiċjal maħtur minn dak l-Istat Membru inkarigat mill-ispezzjoni, jew bi qbil ma’ dak l-Istat Membru.

3.   L-ispetturi tal-Unjoni jistgħu jkunu assenjati għal:

(a)

l-implimentazzjoni tal-programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni adottati f’konformità mal-Artikolu 95;

(b)

programmi internazzjonali ta’ kontroll tas-sajd, fejn l-Unjoni għandha obbligu li tipprevedi l-kontroll.

4.   L-ispetturi tal-Unjoni jistgħu jassistu f’attivitajiet ta’ taħriġ relatati mal-kontroll u l-ispezzjoni, inkluż attivitajiet ta’ taħriġ li jinvolvu uffiċjali minn pajjiżi terzi.

5.   Għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u soġġett għall-paragrafu 6, l-ispetturi tal-Unjoni għandhom, sal-istess punt u bl-istess kundizzjonijiet bħall-uffiċjali tal-Istat Membru fejn issir l-ispezzjoni, ikollhom aċċess bla dewmien għal:

(a)

għaż-żoni kollha abbord il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u kwalunkwe bastiment ieħor li jwettaq attivitajiet tas-sajd, il-bini jew il-postijiet pubbliċi u l-mezzi ta’ trasport; u

(b)

għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha rilevanti li huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, b’mod partikolari l-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd, il-liċenzji tas-sajd, iċ-ċertifikazzjoni tal-qawwa tal-magna, id-data mis-sistemi REM, id-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art, iċ-ċertifikati tal-qabda, id-dikjarazzjonijiet tat-trażbord u n-noti tal-bejgħ.

6.   L-ispetturi tal-Unjoni ma għandux ikollhom setgħat ta’ pulizija u ta’ infurzar lil hinn mit-territorju tal-Istat Membru tal-oriġini jew ‘il barra mill-ibħra tal-Unjoni taħt is-sovranità u l-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini tagħhom.

7.   Meta jkunu assenjati bħala spetturi tal-Unjoni, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jew tal-EFCA ma għandu jkollhom l-ebda setgħa ta’ pulizija u ta’ infurzar.

8.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:

(a)

in-notifika tal-ispetturi tal-Unjoni lill-EFCA;

(b)

l-adozzjoni u ż-żamma tal-lista tal-ispetturi tal-Unjoni;

(c)

in-notifika tal-ispetturi tal-Unjoni lill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd;

(d)

is-setgħat u d-dmirijiet tal-ispetturi tal-Unjoni;

(e)

ir-rapporti tal-ispetturi tal-Unjoni;

(f)

is-segwitu tar-rapporti tal-ispetturi tal-Unjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(67)

Fl-Artikolu 80, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Stat Membru jista’ jispezzjona bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tiegħu stess jew il-bandiera ta’ Stat Membru ieħor fl-ilmijiet jew il-portijiet ta’ pajjiżi terzi f’konformità ma’ ftehimiet internazzjonali.”

.

(68)

Fit-Titolu VII, l-intestatura tal-Kapitolu III hija sostitwita b’dan li ġej:

“Proċeduri fil-każ ta’ infrazzjoni” .

(69)

L-Artikolu 82 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 82

Dmirijiet tal-uffiċjali fil-każ ta’ infrazzjoni

1.   Jekk l-informazzjoni miġbura matul spezzjoni jew kwalunkwe data jew informazzjoni oħra rilevanti twassal biex l-uffiċjal jemmen li tkun twettqet infrazzjoni tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, l-uffiċjal għandu:

(a)

jagħmel nota tal-infrazzjoni identifikata fir-rapport tal-ispezzjoni;

(b)

jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jiżgura t-tutela tal-prova relatata ma’ tali infrazzjoni identifikata;

(c)

jibgħat ir-rapport tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti immedjatament;

(d)

jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika suspettata li tkun wettqet l-infrazzjoni, jew li nqabdet fl-att tat-twettiq tal-infrazzjoni, li l-infrazzjoni tista’ tirriżulta fl-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet u fl-assenjazzjoni ta’ numru xieraq ta’ punti f’konformità mal-Artikolu 92. Dak għandu jitniżżel fir-rapport tal-ispezzjoni.

2.   L-uffiċjali jistgħu jibqgħu abbord bastiment tas-sajd sakemm jittieħdu l-passi meħtieġa fir-rigward tal-investigazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 85. L-istess għandu japplika, mutatis mutandis, għall-ispezzjonijiet imwettqa fi kwalunkwe post fejn jinħattu l-art, jinħażnu u jiġu pproċessati jew ikkummerċjalizzati prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura, kif ukoll għall-ispezzjonijiet matul it-trasport ta’ dawk il-prodotti. Meta l-ispezzjoni ssir fir-rigward ta’ vettura użata għat-trasport ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura, il-vettura ma għandhiex tkun awtorizzata tkompli sakemm ikunu ttieħdu l-passi meħtieġa fir-rigward tal-investigazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 85.”.

(70)

Jitħassar l-Artikolu 84.

(71)

Fit-Titolu VII, jitħassar il-kliem li ġej:

Kapitolu IV

Proċedimenti ta’ infrazzjonijiet mikxufa matul l-ispezzjonijiet ”.

(72)

L-Artikoli 85 u 86 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 85

Proċedimenti

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 72, għall-Artikolu 83(2) u għall-Artikolu 86, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa f’konformità mat-Titolu VIII u minnufih jipproċedu bl-investigazzjoni fejn tiġi identifikata kwalunkwe infrazzjoni matul spezzjoni mwettqa mill-uffiċjali tagħhom, mill-uffiċjali ta’ Stati Membri oħra, mill-ispetturi tal-Unjoni jew minn uffiċjali ta’ pajjiżi terzi, jew fejn kwalunkwe data jew informazzjoni rilevanti twassal biex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jemmnu li tkun seħħet infrazzjoni tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

2.   Fil-każ ta’ infrazzjoni serja, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri immedjati xierqa f’konformità mal-Artikolu 91.

Artikolu 86

Trasferiment tal-proċedimenti

1.   L-Istat Membru li fit-territorju jew l-ilmijiet tiegħu tkun ġiet identifikata infrazzjoni jista’ jittrasferixxi l-proċedimenti relatati ma’ dik l-infrazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera jew l-Istat Membru li l-persuna ssuspettata li wettqet infrazzjoni tkun ċittadin tiegħu, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat u bil-kundizzjoni li t-trasferiment jista’ jiggarantixxi aħjar il-kisba tar-riżultat imsemmi fl-Artikolu 89a(2).

2.   L-Istat Membru tal-bandiera jista’ jittrasferixxi l-proċedimenti relatati ma’ infrazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun identifika dik l-infrazzjoni, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat u bil-kundizzjoni li t-trasferiment jista’ jiggarantixxi aħjar il-kisba tar-riżultat imsemmi fl-Artikolu 89a(2).”.

(73)

Jitħassar l-Artikolu 87.

(74)

L-Artikolu 88 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 88

Miżuri korrettivi fl-assenza ta’ proċedimenti mill-Istat Membru tal-ħatt l-art jew tat-trażbord

1.   Jekk l-Istat Membru tal-ħatt l-art jew tat-trażbord ma jkunx l-Istat Membru tal-bandiera u l-awtoritajiet kompetenti tiegħu ma jiħdux miżuri xierqa kontra l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli, jew ma jittrasferux il-proċedimenti f’konformità mal-Artikolu 86, il-kwantitajiet ta’ ħut maqbud, skartat, li jinħatt l-art jew trażbordat bi ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd jistgħu jingħaddu fid-dawl tal-kwota allokata lill-Istat Membru tal-ħatt l-art jew tat-trażbord.

2.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-kwantitajiet ta’ ħut li għandhom jingħaddu fid-dawl tal-kwota tal-Istat Membru tal-ħatt l-art jew tat-trażbord wara li l-Kummissjoni tkun ikkonsultat lill-Istati Membri kkonċernati.

3.   Għandu japplika l-Artikolu 37 jekk l-Istat Membru tal-ħatt l-art jew tat-trażbord ma jkunx għad għandu kwota korrispondenti għad-dispożizzjoni tiegħu. Għal dak l-għan il-kwantitajiet ta’ ħut maqbud, skartat, li jinħatt l-art, jew trażbordat bi ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd għandhom jitqiesu ekwivalenti għall-ammont tal-preġudizzju mġarrab, kif imsemmi f’dak l-Artikolu, mill-Istat Membru tal-bandiera.”.

(75)

It-Titolu VIII huwa sostitwit b’dan li ġej:

TITOLU VIII

INFURZAR

Artikolu 89

Miżuri u sanzjonijiet biex tiġi żgurata l-konformità

1.   F’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom u mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar miżuri u sanzjonijiet kontra l-persuna fiżika li tkun wettqet jew persuna ġuridika li tinżamm responsabbli għal ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, u għandhom sistematikament:

(a)

jibdew proċedimenti skont l-Artikolu 85;

(b)

jieħdu miżuri xierqa meta tinstab infrazzjoni; u

(c)

japplikaw sanzjonijiet skont dan it-Titolu kontra l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu wettqu jew jitqiesu responsabbli għal ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkollu ġuriżdizzjoni fil-każ ta’ infrazzjoni għandhom, mingħajr dewmien u f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, jinnotifikaw lill-Istat Membru tal-bandiera, lill-Istat Membru li t-trasgressur ikun ċittadin tiegħu, jew lil kwalunkwe Stat Membru ieħor rilevanti għall-proċedimenti amministrattivi jew kriminali, dwar tali proċedimenti jew miżuri oħra meħuda skont dan it-Titolu.

3.   L-Istati Membri għandhom, sal-10 ta’ April 2026, jinnotifikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda tagħhom.

Artikolu 89a

Sanzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna fiżika li tkun wettqet infrazzjonijiet tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, jew persuna ġuridika meqjusa responsabbli għalihom, tkun soġġetta għal sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri jistgħu wkoll, jew alternattivament, jużaw sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonali u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livell ġenerali tas-sanzjonijiet u tas-sanzjonijiet li jakkumpanjaw applikati f’konformità ma’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali jkun proporzjonat skont il-gravità tal-infrazzjonijiet u adegwat fis-severità tiegħu biex jiskoraġġixxi b’mod effettiv infrazzjonijiet ulterjuri u jċaħħad lil dawk responsabbli mill-benefiċċju ekonomiku miksub jew mistenni mill-infrazzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dritt leġittimu li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom. Għal dak il-għan, għandhom jitqiesu wkoll il-miżuri ta’ infurzar immedjati meħuda skont l-Artikolu 91.

3.   Meta jiddeterminaw dawn is-sanzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu, b’mod partikolari, il-gravità, in-natura u l-firxa tal-infrazzjoni, inkluż il-preġudizzju jew il-livell tal-ħsara għar-riżorsi tas-sajd u l-ambjent tal-baħar ikkonċernat, it-tul ta’ żmien jew ir-ripetizzjoni tagħha, u l-akkumulazzjoni ta’ infrazzjonijiet simultanji. L-Istati Membri jistgħu jqisu wkoll is-sitwazzjoni ekonomika tat-trasgressur biex jiżguraw li dawn is-sanzjonijiet ikunu dissważivi.

4.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw sistema fejn penali finanzjarja tkun proporzjonata skont il-fatturat tal-persuna ġuridika, jew skont il-benefiċċju ekonomiku miksub jew previst mit-twettiq tal-infrazzjoni.

Artikolu 90

Infrazzjonijiet serji

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “infrazzjoni serja” tfisser infrazzjoni elenkata fil-paragrafu 2 jew meqjusa bħala serja skont il-paragrafu 3.

2.   Kwalunkwe waħda mill-attivitajiet li ġejjin tikkostitwixxi infrazzjoni serja:

(a)

sajd mingħajr liċenzja, awtorizzazzjoni jew permess validi maħruġa mill-Istat tal-bandiera jew mill-Istat kostali rilevanti;

(b)

falsifikazzjoni jew ħabi ta’ marki, tal-identità jew tar-reġistrazzjoni ta’ bastiment tas-sajd;

(c)

ħabi, tbagħbis jew rimi ta’ evidenza marbuta ma’ investigazzjoni;

(d)

ostruzzjoni tal-ħidma tal-uffiċjali jew tal-osservaturi matul l-eżerċitar ta’ dmirijiethom;

(e)

trażbord mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa jew fejn it-tali trażbord hu pprojbit;

(f)

twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment jew tqegħid f’gaġeġ, b’mod partikolari fir-Regolament (UE) 2023/2053 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*13), bi ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd;

(g)

trażbord minn jew lejn, twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ma’, parteċipazzjoni f’operazzjonijiet konġunti ta’ sajd ma’, jew l-għoti ta’ appoġġ jew il-forniment lil bastimenti elenkati fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, kif imsemmija fl-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(h)

parteċipazzjoni fl-operazzjoni, fil-ġestjoni, fis-sjieda ta’, inkluż bħala sid benefiċjarju kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*14), jew fil-forniment ta’ servizzi, inkluż servizzi loġistiċi, ta’ assigurazzjoni u servizzi finanzjarji oħra, lil operaturi konnessi ma’, bastiment elenkat fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd kif imsemmija fl-Artikoli 29 u 30 tar- Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(i)

twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd bi ksur tar-regoli applikabbli f’żona ristretta għas-sajd;

(j)

is-sajd, il-qbid, iż-żamma abbord, it-trażbord, il-ħatt l-art, il-ħżin, il-bejgħ, il-wiri jew l-offerta għall-bejgħ ta’ speċijiet li għalihom dawn l-attivitajiet huma pprojbiti, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2019/1241;

(k)

twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd li jinvolvu speċijiet soġġetti għal limiti ta’ qbid li għalihom l-operatur ma jkollux kwota jew ma jkollux aċċess għall-kwota tal-Istat Membru tal-bandiera, speċijiet li għalihom il-kwota tkun ġiet eżawrita, jew speċijiet soġġetti għal moratorju fuq is-sajd, projbizzjoni temporanja jew staġun magħluq, ħlief qabdiet aċċidentali, dment li l-attività ma tkunx infrazzjoni serja skont il-punt (j);

(l)

l-operazzjoni, il-ġestjoni jew is-sjieda ta’ bastiment tas-sajd li ma jkollu ebda nazzjonalità u għaldaqstant ikun bastiment mingħajr Stat skont id-dritt internazzjonali;

(m)

użu ta’ rkaptu jew metodi tas-sajd ipprojbiti, kif imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/1241 jew kwalunkwe regola ekwivalenti oħra tal-politika komuni tas-sajd;

(n)

falsifikazzjoni ta’ dokumenti, informazzjoni jew data, miktuba fuq karta jew maħżuna f’forma elettronika, imsemmija fir-regoli tal-politika komuni tas-sajd;

(o)

manipulazzjoni ta’ magna jew ta’ apparat ta’ monitoraġġ tal-qawwa kontinwa tal-magna bl-għan li tiżdied il-qawwa tal-bastiment biex taqbeż il-qawwa massima kontinwa tal-magna skont iċ-ċertifikat tal-magna;

(p)

twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd bl-użu ta’ xogħol furzat, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat.

3.   L-attivitajiet li ġejjin jikkostitwixxu infrazzjoni serja meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tiddetermina li mill-inqas wieħed mill-kriterji definiti fl-Anness IV ikun issodisfat:

(a)

użu ta’ dokumenti falsifikati jew invalidi, informazzjoni jew data, miktuba fuq karta jew maħżuna f’forma elettronika, imsemmija fir-regoli tal-politika komuni tas-sajd;

(b)

nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ ħżin u ta’ rapportar preċiżi ta’ data relatata mal-attivitajiet tas-sajd, inkluż data li għandha tintbagħat mis-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, kif ukoll data fir-rigward ta’ notifiki minn qabel, dikjarazzjonijiet tal-qabda, dikjarazzjonijiet tat-trażbord, rekords tal-użin, dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni, dokumenti tat-trasport jew noti tal-bejgħ kif meħtieġ skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd, ħlief għall-obbligi relatati mal-marġni ta’ tolleranza, kif imsemmi fil-punt (c);

(c)

nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni preċiża tal-istimi tal-kwantitajiet fil-marġni permess ta’ tolleranza, f’konformità mal-Artikolu 14(3) u (4) u l-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*15);

(d)

nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi relatati mal-karatteristiċi jew mal-użu tal-irkaptu tas-sajd, apparati akustiċi deterrenti, apparati ta’ selettività jew rkaptu biex jinġema’ l-ħut, b’mod partikolari fir-rigward tal-immarkar u l-identifikazzjoni, iż-żoni, il-fond, il-perjodi jew l-għadd ta’ rkapti, id-daqs tal-malji, jew tat-tagħmir għall-gradazzjoni, is-separazzjoni tal-ilma, jew l-ipproċessar jew in-nuqqas ta’ konformità mal-miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi kif meħtieġ skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd, dment li l-attività ma tkunx infrazzjoni serja skont il-paragrafu 2;

(e)

nuqqas li jinġiebu jew jinżammu abbord il-bastimenti tas-sajd, inkluż minħabba tħarrib, jew nuqqas ta’ ħatt l-art jew, fejn applikabbli, trażbord jew trasferiment, ta’ speċijiet soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art, inkluż il-qabdiet taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, bi ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd applikabbli għas-sajd jew għaż-żoni tas-sajd;

(f)

twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd fiż-żona ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd b’mod li mhuwiex konsistenti mal-miżuri applikabbli ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni ta’ dik l-organizzazzjoni, jew li huwa bi ksur tagħhom, ħlief jekk l-attività hija infrazzjoni serja skont il-paragrafu 2 jew skont punti oħra ta’ dan il-paragrafu;

(g)

tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura bi ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, ħlief jekk l-attività hija infrazzjoni serja skont il-paragrafu 2 jew skont punti oħra ta’ dan il-paragrafu;

(h)

twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd rikreattivi bi ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd jew bejgħ ta’ prodotti tas-sajd minn sajd rikreattiv;

(i)

twettiq ta’ diversi atti ta’ infrazzjoni tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd;

(j)

twettiq ta’ kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (g), fir-rigward ta’ bastiment involut f’sajd IUU kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 u mhux elenkat fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd;

(k)

użu ta’ qawwa tal-magna li taqbeż il-qawwa massima kontinwa tal-magna ċċertifikata u rreġistrata fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Istat Membru;

(l)

ħatt l-art f’portijiet ta’ pajjiżi terzi mingħajr notifika minn qabel kif imsemmija fl-Artikolu 19a;

(m)

twettiq ta’ negozju marbut b’mod dirett mas-sajd IUU, inkluż il-kummerċ fi, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd ġejjin minn sajd IUU;

(n)

rimi illegali ta’ rkaptu tas-sajd jew ta’ rkaptu fuq il-baħar minn bastiment tas-sajd.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a biex temenda l-kriterji stipulati fl-Anness IV fejn ikun hemm indikazzjonijiet ċari li dan huwa meħtieġ biex jiżgura infurzar effettiv u proporzjonat tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd mill-Istati Membri u bejniethom. Hija għandha tqis, b’mod partikolari, il-pariri tal-grupp ta’ esperti dwar il-konformità msemmi fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew is-sejbiet tar-rapport imħejji mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 118(2) ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe emenda bħal din ma għandha żżid ebda kriterju ġdid u għandha tħassar kriterji f’każijiet eċċezzjonali biss.

Artikolu 91

Miżuri ta’ infurzar immedjati għal infrazzjonijiet serji

1.   Meta kwalunkwe data jew informazzjoni rilevanti twassal lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jemmnu li persuna fiżika tkun wettqet infrazzjoni serja, jew persuna ġuridika tkun responsabbli għal infrazzjoni serja, jew meta persuna fiżika tinqabad fl-att tat-twettiq ta’ infrazzjoni serja, l-Istati Membri għandhom minnufih, minbarra l-investigazzjoni tal-infrazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 85, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, jieħdu miżuri rilevanti u immedjati bħal:

(a)

ordni biex jieqfu tal-attivitajiet tas-sajd;

(b)

dirottament tal-bastiment tas-sajd lejn port;

(c)

dirottament tal-vettura tat-trasport lejn post ieħor għal spezzjoni;

(d)

l-ordni ta’ garanzija;

(e)

il-konfiska tal-bastiment tas-sajd, tal-vettura tat-trasport, tal-irkaptu tas-sajd, tal-qabdiet jew tal-prodotti tas-sajd jew tal-profitt mill-bejgħ tal-qabdiet jew tal-prodotti tas-sajd;

(f)

ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tas-sajd;

(g)

l-immobilizzazzjoni temporanja tal-bastiment tas-sajd jew tal-vettura tat-trasport ikkonċernata;

(h)

is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni għas-sajd;

(i)

ordni għal waqfien temporanju tal-attivitajiet kummerċjali.

2.   Il-miżuri immedjati msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ta’ natura li jipprevjenu t-tkomplija tal-infrazzjoni serja misjuba kkonċernata, jagħmluha possibbli li tittieħed l-azzjoni kollha meħtieġa biex tkun żgurata s-salvagwardja tal-evidenza marbuta ma’ tali infrazzjoni u jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jlestu l-investigazzjoni tagħhom.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu immedjatament, u f’konformità mal- liġi nazzjonali tiegħu, jinnotifika lill-Istat tal-bandiera dwar il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 91a

Sanzjonijiet għal infrazzjonijiet serji

1.   Mingħajr preġudizzju għal sanzjonijiet oħra applikati f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li infrazzjoni serja li wasslet għall-kisba ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura għandha tkun punibbli b’penali finanzjarji amministrattivi, li l-minimu tagħhom għandu jkun tal-anqas il-valur tal-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura miksuba kaġun tal-infrazzjoni serja mwettqa, u li l-massimu tagħhom għandu jkun tal-anqas ħames darbiet il-valur tal-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura miksuba kaġun tal-infrazzjoni serja mwettqa.

2.   Fil-każ ta’ infrazzjoni serja ripetuta matul perjodu ta’ tliet snin li tkun wasslet għall-kisba ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura tal-anqas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infrazzjoni serja tkun punibbli b’penali finanzjarji amministrattivi, li l-minimu tagħhom għandu jkun tal-anqas id-doppju tal-valur tal-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura miksuba kaġun tal-infrazzjoni serja mwettqa, u l-massimu tagħhom għandu jkun tmien darbiet il-valur tal-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura miksuba kaġun tal-infrazzjoni serja mwettqa.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu fis-sistema legali nazzjonali tagħhom jistabbilixxu rati standard għal penali finanzjarji amministrattivi minflok penali amministrattivi minimi.

Ir-rati standard minimi ma għandhomx ikunu anqas mill-valur medju tal-prodotti tas-sajd jew akkwakultura miksuba kaġun tal-infrazzjoni serja mwettqa. Fil-każ ta’ infrazzjoni serja ripetuta kif imsemmi fil-paragrafu 2, ir-rati standard minimi ma għandhomx ikunu anqas mid-doppju ta’ dak il-valur medju.

L-Istati Membri li jistabbilixxu tali rati standard jistgħu jippermettu lill-qrati jew lill-awtoritajiet kompetenti jiddevjaw minn dawk ir-rati standard fejn meħtieġ biex is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u li jimponu penali finanzjarji amministrattivi sa massimu li ta’ mill-anqas ikun ħames darbiet il-valur tal-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura miksuba kaġun tal-infrazzjoni serja mwettqa, jew, fil-każ ta’ infrazzjoni serja ripetuta kif imsemmi fil-paragrafu 2, tal-anqas tmien darbiet dak il-valur.

4.   Il-livell minimu jew ir-rata standard ta’ penali finanzjarji amministrattivi stabbilit fil-paragrafi 1, 2 u 3, huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe regola li tikkonċerna ċirkostanzi mitiganti u fatturi oħra, previsti skont il-liġi nazzjonali, meta tittieħed deċiżjoni dwar is-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati f’kull każ individwali.

5.   Meta jikkalkulaw il-valur tal-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura miksuba kaġun tal-infrazzjoni serja mwettqa, l-Istati Membri għandhom iqisu l-prezzijiet nazzjonali fl-ewwel bejgħ, il-prezzijiet identifikati fis-swieq internazzjonali prinċipali rilevanti għall-ispeċi u ż-żona tas-sajd ikkonċernata jew il-prezzijiet tal-pjattaforma tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura (EUMOFA), fiż-żmien meta twettqet l-infrazzjoni.

6.   Fejn l-infrazzjoni serja ma wasslitx għall-kisba ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura, il-penali amministrattivi finanzjarji għandhom jiġu ddeterminati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 89a, f’livell li jiżgura li dawn ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

7.   L-Istati Membri jistgħu wkoll, jew alternattivament, jużaw sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi filwaqt li jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet ikollhom effett ekwivalenti għall-penali finanzjarji amministrattivi msemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 91b

Sanzjonijiet komplementari

1.   Is-sanzjonijiet previsti fl-Artikoli 89, 89a u 91a jistgħu jkunu akkumpanjati b’sanzjonijiet oħra, b’mod partikolari:

(a)

l-immobilizzazzjoni tal-bastiment/i jew vettura/i tas-sajd involuti fl-infrazzjoni;

(b)

il-konfiska tal-bastiment/i, vettura/i, l-irkaptu tas-sajd ipprojbit, il-qabdiet ta’ ħut jew il-prodotti tas-sajd;

(c)

is-sospensjoni jew l-irtirar tal-liċenzja tas-sajd jew tal-awtorizzazzjoni tas-sajd;

(d)

it-tnaqqis fid-drittijiet tas-sajd jew l-irtirar tagħhom;

(e)

l-esklużjoni mid-dritt għall-ksib ta’ drittijiet tas-sajd ġodda;

(f)

il-projbizzjoni tal-aċċess għal assistenza jew sussidji pubbliċi;

(g)

is-sospensjoni jew l-irtirar tal-istatus ta’ operatur ekonomiku approvat mogħti skond l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(h)

it-tneħħija tal-bastiment tas-sajd mir-reġistru nazzjonali;

(i)

is-sospensjoni jew il-waqfien tal-attivitajiet ekonomiċi kollha jew parti minnhom tal-operatur marbuta mal-politika komuni tas-sajd;

(j)

is-sospensjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għall-involviment f’attivitajiet kummerċjali li jikkonċernaw prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

2.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, it-tul ta’ żmien tas-sanzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Meta bastiment ikun soġġett għall-immobilizzazzjoni skont il-paragrafu 1, il-punt (a), deċiż mill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu jew ikollu l-awtorizzazzjoni tas-sajd tiegħu sospiża jew irtirata f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (c), l-Istat Membru tal-bandiera għandu jissospendi l-liċenzja tas-sajd tiegħu għall-istess tul ta’ żmien jew jirtiraha.

Artikolu 92

Sistema ta’ punti għal infrazzjoni serja

1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw sistema ta’ punti għall-infrazzjonijiet serji msemmija fl-Artikolu 90, ħlief għall-infrazzjonijiet serji li mhumiex applikabbli għad-detentur tal-liċenzja tas-sajd jew għall-kaptan.

2.   Meta persuna fiżika tkun wettqet infrazzjoni serja, jew persuna ġuridika tinżamm responsabbli għal infrazzjoni serja, numru ta’ punti kkalkolat f’konformità mal-Anness III għandu jiġi assenjat lid-detentur tal-liċenzja tas-sajd għall-bastiment tas-sajd ikkonċernat.

3.   Il-punti assenjati għandhom ikunu trasferiti lil kwalunkwe detentur futur tal-liċenzja tas-sajd għall-bastiment tal-qbid ikkonċernat ‘fil-każ li l-bastiment jew il-liċenzja jinbiegħu, jiġu ttrasferiti jew inkella jinbidel is-sid wara d-data tal-infrazzjoni, inkluż lil Stat Membru ieħor.

4.   F’konformità mal-Anness III, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll sistema ta’ punti li skontha l-kaptan ta’ bastiment jiġi assenjat l-istess numru ta’ punti bħad-detentur tal-liċenzja tas-sajd kaġun ta’ infrazzjoni serja marbuta mal-bastiment u mwettqa matul il-perjodu tal-kmand tiegħu jew tagħha. Fejn il-kaptan tal-bastiment ma jkunx ċittadin tal-Istat Membru tal-bandiera, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jinnotifika n-numru ta’ punti assenjati lill-kaptan lill-Istat Membru li l-kaptan ikun ċittadin tiegħu, jew, fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, lil kwalunkwe Stat ikkonċernat.

5.   Meta fi spezzjoni waħda jiġu osservati żewġ infrazzjonijiet serji jew aktar mill-istess persuna fiżika jew ġuridika li tkun id-detentur tal-liċenzja tas-sajd, jew mill-kaptan, il-punti għal kull infrazzjoni serja kkonċernata għandhom jiġu assenjati f’konformità mal-paragrafu 2, sa massimu ta’ 12-il punt għal dawk l-infrazzjonijiet kollha.

6.   Meta n-numru totali ta’ punti jkun ugwali għal 18-il punt jew aktar, il-liċenzja tas-sajd u/jew id-dritt ta’ kmand ta’ bastiment tas-sajd bħala kaptan għandhom jiġu sospiżi awtomatikament għal perjodu minimu ta’ xahrejn. Dak il-perjodu għandu jkun: erba’ xhur jekk is-sospensjoni sseħħ it-tieni darba u l-punti jkunu ugwali għal 36 punt jew aktar; tmien xhur jekk is-sospensjoni sseħħ it-tielet darba u n-numru ta’ punti jkun ugwali għal 54 punt jew aktar; u ta’ sena jekk is-sospensjoni sseħħ ir-raba’ darba u n-numru ta’ punti jkun ugwali għal 72 punt jew aktar. ‘Fil-każ li s-sospensjoni sseħħ għall-ħames darba u n-numru ta’ punti jkun ugwali għal 90 punt jew aktar, il-liċenzja tas-sajd u d-dritt ta’ kmand tal-bastiment tas-sajd bħala kaptan għandhom jiġu rtirati, u l-bastiment tas-sajd ma għandux jintuża għall-isfruttament kummerċjali ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna fiżika li għaliha jkunu skattaw is-sospensjoni jew l-irtirar tad-dritt ta’ kmand ta’ bastiment tas-sajd skont il-paragrafu 6 ma jkollhiex il-permess li topera bħala kaptan abbord bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tagħhom. Fil-każ tas-sospensjoni tad-dritt ta’ kmand, dan il-paragrafu għandu japplika biss għall-perjodu tas-sospensjoni.

8.   Jekk id-detentur ta’ liċenzja tas-sajd jew il-kaptan ma jwettaqx infrazzjoni serja fi żmien tliet snin mid-data li fiha jkun wettaq l-aħħar infrazzjoni serja, il-punti kollha għandhom jitħassru.

9.   Meta Stat Membru għajr l-Istat Membru tal-bandiera jkun ikkonferma, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, li tkun twettqet infrazzjoni serja fil-ġuriżdizzjoni tiegħu, għandu jinnotifikaha lill-Istat Membru tal-bandiera sabiex dan tal-aħħar jiddetermina u jassenja n-numru ta’ punti f’konformità mal-Anness III.

10.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-istabbiliment tas-sistema għall-assenjazzjoni tal-punti għal infrazzjonijiet serji, jassenjaw n-numru xieraq ta’ punti lid-detentur ta’ liċenzja tas-sajd u lill-kaptan u jittrasferixxu l-punti f’konformità mal-paragrafu 3.

11.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ proċedimenti nazzjonali ma trendix is-sistema ta’ punti ineffettiva.

12.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 119a, li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu regoli dwar:

(a)

is-segwitu ta’ sospensjoni u tal-irtirar permanenti ta’ liċenzja tas-sajd jew ta’ dritt ta’ eżerċitar ta’ attività tas-sajd bħala kaptan;

(b)

il-miżuri li għandhom jittieħdu jekk iseħħu attivitajiet illegali tas-sajd matul il-perjodu ta’ sospensjoni jew wara l-irtirar permanenti ta’ liċenzja tas-sajd jew tad-dritt tal-eżerċizzju ta’ attività tas-sajd bħala kaptan;

(c)

il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw it-tħassir ta’ punti;

(d)

ir-reġistrazzjoni tal-kaptani awtorizzati li jwettqu attivitajiet tas-sajd u r-reġistrazzjoni tal-punti assenjati lill-kaptani.

13.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:

(a)

in-notifiki ta’ deċiżjonijiet dwar l-assenjazzjoni tal-punti;

(b)

it-trasferiment tal-punti f’konformità mal-paragrafu 3;

(c)

it-tħassir mil-listi rilevanti tal-liċenzji tas-sajd jew tad-dritt ta’ kmand ta’ bastiment tas-sajd bħala kaptan, lill-persuna responsabbli għall-infrazzjoni serja;

(d)

l-obbligu li tingħata informazzjoni dwar is-sistema ta’ punti għall-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd stabbiliti mill-Istati Membri.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

Artikolu 92a

Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi

1.   Il-persuni ġuridiċi għandhom jinżammu responsabbli għal infrazzjonijiet serji fejn tali infrazzjonijiet ikunu twettqu għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna fiżika, li tkun aġixxiet waħedha jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, u li kellha pożizzjoni determinanti fi ħdan il-persuna ġuridika kkonċernata abbażi ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; jew

(c)

awtorità biex teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.   Persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli fejn in-nuqqas ta’ sorveljanza jew ta’ kontroll, minn persuna fiżika msemmija fil-paragrafu 1, ikun għamel possibbli it-twettiq ta’ infrazzjoni serja għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika minn persuna fiżika taħt l-awtorità tagħha.

3.   Ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika ma għandhiex teskludi proċedimenti kontra l-persuni fiżiċi li jkunu l-awturi tal-infrazzjoni ikkonċernata, instigaturi tagħha jew kompliċi fiha.

Artikolu 92b

Obbligu ta’ notifika ta’ deċiżjoni definittiva

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkollu l-ġuriżdizzjoni fir-rigward tal-infrazzjoni għandu, mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri applikabbli skont il-liġi nazzjonali, jinnotifika kwalunkwe deċiżjoni definittiva relatata ma’ tali infrazzjoni lill-Istat tal-bandiera, lill-Istat li tiegħu tkun ċittadin il-persuna fiżika li tkun wettqet l-infrazzjoni jew fejn tkun stabbilita l-persuna ġuridika miżmuma responsabbli għall-infrazzjoni, u, fejn xieraq, l-Istat kostali, l-Istat tal-port jew l-Istat li fih isir l-ipproċessar.

Fil-każ ta’ infrazzjoni serja osservat fl-ilmijiet tal-Unjoni jew fil-portijiet tal-Unjoni fir-rigward ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi terzi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom ukoll jinnotifikaw, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni definittiva relatata ma’ tali infrazzjoni.

2.   Fil-każ li ssir notifika mill-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jassenja n-numru xieraq ta’ punti lid-detentur tal-liċenzja tas-sajd u lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd ikkonċernat.

Artikolu 93

Reġistru nazzjonali dwar l-infrazzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotaw f’reġistru nazzjonali kull infrazzjoni kkonfermata tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd imwettqa minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom jew minn ċittadini tagħhom, u minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz jew minn ċittadini ta’ pajjiż terz li wettaq infrazzjonijiet fl-ilmijiet fil-ġuriżdizzjoni tagħhom jew fit-territorju tagħhom, inkluż id-deċiżjonijiet u s-sanzjonijiet kollha mġarrba u n-numru ta’ punti assenjati. Infrazzjonijiet minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom jew minn ċittadini tagħhom soġġetti għal proċedimenti fi Stati Membri oħra għandhom jiġu rreġistrati wkoll mill-Istati Membri fir-reġistru nazzjonali tagħhom dwar l-infrazzjonijiet, malli ssir in-notifikata dwar id-deċiżjoni definittiva mill-Istat Membru li jkollu l-ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 92b.

2.   Meta jkun qed isegwi infrazzjoni tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, l-Istat Membru jista’ jitlob lil Stati Membri oħra biex jipprovdu informazzjoni li tinsab fir-reġistri nazzjonali tagħhom dwar il-bastimenti tas-sajd u dwar il-persuni suspettati mill-Istat Membru rikjedenti li jkunu wettqu l-infrazzjoni inkwistjoni jew li jkunu nqabdu fl-att li jikkommettu l-infrazzjoni inkwistjoni.

3.   Meta Stat Membru jitlob informazzjoni mingħand Stat Membru ieħor b’rabta ma’ infrazzjoni, dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jipprovdi mingħajr dewmien l-informazzjoni rilevanti dwar il-bastimenti tas-sajd u dwar il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti fl-infrazzjoni.

4.   Id-data li tkun tinsab fir-reġistru nazzjonali tal-infrazzjonijiet għandha tinżamm biss sakemm tkun meħtieġa għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, iżda fi kwalunkwe każ għal minimu ta’ ħames snin kalendarji, li jibdew mis-sena ta’ wara dik li fiha tiġi rreġistrata l-informazzjoni.

(*13)  Ir-Regolament (UE) 2023/2053 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 li jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1936/2001, (UE) 2017/2107, u (UE) 2019/833 u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/1627 (ĠU L 238, 27.9.2023, p. 1)."

(*14)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73)."

(*15)  Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).”."

(76)

Fit-Titolu IX, jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 93a

Programmi nazzjonali ta’ kontroll

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi nazzjonali annwali jew pluriennali ta’ kontroll għall-ispezzjonijiet u għall-kontroll tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

Il-programmi nazzjonali ta’ kontroll għandhom ikunu msejsa fuq ir-riskji u għandhom jiġu aġġornati darba fis-sena, jekk ikun meħtieġ, waqt li b’mod partikolari jitqiesu l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll adottati ġodda u kwalunkwe data addizzjonali.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-programmi nazzjonali ta’ kontroll tagħhom lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur mill-istabbiliment jew mill-aġġornament tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-programmi nazzjonali ta’ kontroll u l-punti ta’ riferiment għall-kontroll u l-ispezzjonijiet b’kont meħud tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd u tal-progress tekniku u tal-iżviluppi xjentifiċi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

Artikolu 93b

Rapport annwali tal-Istati Membri dwar il-kontroll u l-ispezzjonijiet

1.   Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni u jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom rapport annwali dwar il-kontroll u l-ispezzjonijiet imwettqa fis-sena preċedenti. Għal dak l-għan, l-Istati Membri jistgħu jirreferu għall-informazzjoni pprovduta skont l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 95.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-riżorsi eżistenti disponibbli għall-kontroll u l-ispezzjonijiet: in-numru ta’ bastimenti ta’ spezzjoni, l-inġenji tal-ajru uffiċjali u s-sistemi uffiċjali ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS); mezzi oħra ta’ kontroll u spezzjoni; in-numru ta’ impjegati (ekwivalenti għal full-time); l-allokazzjoni baġitarja;

(b)

in-numru u t-tip ta’ kontroll u spezzjonijiet imwettqa;

(c)

in-numru u t-tip ta’ infrazzjonijiet suspettati u kkonfermati, inkluż infrazzjonijiet serji;

(d)

in-numru ta’ azzjonijiet ta’ segwitu, għal kull tip ta’ infrazzjoni, bħal sanzjonijiet amministrattivi, sanzjonijiet kriminali, miżuri ta’ infurzar immedjat jew n-numru ta’ punti assenjati għal infrazzjonijiet ikkonfermati.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit web tagħha ġabra ta’ informazzjoni mir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, li jkopru s-sena preċedenti. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-EFCA tassisti fil-ġbir ta’ tali informazzjoni.

4.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-format u s-sottomissjoni tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(77)

Fl-Artikolu 95, il-paragrafu 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Ċerti tipi ta’ sajd jistgħu jiġu magħmula soġġetti għal programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni. Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u flimkien mal-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tista’ tiddetermina liema sajd għandu jkun soġġett għal programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni abbażi tal-ħtieġa għal kontroll speċifiku u koordinat tat-tipi ta’ sajd inkwistjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).

2.   L-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 1 għandhom jiddikjaraw l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-proċeduri kif ukoll il-punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni. Tali punti ta’ riferiment għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ ġestjoni tar-riskju u riveduti perjodikament wara li tkun saret analiżi tar-riżultati miksuba.”

.

(78)

Fl-Artikolu 102, il-paragrafi 3 u 4 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultati tal-inkjesta u għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni ppreparat mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-talba tal-Kummissjoni. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż mill-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fuq talba motivata kif dovut mill-Istat Membru, għal żmien raġonevoli.

4.   Jekk l-inkjesta amministrattiva msemmija fil-paragrafu 2 ma twassalx għat-tneħħija tal-irregolaritajiet jew jekk il-Kummissjoni tidentifika xi nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll ta’ Stat Membru matul il-verifiki jew l-ispezzjonijiet awtonomi msemmija fl-Artikoli 98 u 99 jew fl-awditu msemmi fl-Artikolu 100, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, pjan ta’ azzjoni ma’ dak l-Istat Membru. L-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta dak il-pjan ta’ azzjoni.”

.

(79)

L-Artikolu 104 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Meta Stat Membru ma jirrispettax l-obbligi tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ pjan pluriennali, u meta l-Kummissjoni jkollha evidenza li n-nuqqas ta’ rispett ta’ dawk l-obbligi jikkostitwixxi theddida serja għall-konservazzjoni ta’ stokk jew ta’ grupp ta’ stokkijiet, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tagħlaq b’mod proviżorju s-sajd affettwat minn dawk in-nuqqasijiet għall-Istat Membru kkonċernat.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tneħħi l-għeluq wara li l-Istat Membru juri bil-miktub għas-sodisfazzjoni tal-Kummissjoni, li r-riżorsi tas-sajd jistgħu jiġu sfruttati b’mod sikur.”

.

(80)

Fil-Kapitolu III tat-Titolu XI, l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

Kapitolu III

Tnaqqis u aġġustamenti tal-kwoti u l-isforz tas-sajd” .

(81)

L-Artikolu 105 hu emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Fil-każ ta’ sajd eċċessiv fuq il-kwota, fuq l-allokazzjoni jew fuq is-sehem ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet disponibbli għal Stat Membru f’sena speċifika, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u wara li tikkonsulta mal-Istat Membru kkonċernat, topera tnaqqis mill-kwota, mill-allokazzjoni jew mis-sehem annwali fis-sena jew is-snin li jsegwu tal-Istat Membru li stad iżżejjed, billi tapplika fattur ta’ multiplikazzjoni skont it-tabella li ġejja:”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   B’deroga mill-paragrafu 2, fil-każ ta’ sajd eċċessiv minn Stat Membru wieħed jew aktar fuq il-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet disponibbli għall-Unjoni skont ftehim internazzjonali, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u wara li tikkonsulta mal-Istat Membru kkonċernat, topera tnaqqis mill-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem tal-Istat Membru li stad iżżejjed fl-istess perjodu ta’ żmien bħat-tnaqqis applikat skont il-ftehim internazzjonali u billi tapplika fattur ta’ multiplikazzjoni skont il-paragrafi 2 u 3.”

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   B’deroga mill-paragrafi 2 u 3, fil-każ li fattur ta’ multiplikazzjoni jkun applikabbli wkoll skont ftehim internazzjonali rilevanti dwar is-sehem tal-Unjoni, il-fattur ta’ multiplikazzjoni li għandu jiġi applikat fuq it-tnaqqis tal-kwoti tal-Istat Membru, iffissat skont il-paragrafu 2a, għandu jkun l-ogħla miż-żewġ fatturi ta’ multiplikazzjoni applikabbli.”

;

(d)

il-paragrafi 4, 5 u 6 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“4.   ‘Fil-każ ta’ sajd eċċessiv fejn jinqabżu l-kwota, l-allokazzjoni jew s-sehem ta’ stokk jew ta’ grupp ta’ stokkijiet disponibbli għal Stat Membru fi snin preċedenti, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u wara li tikkonsulta mal-Istat Membru kkonċernat, tnaqqas kwoti minn kwoti futuri ta’ dak l-Istat Membru biex jittieħed kont tal-livell ta’ sajd eċċessiv.

5.   Jekk tnaqqis ma jistax jinħadem f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 fuq il-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet li ġew mistada żżejjed, minħabba li dik il-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem ta’ stokk jew ta’ grupp ta’ stokkijiet mhuwiex disponibbli jew mhuwiex disponibbli biżżejjed għall-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u wara li tikkonsulta mal-Istat Membru kkonċernat, tista’ tnaqqas il-kwoti, fis-sena jew snin ta’ wara, għal stokkijiet jew gruppi ta’stokkijiet oħra disponibbli għal dak l-Istat Membru fl-istess żona ġeografika jew bl-istess valur kummerċjali skont il-paragrafu 1.

6.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati rigward il-kwota adattata li fuqha għandu jiġi kkalkulat l-eċċess ta’ użu, it-tnaqqis tal-kwoti u t-tul ta’ żmien għat-tnaqqis. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”

.

(82)

L-Artikolu 106 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Meta l-Kummissjoni tkun stabbiliet li Stat Membru ikun qabeż l-isforz tas-sajd li ġie allokat lilu, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u wara li tikkonsulta mal-Istat Membru kkonċernat, topera tnaqqis mill-isforz tas-sajd futur ta’ dak l-Istat Membru.”

;

(b)

il-paragrafu 2, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Jekk l-isforz tas-sajd disponibbli għal Stat Membru f’żona ġeografika jew fis-sajd jinqabeż, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u wara li tikkonsulta mal-Istat Membru kkonċernat, topera tnaqqis fis-sena jew fis-snin ta’ wara mill-isforz tas-sajd disponibbli għal dak l-Istat Membru għaż-żona ġeografika jew fis-sajd ikkonċernat billi tapplika fattur ta’ multiplikazzjoni skont it-tabella li ġejja:”;

(c)

il-paragrafi 3 u 4 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Jekk ma jkunx jista’ jsir tnaqqis skont il-paragrafu 2 fl-isforz tas-sajd massimu permissibbli għal stokk mistad b’mod eċċessiv minħabba li l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għal dak l-istokk ma jkunx disponibbli jew ma jkunx disponibbli biżżejjed għall-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u wara li tikkonsulta mal-Istat Membru kkonċernat, tista’ tnaqqas l-isforz tas-sajd disponibbli għal dak l-Istat Membru fl-istess żona ġeografika fis-sena jew fis-snin ta’ wara f’konformità mal-paragrafu 2.

4.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati rigward il-kwota massima permissibbli għall-isforz tas-sajd li fuqha għandu jiġi kkalkulat l-eċċess ta’ użu, it-tnaqqis tal-isforz tas-sajf u t-tul ta’ żmien għat-tnaqqis. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”

.

(83)

L-Artikolu 107 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fejn ikun hemm evidenza li Stat Membru mhux qed jikkonforma mar-regoli dwar il-politika komuni tas-sajd u li dan jista’ jwassal għal theddida serja għall-konservazzjoni tal-istokkijiet soġġetti għall-opportunitajiet tas-sajd jew għar-reġim tal-isforz tas-sajd, il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ topera tnaqqis fis-sena jew fis-snin ta’ wara mill-kwoti, mill-allokazzjonijiet jew mill-ishma annwali ta’ stokk jew ta’ grupp ta’ stokkijiet, jew mill-isforz tas-sajd, disponibbli għal dak l-Istat Membru, bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità billi tqis il-ħsara kkaġunata lill-istokkijiet ikkonċernati.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 119a li jissupplimentaw dan ir-Regolament rigward id-data ta’ skadenza għall-Istati Membri biex juru li s-sajd jista’ jiġi sfruttat b’mod sikur, il-materjal li għandu jiġi inkluż mill-Istati Membri fir-risposta tagħhom u d-determinazzjoni tal-kwantitajiet li għandhom jitnaqqsu billi jitqiesu:

(a)

sa fejn jasal in-nuqqas ta’ konformità u n-natura tiegħu;

(b)

il-gravità tat-theddida għall-konservazzjoni tal-istokkijiet;

(c)

il-ħsara kkawżata lill-istokk min-nuqqas ta’ konformità.”

.

(84)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 107a

L-aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd jekk iseħħ tnaqqis fis-sehem tal-Unjoni skont il-ftehimiet internazzjonali

Fejn is-sajd eċċessiv minn Stat Membru wieħed jew aktar ta’ kwota, allokazzjoni jew sehem ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet disponibbli għall-Unjoni skont ftehim internazzjonali jwassal għal tnaqqis tas-sehem tal-Unjoni skont dak il-ftehim internazzjonali, il-Kunsill, meta jalloka l-opportunitajiet tas-sajd għal dak l-istokk jew grupp ta’ stokkijiet skont l-Artikolu 43(3) TFUE u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għas-sena li għaliha jsir dak it-tnaqqis, jaġġusta l-kwoti tal-Istati Membri li ma jkunux stadu b’mod eċċessiv billi jżidhom għall-kwoti li dawk l-Istati Membri kienu jirċievu kieku s-sehem tal-Unjoni skont il-ftehim internazzjonali ma tnaqqasx. Jekk tali aġġustament ma jkunx’ jista jsir f’sena speċifika minħabba sehem insuffiċjenti tal-Unjoni, il-kwantitajiet li jifdal għandhom jiġu aġġustati fis-sena ta’ wara.”.

(85)

L-Artikolu 109 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu bażi tad-data elettronika għall-fini ta’ validazzjoni tad-data rreġistrata f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-validazzjoni tad-data rreġistrata għandha tinkludi l-kontroverifika, l-analiżi u l-verifika tad-data.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data kollha rreġistrata f’konformità ma’ dan ir-Regolament tkun preċiża, kompluta u sottomessa mill-operaturi, mill-kaptani jew minn persuni oħra awtorizzati skont dan ir-Regolament sal-iskadenzi stabbiliti fir-regoli tal-politika komuni tas-sajd.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2:

(a)

L-Istati Membri għandhom jivvalidaw id-data li ġejja, inkluż id-data rreġistrata fil-kuntest tal-ftehimiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 3(1), permezz ta’ algoritmi u mekkaniżmi kompjuterizzati awtomatizzati:

(i)

data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment;

(ii)

data dwar l-attivitajiet tas-sajd, b’mod partikolari data dwar id-dħul fiż-żoni tas-sajd u l-ħruġ minnhom, il-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd, id-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art, id-dikjarazzjonijiet ta’ trażbord u n-notifiki minn qabel;

(iii)

data dwar l-isforz tas-sajd;

(iv)

data minn dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni, minn dokumenti tat-trasport u minn noti tal-bejgħ;

(v)

data minn liċenzji tas-sajd u minn awtorizzazzjonijiet tas-sajd;

(vi)

data dwar il-kontroll tal-qawwa tal-magna;

(b)

L-Istati Membri għandhom jivvalidaw id-data elenkata fil-punt (a) billi jużaw b’mod partikolari d-data li ġejja, fejn disponibbli:

(i)

data mis-sistema ta’ detezzjoni tal-bastimenti;

(ii)

data dwar l-avvistamenti;

(iii)

data tal-AIS;

(iv)

data minn rapporti ta’ spezzjoni;

(v)

data mir-rapporti tal-osservatur tal-kontroll;

(vi)

data minn sistemi REM.”

;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Jekk tiġi identifikata inkonsistenza fid-data, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħmel u jiddokumenta l-investigazzjonijiet, l-analiżi u l-kontroverifiki neċessarji. Ir-riżultati tal-investigazzjonijiet u d-dokumentazzjoni korrispondenti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni fuq talba. Jekk ikun hemm raġunijiet għal suspett li twettqet infrazzjoni, l-Istat Membru għandu jwettaq ukoll investigazzjonijiet u jieħu l-miżuri immedjati meħtieġa f’konformità mal-Artikoli 85 u 91.”

;

(d)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu aġġornat pjan nazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ validazzjoni li jkopri d-data elenkata taħt il-paragrafu 2a, il-punti (a) u (b), u s-segwitu tal-inkonsistenzi. Il-pjan għandu jiddefinixxi l-prijoritajiet tal-Istati Membri għall-validazzjoni tad-data u s-segwitu tal-inkonsistenzi, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju. L-Istati Membri għandhom jissottomettu dak il-pjan nazzjonali lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mill-adozzjoni jew l-aġġornament tiegħu.”

.

(86)

l-Artikoli 110 u 111 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 110

L-aċċess għad-data u l-ħżin u l-ipproċessar ta’ din

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċess mill-bogħod f’kull ħin u mingħajr avviż minn qabel, lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha, għad-data li ġejja f’forma mhux aggregata:

(a)

data relatata mal-attività tas-sajd, inkluż data relatata mal-attività tas-sajd fil-kuntest tal-ftehimiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 3(1):

(i)

data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment;

(ii)

data dwar l-attivitajiet tas-sajd, b’mod partikolari data dwar id-dħul fiż-żoni tas-sajd u l-ħruġ minnhom, il-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd, id-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art, id-dikjarazzjonijiet ta’ trażbord u n-notifiki minn qabel;

(iii)

data dwar l-isforz tas-sajd;

(iv)

data minn dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni, minn dokumenti tat-trasport u minn noti tal-bejgħ;

(b)

data oħra ta’ kontroll;

(i)

data dwar l-avvistamenti;

(ii)

data minn liċenzji tas-sajd u minn awtorizzazzjonijiet tas-sajd;

(iii)

data minn rapporti ta’ spezzjoni;

(iv)

data dwar il-kontroll fuq il-qawwa tal-magna;

(v)

data mir-rapporti tal-osservatur tal-kontroll;

(vi)

programmi nazzjonali ta’ kontroll;

(vii)

lista ta’ uffiċjali nazzjonali;

(c)

il-bażi tad-data elettronika għall-verifika tal-kompletezza u l-kwalità tad-data miġbura kif imsemmi fl-Artikolu 109.

2.   Il-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha jistgħu jipproċessaw id-data msemmija fil-paragrafu 1, biex iwettqu dmirijiethom skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd, b’mod partikolari biex iwettqu spezzjonijiet, verifiki, awditi u inkjesti, jew skont ir-regoli tal-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tuża d-data msemmija fil-paragrafu 1 għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, b’mod partikolari mill-Eurostat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*16) u skont il-missjoni tagħha.

3.   Għall-finijiet li titwettaq riċerka xjentifika jew jingħata parir xjentifiku, id-data elenkata fil-paragrafu 1, il-punt (a)(i) sa (iv), u d-data li tikkonċerna l-qabdiet, l-iskartar u ħatt l-art elenkati fil-paragrafu 1, il-punt (b)(iii) u (v), tista’, fejn meħtieġ, tiġi pprovduta lil korpi xjentifiċi indipendenti rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali jew dak internazzjonali. Qabel it-trasferiment ta’ data bħal din, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk ir-riċerka xjentifika tistax titwettaq abbażi ta’ data psewdonimizzata jew anonimizzata.

Fi kwalunkwe parir jew pubblikazzjoni bbażata fuq tali data, dik id-data għandha tiġi anonimizzata.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jospitaw il-bażijiet ta’ data rilevanti dwar is-sajd li fihom id-data msemmija fil-paragrafu 1.

5.   L-Istati Membri għandhom, fuq talba motivata mill-Kummissjoni, jibagħtu data dwar l-infrazzjonijiet lill-Kummissjoni jew lill-korp maħtur minnha. Id-data għandha tinkludi, b’mod partikolari, id-data tal-infrazzjoni, id-data tad-deċiżjoni definittiva u s-sanzjonijiet u l-miżuri applikati, inkluż il-punti assenjati.

Artikolu 111

Skambju ta’ data

1.   Kull Stat Membru tal-bandiera għandu jiżgura l-iskambju elettroniku dirett ta’ informazzjoni rilevanti ma’ Stati Membri oħra kkonċernati, b’mod partikolari:

(a)

id-data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti, meta l-bastimenti tas-sajd tiegħu jkunu preżenti fl-ilmijiet ta’ Stat Membru ieħor;

(b)

l-informazzjoni tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, meta l-bastimenti tas-sajd tiegħu jkunu qed jistadu fl-ilmijiet ta’ Stat Membru ieħor, jew iħottu l-art jew jittrażbordaw f’portijiet ta’ Stat Membru ieħor;

(c)

id-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art u d-dikjarazzjonijiet tat-trażbord, meta ħatt l-art jew it-trażbord iseħħu f’portijiet ta’ Stat Membru ieħor;

(d)

notifika minn qabel, meta l-port intiż jinsab fi Stat Membru ieħor;

(e)

in-noti tal-bejgħ, id-dokumenti tat-trasport u d-dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni, meta l-bejgħ, it-trasport jew l-akkwiżizzjoni jseħħu fi Stat Membru ieħor;

(f)

ir-rapporti ta’ spezzjoni u sorveljanza u l-analiżi tar-riskju għall-bastimenti tas-sajd tiegħu li jkunu qed jiġu spezzjonati fl-ilmijiet jew fil-portijiet ta’ Stat Membru ieħor.

2.   Kull Stat Membru kostali għandu jiżgura l-iskambju elettroniku dirett ta’ informazzjoni rilevanti ma’ Stati Membri oħra kkonċernati u mal-Kummissjoni jew mal-korp maħtur minnha, b’mod partikolari billi jibgħat:

(a)

informazzjoni dwar noti ta’ bejgħ lill-Istat Membru tal-bandiera, meta l-ewwel bejgħ joriġina minn bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru ieħor;

(b)

informazzjoni dwar dikjarazzjoni ta’ akkwiżizzjoni, meta l-ħut jinħażen fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru tal-bandiera jew l-Istat Membru ta’ ħatt l-art;

(c)

informazzjoni dwar noti ta’ bejgħ u dwar dikjarazzjoni ta’ akkwiżizzjoni lill-Istat Membru fejn seħħ ħatt l-art;

(d)

id-dokumenti tat-trasport lill-Istat Membru tal-bandiera, lill-Istat Membru ta’ destinazzjoni u ta’ tranżitu tat-trasport;

(e)

rapporti tal-ispezzjonijiet u ta’ sorveljanza.

3.   Kull Stat Membru tal-bandiera għandu jiżgura l-iskambju elettroniku dirett ta’ informazzjoni rilevanti li tikkonċerna bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu mal-Kummissjoni jew mal-korp maħtur minnha, b’mod partikolari:

(a)

data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment;

(b)

informazzjoni tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd;

(c)

dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art u dikjarazzjonijiet tat-trażbord;

(d)

notifika minn qabel;

(e)

noti tal-bejgħ, dokumenti tat-trasport u dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni;

(f)

rapporti tal-ispezzjonijiet u ta’ sorveljanza.

(*16)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).”."

(87)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 111a

Kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-data

Għall-fini tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati dwar:

(a)

il-kwalità tad-data, il-konformità mal-iskadenzi għas-sottomissjoni tad-data mill-operaturi, il-validazzjoni tad-data, inkluż il-kontroverifiki, l-analiżi u l-verifika;

(b)

l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha;

(c)

l-aċċess għad-data mill-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha;

(d)

l-aċċess għad-data minn korpi xjentifiċi tal-Unjoni u mill-Eurostat;

(e)

l-interoperabilità u l-istandardizzazzjoni tal-bażijiet ta’ data;

(f)

id-data elenkata fl-Artikolu 110(1) u (2), inkluż salvagwardji speċifiċi addizzjonali għall-ipproċessar ta’ data personali u regoli dwar is-sigurtà applikabbli għall-bażijiet ta’ data.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).”.

(88)

L-Artikolu 112 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 112

Protezzjoni ta’ data personali

1.   Ir-Regolamenti (UE) 2016/679 (*17) u (UE) 2018/1725 (*18) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*19), japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq skont dan ir-Regolament mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mill-korp maħtur minnha.

2.   Id-data personali miġbura skont dan ir-Regolament tista’ biss tiġi pproċessata għall-iskopijiet li ġejjin, dment li dawk l-iskopijiet ma jistgħux jiġi ssodisfati b’data li ma tippermettix l-identifikazzjoni tas-soġġetti tad-data:

(a)

il-monitoraġġ tal-opportunitajiet tas-sajd, inkluż il-konsum tal-kwota;

(b)

il-validazzjoni tad-data;

(c)

il-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd imwettqa mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, jew tal-attivitajiet tas-sajd ta’ bastimenti tas-sajd fl-ibħra tal-Unjoni;

(d)

il-monitoraġġ tal-kontroll tal-Istati Membri tal-attivitajiet tas-sajd u fil-katina ta’ provvista;

(e)

l-ispezzjonijiet, il-verifiki, l-awditi u l-inkjesti;

(f)

it-tħejjija għal ftehimiet internazzjonali u miżuri ta’ konservazzjoni, u l-konformità magħhom;

(g)

il-ġestjoni tar-riskju, l-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ politiki;

(h)

ir-riċerka xjentifika u l-pariri xjentifiċi, u l-produzzjoni tal-istatistika;

(i)

l-inkjesti relatati ma’ lmenti u ma’ infrazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi;

(j)

l-istabbiliment jew l-għoti ta’ evidenza tad-drittijiet tas-sajd ta’ bastimenti individwali, tal-Istati Membri jew tal-Unjoni.

3.   Id-data personali miġbura skont dan ir-Regolament ma għandhiex tinħażen għal perjodu itwal milli meħtieġ għall-finijiet elenkati fil-paragrafu 2, u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn ħames snin mid-data li fiha l-Istat Membru jew il-Kummissjoni jiksbu d-data rilevanti.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3:

(a)

id-data personali miġbura skont dan ir-Regolament ma għandhiex tinħażen għal perjodu itwal milli meħtieġ għall-finijiet elenkati fil-paragrafu 2, il-punti (e) u (i), u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn tmiem il-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji kkonċernati jew iż-żmien meħtieġ għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet skont dan ir-Regolament, bħas-sistema ta’ punti;

(b)

id-data personali li tinsab fl-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 109(2a), il-punt (a) (i) sa (v), ma għandhiex tinħażen għal perjodu itwal milli meħtieġ għall-finijiet elenkati fil-paragrafu 2, il-punti (f) u (j), ta’ dan l-Artikolu, u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn 10 snin mid-data li fiha l-Istat Membru, il-Kummissjoni jew il-korp appuntat minnha jiksbu d-data rilevanti;

(c)

id-data personali li tinsab fl-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 109(2a), il-punt (a) (i) sa (iv), ma għandhiex tinħażen għal perjodu itwal milli meħtieġ għall-finijiet elenkati fil-paragrafu 2, il-punti (g) u (h), ta’ dan l-Artikolu, u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn 25 sena mid-data li fiha l-Istat Membru, il-Kummissjoni jew il-korp appuntat minnha jiksbu d-data rilevanti. Jekk dik l-informazzjoni tinżamm għal perjodu itwal ta’ żmien, fejn ikun meħtieġ għall-finijiet elenkati fil-paragrafu 2, il-punti (g) u (h), ta’ dan l-Artikolu, id-data personali għandha tiġi anonimizzata jew psewdonimizzata.

5.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala kontrollur kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2016/679 b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali li huma jiġbru skont dan ir-Regolament.

6.   Il-Kummissjoni għandha titqies bħala kontrollur kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2018/1725 b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali li hija tiġbor skont dan ir-Regolament.

7.   Il-Kummissjoni jew il-korp appuntat minnha u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar ta’ data personali li jseħħ għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni jew il-korp appuntat minnha u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw f’kompiti relatati mas-sigurtà.

8.   B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri neċessarji, inklużi pjan għas-sigurtà, pjan tal-kontinwità tan-negozju u pjan ta’ rkupru minn diżastru, biex:

(a)

tipproteġi fiżikament id-data, inkluż billi tagħmel pjanijiet ta’ kontinġenza għall-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika;

(b)

timpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzata tal-mezzi tad-data;

(c)

timpedixxi t-tidħil mhux awtorizzat ta’ data u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ data personali reġistrata;

(d)

timpedixxi l-ipproċessar mhux awtorizzat ta’ data u kwalunkwe kkuppjar, modifika jew tħassir mhux awtorizzat ta’ data;

(e)

tiżgura li persuni awtorizzati biex jaċċessaw il-bażijiet ta’ data rilevanti dwar is-sajd ikollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni tal-aċċess tagħhom, permezz ta’ identitajiet tal-utenti individwali u permezz ta’ modalitajiet ta’ aċċess kunfidenzjali biss;

(f)

tiżgura li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit lil liema korpi tista’ tintbagħat id-data personali u x’data tkun ġiet proċessata fil-bażijiet ta’ data rilevanti dwar is-sajd, meta, minn min u għal liema skop;

(g)

timpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta’ data personali matul it-trażmissjoni ta’ data personali lejn il-bażijiet ta’ data rilevanti dwar is-sajd jew minn dawn jew matul it-trasport ta’ mezzi tad-data, b’mod partikulari permezz ta’ tekniki ta’ kriptaġġ xierqa;

(h)

timmonitorja l-effettività tal-miżuri tas-sigurtà msemmija f’dan il-paragrafu u tieħu l-miżuri organizzazzjonali meħtieġa marbuta mal-monitoraġġ intern biex tiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

9.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 8 fir-rigward tas-sigurtà b’rabta mal-proċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet li jkollhom dritt li jaċċessaw kwalunkwe waħda mill-bażijiet ta’ data rilevanti dwar is-sajd.

(*17)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)."

(*18)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39)."

(*19)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).”."

(89)

Fl-Artikolu 113, il-paragrafu 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex jiżguraw li d-data koperta mis-segretezza professjonali u kummerċjali miġbura, riċevuta u trażmessa fil-qafas ta’ dan ir-Regolament tiġi ttrattata skont regoli applikabbli dwar is-segretezza professjonali u kummerċjali.

2.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1 skambjata bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni tista’ tiġi trażmessa lil persuni, minbarra dawk fl-Istati Membri jew lill-Kummissjoni jew lill-korp appuntat minnha, li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjeduhom li jkollhom aċċess għal tali data, biss bl-approvazzjoni tal-Istat Membru jew tal-Kummissjoni jew tal-korp appuntat minnha li jkun ipprovda dik id-data. Fil-każ ta’ rifjut, l-Istat Membru, il-Kummissjoni jew il-korp appuntat minnha għandhom jipprovdu r-raġunijiet għar-rifjut tat-trażmissjoni tad-data. In-nuqqas ta’ tweġiba għal talba għal approvazzjoni f’perjodu ta’ xahar għandu jitqies bħala approvazzjoni.

3.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1 ma għandha tintuża għall-ebda fini għajr dak previst f’dan ir-Regolament, ħlief bl-approvazzjoni tal-Istat Membru, il-Kummissjoni jew il-korp appuntat minnha li jkun ipprovda dik id-data u bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru tal-awtorità li qed tirċievi d-data ma jipprojbux dak l-użu. Fil-każ ta’ rifjut, l-Istat Membru, il-Kummissjoni jew il-korp appuntat minnha għandhom jipprovdu r-raġunijiet għar-rifjut.”

.

(90)

l-Artikoli 114 u 115 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 114

Siti web uffiċjali

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornat siti web uffiċjali għall-operaturi u għall-pubbliku ġenerali, li bħala minimu jkun fihom l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 115.

Artikolu 115

Kontenut tas-siti web uffiċjali

Fuq is-siti web uffiċjali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw mingħajr dewmien jew jipprovdu link diretta għall-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ħruġ tal-liċenzji tas-sajd, kif imsemmi fl-Artikolu 6, u l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd msemmija fl-Artikoli 7 u 7a;

(b)

il-lista tal-portijiet magħżula, bl-ispeċifikazzjoni tal-ħinijiet operattivi tagħhom, għall-fini tat-trażbord, kif imsemmi fl-Artikolu 20;

(c)

xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ pjan pluriennali, u bl-approvazzjoni mill-Kummissjoni, il-lista tal-portijiet magħżula, bl-ispeċifikazzjoni tal-ħinijiet operattivi tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 43, u fi żmien 30 ġurnata wara, il-kundizzjonijiet assoċjati għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar tal-kwantitajiet tal-ispeċijiet taħt il-pjan pluriennali għal kull ħatt l-art;

(d)

deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-għeluq fil-ħin reali, inkluż id-definizzjoni biċ-ċar taż-żona ġeografika taż-żoni tas-sajd affettwati, it-tul ta’ żmien tal-għeluq u l-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sajd f’dik iż-żona matul l-għeluq;

(e)

id-dettalji tal-punt tal-kuntatt għat-trażmissjoni jew is-sottomissjoni tal-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd, in-notifiki minn qabel, id-dikjarazzjonijiet ta’ ħatt l-art, id-dikjarazzjonijiet tal-iżbark, in-noti tal-bejgħ, id-dikjarazzjonijiet ta’ akkwist u d-dokumenti tat-trasport kif imsemmi fl-Artikoli 14, 17, 20, 23, 54d, 55, 62, 66 u 68;

(f)

mapep bil-koordinati taż-żoni tal-għeluq temporanju fil-ħin reali, bl-ispeċifikazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-għeluq u l-kondizzjonijiet li jirregolaw is-sajd f’dawk iż-żoni matul l-għeluq;

(g)

id-deċiżjoni biex jingħalaq is-sajd skont l-Artikolu 35, inkluż id-dettalji kollha meħtieġa;

(h)

lista taż-żoni ristretti għas-sajd u r-restrizzjonijiet korrispondenti;

(i)

lista tal-operaturi awtorizzati biex iwettqu l-użin skont l-Artikolu 60(5) bl-ispeċifikazzjoni tal-port u l-faċilità tal-użin;

(j)

il-programm nazzjonali ta’ kontroll imsemmi fl-Artikolu 93a, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-partijiet li l-iżvelar tagħhom jista’ jdgħajjef l-effettività tal-kontroll;

(k)

ir-rapport annwali dwar il-kontroll u l-ispezzjonijiet u link għas-sit web tal-Kummissjoni, inkluż il-kumpilazzjoni ta’ informazzjoni mir-rapporti msemmija fl-Artikolu 93b(1);

(l)

il-perjodu iqsar għal notifika minn qabel stabbilit skont l-Artikolu 17(1a).”.

(91)

Jitħassar l-Artikolu 116.

(92)

Fl-Artikolu 117, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dwar l-assistenza reċiproka li jikkonċernaw:

(a)

il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi, il-Kummissjoni u l-korp appuntat minnha;

(b)

id-deżinjazzjoni tal-awtorità unika tal-Istati Membri;

(c)

il-komunikazzjoni ta’ miżuri ta’ segwitu meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali b’riżultat tal-iskambju ta’ informazzjoni;

(d)

it-talbiet għall-għajnuna, inkluż talbiet għall-informazzjoni, miżuri u notifiki amministrattivi, u l-istabbiliment ta’ dati ta’ skadenzi għat-tweġibiet;

(e)

l-informazzjoni mingħajr talba minn qabel;

(f)

ir-relazzjonijiet tal-Istati Membri mal-Kummissjoni u pajjiżi terzi.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).’.

(93)

Fl-Artikolu 118, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw il-kontenut u l-format tar-rapporti mill-Istati Membri.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 119(2).’

.

(94)

L-Artikolu 119 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 119

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit mill-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*20).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*20)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

(95)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 119a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 9a(5), l-Artikolu 15b(1), l-Artikolu 17(6), l-Artikolu 21(6), l-Artikolu 22(3), l-Artikolu 24(4), l-Artikolu 41(4), l-Artikolu 44(4), l-Artikolu 58(10), (11) u (12), l-Artikolu 60a(2), l-Artikolu 73(9), l-Artikolu 74(11), l-Artikolu 75(2), l-Artikolu 90(4), l-Artikolu 92(12) u l-Artikolu 107(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu mhux determinat.

3.   Id-delega ta’ setgħat imsemmija fl-Artikolu 9a(5), l-Artikolu 15b(1), l-Artikolu 17(6), l-Artikolu 21(6), l-Artikolu 22(3), l-Artikolu 24(4), l-Artikolu 41(4), l-Artikolu 44(4), l-Artikolu 58(10), (11) u (12), l-Artikolu 60a(2), l-Artikolu 73(9), l-Artikolu 74(11), l-Artikolu 75(2), l-Artikolu 90(4), l-Artikolu 92(12) u l-Artikolu 107(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*21).

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 9a(5), l-Artikolu 15b(1), l-Artikolu 17(6), l-Artikolu 21(6), l-Artikolu 22(3), l-Artikolu 24(4), l-Artikolu 41(4), l-Artikolu 44(4), l-Artikolu 58(10), (11) u (12), l-Artikolu 60a(2), l-Artikolu 73(9), l-Artikolu 74(11), l-Artikolu 75(2), l-Artikolu 90(4), l-Artikolu 92(12) u l-Artikolu 107(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*21)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.” "

(96)

L-Anness I jitħassar.

(97)

It-test stipulat fl-Anness I għal dan ir-Regolament jinżdied bħala l-Annessi III u IV.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/473

Ir-Regolament (UE) 2019/473 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Objettiv

1.   Dan ir-Regolament jipprevedi Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (“l-Aġenzija”) għall-fini ta’ żgurar ta’ livell għoli, uniformi u effettiv ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, inkluż id-dimensjoni esterna tagħha.

2.   Għal dak l-għan, l-Aġenzija għandha tikkoopera mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni u tipprovdilhom assistenza rigward l-oqsma msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fil-limiti tal-missjonijiet u tal-kompiti stabbiliti fil-Kapitolu II.”.

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

‘kontroll’ tfisser kontroll kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (3), tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

‘spezzjoni’ tfisser spezzjoni kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (4), tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;”.

(3)

L-Artikolu 3 hu emendat kif ġej:

(a)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

li tkun ta’ assistenza għall-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-armonizzazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, u b’hekk tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tagħha, inkluż l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;”;

(b)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

li tagħti kontribut għall-ħidma tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, kif ukoll tieħu sehem fiha, dwar ir-riċerka, u l-iżvilupp, fir-rigward ta’ tekniki ta’ kontroll u ta’ spezzjoni, u li tiżviluppa proġetti pilota dwar ir-riċerka, u l-iżvilupp, fir-rigward ta’ tali tekniki.”;

(c)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(k)

fejn xieraq, tikkoopera ma’ aġenziji deċentralizzati oħra tal-Unjoni, kif ukoll tikkoordina attivitajiet magħhom, fl-ambitu tal-kompiti, il-missjonijiet u l-oqsma ta’ attività tagħhom;

(l)

li tassisti lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti assenjati lill-Kummissjoni fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni fir-rigward tal-objettivi tal-Aġenzija.”.

(4)

L-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 17

Skambju u proċessar ta’ data u ta’ informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħmlu skambju ta’ data u ta’ informazzjoni rilevanti disponibbli għalihom rigward l-attivitajiet konġunti ta’ kontroll u ta’ spezzjoni fit-territorju tal-Istati Membri u fl-ibħra tal-Unjoni u f’dawk internazzjonali f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2.   F’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, l-Aġenzija għandha tieħu miżuri biex tiżgura protezzjoni xierqa tal-informazzjoni miġbura jew riċevuta, u dan skont dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 113 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

3.   Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*22) għandhom japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Aġenzija.

4.   B’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali miġbura jew riċevuta mill-Aġenzija fit-twettiq tal-missjonijiet u l-kompiti tagħha stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, l-Aġenzija għandha titqies bħala kontrollur kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2018/1725.

5.   Id-data personali miġbura jew riċevuta mill-Aġenzija tista’ tiġi pproċessata biss għall-fini tat-twettiq tal-missjoni u l-kompiti tagħha stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, dment li dawk il-finijiet ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati b’data li ma tippermettix l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data.

6.   Id-data personali miġbura jew riċevuta ma għandhiex tinħażen għal perjodu itwal milli meħtieġ għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 5, u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn ħames snin mid-data li fiha l-Aġenzija tirċievi d-data rilevanti.

7.   B’deroga mill-paragrafu 6, id-data personali miġbura jew riċevuta ma għandhiex tinħażen għal perjodu itwal milli meħtieġ għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 5 marbutin ma’:

(a)

parteċipazzjoni f’kontrolli u spezzjonijiet, jew il-koordinazzjoni tagħhom; jew

(b)

inkjesti relatati ma’ lmenti, infrazzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi.

Fi kwalunkwe każ, id-data personali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinħażen sa mhux aktar minn tmiem il-proċedimenti u l-inkjesti msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Jekk l-informazzjoni tinżamm għal perjodu ta’ żmien itwal minn dak stabbilit fil-paragrafu 6 jew f’dan il-paragrafu, id-data personali għandha tiġi anonimizzata.

8.   It-trasferiment tad-data personali li tinsab fid-data dwar l-attivitajiet tas-sajd lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali għandu jsir biss f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2018/1725 u f’konformità mal-ftehim ma’ dak il-pajjiż terz jew mar-regoli applikabbli ta’ dik l-organizzazzjoni internazzjonali.

(*22)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”."

(5)

L-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Assenjazzjoni ta’ uffiċjali tal-Aġenzija bħala spetturi tal-Unjoni

L-uffiċjali tal-Aġenzija jistgħu jiġu assenjati f’ilmijiet internazzjonali bħala spetturi tal-Unjoni skont l-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.”.

(6)

Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-programm ta’ ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 32(2), il-punt (c), għandu jkun konsistenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali. Dan għandu jindika b’mod ċar żidiet, bidliet jew tħassir meta mqabbel mal-programm ta’ ħidma tas-sena preċedenti, u l-progress miksub fil-kisba tal-objettivi ġenerali u l-prijoritajiet tal-programm ta’ ħidma pluriennali.”

.

(7)

L-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 25

Kooperazzjoni fl-affarijiet marittimi

L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Marittima Integrata tal-UE, u b’mod partikolari tikkonkludi ftehimiet amministrattivi ma’ entitajiet oħra fi kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament wara l-approvazzjoni mill-Bord Amministrattiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinforma lill-Bord Amministrattiv b’dan fi stadju bikri ta’ dawn in-negozjati.”.

(8)

Fl-Artikolu 32, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (b), il-kliem “sat-30 ta’ April ta’ kull sena” huwa sostitwit bil-kliem “sal-1 ta’ Lulju ta’ kull sena”;

(b)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

jadotta, sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, id-dokument uniku ta’ programmazzjoni, li jkun fih, fost l-oħrajn, il-programmazzjoni pluriennali u l-programmazzjoni annwali tal-Aġenzija għas-sena ta’ wara.

Id-dokument uniku ta’ programmazzjoni għandu jkun fih il-prijoritajiet tal-Aġenzija. Għandu jagħti prijorità lid-dmirijiet tal-Aġenzija relatati ma’ programmi ta’ kontroll u spezzjoni. Għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura annwali tal-baġit tal-Unjoni. Id-dokument ta’ programmar uniku għandu jiġi adottat b’kont meħud tal-opinjoni tal-Kummissjoni u, fir-rigward tal-programmazzjoni pluriennali, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-Bord Amministrattiv għandu jibgħat id-dokument lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.”;

(c)

jiżdied il-punt li ġej:

“(i)

jiżgura segwitu xieraq għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-awditjar interni jew esterni, kif ukoll mill-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).”.

(9)

Fl-Artikolu 33, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, sitt rappreżentanti tal-Kummissjoni u rappreżentant wieħed tal-Parlament Ewropew. Kull Stat Membru għandu d-dritt jaħtar membru wieħed. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew għandhom jaħtru supplenti wieħed għal kull membru biex jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu jew tagħha. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni biss għandu jkollhom id-drittijiet tal-vot.”

.

(10)

L-Artikolu 35 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 35

Laqgħat

1.   Il-laqgħat tal-Bord Amministrattiv għandhom jissejħu mill-President tiegħu. L-aġenda għandha tiġi determinata mill-President, li għandu jieħu kont tal-proposti tal-membri tal-Bord Amministrattiv u tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv u r-rappreżentant maħtur mill-Bord Konsultattiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet mingħajr id-dritt għal vot.

3.   Il-Bord Amministrattiv għandu jagħmel laqgħa ordinarja mill-inqas darba fis-sena. Barra minn hekk, għandu jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ terz tal-Istati Membri rappreżentati fil-Bord Amministrattiv.

4.   Il-Bord Amministrattiv jista’ jistieden rappreżentant tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni jew kwalunkwe persuna li l-fehma tagħha tista’ tkun ta’ interess biex tattendi l-laqgħat bħala osservatur.

5.   Meta jkun hemm kwistjoni ta’ kunfidenzjalità jew ta’ kunflitt ta’ interess, il-Bord Amministrattiv jista’ jiddeċiedi li jeżamina punti speċifiċi fl-aġenda tiegħu mingħajr il-preżenza tar-rappreżentant maħtur mill-Bord Konsultattiv, tar-rappreżentanti maħtura mill-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u mill-persuna/i msemmija fil-paragrafu 4. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jistgħu jitqiegħdu fir-regoli tal-proċedura.

6.   Il-membri tal-Bord Amministrattiv jistgħu, soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, ikunu assistiti minn konsulenti jew minn esperti.

7.   Is-segretarjat tal-Bord Amministrattiv għandu jiġi pprovdut mill-Aġenzija.”.

(11)

Fl-Artikolu 38(3), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

għandu jipprepara l-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni u jippreżentah lill-Bord Amministrattiv għall-approvazzjoni qabel ma dak l-abbozz jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena. Għandu jieħu l-passi meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni fil-limiti stabbiliti minn dan ir-Regolament, mir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu u minn kwalunkwe liġi applikabbli oħra;”.

(12)

Fl-Artikolu 44, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-dħul tal-Aġenzija għandu, mingħajr preġudizzju għal tipi oħra ta’ introjtu, jikkonsisti minn:

(a)

kontribuzzjoni mill-Unjoni mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (it-taqsima tal-Kummissjoni);

(b)

ħlasijiet għal servizzi pprovduti mill-Aġenzija lill-Istati Membri skont l-Artikolu 6;

(c)

ħlasijiet għal pubblikazzjonijiet, għal taħriġ u/jew għal servizzi oħra pprovduti mill-Aġenzija;

(d)

imposti għal servizzi pprovduti mill-Aġenzija lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, fil-qafas tal-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta stipulati fl-Artikolu 8;

(e)

finanzjament mill-Unjoni fil-forma ta’ ftehimiet ta’ delega jew ta’ għotjiet ad hoc f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 47 u mad-dispożizzjoni tal-istrumenti rilevanti li jappoġġaw il-politiki tal-Unjoni.”

.

(13)

L-Artikolu 48 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 48

Evalwazzjoni

1.   F’intervalli regolari, u mill-inqas kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni biex tivvaluta b’mod partikolari:

(a)

ir-riżultati miksuba mill-Aġenzija b’kunsiderazzjoni tal-objettivi, tal-missjoni u tal-kompiti tagħha;

(b)

l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tal-prestazzjoni tal-Aġenzija u l-prattiki ta’ ħidma tagħha b’rabta mal-għanijiet, mal-missjoni u mal-kompiti tagħha.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Bord Amministrattiv dwar it-termini ta’ referenza għal kull evalwazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta’ evalwazzjoni, flimkien mal-konklużjonijiet tagħha dwar ir-rapport, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord Amministrattiv. Il-Bord Amministrattiv jista’ joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni rigward bidliet f’dan ir-Regolament. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni u l-konklużjonijiet dwar ir-rapport għandhom isiru pubbliċi.”.

Artikolu 3

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1967/2006

Ir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 17, jitħassru l-paragrafi 2, 3, 5 u 6;

(2)

fl-Artikolu 20(1), titħassar it-tieni sentenza;

(3)

jitħassar l-Artikolu 21.

Artikolu 4

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1005/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-titolu tar-Regolament, fl-Artikoli, fl-intestaturi tal-Artikoli u tal-Kapitoli u fl-Annessi, in-nom “Komunità” jew l-aġġettiv korrispondenti huwa sostitwit minn “Unjoni”, filwaqt li jsir kwalunkwe tibdil grammatikali meħtieġ.

(2)

Fl-Artikolu 2, il-punt 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“17.

“avvistament” tfisser kull osservazzjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru responsabbli mill-ispezzjonar ta’ fuq il-baħar, jew mill-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni jew ta’ pajjiż terz ta’ bastiment tas-sajd involut f’attivitajiet li jistgħu jitqiesu bħala sajd IUU f’konformità mal-Artikolu 3.”.

(3)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Bastimenti tas-sajd involuti f’sajd IUU

Bastiment tas-sajd għandu jiġi preżunt li hu involut f’sajd IUU jekk, kuntrarju għall-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli fiż-żona kkonċernata, ikun wettaq waħda jew aktar minn fost l-attivitajiet:

(a)

elenkati fl-Artikolu 90(2), il-punti (a) sa (m), tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009; jew

(b)

meqjusa bħala infrazzjonijiet serji skont l-Artikolu 90(3), il-punti (a) sa (f), (h), (i), (j), (l) u (n), tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.”.

(4)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Il-proċedura ta’ spezzjoni

Biex jivverifikaw il-konformità mad-dritt applikabbli, mar-regolamenti u mal-miżuri internazzjonali rilevanti ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I tat-Titolu VII tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.”.

(5)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Jekk l-informazzjoni miġbura matul l-ispezzjoni jew kwalunkwe data jew informazzjoni rilevanti oħra tipprovdi evidenza li ġġiegħel lill-uffiċjal jemmen li bastiment tas-sajd kien involut f’sajd IUU f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, l-uffiċjal għandu jwettaq id-dmirijiet stipulati fl-Artikolu 82 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2.   Jekk ir-riżultati tal-ispezzjoni jipprovdu evidenza li bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz involva ruħu f’sajd IUU skont l-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port ma għandhiex tawtorizza lil dak il-bastiment iħottu l-art jew jittrasborda l-qabda tiegħu jew ikollu aċċess għas-servizzi portwarji.”

.

(6)

L-intestatura tal-Kapitolu III hija sostitwita b’dan li ġej:

“Skema ta’ ċertifikazzjoni tal-qabda għall-prodotti tas-sajd ”.

(7)

Fl-Artikolu 12, jitħassar il-paragrafu 5.

(8)

Jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 12a

Sistema kompjuterizzata integrata għall-ġestjoni tal-informazzjoni għall-Iskema taċ-Ċertifikazzjoni tal-Qabda

1.   Għall-fini ta’ awtorizzazzjoni tal-ġestjoni, tal-immaniġġjar, tal-ħżin u tal-iskambju integrati ta’ informazzjoni, data u dokumenti rilevanti għall-istħarriġ, il-verifiki, il-kontroll u l-attivitajiet uffiċjali rilevanti oħra li jikkonċernaw l-importazzjoni , ir-riesportazzjoni u fejn rilevanti, l-esportazzjoni ta’ prodotti tas-sajd, għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni sistema diġitali ta’ ġestjoni tal-informazzjoni (CATCH) għall-Iskema ta’ Ċertifikazzjoni tal-Qabda f’konformità mal-Artikoli 12b, 12c u 12d ta’ dan ir-Regolament. CATCH għandha tiġi integrata fis-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji (TRACES) imsemmija fl-Artikolu 133(4) tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*23).

2.   L-iskambju ta’ informazzjoni, data u dokumenti b’rabta mal-importazzjoni, mar-riesportazzjoni u, fejn rilevanti, mal-esportazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u l-istħarriġ, il-ġestjoni tar-riskju, il-verifiki u l-kontroll relatati, kif ukoll fir-rigward tad-dokumenti msemmija f’dan il-Kapitolu, bħad-dikjarazzjonijiet tal-importatur, iċ-ċertifikati tal-qabda, iċ-ċertifikati tar-riesportazzjoni, id-dikjarazzjonijiet, l-applikazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet, bejn l-importatur, ir-riesportatur u, fejn rilevanti, l-esportatur u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni kif previst f’dan ir-Regolament, għandhom isiru permezz ta’ CATCH.

3.   Il-Kummissjoni hi mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54b li jissupplementa dan ir-Regolament rigward il-każijiet u l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu stabbiliti eżenzjonijiet temporanji mill-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jużaw l-informazzjoni sottomessa mill-importaturi permezz ta’ CATCH skont l-Artikolu 16(1), għall-ġestjoni tal-kwalità kif ukoll, fuq il-bażi tal-ġestjoni tar-riskju, għat-twettiq tal-istħarriġ u l-verifiki tagħhom u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif previst skont dan il-Kapitolu u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-Kapitolu u fl-Artikolu 54a.

Artikolu 12b

Funzjonalitajiet ġenerali ta’ CATCH

1.   CATCH għandha:

(a)

tippermetti li jsiru s-sottomissjoni, l-immaniġġjar, il-ġestjoni u l-iskambju kompjuterizzati tal-informazzjoni, tad-data u tad-dokumenti meħtieġa għat-twettiq tal-istħarriġ, il-ġestjoni tar-riskju, il-verifiki, il-kontroll, il-ġestjoni tal-kwantità u d-deċiżjonijiet kif previsti f’dan il-Kapitolu u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni relatati msemmija f’dan il-Kapitolu u fl-Artikolu 54a, bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni u, fejn xieraq, bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-bandiera, ta’ pajjiżi tal-ipproċessar u ta’ pajjiżi terzi l-oħra kkonċernati, u l-importaturi u l-esportaturi;

(b)

tipprevedi mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-kwantità li jiżgura li l-piż tal-materja prima għal importazzjoni waħda jew aktar taħt ċertifikat uniku tal-qabda ma jkunx ogħla mill-piż ivvalidat f’dak iċ-ċertifikat;

(c)

sal-10 ta’ Jannar 2028 tipprevedi l-possibbiltà ta’ skambju ta’ informazzjoni, data u dokumenti rilevanti għall-importazzjoni, għar-riesportazzjoni u, fejn rilevanti, għall-esportazzjoni ta’ prodotti tas-sajd f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dan il-Kapitolu, ma’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri u mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri permezz tat-Tieqa Unika tal-UE;

(d)

tipprevedi l-possibbiltà ta’ ġestjoni u ta’ analiżi elettroniċi tar-riskju.

2.   CATCH tista’ tinteraġixxi ma’ sistemi oħra rilevanti għall-ġlieda kontra s-sajd IUU, inkluż permezz ta’ interfaċċja ma’ sistemi tal-IT nazzjonali eżistenti u li jiffunzjonaw.

Artikolu 12c

Il-funzjonament ta’ CATCH

F’konformità mar-regoli stabbiliti għal TRACES, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni għall-funzjonament ta’ CATCH li jistabbilixxu:

(a)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ CATCH bħala komponent tas-sistema ta’ TRACES, inkluż il-mekkaniżmu elettroniku ta’ skambju ta’ data għall-iskambji ma’ sistemi nazzjonali eżistenti u oħrajn, l-identifikazzjoni ta’ standards applikabbli, id-definizzjoni ta’ strutturi ta’ messaġġi, kundizzjonijiet tal-aċċess, dizzjunarji tad-data, skambju ta’ protokolli u ta’ proċeduri;

(b)

ir-regoli speċifiċi għall-funzjonament ta’ CATCH u tal-komponenti tas-sistema tagħha biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali u s-sigurtà tal-iskambju ta’ informazzjoni;

(c)

l-arranġamenti ta’ kontinġenza li għandhom jiġu applikati ‘fil-każ ta’ indisponibbiltà ta’ kwalunkwe funzjonalità ta’ CATCH;

(d)

il-każijiet fejn u l-kundizzjonijiet li fihom il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 13 jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jistgħu jingħataw aċċess parzjali għall-funzjonalitajiet ta’ CATCH u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal tali aċċess;

(e)

ir-regoli użati biex id-dokumenti elettroniċi jiġu vvalidati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*24);

(f)

id-dokumenti mudelli, il-formoli u r-regoli għall-ħruġ ta’ dokumenti uffiċjali, inkluż f’format elettroniku, previsti skont dan ir-Regolament, apparti dawk previsti f’dan il-Kapitolu u l-Annessi relatati.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 54(2).

Artikolu 12d

Protezzjoni ta’ data personali

1.   Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*25) u r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*26) għandhom japplikaw meta l-informazzjoni proċessata permezz ta’ CATCH ikun fiha data personali kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679.

2.   Fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom li jibagħtu l-informazzjoni rilevanti lil CATCH u l-ipproċessar ta’ kwalunkwe data personali li tista’ tirriżulta minn dik l-attività, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala kontrolluri kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2016/679.

3.   Il-Kummissjoni għandha titqies bħala kontrollur kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2018/1725 b’rabta mar-responsabbiltà tagħha li timmaniġġa lil CATCH u l-ipproċessar ta’ kwalunkwe data personali li tista’ tirriżulta minn dik l-attività.

4.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li CATCH tikkonforma mar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali msemmija fl-Artikoli 134 u 135 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 12e

Sigurtà tad-data

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li CATCH tikkonforma mar-regoli dwar is-sigurtà tad-data msemmija fl-Artikoli 134 u 136 tar-Regolament (UE) 2017/625.

(*23)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1)."

(*24)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73)."

(*25)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)."

(*26)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”."

(9)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd” ;

(b)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Sabiex ikun jista’ jimporta fl-Unjoni prodotti tas-sajd ittrasportati fl-istess forma minn pajjiż terz għajr l-Istat tal-bandiera jew l-Istat li fih isir l-ipproċessar kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-importatur għandu jissottometti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ importazzjoni:

(a)

iċ-ċertifikat/i tal-qabda vvalidat/i mill-Istat tal-bandiera u, jekk applikabbli, id-dikjarazzjoni approvata msemmija fil-paragrafu 2, kif ġej:

(i)

iċ-ċertifikat/i tal-qabda oriġinali u, jekk applikabbli, l-oriġinal tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, tal-prodotti tas-sajd ikkonċernati jekk il-kunsinna totali tiġi esportata; jew

(ii)

kopja taċ-ċertifikat/i tal-qabda oriġinali u, jekk applikabbli, kopja tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fejn parti biss mill-prodotti tas-sajd ikkonċernati fil-kunsinna tiġi esportata; u

(b)

prova dokumentata li l-prodotti tas-sajd ma għaddew minn ebda operazzjoni għajr ħatt l-art, tagħbija mill-ġdid jew kwalunkwe operazzjoni bil-għan li tippreżervahom f’kundizzjoni tajba u ġenwina, u baqgħu taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet kompetenti f’dak il-pajjiż terz. Din il-prova dokumentata għandha tingħata permezz ta’:

(i)

jekk il-kunsinna kollha relatata ma’ ċertifikat tal-qabda u, jekk rilevanti, mad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tiġi esportata, id-dokument uniku tat-trasport maħruġ biex ikopri l-passaġġ mit-territorju tal-Istat tal-bandiera jew tal-Istat li fih isir l-ipproċessar minn ġo dak il-pajjiż terz; jew

(ii)

jekk il-kunsinna oriġinali relatata ma’ ċertifikat tal-qabda u, jekk rilevanti, mad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tinqasam, dokument ivvalidat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz, bl-użu tal-mudell imsemmi fl-Artikolu 54a, li tal-inqas:

jagħti deskrizzjoni eżatta tal-prodotti tas-sajd u l-piż tal-kunsinna esportata, id-dati tal-ħatt l-art u tat-tagħbija mill-ġdid tal-prodotti tas-sajd u, fejn applikabbli, l-ismijiet tal-bastimenti jew tal-mezzi l-oħra tat-trasport użati; u

jindika l-isem u n-numru tal-approvazzjoni tal-faċilità tal-ħżin u l-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti tas-sajd baqgħu f’dak il-pajjiż terz.

Fejn l-ispeċijiet ikkonċernati huma soġġetti għal skema tad-dokumentazzjoni tal-qbid adottata minn organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u rikonoxxuta skont l-Artikolu 13, id-dokumenti msemmija hawn fuq jistgħu jiġu sostitwiti biċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni ta’ dik l-iskema tad-dokumentazzjoni tal-qbid, dment li l-pajjiż terz ikun issodisfa r-rekwiżiti ta’ notifika tiegħu kif meħtieġ.

2.   Biex ikun jista’ jimporta prodotti tas-sajd li jikkostitwixxu kunsinna waħda u li jkunu ġew ipproċessati f’pajjiż terz, l-importatur għandu jissottometti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-importazzjoni dikjarazzjoni stabbilita mill-impjant tal-ipproċessar f’dak il-pajjiż terz u approvata mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu f’konformità mal-formola li tinsab fl-Anness IV:

(a)

li tagħti deskrizzjoni eżatta tal-prodotti mhux ipproċessati u pproċessati u l-kwantitajiet rispettivi tagħhom;

(b)

li tindika li l-prodotti pproċessati ġew ipproċessati f’dak il-pajjiż terz minn qabdiet akkumpanjati minn ċertifikat/i tal-qabda vvalidat/i mill-Istat tal-bandiera; u

(c)

li tkun akkumpanjata minn:

(i)

iċ-ċertifikat/i oriġinali tal-qabda fejn it-totalità tal-qabdiet ikkonċernati tkun intużat għall-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd esportati f’kunsinna waħda; jew

(ii)

kopja taċ-ċertifikat/i oriġinali tal-qabda, fejn parti mill-qabdiet ikkonċernati tkun intużat parzjalment għall-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd esportati f’kunsinna waħda.

Fejn l-ispeċijiet ikkonċernati huma soġġetti għal skema tad-dokumentazzjoni tal-qbid adottata minn organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u rikonoxxuta skont l-Artikolu 13, id-dikjarazzjoni tista’ tiġi sostitwita biċ-ċertifikat ta’ riesportazzjoni ta’ dik l-iskema tad-dokumentazzjoni tal-qbid, dment li l-pajjiż terz tal-ipproċessar ikun issodisfa r-rekwiżiti ta’ notifika tiegħu kif xieraq.”.

(10)

Fl-Artikolu 16, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-importatur ta’ prodotti tas-sajd fl-Unjoni għandu jissottometti ċ-ċertifikat tal-qabda, kif stabbilit fl-Artikolu 12(4), flimkien mad-dettalji dwar it-trasport tagħhom kif speċifikati fl-Appendiċi tal-Anness II, id-dikjarazzjoni tal-impjant tal-ipproċessar kif stabbilita fl-Artikolu 14(2) u informazzjoni oħra kif meħtieġa fl-Artikoli 12, 14 u 17 b’mod elettroniku permezz ta’ CATCH lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun maħsub li jiġu importati l-prodotti tas-sajd. Iċ-ċertifikat tal-qabda flimkien mad-dokumenti rilevanti kollha ta’ akkumpanjament għandu jiġi sottomess tal-inqas tlett ijiem tax-xogħol qabel iż-żmien stmat tal-wasla fil-post tad-dħul fit-territorju tal-Unjoni. L-iskadenza ta’ tlett ijiem tax-xogħol tista’ tiġi adattata skont it-tip ta’ prodott tas-sajd, id-distanza għall-post tad-dħul fit-territorju tal-Unjoni jew il-mezz tat-trasport użat. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom, abbażi ta’ ġestjoni tar-riskju, jivverifikaw id-dokumenti sottomessi kollha, b’mod partikolari ċ-ċertifikat tal-qabda fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta fin-notifika rċevuta mill-Istat tal-bandiera f’konformità mal-Artikoli 20 u 22.”

.

(11)

Fl-Artikolu 17, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-verifiki għandhom jiffokaw fuq ir-riskji identifikati abbażi tal-kriterji tal-ġestjoni tar-riskju determinati fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw kriterji nazzjonali addizzjonali għall-istess għan. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kriterji nazzjonali tagħhom u b’kull aġġornament tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddetermina l-kriterji tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 54(2).”

.

(12)

Fl-Artikolu 27, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx jiġu inkluż fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni jekk l-Istat Membru tal-bandiera jkun ħa azzjoni skont dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kontra abbuż li jikkostitwixxi infrazzjonijiet serji kif imsemmi fl-Artikolu 42 ta’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni meħuda mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd.”

.

(13)

Fl-Artikolu 38, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“10.   Is-sjieda, inkluż bħala sid benefiċjarju kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (6) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*27), it-tħaddim jew il-ġestjoni mill-operaturi tal-Unjoni ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ tali pajjiżi għandhom ikunu projbiti. Is-sidien tal-Unjoni, inkluż is-sidien benefiċjarji, ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ tali pajjiżi għandhom jitolbu li dawk il-bastimenti jitneħħew mir-reġistru ta’ tali pajjiżi fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx f’konformità mal-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament. Meta t-talba ma tkunx tista’ ssir direttament mis-sidien, inkluż is-sidien benefiċjarji, dawn għandhom jagħtu mandat lil persuna fiżika jew ġuridika rilevanti li jkollha s-setgħa li taġixxi f’isimhom biex titlob tali tneħħija fil-perjodu ta’ żmien ipprovdut;

11.   l-aċċess għas-servizzi portwarji u t-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ ħatt l-art jew trażbord fil-portijiet tal-Unjoni minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ tali pajjiżi terzi għandhom ikunu projbiti.

(*27)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”."

(14)

L-intestatura tal-Kapitolu IX hija sostitwita b’dan li ġej:

Kapitolu IX

Proċedimenti u infurzar ”.

(15)

L-Artikolu 42 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 42

Infrazzjonijiet serji

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “infrazzjoni serja” tfisser kwalunkwe infrazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li hija elenkata fl-Artikolu 90(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jew meqjusa bħala infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(3) ta’ dak ir-Regolament.”.

(16)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 42a

Proċedimenti fil-każ ta’ infrazzjonijiet serji

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 50 ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 85 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 fejn tiġi identifikata infrazzjoni serja.”.

(17)

L-Artikolu 43 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 43

Miżuri u sanzjonijiet

Fil-każ ta’ infrazzjonijiet serji, l-Istati Membri għandhom japplikaw miżuri u sanzjonijiet f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.”.

(18)

Jitħassru l-Artikoli 44 sa 47.

(19)

L-Artikolu 54 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 54

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit mill-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*28).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*28)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

(20)

Jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 54a

Annessi u dokumenti

Il-Kummissjoni mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54b li jemenda l-Anness I, l-Anness II, inkluż l-Appendiċi tiegħu, u l-Anness IV, kif ukoll li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta u żżomm aġġornat dokument mudell għad-dokument imsemmi fl-Artikolu 14(1), il-punt (b)(ii), biex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi internazzjonali fl-iskemi tad-dokumentazzjoni tal-qbid, l-iżviluppi xjentifiċi u l-progress tekniku, inkluż l-adattamenti għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ CATCH. Il-Kummissjoni mogħtija wkoll is-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54b li jemendaw l-Anness I kull sena abbażi tal-informazzjoni miġbura skont il-Kapitoli II, III, IV, V, VIII, X u XII.

Artikolu 54b

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa biex tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 12a(3) u l-Artikolu 54a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat ta’ żmien.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12a(3) u l-Artikolu 54a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delegazzjoni tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*29).

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 12a(3) u l-Artikolu 54a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn minn meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiġu notifikati dwar dan l-att jew jekk qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*29)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.” "

(21)

L-Anness II u l-Appendiċi tiegħu huma sostitwiti bit-test stipulat fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

(22)

Fl-Anness IV, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“NUMRU TAD-DOKUMENT (*30): …

Nikkonferma li l-prodotti tas-sajd ipproċessati: … (deskrizzjoni tal-prodott u kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda) nkisbu minn qabdiet skont iċ-ċertifikat/i tal-qabda li ġej(jin):

(*30)  Daħħal in-numru tad-dokument”."

Artikolu 5

Emendi għar-Regolament (UE) 2016/1139

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 huwa emendat kif ġej:

(1)

Jitħassar l-Artikolu 12.

(2)

L-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Marġni ta’ tolleranza

1.   B’deroga mill-Artikolu 14(3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, sal-10 ta’ Jannar 2028 għall-qabdiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, u li jinħattu l-art mhux magħżula, il-marġni ta’ tolleranza permess għandu jkun ta’ 20 % għal kull speċi.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fil-każ ta’ ħatt l-art fil-portijiet elenkati f’konformità mal-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għandu japplika l-marġni ta’ tolleranza stipulat f’dak il-punt.”.

Artikolu 6

Emenda għar-Regolament (UE) 2017/2403

Fit-Titolu II tar-Regolament (UE) 2017/2403, jitħassar il-Kapitolu VI.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikolu 1 għandu japplika mill-10 ta’ Jannar 2026.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-punti li ġejjin tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mid-9 ta’ Jannar 2024:

(a)

il-punti (7), (8), (9), (49) u (63);

(b)

il-partijiet tal-punti (6), (13) u (51) relatati mal-iżvilupp mill-Kummissjoni ta’:

sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti għall-bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru, skont l-Artikolu 9(3), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kif emendat b’dan ir-Regolament;

ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd u sistemi oħrajn għall-bastimenti tal-qbid b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru, skont l-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kif emendat b’dan ir-Regolament; u

sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u rappurtar tal-qabdiet mis-sajd rikreattiv, skont l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kif emendat b’dan ir-Regolament.

4.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, id-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1, il-punt (1), ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw fir-rigward ta’ kwalunkwe artikolu tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kif emendat b’dan ir-Regolament mid-data li fiha japplika dak l-artikolu emendat. Fir-rigward ta’ kwalunkwe artikolu ieħor tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, dawk id-definizzjonijiet għandhom japplikaw mill-10 ta’ Jannar 2026.

5.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-partijiet tal-punti (11) u (20) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament li huma relatati mal-marġni ta’ tolleranza permess fl-istimi rreġistrati, rispettivament, fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, skont l-Artikolu 14(3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kif emendat b’dan ir-Regolament, u fid-dikjarazzjoni tat-trażbord, skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kif emendat b’dan ir-Regolament, għandhom japplikaw mill-10 ta’ Lulju 2024.

6.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 1, il-punt (76), għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.

7.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 1, il-punti (10), (14), (22), (36) sa (42), u (50), għandhom japplikaw mill-10 ta’ Jannar 2028.

8.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 1, il-punti (58), (60) u (62), ma għandhomx japplikaw għal sajd mingħajr bastiment mill-10 ta’ Jannar 2028.

9.   L-Artikolu 2 għandu japplika mid-9 ta’ Jannar 2024.

10.   L-Artikolu 3 għandu japplika mill-10 ta’ Jannar 2026.

11.   L-Artikolu 4 għandu japplika mill-10 ta’ Jannar 2026.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Artikolu 4, il-punti (13), (19) u (20), għandhom japplikaw mid-9 ta’ Jannar 2024.

12.   L-Artikolu 5, il-punt (1), għandu japplika mill-10 ta’ Jannar 2028, u l-punt (2) għandu japplika mill-10 ta’ Lulju 2024.

13.   L-Artikolu 6 għandu japplika mill-10 ta’ Jannar 2026.

14.   Minkejja l-paragrafi 2 sa 13 ta’ dan l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jikkonferixxu s-setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għandhom japplikaw mid-9 ta’ Jannar 2024. L-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament għandhom japplikaw mid-dati ta’ applikazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 13 ta’ dan l-Artikolu u fi kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tranżizzjonali stabbilita fl-Artikolu 8.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament isiru applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ bastimenti, b’mod partikolari bastimenti b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru, f’data aktar tard mid-9 ta’ Jannar 2024, ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 li huma emendati jew revokati b’dan ir-Regolament u li japplikaw għal dawk il-kategoriji ta’ bastimenti fil-jum ta’ qabel dik id-data, b’mod partikolari l-Artikoli 14 sa 25 u 48 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għandhom ikomplu japplikaw għal dawk il-kategoriji ta’ bastimenti sad-data li fiha d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament isiru applikabbli għal dawk il-kategoriji ta’ bastimenti.

2.   Rigward il-bastimenti b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru, l-Artikolu 9, l-Artikolu 14(1), (2) u (7) sa (12), l-Artikoli 15, 19a, 21 sa 24 u 48 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, kif emendat b’dan ir-Regolament, għandhom japplikaw għal dawk il-bastimenti mill-10 ta’ Jannar 2028.

3.   Sal-10 ta’ Jannar 2027 l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw il-pjanijiet ta’ kampjunar, il-pjanijiet ta’ kontroll u l-programmi ta’ kontroll komuni msemmija fl-Artikolu 60(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kif emendat b’dan ir-Regolament, li jkunu ġew approvati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikoli 76 u 77 u l-Annessi XIX, XX u XXI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (30) kif applikabbli fid-9 ta’ Jannar 2024 u li ma jkunux skadew.

4.   Mill-10 ta’ Lulju 2024 sal-10 ta’ Jannar 2026 u, b’deroga mill-Artikolu 3(1), il-punt (b), l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 kif applikabbli fit-8 ta’ Jannar 2024, in-nuqqas ta’ ssodisfar tal-obbligi li jiġu rreġistrati b’mod preċiż l-istimi tal-kwantitajiet fil-marġni ta’ tolleranza permessi kif previst fl-Artikolu 90(3), il-punt (c), tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kif emendat b’dan ir-Regolament għandu jikkostitwixxi infrazzjoni serja fejn jiġu ssodisfati wieħed jew aktar mill-kriterji korrispondenti stipulati fl-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

5.   Għas-sottomissjoni elettronika permezz ta’ CATCH taċ-ċertifikati tal-qbid u ta’ kwalunkwe dokument ieħor relatat f’konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 kif emendat b’dan ir-Regolament, sal-10 ta’ Jannar 2028 l-importatur jista’ juża ċertifikati tal-qbid u kwalunkwe dokument ieħor relatat li jkun ġie vvalidat, approvat jew iffirmat qabel l-10 ta’ Jannar 2026 f’konformità mal-Artikoli 12 u 14 u l-Annessi II u IV għar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 kif applikabbli fi żmien il-validazzjoni, l-approvazzjoni jew l-iffirmar tagħhom.

6.   Fir-rigward tal-obbligu, imsemmi fl-Artikolu 38, il-punt 10, tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 kif emendat b’dan ir-Regolament, ta’ sidien tal-Unjoni, inkluż sidien benefiċjarji ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi terzi inklużi fil-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx f’konformità mal-Artikolu 33 ta’ dak ir-Regolament biex tintalab it-tneħħija ta’ dawk il-bastimenti mir-reġistri ta’ tali pajjiżi, tali talba, fir-rigward tal-pajjiż diġà inklużi f’dik il-lista fid-9 ta’ Jannar 2024, għandha ssir sal-10 ta’ Marzu 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Novembru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU C 110, 22.3.2019, p. 118.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2023 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2023.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/443/UE tal-20 ta’ Ġunju 2011 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (ĠU L 191, 22.7.2011, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2019/883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti, li temenda d-Direttiva 2010/65/UE u li tħassar id-Direttiva 2000/59/KE (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 116).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

(12)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2187/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 2347/2002 u (KE) Nru 1224/2009, u r-Regolamenti (UE) Nru 1379/2013 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rigward l-obbligu tal-ħatt u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1434/98 (ĠU L 133, 29.5.2015, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2023/2124 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2023 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) (ĠU L, 2023/2124, 12.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2124/oj)

(15)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(16)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 931/2011 tad-19 ta’ Settembru 2011 dwar ir-rekwiżiti tat-traċċabbiltà stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 242, 20.9.2011, p. 2).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(21)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (ĠU L 83, 25.3.2019, p. 18).

(23)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(24)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(25)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).

(26)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).

(28)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(29)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(30)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).


ANNESS I

L-annessi li ġejjin jiżdiedu mar-Regolament (KE) Nru 1224/2009:

“ANNESS III

Punti li għandhom jiġu assenjati lid-detenturi ta’ liċenzja tas-sajd jew lil kaptani tal-Unjoni għal infrazzjonjiet serji

Artikolu

Infrazzjoni serja

Punti

Artikolu 90(2), il-punt (a)

Sajd mingħajr liċenzja, awtorizzazzjoni jew permess validi maħruġa mill-Istat tal-bandiera jew mill-Istat kostali rilevanti.

7

Artikolu 90(2), il-punt (b)

Falsifikazzjoni jew ħabi tal-immarkar, l-identità jew ir-reġistrazzjoni ta’ bastiment tas-sajd.

5

Artikolu 90(2), il-punt (c)

Ħabi, tbagħbis, jew twarrib ta’ evidenza li jkollha x’taqsam ma’ investigazzjoni.

5

Artikolu 90(2), il-punt (d)

Ostruzzjoni tal-ħidma tal-uffiċjali jew tal-osservaturi matul l-eżerċitar ta’ dmirijiethom.

7

Artikolu 90(2), il-punt (e)

Trażbord mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa jew fejn it-tali trażbord huwa projbit.

7

Artikolu 90(2), il-punt (f)

Twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment jew tqegħid f’gaġeġ, b’mod partikolari kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2023/2053, bi ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

5

Artikolu 90(2), il-punt (g)

Trażbord minn jew lejn, twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ma’, parteċipazzjoni f’operazzjonijiet konġunti ta’ sajd ma’ jew l-għoti ta’ appoġġ jew il-forniment lil, bastimenti elenkati fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, kif imsemmija fl-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

7

Artikolu 90(2), il-punt (h)

Parteċipazzjoni fl-operazzjoni, fil-ġestjoni, fis-sjieda ta’, inkluż bħala sid benefiċjarju kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2015/849, jew forniment ta’ servizzi, inkluż servizzi loġistiċi, ta’ assigurazzjoni u servizzi finanzjarji oħra lil operaturi konnessi ma’ bastiment elenkat fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, kif imsemmija fl-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

7

Artikolu 90(2), il-punt (i)

Twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd bi ksur tar-regoli applikabbli f’żona ristretta għas-sajd.

6

Artikolu 90(2), il-punt (j)

Is-sajd, il-qbid, iż-żamma abbord, it-trażbord, il-ħatt l-art, il-ħżin, il-bejgħ, il-wiri jew l-offerta għall-bejgħ ta’ speċijiet li għalihom dawn l-attivitajiet huma projbiti, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

7

Artikolu 90(2), il-punt (k)

It-twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd li jinvolvu speċijiet soġġetti għal limiti ta’ qbid li għalihom l-operatur ma jkollux kwota jew ma jkollux aċċess għall-kwota tal-Istat Membru tal-bandiera, speċijiet li għalihom il-kwota tkun ġiet eżawrita, jew speċijiet soġġetti għal moratorju fuq is-sajd, projbizzjoni temporanja jew staġun magħluq, ħlief qabdiet aċċidentali, dment li l-attività ma tkunx infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(2), il-punt (j).

7

Artikolu 90(2), il-punt (m)

L-użu ta’ rkaptu jew metodi tas-sajd projbiti, kif imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/1241 jew kwalunkwe regola ekwivalenti oħra tal-politika komuni tas-sajd.

7

Artikolu 90(2), il-punt (n)

Il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti, informazzjoni jew data, miktuba fuq karta jew maħżuna f’forma elettronika, imsemmija fir-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

5

Artikolu 90(2), il-punt (o)

Il-manipulazzjoni ta’ magna jew ta’ apparat għall-monitoraġġ tal-qawwa kontinwa tal-magna bl-għan li tiżdied il-qawwa tal-bastiment biex taqbeż il-qawwa kontinwa massima tal-magna skont iċ-ċertifikat tal-magna.

6

Artikolu 90(2), il-punt (p)

It-twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd bl-użu tax-xogħol furzat, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat.

7

Artikolu 90(3), il-punt (a)

L-użu ta’ dokumenti falsifikati jew invalidi, informazzjoni jew data, miktuba fuq karta jew maħżuna f’forma elettronika, imsemmija fir-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

5

Artikolu 90(3), il-punt (b)

In-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ ħżin u ta’ rapportar preċiżi ta’ data relatata mal-attivitajiet tas-sajd, inkluż data li għandha tintbagħat mis-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, kif ukoll data fir-rigward ta’ notifiki minn qabel, dikjarazzjonijiet tal-qabda, dikjarazzjonijiet tat-trażbord, rekords tal-użin, dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni, dokumenti tat-trasport jew noti tal-bejgħ kif meħtieġ skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd, ħlief għall-obbligi relatati mal-marġni ta’ tolleranza, kif imsemmi fl-Artikolu 90(3), il-punt (c).

3

Artikolu 90(3), il-punt (c)

In-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni preċiża tal-istimi tal-kwantitajiet fil-marġni permess ta’ tolleranza, f’konformità mal-Artikolu 14(3) u (4) u l-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/1139.

3

Artikolu 90(3), il-punt (d)

In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi relatati mal-karatteristiċi jew mal-użu tal-irkaptu tas-sajd, apparati akustiċi deterrenti, apparati ta’ selettività jew irkaptu biex jinġema’ l-ħut, b’mod partikolari fir-rigward tal-immarkar u l-identifikazzjoni, iż-żoni, il-fond, il-perjodi jew l-għadd ta’ rkapti, id-daqs tal-malji, jew tat-tagħmir għall-gradazzjoni, is-separazzjoni tal-ilma, jew l-ipproċessar jew in-nuqqas ta’ konformità mal-miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi kif meħtieġ skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd, dment li l-attività ma tkunx infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(2).

4

Artikolu 90(3), il-punt (e)

In-nuqqas ta’ tlugħ jew ta’ żamma abbord il-bastimenti tas-sajd, inkluż permezz ta’ tħarrib, jew minħabba n-nuqqas ta’ ħatt l-art jew fejn applikabbli t-trażbord jew it-trasferiment ta’ speċijiet soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art, fosthom il-qabdiet taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, bi ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd applikabbli għas-sajd jew għaż-żoni tas-sajd ikkonċernati.

5

Artikolu 90(3), il-punt (f)

It-twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd fiż-żona ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd b’mod li mhuwiex konsistenti mal-miżuri applikabbli ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni ta’ dik l-organizzazzjoni jew bi ksur ta’ dawn, dment li dik l-attività ma tkunx infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(2) jew skont punti oħrajn tal-Artikolu 90(3).

5

Artikolu 90(3), il-punt (i)

It-twettiq ta’ diversi atti ta’ infrazzjonijiet tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

5

Artikolu 90(3), il-punt (k)

L-użu ta’ qawwa tal-magna li taqbeż il-qawwa kontinwa massima tal-magna ċċertifikata u rreġistrata fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Istat Membru.

5

Artikolu 90(3), il-punt (l)

Il-ħatt l-art f’portijiet ta’ pajjiżi terzi mingħajr notifika minn qabel kif imsemmi fl-Artikolu 19a.

5

Artikolu 90(3), il-punt (n)

Ir-rimi illegali ta’ rkaptu tas-sajd jew ta’ rkaptu fuq il-baħar minn bastiment tas-sajd.

5

Artikolu 90(3), il-punt (j)

It-twettiq ta’ kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 90(2), il-punt (g) fir-rigward ta’ bastiment involut f’sajd IUU kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 u mhux elenkat fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd.

5

ANNESS IV (1)

Kriterji biex attività tiġi kkwalifikata bħala infrazzjoni serja f’konformità mal-Artikolu 90(3)

Attività

Kriterji

Artikolu 90(3), il-punt (a)

L-użu ta’ dokumenti falsifikati jew invalidi, informazzjoni jew data, miktuba fuq karta jew maħżuna f’forma elettronika, imsemmija fir-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

(a)

Dokumenti, data jew informazzjoni użati intenzjonalment fl-interess proprju jew fl-interess ta’ partijiet terzi sabiex jinkiseb benefiċċju;

(b)

l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ikkonfermat li l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika kkonċernata tkun wettqet jew tkun inżammet responsabbli għal infrazzjoni skont l-Artikolu 90(3), il-punt (a), f’sentenza jew f’deċiżjoni finali maħruġa fl-aħħar 12-il xahar qabel id-data li fiha tkun twettqet din l-infrazzjoni.

Artikolu 90(3), il-punt (b)

In-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni, ta’ ħżin u ta’ rapportar preċiżi ta’ data relatata mal-attivitajiet tas-sajd, inkluż data li għandha tintbagħat mis-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, kif ukoll data fir-rigward ta’ notifiki minn qabel, dikjarazzjonijiet tal-qabda, dikjarazzjonijiet tat-trażbord, rekords tal-użin, dikjarazzjonijiet ta’ akkwiżizzjoni, dokumenti tat-trasport jew noti tal-bejgħ kif meħtieġ skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd, ħlief għall-obbligi relatati mal-marġni ta’ tolleranza, kif imsemmi fl-Artikolu 90(3), il punt (c).

(a)

Meta l-prodotti tas-sajd relatati mal-infrazzjoni jirrappreżentaw 10 % jew aktar tal-piż totali tal-prodotti kkonċernati;

(b)

in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni u rappurtar ta’ qabdiet ta’ speċijiet soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art għal kull speċi, refgħa, żona, jum jew vjaġġ tas-sajd, skont il-gravità tar-reat li għandha tiġi ddeterminata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, in-natura u l-firxa tal-attività, inkluż il-preġudizzju jew il-livell tal-ħsara li tkun saret lir-riżorsi tas-sajd u lill-ambjent tal-baħar ikkonċernat;

(c)

interferenza mal-installazzjoni jew il-funzjonament tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, l-AIS, il-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, is-sistema REM, is-sistema tal-użin, l-apparat għall-monitoraġġ tal-qawwa kontinwa tal-magna jew kwalunkwe sistema ta’ monitoraġġ applikabbli oħra tal-Istat Membru, inkluż it-tifi tagħha, ħlief fejn awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti;

(d)

ebda data u informazzjoni rreġistrati jew mibgħuta liċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd tal-Istat Membru tal-bandiera;

(e)

in-nuqqas ta’ notifika lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar il-funzjonament ħażin tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, tal-AIS, tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, tas-sistema REM, jew ta’ kwalunkwe apparat jew sistema oħra ta’ monitoraġġ kif meħtieġ skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd;

(f)

in-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ data relatata mal-attivitajiet tas-sajd u mal-operazzjonijiet tas-sajd, fosthom in-noti tal-bejgħ, meta l-ħatt l-art jew it-trażbord jew l-operazzjoni tas-sajd ikunu seħħew ‘il barra mill-ilmijiet tal-Unjoni;

(g)

l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ikkonfermat li l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika kkonċernata tkun wettqet jew tkun inżammet responsabbli għal infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(3), il-punt (b), f’sentenza jew f’deċiżjoni finali maħruġa fl-aħħar 12-il xahar qabel id-data li fiha tkun twettqet din l-infrazzjoni.

Artikolu 90(3), il-punt (c)

In-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni preċiża tal-istimi tal-kwantitajiet fil-marġni permess ta’ tolleranza, f’konformità mal-Artikolu 14(3) u (4) u l-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/1139.

(a)

Fejn il-kwantità tal-prodotti tas-sajd li taqbeż il-marġni permess ta’ tolleranza hija daqs jew ogħla minn 100 % tal-marġni permess ta’ tolleranza, ikkalkulat bħala ammont permissibbli f’perċentwali jew f’kilogrammi, jew, fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 14(4), il-punt (a), fejn il-kwantità tal-prodotti tas-sajd li taqbeż il-marġni permess ta’ tolleranza hija 50 % jew aktar tal-marġini ta’ tolleranza permess, ikkalkulat bħala ammont permissibbli f’perċentwali;

(b)

minkejja l-kriterju taħt il-punt (a), sal-10 ta’ Jannar 2028, għall-ispeċijiet maqbuda fis-sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża li jinħattu l-art mhux imqassma u li jirrappreżentaw 2 % jew aktar tal-piż tal-ispeċijiet kollha li jinħattu l-art u li għalihom ma japplikax l-Artikolu 14(4), il-punt (a): meta d-differenza bejn l-istimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd u l-kwantitajiet li jinħattu l-art jew li jirriżultaw minn spezzjoni tkun ta’ 25 % jew aktar għal kull speċi;

(c)

minkejja l-kriterju taħt il-punt (a), sal-10 ta’ Jannar 2028, għall-ispeċijiet koperti mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139: meta d-differenza bejn l-istimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd u l-kwantitajiet li jinħattu l-art jew li jirriżultaw minn spezzjoni tkun ta’ 25 % jew aktar għal kull speċi;

(d)

l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ikkonfermat li l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika kkonċernata tkun wettqet jew tkun inżammet responsabbli għal infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(3), il-punt (c), f’sentenza jew f’deċiżjoni finali maħruġa fl-aħħar 12-il xahar qabel id-data li fiha tkun twettqet din l-infrazzjoni.

Artikolu 90(3), il-punt (d)

In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi relatati mal-karatteristiċi jew mal-użu tal-irkaptu tas-sajd, apparati akustiċi deterrenti, apparati ta’ selettività jew rkaptu biex jinġema’ l-ħut, b’mod partikolari fir-rigward tal-immarkar u l-identifikazzjoni, iż-żoni, il-fond, il-perjodi jew l-għadd ta’ rkapti, id-daqs tal-malji, jew tat-tagħmir għall-gradazzjoni, is-separazzjoni tal-ilma, jew l-ipproċessar jew in-nuqqas ta’ konformità mal-miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi kif meħtieġ skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd, dment li l-attività ma tkunx infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(2).

(a)

L-irkaptu passiv tas-sajd u l-irkapti biex jinġema’ l-ħut jew ma jkollhomx immarkar tajjeb jew inkella jkollhom immarkar skorrett, it-tikkettar jew karatteristiċi relatati, li jaffettwaw aktar minn nofs l-irkaptu tas-sajd jew l-irkapti biex jinġema’ l-ħut;

(b)

aktar minn 10 % tal-għadd meħtieġ ta’ apparati akustiċi deterrenti ma jintużawx jew aktar minn 10 % tal-apparati akustiċi deterrenti meħtieġa użati ma jkunux qed jaħdmu kif suppost;

(c)

l-għadd ta’ rkaptu passiv tas-sajd u ta’ rkaptu biex jinġema’ l-ħut li jintuża jaqbeż b’10 % l-għadd permess ta’ tali rkaptu jew tagħmir;

(d)

id-daqs tal-irkaptu tas-sajd attiv kollu jew parti minnu jaqbeż id-dimensjoni awtorizzata ta’ tali rkaptu b’10 %;

(e)

il-karatteristiċi tas-selettività tal-irkaptu kif meħtieġ skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd jinbidlu billi jitnaqqas id-daqs ta’ dawk l-elementi ta’ rkaptu li jiddeterminaw is-selettività, bħad-daqs tal-malji, id-dijametru tal-ħjut jew id-daqs tas-sunnara, bi 3 mm jew 5 %, skont liema jkun l-akbar;

(f)

in-nuqqas ta’ użu ta’ metodi u apparati oħra f’konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd sabiex tiġi ottimizzata s-selettività, bħat-twieqi ta’ ħruġ, l-għarbiela jew it-toqob ta’ ħruġ;

(g)

l-użu ta’ apparati li jostakolaw jew inkella jnaqqsu b’mod effettiv il-karatteristiċi tas-selettività tal-irkaptu jew il-metodi u l-apparati msemmija fil-punt (f);

(h)

it-tagħmir abbord għall-gradazzjoni jew għas-separazzjoni tal-ilma jintuża għal speċijiet li għalihom l-użu ta’ tali apparati huwa projbit, u li huma soġġetti għal opportunitajiet tas-sajd, pjanijiet pluriennali, pjanijiet ta’ spezzjoni u kontroll jew obbligu ta’ ħatt l-art;

(i)

l-irkaptu tas-sajd jintuża f’post fejn id-distanza sal-kosta tiddevja b’aktar minn 10 % mid-distanza permessa, jew fejn il-fond tal-baħar jiddevja mill-fond permess;

(j)

l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ikkonfermat li l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika kkonċernata tkun wettqet jew tkun inżammet responsabbli għal infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(3), il-punt (d), f’sentenza jew f’deċiżjoni finali maħruġa fl-aħħar 12-il xahar qabel id-data li fiha tkun twettqet din l-infrazzjoni

Artikolu 90(3), il-punt (e)

In-nuqqas ta’ tlugħ jew ta’ żamma abbord il-bastimenti tas-sajd, inkluż permezz ta’ tħarrib, jew minħabba n-nuqqas ta’ ħatt l-art jew fejn applikabbli t-trażbord jew it-trasferiment ta’ speċijiet soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art, fosthom il-qabdiet taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, bi ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd applikabbli għas-sajd jew għaż-żoni tas-sajd.

(a)

Il-qabdiet relatati mal-infrazzjoni jirrappreżentaw valur daqs jew aktar minn EUR 1 000 , jew 10 % tal-valur totali tal-prodotti tas-sajd ikkonċernati; jew kwantitajiet li huma daqs jew aktar minn 200 kg;

(b)

l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ikkonfermat li l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika kkonċernata tkun wettqet jew tkun inżammet responsabbli għal infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(3), il-punt (e), f’sentenza jew f’deċiżjoni finali maħruġa fl-aħħar 12-il xahar qabel id-data li fiha tkun twettqet din l-infrazzjoni.

Artikolu 90(3), il-punt (f)

It-twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd fiż-żona ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd b’mod li mhuwiex konsistenti mal-miżuri applikabbli ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni ta’ dik l-organizzazzjoni jew bi ksur ta’ dawn, dment li l-attività ma tkunx infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(2) jew skont punti oħrajn tal-Artikolu 90(3).

(a)

L-infrazzjoni tkun ikkwalifikata bħala infrazzjoni serja skont ir-regoli applikabbli ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd;

(b)

l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ikkonfermat li l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika kkonċernata tkun wettqet jew tkun inżammet responsabbli għal infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(3), il-punt (f), f’sentenza jew f’deċiżjoni finali maħruġa fl-aħħar 12-il xahar qabel id-data li fiha tkun twettqet din l-infrazzjoni.

Artikolu 90(3), il-punt (g)

It-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura bi ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, ħlief jekk l-attività hija infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(2) jew skont punti oħrajn tal-Artikolu 90(3).

(a)

L-operaturi, il-kaptani jew ir-rappreżentanti tagħhom iwettqu l-ewwel bejgħ ma’ ċentru tal-irkant, xerrej jew organizzazzjoni tal-produtturi mhux irreġistrati;

(b)

informazzjoni obbligatorja minima ineżistenti lill-konsumaturi kif previst fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 għal lottijiet ta’ 20 kg jew aktar jew li jirrappreżentaw valur daqs jew aktar minn EUR 1 000 ;

(c)

informazzjoni mhux kompluta dwar it-traċċabilità għal lottijiet ta’ 20 kg jew aktar jew li jirrappreżentaw valur daqs jew aktar minn EUR 1 000 ;

(d)

il-prodotti jkunu importati bi ksur tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(e)

l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ikkonfermat li l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika kkonċernata tkun wettqet jew tkun inżammet responsabbli għal infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(3), il-punt (g), f’sentenza jew f’deċiżjoni finali maħruġa fl-aħħar 12-il xahar qabel id-data li fiha tkun twettqet din l-infrazzjoni.

Artikolu 90(3), il-punt (h)

It-twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd rikreattivi bi ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd jew bejgħ ta’ prodotti tas-sajd minn sajd rikreattiv.

(a)

Il-bejgħ ta’ prodotti tas-sajd minn sajd rikreattiv li jirrappreżentaw valur daqs jew akbar minn EUR 50 jew kwantitajiet li huma daqs jew aktar minn 10 kg;

(b)

żewġ individwi jew aktar ta’ eżemplari miżmuma ma jkunux awtorizzati jew individwu wieħed jew aktar ikunu speċijiet projbiti;

(c)

25 % jew aktar tal-eżemplari miżmuma ma jikkonformawx mad-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni;

(d)

iż-żamma ta’ kwantitajiet ta’ speċijiet li jaqbżu l-limiti tal-qabda jew tal-qbid jew li jaqbżu l-kwoti applikabbli b’50 %;

(e)

l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ikkonfermat li l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika kkonċernata tkun wettqet jew tkun inżammet responsabbli għal infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(3), il-punt (h), f’sentenza jew f’deċiżjoni finali maħruġa fl-aħħar 12-il xahar qabel id-data li fiha tkun twettqet din l-infrazzjoni.

Artikolu 90(3), il-punt (i)

It-twettiq ta’ diversi atti ta’ infrazzjonijiet tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

It-twettiq ta’ tliet infrazzjonijiet jew aktar imsemmija fl-Artikolu 90(3), identifikati matul l-istess spezzjoni, sorveljanza jew investigazzjoni, u li individwalment, mhumiex ikkunsidrati serji.

Artikolu 90(3), il-punt (j)

It-twettiq ta’ kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 90(2), il-punt (g) fir-rigward ta’ bastiment involut f’sajd IUU kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 u mhux elenkat fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd.

(a)

It-trażbord minn jew lejn, jew it-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ma’, il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet konġunti tas-sajd ma’, b’appoġġ jew bil-forniment għalih fir-rigward ta’ vjaġġ tas-sajd fejn dak il-bastiment ikun intuża biex titwettaq infrazzjoni serja;

(b)

l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ikkonfermat li l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika kkonċernata tkun wettqet jew tkun inżammet responsabbli għal infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(3), il-punt (j), f’sentenza jew f’deċiżjoni finali maħruġa fl-aħħar 12-il xahar qabel id-data li fiha tkun twettqet din l-infrazzjoni.

Artikolu 90(3), il-punt (k)

L-użu ta’ qawwa tal-magna li taqbeż il-qawwa kontinwa massima tal-magna ċċertifikata u rreġistrata fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Istat Membru.

(a)

Meta d-differenza bejn il-potenza vverifikata u l-potenza ċċertifikata u rreġistrata tkun aktar minn 20 %;

(b)

l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ikkonfermat li l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika kkonċernata tkun wettqet jew tkun inżammet responsabbli għal infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(3), il-punt (k), f’sentenza jew f’deċiżjoni finali maħruġa fl-aħħar 12-il xahar qabel id-data li fiha tkun twettqet din l-infrazzjoni.

Artikolu 90(3), il-punt (l)

Il-ħatt l-art f’portijiet ta’ pajjiżi terzi mingħajr notifika minn qabel kif imsemmi fl-Artikolu 19a.

L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ikkonfermat li l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika kkonċernata tkun wettqet jew tkun inżammet responsabbli għal infrazzjoni skont l-Artikolu 90(3), il-punt (l), f’sentenza jew f’deċiżjoni finali maħruġa fl-aħħar 12-il xahar qabel id-data li fiha tkun twettqet din l-infrazzjoni.

Artikolu 90(3), il-punt (m)

It-twettiq ta’ negozju marbut b’mod dirett mas-sajd IUU, inkluż il-kummerċ fi, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd ġejjin minn sajd IUU.

(a)

Id-dokumenti kollha meħtieġa legalment ma ġewx prodotti jew sottomessi;

(b)

l-importazzjoni ġiet rifjutata skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(c)

l-importazzjoni mingħajr konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008;

(d)

il-bastiment ikun inkluż fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni jew ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd;

(e)

l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ikkonfermat li l-persuna fiżika jew il-persuna ġuridika kkonċernata tkun wettqet jew tkun inżammet responsabbli għal infrazzjoni serja skont l-Artikolu 90(3), il-punt (m), f’sentenza jew f’deċiżjoni finali maħruġa fl-aħħar 12-il xahar qabel id-data li fiha tkun twettqet din l-infrazzjoni.

Artikolu 90(3), il-punt (n)

Ir-rimi illegali ta’ rkaptu tas-sajd jew ta’ rkaptu fuq il-baħar minn bastiment tas-sajd.

a)

Ir-rimi jkun intenzjonat u jirriżulta jew x’aktarx jirriżulta fi ħsara serja lill-ambjent tal-baħar, inkluż lir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar;

b)

ir-rimi jkun intenzjonat u jseħħ f’żona ristretta għas-sajd;

c)

ir-rimi jkun intenzjonat u jikkonċerna rkaptu tas-sajd li huwa projbit skont l-Artikolu 7(1), il-punti (a), (b), (c), (d) u (g), tar-Regolament (UE) 2019/1241.

”.

(1)  Meta jikkalkulaw il-valur tal-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura miksuba bħala riżultat tat-twettiq ta’ infrazzjoni imsemmija f’dan l-Anness, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-prezzijiet nazzjonali fl-ewwel bejgħ, il-prezzijiet identifikati fis-swieq internazzjonali prinċipali rilevanti għall-ispeċi u ż-żona tas-sajd ikkonċernata jew il-prezzijiet tal-pjattaforma tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura(EUMOFA), fiż-żmien meta twettqet l-infrazzjoni.


ANNESS II

L-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 u l-Appendiċi għal dak l-Anness huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“ANNESS II

Ċertifikat tal-Qabda u Ċertifikat ta’ Riesportazzjoni tal-Unjoni Ewropea

Image 1

Image 2

Image 3

Appendiċi

DETTALJI TAT-TRASPORT  (1)

1.

Pajjiż tal-esportazzjoni

Port/ajruport/oħrajn

punt tat-tluq

2.

Firma tal-Esportatur

3.

Punt ta’ destinazzjoni

Isem u bandiera tal-bastiment

Numru tat-titjira/ numru polza tal-vjeġġ bl-ajru

Nazzjonalità tat-trakk u numru ta’ reġistrazzjoni

Numru tal-fattura tal-passaġġ bil-ferrovija

Numru tal-fattura tal-passaġġ tal-merkanzija

Dokument/i ieħor/oħrajn ta’ trasport (eż. polza ta’ kargu, CMR (2), polza tal-vjeġġ bl-ajru)

Numru/i tal-kontejner/s

lista mehmuża

Isem

Indirizz

Firma

”.

(1)  Fil-każ ta’ użu ta’ modi ta’ trasport multipli jew konsenji multipli, l-informazzjoni relatata mat-trasport għandha tiġi pprovduta għal kull mod ta’ trasport użat għal kull konsenja.

(2)  Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bit-Triq.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2842/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)