European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2835

21.12.2023

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2835

tal-10 ta’ Ottubru 2023

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar l-importazzjoni fis-setturi tar-ross, taċ-ċereali, taz-zokkor u tal-ħops, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 3330/94, (KE) Nru 2810/95, (KE) Nru 951/2006, (KE) Nru 972/2006, (KE) Nru 504/2007, (KE) Nru 1375/2007, (KE) Nru 402/2008, (KE) Nru 1295/2008, (KE) Nru 1312/2008 u (UE) Nru 642/2010, (KEE) Nru 1361/76, (KEE) Nru 1842/81, (KEE) Nru 3556/87, (KEE) Nru 3846/87, (KEE) Nru 815/89, (KE) Nru 765/2002, (KE) Nru 1993/2005, (KE) Nru 1670/2006, (KE) Nru 1731/2006, (KE) Nru 1741/2006, (KE) Nru 433/2007, (KE) Nru 1359/2007, (KE) Nru 1454/2007, (KE) Nru 508/2008, (KE) Nru 903/2008, (KE) Nru 147/2009, (KE) Nru 612/2009, (UE) Nru 817/2010, (UE) Nru 1178/2010, (UE) Nru 90/2011 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1373/2013

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 190(3), l-Artikolu 193a(1) u l-Artikolu 223(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 64(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 212(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (4). Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli ma’ pajjiżi terzi u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni f’dak ir-rigward. Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-kummerċ tal-prodotti fis-setturi tar-ross, taċ-ċereali, taz-zokkor u tal-ħops fil-qafas legali l-ġdid, iridu jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ tali atti. Dan ir-Regolament u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2834 (5) jenħtieġ li jissostitwixxu tali regoli attwalment eżistenti.

(2)

Skont il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Indja skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 dwar il-modifika ta’ konċessjonijiet fir-rigward tar-ross previsti fl-Iskeda CXL tal-KE annessa mal-GATT 1994, approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/617/KE (6), id-dazju applikabbli għal importazzjonijiet mill-Indja ta’ ross bla ħliefa ta’ ċerti varjetajiet ta’ Basmati huwa ffissat għal żero.

(3)

Skont il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 dwar il-modifika ta’ konċessjonijiet fir-rigward ta’ ross previst fl-Iskeda CXL tal-KE anness mal-GATT 1994, approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/618/KE (7), id-dazju applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ross bla ħliefa ta’ ċerti varjetajiet ta’ Basmati li joriġinaw fil-Pakistan huwa ffissat għal żero.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni amministrattiva tajba tal-importazzjonijiet tar-ross Basmati, jenħtieġ li jiġu adottati regoli speċjali, kemm jekk addizzjonali għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 (8) kif ukoll jekk jidderogaw minnu u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 (9), dwar l-obbligu għal liċenzja tal-importazzjoni u kwistjonijiet oħra, speċjalment fir-rigward tal-prova tal-kummerċ u t-trasferibbiltà ta’ liċenzja.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-importaturi taċ-ċereali jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2834, jenħtieġ li tkun meħtieġa garanzija għall-kwalità tal-prodotti importati minnhom.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li s-suq tal-Unjoni jiġi pprovdut b’mod adegwat b’importazzjonijiet ta’ melassa minn pajjiżi terzi, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tissospendi parzjalment jew kompletament id-dazji tal-importazzjoni għall-melassa li taqa’ taħt il-kodiċi NM 1703.

(7)

Għall-prodotti tas-settur tal-ħops importati minn pajjiżi terzi, attestazzjoni tal-ekwivalenza tiċċertifika li huma jirrispettaw l-istandards ta’ kwalità ekwivalenti għal dawk adottati għal prodotti simili maħsuda fl-Unjoni jew magħmula minn tali prodotti. Huwa importanti li l-Istati Membri jwettqu kontrolli biex jiżguraw li l-prodotti importati tas-settur tal-ħops jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-attestazzjoni tal-ekwivalenza u jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe sejba li tkun teħtieġ it-tneħħija tal-awtorità kompetenti emittenti mil-lista tal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi li huma awtorizzati joħorġu tali attestazzjonijiet.

(8)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jenħtieġ li jiġu importati pakketti żgħar ta’ prodotti tas-settur tal-ħops għall-bejgħ lil individwi privati għall-użu tagħhom stess, ħops għal esperimenti xjentifiċi u tekniċi u għal fieri koperti mill-arranġamenti doganali speċjali għall-fieri mingħajr attestazzjoni ta’ ekwivalenza, sakemm jidhru ċerti entrati fuq l-imballaġġ li jiżguraw li l-prodott ma jitpoġġiex f’ċirkolazzjoni libera, iżda jkun maħsub biss għal wieħed mill-użi li għalihom tapplika l-eċċezzjoni.

(9)

Il-kummerċ ta’ ċerti prodotti agrikoli bejn l-UE u ċerti pajjiżi terzi spiss jirrikjedi li l-prodotti għall-importazzjonijiet ikollhom magħhom dokumenti li jiċċertifikaw l-implimentazzjoni ta’ ċerti formalitajiet (l-hekk imsejħa “formalitajiet mhux doganali”) meħtieġa mil-leġiżlazzjoni agrikola tal-UE, li attwalment huma b’mod predominanti fil-forma stampata. Il-Kummissjoni beħsiebha tiddiġitalizza l-proċess kollu billi tistabbilixxi sistema elettronika għall-formalitajiet mhux doganali tad-DĠ AGRI (ELAN) ibbażata fuq TRACES.NT u marbuta mal-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-dwana kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). L-ELAN se jiddefinixxi l-proċessi diġitali fil-futur u se jippermetti lill-utenti joħorġu, jaħżnu u jiksbu d-dokumenti meħtieġa. L-ELAN se jinqasam f’2 partijiet u l-parti 2 imsejħa ELAN2-C għandha tinkludi, fost l-oħrajn, dokumenti differenti koperti minn dan ir-Regolament u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2834 Wara li jiġu ddefiniti dawk il-proċessi diġitali, id-dispożizzjonijiet legali taż-żewġ Regolamenti se jiġu emendati kif xieraq.

(10)

Peress li dan ir-Regolament jaġġorna r-regoli applikabbli bħalissa, jissostitwixxi r-regoli eżistenti u jħassar ir-regoli obsoleti kif stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 3330/94 (11), (KE) Nru 2810/95 (12), (KE) Nru 951/2006 (13), (KE) Nru 972/2006 (14), (KE) Nru 504/2007 (15), (KE) Nru 1375/2007 (16), (KE) Nru 402/2008 (17), (KE) Nru 1295/2008 (18), (KE) Nru 1312/2008 (19) u (UE) Nru 642/2010 (20), dawk ir-regolamenti jenħtieġ li jitħassru.

(11)

Ir-regolamenti tal-Kummissjoni dwar ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni (KEE) Nru 1361/76 (21), (KEE) Nru 1842/81 (22), (KEE) Nru 3556/87 (23), (KEE) Nru 3846/87 (24), (KEE) Nru 815/89 (25), (KE) Nru 765/2002 (26), (KE) Nru 1993/2005 (27), (KE) Nru 1670/2006 (28), (KE) Nru 1731/2006 (29), (KE) Nru 1741/2006 (30), (KE) Nru 433/2007 (31), (KE) Nru 1359/2007 (32), (KE) Nru 1454/2007 (33), (KE) Nru 508/2008 (34), (KE) Nru 903/2008 (35), (KE) Nru 147/2009 (36), (KE) Nru 612/2009 (37), (UE) Nru 817/2010 (38), (UE) Nru 1178/2010 (39) u (UE) Nru 90/2011 (40) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1373/2013 (41) jenħtieġ li jitħassru għax din is-sistema tħassret mir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA 1

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-importazzjonijiet fis-setturi tar-ross, taċ-ċereali, taz-zokkor u tal-ħops, u b’mod partikolari dwar:

(a)

l-importazzjonijiet tar-ross Basmati;

(b)

il-preżentazzjoni ta’ garanzija għall-importazzjonijiet ta’ qamħirrum iebes, qamħ komuni u qamħ durum;

(c)

is-sospensjoni jew it-tnaqqis tad-dazji tal-importazzjoni għall-melassa;

(d)

il-kontrolli fuq il-ħops importat u l-eżenzjoni mill-attestazzjoni tal-ekwivalenza u r-rekwiżiti tat-tikkettar għall-importazzjonijiet tal-ħops.

TAQSIMA 2

ROSS

Artikolu 2

Regoli speċifiċi għall-importazzjonijiet tar-ross Basmati

1.   Din it-Taqsima għandha tapplika għar-ross Basmati ross bla ħliefa li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 1006 20 17 u 1006 20 98, tal-varjetajiet li ġejjin:

(a)

Basmati 217;

(b)

Basmati 370;

(c)

Basmati 386;

(d)

Kernel (Basmati);

(e)

Pusa Basmati;

(f)

Ranbir Basmati;

(g)

Super Basmati;

(h)

Taraori Basmati (HBC-19);

(i)

Tip-3 (Dehradun).

2.   Minkejja r-rati tad-dazju tal-importazzjoni stabbiliti fit-Tariffa Doganali Komuni, ir-ross Basmati msemmi fil-paragrafu 1 għandu jikkwalifika għal rata tad-dazju tal-importazzjoni żero skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din it-Taqsima u meta jkun akkumpanjat minn liċenzja tal-importazzjoni maħruġa f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239.

Artikolu 3

Regoli applikabbli

Għandhom japplikaw ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għar-ross Basmati msemmi fl-Artikolu 2(1) għandhom ikunu akkumpanjati minn:

(a)

prova li l-applikant esporta mill-Unjoni jew irrilaxxa għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni kwantità minima ta’ 25 t ta’ ross imsemmi fl-Artikolu 1(2), punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 matul waħda mis-sentejn kalendarji preċedenti;

(b)

ċertifikat ta’ awtentiċità tal-prodott maħruġ minn korp kompetenti fil-pajjiż esportatur, kif ippubblikat mill-Kummissjoni fuq is-sit web tagħha. Dak iċ-ċertifikat jista’ jinħażen u jsir disponibbli fis-sistema elettronika ELAN li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Trasferiment tad-drittijiet mil-liċenzji tal-importazzjoni

B’deroga mill-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237, id-drittijiet li jirriżultaw mil-liċenzji tal-importazzjoni għar-ross Basmati msemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu trasferibbli.

TAQSIMA 3

ĊEREALI

Artikolu 6

Preżentazzjoni ta’ garanzija għall-importazzjoni tal-qamħirrum iebes

B’deroga mill-Artikolu 211(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, għall-qamħirrum iebes, l-importatur għandu jippreżenta lill-awtorità doganali garanzija speċifika, ħlief fejn id-dikjarazzjoni tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tkun akkumpanjata minn ċertifikat ta’ konformità maħruġ mis-Servicio National de Sanidad y Calidad Agroalimentaria (Senasa) tal-Arġentina f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(2), il-punt (a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2834.

Artikolu 7

Preżentazzjoni ta’ garanzija għall-importazzjoni tal-qamħ komuni u l-qamħ durum

1.   Għall-qamħ komuni ta’ kwalità għolja, l-importatur għandu jippreżenta lill-awtorità doganali b’garanzija speċifika dakinhar meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, għajr meta dik id-dikjarazzjoni jkollha magħha ċertifikat ta’ konformità maħruġ mill-Federal Grain Inspection Service (FGIS) jew mill-Canadian Grain Commission (CGC) f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(2), il-punt (b) jew (c), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2834.

Madankollu, jekk, meta jiġu sospiżi d-dazji tal-importazzjoni għal kull kategorija ta’ kwalità tal-qamħ komuni f’konformità mal-Artikolu 219 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-garanzija speċifika ma għandhiex tintalab għall-perjodu kollu ta’ sospensjoni.

2.   Għall-qamħ durum, l-importatur għandu jippreżenta lill-awtorità doganali b’garanzija speċifika dakinhar meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, għajr meta dik id-dikjarazzjoni jkollha magħha ċertifikat ta’ konformità maħruġ mill-Federal Grain Inspection Service (FGIS) jew mill-Canadian Grain Commission (CGC) f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(2), il-punt (b) jew (c), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2834.

Madankollu, meta d-dazju tal-importazzjoni applikabbli għall-kwalitajiet differenti tal-qamħ durum ikun żero, il-garanzija speċifika ma għandhiex tintalab.

TAQSIMA 4

ZOKKOR

Artikolu 8

Sospensjoni u tnaqqis tad-dazji tal-importazzjoni għall-melassa

Meta l-prezzijiet rappreżentattivi CIF għall-melassa imsemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2834 u d-dazju tal-importazzjoni applikabbli għall-melassa tal-kannamieli taħt il-kodiċi NM 1703 10 00, jew għall-melassa tal-pitravi taħt il-kodiċi NM 1703 90 00, taqbeż il-EUR 8,21/100 kg, id-dazju fuq l-importazzjoni għandu jiġi sospiż jew imnaqqas għall-ammont li ssib il-Kummissjoni. Dan l-ammont għandu jkun iffissat fl-istess waqt bħal tal-prezzijiet rappreżentattivi msemmijin f’dak l-Artikolu.

Iżda fejn ikun hemm riskju li sospensjoni ta’ dazji ta’ importazzjoni jista’ jkollha effetti ħżiena fuq is-suq tal-Unjoni tal-melassa, tista’ ssir dispożizzjoni skont il-proċedura msemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 183 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 biex dik is-sospensjoni għal perjodu speċifiku ma tkunx applikata.

TAQSIMA 5

ĦOPS

Artikolu 9

Verifiki li l-ħops importat jikkonforma mar-rekwiżiti minimi ta’ kummerċjalizzazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni r-riżultati tal-verifiki tal-konformità mar-rekwiżiti minimi tas-suq li jkunu twettqu tul is-sena ta’ qabel dik tat-30 ta’ Ġunju kif stabbilit fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2834.

2.   Jekk xi Stat Membru jiskopri li l-karatteristiċi ta’ xi prodott tal-ħops ma humiex konformi mad-dettalji mniżżla fl-attestazzjoni ta’ ekwivalenza li tkun mal-prodott, għandu javża lill-Kummissjoni dwar dan.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tneħħi l-aġenzija li tkun ħarġet l-attestazzjoni tal-ekwivalenza għal tali prodotti mil-lista msemmija fl-Artikolu 37(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ((UE) 2023/2834.

3.   In-notifiki msemmija fil-paragrafu 2 u r-rapporti msemmija fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ((UE) 2023/2834 għandhom isiru permezz tas-sistema ta’ notifika stabbilita bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (43) u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (44).

Artikolu 10

Eżenzjoni mill-attestazzjoni ta’ ekwivalenza u mir-rekwiżiti tat-tikkettar

1.   B’deroga mill-Artikolu 35(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2834, għall-importazzjoni tal-ħops u tal-prodotti tal-ħops, la l-attestazzjoni msemmija f’dak l-Artikolu u lanqas il-konformità mal-Artikolu 39 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma għandhom ikunu meħtieġa għar-rilaxx tagħhom għaċ-ċirkolazzjoni libera fejn il-piż għal kull pakkett individwali ma jaqbiżx il-1 kg fil-każ ta’ koni tal-ħops u trab tal-ħops u 300 g fil-każ ta’ estratti tal-ħops importati għall-finijiet li ġejjin:

(a)

pakketti żgħar għall-bejgħ lill-individwi privati għall-użu personali tagħhom;

(b)

għall-esperimenti xjentifiċi u tekniċi;

(c)

għall-fieri koperti mill-ftehim doganali speċjali għall-fieri.

2.   Id-deskrizzjoni, il-piż u l-użu aħħari tal-prodott għandhom jidhru fuq il-pakkett.

TAQSIMA 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Tħassir

Ir-Regolamenti li ġejjin huma mħassra:

(a)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 3330/94, (KE) Nru 2810/95, (KE) Nru 951/2006, (KE) Nru 972/2006, (KE) Nru 504/2007, (KE) Nru 1375/2007, (KE) Nru 402/2008, (KE) Nru 1295/2008, (KE) Nru 1312/2008 u (UE) Nru 642/2010;

(b)

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1361/76, (KEE) Nru 1842/81, (KEE) Nru 3556/87, (KEE) Nru 3846/87, (KEE) Nru 815/89, (KE) Nru 765/2002, (KE) Nru 1993/2005, (KE) Nru 1670/2006, (KE) Nru 1731/2006, (KE) Nru 1741/2006, (KE) Nru 433/2007, (KE) Nru 1359/2007, (KE) Nru 1454/2007, (KE) Nru 508/2008, (KE) Nru 903/2008, (KE) Nru 147/2009, (KE) Nru 612/2009, (UE) Nru 817/2010, (UE) Nru 1178/2010, (UE) Nru 90/2011 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1373/2013.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-7 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187.

(3)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2834 tal-10 ta’ Ottubru 2023 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-importazzjonijiet fis-setturi tar-ross, taċ-ċereali, taz-zokkor u tal-ħops (ĠU L, 2023/2834, 21.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2834/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/617/KE tal-11 ta’ Awwissu 2004 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Indja skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 dwar il-modifika ta’ konċessjonijiet fir-rigward tar-ross previsti fl-Iskeda CXL tal-KE annessa mal-GATT 1994 (ĠU L 279, 28.8.2004, p. 17).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/618/KE tal-11 ta’ Awwissu 2004 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Pakistan skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 dwar il-modifika ta’ konċessjonijiet fir-rigward tar-ross previsti fl-Iskeda CXL tal-KE annessa mal-GATT 1994 (ĠU L 279, 28.8.2004, p. 23).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar ir-rilaxx u t-telf ta’ garanziji ppreżentati għal tali liċenzji, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001, (KE) Nru 1342/2003, (KE) Nru 2336/2003, (KE) Nru 951/2006, (KE) Nru 341/2007 u (KE) Nru 382/2008 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2390/98, (KE) Nru 1345/2005, (KE) Nru 376/2008 u (KE) Nru 507/2008 (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 1).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 44).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2022/2399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jistabbilixxi l-Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-Unjoni Ewropea għad-Dwana u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU L 317, 9.12.2022, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3330/94 tal-21 ta’ Diċembru 1994 fuq il-klassifikazzjoni fit-Tariffa ta’ ċerti qatgħet tat-tjur u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2658/87 fuq it-tariffa u n-nomenklatura statistika u fuq it-Tariffa Komuni Doganali (ĠU L 350, 31.12.1994, p. 52).

(12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2810/95 tal-5 ta’ Diċembru 1995 fuq il-klassifikazzjoni fit-tariffa ta’ karkassi tal-majjal u ta’ nofs-karkassi u li jemenda Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar it-tariffa u nomenklatura statistika u fuq it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 291, 6.12.1995, p. 24).

(13)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24).

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 972/2006 tad- 29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli speċjali għal importazzjonijiet ta’ ross Basmati u sistema tranżitorja ta’ kontroll biex ikun determinat l-oriġini tagħhom (ĠU L 176, 30.6.2006, p. 53).

(15)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 504/2007 tat-8 ta’ Mejju 2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-arranġamenti għal dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni fis-settur tal-ħalib u prodotti tal-ħalib (ĠU L 119, 9.5.2007, p. 7).

(16)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1375/2007 tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-importazzjonijiet tar-residwi mill-manifattura tal-lamtu mill-qamħ-ir-rum mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 307, 24.11.2007, p. 5).

(17)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 402/2008 tas-6 ta’ Mejju 2008 dwar il-proċeduri għall-importazzjoni ta’ segala mit-Turkija (ĠU L 120, 7.5.2008, p. 3).

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1295/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-importazzjoni tal-ħops minn pajjiżi terzi (ĠU L 340, 19.12.2008, p. 45).

(19)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1312/2008 tad-19 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-rati ta’ konverżjoni, l-ispejjeż tal-ipproċessar u l-valur tal-prodotti derivati għall-istadji varji tal-ipproċessar tar-ross (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 56).

(20)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2010 tal-20 ta’ Lulju 2010 dwar regoli ta’ applikazzjoni għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 dwar id-dazju ta’ importazzjoni fis-settur taċ-ċereali (ĠU L 187, 21.7.2010, p. 5).

(21)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1361/76 tal-14 ta’ Ġunju 1976 li jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-rifużjoni tal-esportazzjoni fuq ir-ross u taħlitiet tar-ross (ĠU L 154, 15.6.1976, p. 11).

(22)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1842/81 tat-3 ta’ Lulju 1981 li jippreskrivi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1188/81 rigward ir-regoli ġenerali għall-għoti ta’ rifużjonijiet aġġustati fil-każ taċ-ċereali esportati fil-għamla ta’ ċertu xorb spirituż (ĠU L 183, 4.7.1981, p. 10).

(23)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3556/87 tas-26 ta’ Novembru 1987 li jistabbilixxi regoli dettaljati addizzjonali għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ ċertifikati ffissati bil-quddiem, fil-każ ta’ ċerti prodotti tas-settur taċ-ċereali esportati fil-għamla ta’ għaġin li jaqgħu taħt l-intestatura Nru 19.03 tat-Tariffa Komuni tad-Dwana (ĠU L 337, 27.11.1987, p. 57).

(24)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87 tas-17 ta’ Diċembru 1987 li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifużjoni tal-esportazzjoni (ĠU L 366, 24.12.1987, p. 1).

(25)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 815/89 tat-30 ta’ Marzu 1989 dwar l-għotja għal rifużjonijiet għax-xgħir ikkulurit (ĠU L 86, 31.3.1989, p. 34).

(26)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 765/2002 tat-3 ta’ Mejju 2002 fuq il-ġbir ta’ kampjuni u l-adozzjoni ta’ ċerti regoli dettaljati konnessi mal-iċċekkjar fiżiku ta’ qatgħat taċ-ċanga bla għadam li jikkwalifikaw għal rifużjonijiet għall-esportazzjoni (ĠU L 117, 4.5.2002, p. 6).

(27)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1993/2005 tas-7 ta’ Diċembru 2005 dwar l-aġġustament tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tax-xgħir taħt l-Artikolu 15(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1784/2003 (ĠU L 320, 8.12.2005, p. 26).

(28)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1670/2006 tal-10 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1784/2003 dwar l-iffissar u l-għoti ta’ rifużjonijiet aġġustati fir-rigward ta’ ċereali esportati fil-forma ta’ ċertu xorb spirituż (ĠU L 312, 11.11.2006, p. 33).

(29)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1731/2006 tat-23 ta’ Novembru 2006 dwar regoli speċjali għall-applikazzjoni tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti ppriservati tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella (ĠU L 325, 24.11.2006, p. 12).

(30)  Ir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 1741/2006 tal-24 ta’ Novembru 2006 li jistipula l-kundizzjonijiet li taħthom tingħata r-rifużjoni speċjali ta’ esportazzjoni fir-rigward ta’ laħam dissussat ta’ annimali tal-ifrat adulti maskili li jitqiegħdu taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali qabel l-esportazzjoni (ĠU L 329, 25.11.2006, p. 7).

(31)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 433/2007 tal-20 ta’ April 2007 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ fondi speċjali ta’ esportazzjoni għal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella (ĠU L 104, 21.4.2007, p. 3).

(32)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1359/2007 tal-21 ta’ Novembru 2007 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjonijiet speċjali tal-esportazzjoni fuq ċerti qatgħat ta’ laħam dissussat tal-annimali bovini (ĠU L 304, 22.11.2007, p. 21).

(33)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1454/2007 tal-10 ta’ Diċembru 2007 li jistipula regoli komuni biex tkun stabbilita proċedura ta’ offerta għall-iffissar ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 325, 11.12.2007, p. 69).

(34)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 508/2008 tas-6 ta’ Ġunju 2008 dwar id-definizzjoni, applikabbli għall-għoti tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, ta’ qmuħ taċ-ċereali bil-qoxra u qmuħ perlati taċ-ċereali (ĠU L 149, 7.6.2008, p. 55).

(35)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 903/2008 tas-17 ta’ Settembru 2008 dwar kundizzjonijiet speċjali għall-għotja tar-rifużjonijiet ta’ esportazzjoni fuq ċerti prodotti tal-laħam tal-majjal (ĠU L 249, 18.9.2008, p. 3).

(36)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 147/2009 tal-20 ta’ Frar 2009 li jillimita ż-żoni ta’ destinazzjoni għar-rifużjonijiet jew l-irtirar matul l-esportazzjoni u għal ċerti liċenzji ta’ esportazzjoni fis-settur taċ-ċereali u r-ross (ĠU L 50, 21.2.2009, p. 5).

(37)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009 tas-7 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 186, 17.7.2009, p. 1).

(38)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 817/2010 tas-16 ta’ Settembru 2010 li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport (ĠU L 245, 17.9.2010, p. 16).

(39)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2010 tat-13 ta’ Diċembru 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-liċenzi tal-esportazzjoni fis-settur tal-bajd (ĠU L 328, 14.12.2010, p. 1).

(40)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 90/2011 tat-3 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-liċenzi tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 30, 4.2.2011, p. 1).

(41)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1373/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2013 li jniżżel ir-regoli dettaljati biex jimplimenta s-sistema tal-liċenzi ta’ esportazzjoni fis-settur tal-laħam tal-majjal (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 29).

(42)  Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzati u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262).

(43)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100).

(44)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2835/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)