|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2829 |
20.12.2023 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2829
tat-12 ta’ Diċembru 2023
dwar proċessi elettorali inklużivi u reżiljenti fl-Unjoni u t-tisħiħ tan-natura Ewropea u t-tmexxija effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”) jiddikjara li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. |
|
(2) |
Jenħtieġ li d-demokrazija tiġi protetta u sostnuta. Filwaqt li l-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità fl-Unjoni jiddependu fuq ir-rispett sod tal-prinċipji, il-valuri u l-istituzzjonijiet demokratiċi, il-kriżijiet inkluż il-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna aggravaw l-isfidi għall-valuri u l-istituzzjonijiet demokratiċi, inkluż il-polarizzazzjoni, l-influwenza moħbija u interferenzi oħra, bħall-manipulazzjoni tal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni minn barranin. |
|
(3) |
L-Artikolu 10(1) tat-TUE jistipula li l-funzjonament tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva. L-Artikolu 10(2) tat-TUE jiddikjara li ċ-ċittadini huma rrappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew. L-Artikolu 10(3) tat-TUE jistipula li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin. |
|
(4) |
L-Istati Membri għandhom responsabbiltajiet partikolari u estensivi biex irawmu l-parteċipazzjoni demokratika wiesgħa u inklużiva u biex jippromwovu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti fl-Unjoni. |
|
(5) |
Il-partiti politiċi għandhom rwol ewlieni fid-demokraziji Ewropej fit-tiswir tal-għarfien politiku, fil-promozzjoni tal-kandidati politiċi, fl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tal-votanti, u fl-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini. L-Artikolu 10(4) tat-TUE u l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jassenjaw rwol ewlieni lill-partiti politiċi Ewropej. L-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej huma regolati fuq livell Ewropew. |
|
(6) |
Il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri biex jippromwovu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti fl-Unjoni żdiedet matul dawn l-aħħar snin. Il-miżuri meħuda qabel l-elezzjonijiet tal-2019 tal-Parlament Ewropew wasslu fost l-oħrajn għall-istabbiliment ta’ qafas ta’ kooperazzjoni msejjaħ In-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2018) 5949 (1). Dan in-Network irawwem il-kollaborazzjoni, it-tagħlim reċiproku u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet inkarigati mill-monitoraġġ u l-infurzar tar-regoli rilevanti għall-kuntest elettorali inklużi l-awtoritajiet elettorali. |
|
(7) |
Fir-Rakkomandazzjoni C(2018) 5949, il-Kummissjoni ħeġġet ukoll lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa u proporzjonati biex jimmaniġġaw ir-riskji għas-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni użati għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet. |
|
(8) |
Il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (2) jsegwi l-objettiv li jagħti s-setgħa liċ-ċittadini u jżid ir-reżiljenza demokratika madwar l-Unjoni billi jippromwovi elezzjonijiet ħielsa u ġusti fl-Unjoni, isaħħaħ il-libertà tal-media u jiġġieled kontra d-diżinformazzjoni. F’Novembru 2021, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ miżuri mmirati biex isaħħu l-integrità tal-elezzjonijiet u d-dibattitu demokratiku miftuħ, inkluż proposta dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku (3), proposta dwar il-partiti politiċi Ewropej (4) u proposti dwar id-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni (5). |
|
(9) |
Ir-reżiljenza tal-proċessi elettorali fl-Unjoni għandha tissaħħaħ, f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi minquxa fl-istandards tal-Unjoni u dawk internazzjonali. |
|
(10) |
L-istabbiltà tal-liġi elettorali hija kruċjali għall-integrità u l-kredibbiltà tal-proċessi elettorali. Ir-regoli li jinbidlu ta’ spiss jew eżatt qabel l-elezzjonijiet jistgħu jħawdu kemm lill-votanti kif ukoll lill-uffiċjali elettorali u dawn ir-regoli jistgħu jitgħawġu jew jiġu applikati ħażin. Dawn jistgħu jiġu pperċepiti wkoll bħala għodda intenzjonata biex tinfluwenza r-riżultati favur il-politiċi fil-kariga. F’konformità mal-linja gwida II.2.b tal-Kodiċi ta’ Prassi Tajba fi kwistjonijiet elettorali (6) adottata mill-Kummissjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-“Kummissjoni ta’ Venezja”), l-elementi fundamentali tal-liġi elettorali nazzjonali ma għandhomx ikunu miftuħa għal emenda anqas minn sena qabel elezzjoni. Dawn l-elementi fundamentali jinkludu b’mod partikolari r-regoli relatati mat-trasformazzjoni tal-voti f’siġġijiet, is-sħubija f’kummissjonijiet elettorali jew f’korpi oħra li jorganizzaw l-votazzjoni, u t-tfassil tal-konfini tal-kostitwenza u t-tqassim tas-siġġijiet bejn il-kostitwenzi. Filwaqt li l-prinċipju ta’ stabbiltà tal-liġi elettorali jenħtieġ li ma jiġix invokat biex tinżamm sitwazzjoni li tmur kontra l-istandards elettorali internazzjonali, jenħtieġ li xejn f’din ir-Rakkomandazzjoni ma jinftiehem bħala li jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu kwalunkwe miżura li tmur kontra l-linja gwida II.2.b tal-Kodiċi ta’ Prassi Tajba fi kwistjonijiet elettorali. |
|
(11) |
Sabiex jappoġġaw il-parteċipazzjoni elettorali għolja u jappoġġaw il-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku, l-Istati Membri jenħtieġ li joffru għodod ta’ reġistrazzjoni aċċessibbli u faċli biex jintużaw għall-kandidati u l-votanti, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ gruppi differenti inklużi ċ-ċittadini li jirrisjedu barra mill-pajjiż. Għandha tiġi pprovduta flessibbiltà akbar waqt il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni użati fl-elezzjonijiet, jew jiġu pprovduti opportunitajiet imtejba biex il-votanti u l-kandidati jiġu rreġistrati, anki biex ikun hemm aċċess għal arranġamenti ta’ votazzjoni speċifiċi pprovduti b’mezzi elettroniċi, b’kunsiderazzjoni xierqa għad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom joqogħdu attenti għall-fatt li gruppi differenti, inklużi l-persuni akbar fl-età, jistgħu jiltaqgħu ma’ problemi meta jaċċessaw l-Internet u t-teknoloġiji diġitali jew jista’ ma jkollhomx il-ħiliet biex jużawhom b’mod effettiv. |
|
(12) |
Sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet elettorali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni dwar regoli bażiċi u arranġamenti prattiċi relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali tagħhom f’pajjiżhom. Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b’mod proattiv, u b’manjiera komprensiva, ċara u sempliċi. Għandu jintuża aktar minn strument wieħed ta’ informazzjoni, u l-livell lokali għandu jiġi involut. L-Istati Membri jistgħu jiddependu fuq għodod moderni ta’ komunikazzjoni, f’diversi formati u f’aktar minn lingwa waħda, bħal filmati qosra ta’ spjegazzjoni li jagħtu informazzjoni prattika b’lingwaġġ ċar u sempliċi. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħmlu użu mir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
|
(13) |
Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-Istati Membri huma interessati li jintroduċu metodi ta’ votazzjoni komplementari biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni elettorali, bħall-votazzjoni bil-quddiem, dik mobbli, postali u l-votazzjoni elettronika (“e-Votazzjoni”). Madankollu, meta tali metodi ta’ votazzjoni komplementari jsiru disponibbli, huma meħtieġa salvagwardji biex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti b’rispett sħiħ tal-istandards demokratiċi u d-drittijiet fundamentali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-metodi tradizzjonali tal-votazzjoni jibqgħu disponibbli. Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplika meta tali metodi ta’ votazzjoni jimplikaw l-ipproċessar ta’ data personali (9). Il-kompendju dwar l-e-Votazzjoni u prattiki oħra tal-ICT (10), ippubblikat mill-Kummissjoni bħala parti mill-Pakkett taċ-Ċittadinanza tal-2023, jipprovdi informazzjoni importanti dwar l-oqfsa legali applikabbli, is-sistemi u t-teknoloġiji tas-software, il-metodoloġiji tal-ittestjar, il-flussi funzjonali u operazzjonali, il-karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà, u t-theddidiet u l-vulnerabbiltajiet u l-miżuri ta’ mitigazzjoni. |
|
(14) |
Biex jiġu appoġġati d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini, l-Istati Membri, meta jimplimentaw metodi komplementari ta’ votazzjoni, jenħtieġ li jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu debitament infurmati u jirċievu l-appoġġ meħtieġ biex jagħmlu użu minnhom. Huwa importanti wkoll li l-uffiċjali elettorali jirċievu t-taħriġ xieraq. |
|
(15) |
Fl-2018, il-Kummissjoni ħarġet gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data fil-kuntest elettorali, fejn issottolinjat l-obbligi ta’ protezzjoni tad-data tad-diversi atturi involuti fil-proċessi elettorali bħall-awtoritajiet elettorali nazzjonali, il-partiti politiċi, is-sensara u l-analisti tad-data, il-pjattaformi tal-media soċjali u n-networks tar-reklami online. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data indirizzaw ukoll il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-data fil-kuntest elettorali (11). Tali gwida jenħtieġ li titqies, kif rilevanti, mill-atturi kollha qabel l-elezzjonijiet tal-2024 tal-Parlament Ewropew, u wara dawn l-elezzjonijiet. |
|
(16) |
L-għodod ta’ sorveljanza u ta’ software ta’ spjunaġġ ma għandhomx jintużaw biex jinterferixxu mad-dibattitu demokratiku, b’mod partikolari billi jiġu mmirati l-atturi politiċi u l-ġurnalisti. F’ċerti kundizzjonijiet, l-użu tas-software ta’ spjunaġġ jista’ jkun kwistjoni ta’ sigurtà nazzjonali, iżda l-użu tas-software ta’ spjunaġġ sabiex jinkiseb vantaġġ politiku, qatt ma jista’jiġi ġustifikat bħala kwistjoni ta’ sigurtà nazzjonali. Is-sigurtà nazzjonali għandha tiġi interpretata f’konformità mal-ġuriżprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ppreservata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni. |
|
(17) |
Għandha tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet, tal-votanti u tal-kandidati, tal-gruppi kollha taċ-ċittadini, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u l-isfidi li jsibu ma’ wiċċhom. Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-elezzjonijiet tal-2019 tal-Parlament Ewropew (12) issottolinja, fost l-oħrajn, li għad fadal xi jsir dwar l-inklużività u l-parteċipazzjoni demokratika fl-elezzjonijiet taż-żgħażagħ, in-nisa, iċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni u l-persuni b’diżabilità. Hemm enfasizzat wkoll li fl-elezzjonijiet tal-2019 tal-Parlament Ewropew, filwaqt li jikkostitwixxu parti sinifikanti tal-elettorat, gruppi speċifiċi baqgħu sottorappreżentati fost il-Membri eletti tal-Parlament Ewropew, bħall-persuni b’diżabbiltà. |
|
(18) |
L-inklużività tal-elezzjonijiet u l-parteċipazzjoni tal-gruppi kollha jistgħu jiġu appoġġati mill-Istati Membri u mill-partiti politiċi permezz ta’ politiki u miżuri speċifiċi, li jqisu l-ħtiġijiet u l-isfidi tagħhom. F’dan il-kuntest, huma jistgħu jqisu l-isfond demografiku u l-pożizzjoni ġeografika. Il-ġbir tad-data dwar il-parteċipazzjoni ta’ gruppi speċifiċi, f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data, jista’ jappoġġa l-identifikazzjoni tal-isfidi u t-tfassil ta’ politiki biex dawn jiġu indirizzati. L-Istati Membri jistgħu, pereżempju, iniedu kampanji ta’ informazzjoni apposta, li jqisu l-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw ukoll, f’konformità mar-regoli elettorali tagħhom, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu f’pajjiżi terzi fl-elezzjonijiet. |
|
(19) |
Iċ-ċittadini żgħażagħ għandhom jingħataw għajnuna fl-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali tagħhom, kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati. Diversi Stati Membri diġà baxxew l-età minima biex iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jew 17-il sena jivvutaw, filwaqt li oħrajn qed jikkunsidraw li jagħmlu dan. L-appoġġ għall-parteċipazzjoni ta’ ċittadini żgħażagħ, inkluż il-votanti għall-ewwel darba, jista’ jinkludi azzjonijiet bħat-trawwim tal-edukazzjoni ċivika l-organizzazzjoni ta’ simulazzjonijiet elettorali fl-iskejjel, testijiet dwar l-għarfien jew kompetizzjonijiet tal-arti dwar l-elezzjonijiet, kampanji ta’ komunikazzjoni adattati għaż-żgħażagħ, gwidi elettorali biex it-tfal u l-adolexxenti jiffamiljarizzaw ruħhom mal-proċess ta’ reġistrazzjoni u ta’ votazzjoni, l-inkoraġġiment tal-istudenti biex isiru osservaturi elettorali, u programmi bejn il-pari fejn il-votanti żgħażagħ jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ xulxin. Jenħtieġ li jingħata appoġġ liċ-ċittadini żgħażagħ li jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom inkluż billi jiġu promossi l-ħiliet tagħhom u jiġi appoġġat ambjent li jippermettilhom jivvutaw b’mod liberu u ġust. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu l-“Gwida għaċ-Ċittadinanza tal-UE” biex jgħinu liċ-ċittadini żgħażagħ jiffamiljarizzaw ruħhom mal-istorja, il-valuri u d-drittijiet li jirfdu l-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll mal-benefiċċji taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-opportunitajiet li toffri għall-involviment demokratiku. It-tixrid ta’ prattiki tajba għandu jiġi appoġġat. |
|
(20) |
Kif jissottolinja l-qafas strateġiku tal-UE għar-Rom (13), għandha tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tar-Rom fil-ħajja politika fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti fl-Istati Membri b’popolazzjoni Rom sinifikanti. Il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra r-razziżmu (14) indika l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taħdem mal-partiti politiċi Ewropej, man-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u mas-soċjetà ċivili biex ittejjeb il-parteċipazzjoni ta’ gruppi suxxettibbli għall-emarġinazzjoni, bħall-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju. |
|
(21) |
L-Artikolu 8 tat-TFUE jsostni li l-UE għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha. Fl-“Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025” tagħha (15), il-Kummissjoni impenjat ruħha li tapplika l-kunċett tal-opportunitajiet indaqs għan-nisa u li tikseb bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-politika. Fir-Rapport tagħha tal-2023 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-UE (16), il-Kummissjoni fakkret fil-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u tal-irġiel f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi biex tiġi riflessa aħjar il-kompożizzjoni tas-soċjetà u tissaħħaħ id-demokrazija fl-UE. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu wkoll il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-korpi governattivi tal-korpi ta’ ġestjoni elettorali, u jimmonitorjaw, jappoġġaw u jevalwaw regolarment il-progress dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali. L-Istati Membri jistgħu jippromwovu miżuri biex jappoġġaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rigward tal-aċċess għall-elezzjonijiet u l-parteċipazzjoni fihom. Fit-tfassil ta’ tali miżuri, huma jistgħu jibnu fuq l-għarfien espert u d-data dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Il-miżuri jistgħu jinkludu l-alternanza tan-nisa u tal-irġiel fuq il-listi tal-kandidati, l-użu ta’ tipi oħra ta’ kwoti tal-ġeneru, ir-rabta tal-allokazzjoni ta’ finanzjament pubbliku għall-partiti politiċi mal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika tan-nisa jew miżuri simili oħra. Biex jappoġġaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-partiti politiċi jenħtieġ li jkollhom politiki interni dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri, taħriġ immirat u dwar is-sensibilizzazzjoni. Il-partiti politiċi għandhom jinkoraġġixxu l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-listi elettorali u l-korpi ta’ governanza proprji tagħhom. L-Istati Membri u l-partiti politiċi jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jipprevjenu u jindirizzaw b’mod effettiv id-diskors ta’ mibegħda abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa politikament attivi li għandu l-għan li jiskreditahom jew jiskoraġġihom milli jipparteċipaw politikament. |
|
(22) |
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD), li għaliha l-UE, fil-kompetenza tagħha, u l-Istati Membri kollha huma parti, tirrikjedi li l-Istati Partijiet jiggarantixxu lill-persuni b’diżabilità d-drittijiet politiċi u l-opportunità li jgawduhom fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. Sabiex jappoġġaw il-parteċipazzjoni inklużiva, l-Istati Membri, f’konformità mal-impenji internazzjonali tagħhom inkluża l-UNCRPD, għandhom jappoġġaw l-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali minn persuni b’diżabilità, kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati, u jaraw li ma jkunx hemm, u fejn ikun hemm ineħħu, ostakli li jiltaqgħu magħhom meta jipparteċipaw fl-elezzjonijiet, f’konformità mal-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità 2021–2030 (17). L-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-istandards internazzjonali rilevanti, għandhom jirrieżaminaw il-possibbiltà għat-tneħħija ġenerali tad-drittijiet elettorali ta’ persuni b’diżabilità intellettwali u psikosoċjali mingħajr valutazzjoni individwali u l-possibbiltà ta’ rieżami ġudizzjarju. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-gwida ta’ prattiki elettorali tajba fl-Istati Membri li jindirizzaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini b’diżabilità fil-proċess elettorali (18) mħabbar fl-Istrateġija tal-Kummissjoni għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità 2021–2030 u jkomplu jaħdmu mal-Kummissjoni, fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, biex jappoġġaw azzjonijiet ta’ segwitu effettivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet espressi mill-entitajiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-persuni b’diżabilità. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri prattiċi biex jiżguraw l-aċċessibbiltà għall-postijiet ta’ votazzjoni, inkluż billi jagħmlu użu minn mezzi bħall-kodiċijiet QR, il-Braille, printouts kbar, gwidi awdjo u gwidi li faċli biex jinqraw, stensils tattili, lentijiet, dawl qawwi, timbri, u strumenti tal-kitba aċċessibbli. Il-partiti politiċi għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità fil-kampanji tagħhom, pereżempju billi jorganizzaw avvenimenti f’postijiet aċċessibbli u billi jużaw mezzi, modi u formati ta’ komunikazzjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċessibbiltà fl-Unjoni u fl-Istati Membri. L-Istati Membri u l-partiti politiċi għandhom jikkunsidraw ukoll li jipprovdu forom oħra ta’ appoġġ, bħall-assistenza bit-telefon, l-interpretazzjoni tas-sinjali, trasport aċċessibbli u proċeduri aċċessibbli biex jintalbu arranġamenti. |
|
(23) |
Peress li jinsabu fuq quddiem nett tal-integrità elettorali u jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jappoġġaw parteċipazzjoni politika ġenwina, il-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet tal-kampanji għandhom jiġu mħeġġa jippromwovu l-integrità elettorali u l-kampanji ġusti inkluż billi jiżviluppaw u jaderixxu ma’ kodiċijiet ta’ kondotta jew jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti. Tali kodiċijiet ta’ kondotta jew wegħdiet ta’ impenn għandhom jippromwovu standards demokratiċi għoljin. Dawn jistgħu jinkludu impenji bħal li ma jiġux aċċettati kontribuzzjonijiet finanzjarji biex jittieħed xi vantaġġ jew li ma jiġux promossi sterjotipi, dikjarazzjonijiet diskriminatorji u preġudizzji kontra gruppi speċifiċi li jkunu bbażati b’mod partikolari fuq il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. |
|
(24) |
Tali kodiċijiet jew wegħdiet jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali fi żmien suffiċjenti qabel il-jiem tal-elezzjoni u jkunu akkumpanjati minn attivitajiet xierqa ta’ sensibilizzazzjoni tal-entitajiet ikkonċernati. |
|
(25) |
L-informazzjoni dwar organizzazzjonijiet, fondazzjonijiet u entitajiet legali oħra marbuta mal-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali jew il-kampanji f’isimhom jenħtieġ li tkun disponibbli pubblikament mill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu l-interdipendenzi bejn id-diversi atturi politiċi li jippromwovu l-istess objettivi u azzjonijiet politiċi, inkluż fil-kuntest tar-reklamar politiku. Tali informazzjoni tgħin ukoll lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza biex ikollhom ħarsa ġenerali lejn il-konnessjonijiet finanzjarji u r-rabtiet strutturali bejn id-diversi entitajiet affiljati mal-partiti politiċi. |
|
(26) |
Il-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali jenħtieġ li jippermettu wkoll liċ-ċittadini, lill-awtoritajiet u lill-entitajiet interessati jwettqu r-rwol tagħhom fil-proċess demokratiku, inkluż billi jidentifikaw interferenza jew manipulazzjoni possibbli tal-proċessi elettorali, billi jiddivulgaw l-informazzjoni rilevanti fuq is-siti web tagħhom dwar l-użu tagħhom tar-reklamar politiku, inkluża l-informazzjoni dwar l-ammonti minfuqa fuq ir-riklamar u s-sorsi tal-finanzjament tagħhom. Fl-interess li jiġi żgurat livell għoli ta’ trasparenza fil-kampanji politiċi u biex tiġi appoġġata r-responsabbiltà fl-użu tar-reklamar politiku, il-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll, b’mod volontarju, u li jirriflettu fil-wegħdiet u l-kodiċijiet ta’ kondotta tagħhom, li r-reklamar politiku li jużaw ikun jista’ jiġi identifikat b’mod ċar bħala tali u distint minn reklamar ieħor, u fejn rilevanti, minn materjal ieħor bħal kontenut editorjali. Jenħtieġ li jikkunsidraw li jagħmlu r-reklamar politiku tagħhom disponibbli b’informazzjoni dwar l-identità tal-partit politiku li jisponsorjah u fejn applikabbli, informazzjoni sinifikanti dwar min hemm fil-mira tar-reklamar u dwar l-użu tas-sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali li jkunu qed jintużaw. |
|
(27) |
L-osservazzjoni elettorali hija mod effiċjenti biex iċ-ċittadini jinvolvu ruħhom fil-proċess elettorali u titjieb il-fiduċja pubblika fl-elezzjonijiet. Sabiex titrawwem it-trasparenza tal-proċessi elettorali, appoġġ għall-involviment u l-parteċipazzjoni, u l-promozzjoni ta’ proċessi elettorali ħielsa, ġusti u reżiljenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-osservazzjoni elettorali imparzjali u indipendenti, inkluż miċ-ċittadini, kif ukoll minn organizzazzjonijiet internazzjonali, fl-istadji kollha tal-proċess elettorali, filwaqt li jitqiesu l-oqfsa legali u l-impenji internazzjonali tagħhom. Jenħtieġ li dan jinkludi, b’mod partikolari, l-osservazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-votanti, l-għadd tal-poloz tal-votazzjoni, il-parteċipazzjoni ta’ gruppi speċifiċi, il-monitoraġġ tar-reklamar u tal-finanzjament politiku, u l-applikazzjoni tar-regoli elettorali online. |
|
(28) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw l-iżvilupp tal-kapaċità u l-għarfien espert fl-osservazzjoni elettorali, inkluż billi jiġi appoġġat it-taħriġ għall-osservaturi elettorali, billi jintuża l-għarfien kondiviż fi ħdan in-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u l-istandards u l-aħjar prattiki internazzjonali, bħad-Dikjarazzjoni ta’ prinċipji għall-osservazzjoni internazzjonali tal-elezzjonijiet adottata fl-2005 fin-Nazzjonijiet Uniti (19), u l-istandards tal-Kummissjoni ta’ Venezja u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa/l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem. Jista’ jiġi pprovdut taħriġ speċifiku lil osservaturi elettorali iżgħar fl-età. |
|
(29) |
Azzjonijiet speċifiċi biex tiġi appoġġata l-osservazzjoni elettorali jistgħu jinkludu l-organizzazzjoni ta’ laqgħat u konsultazzjonijiet dedikati bejn in-networks elettorali nazzjonali u l-gruppi ta’ osservaturi, seminars konġunti dwar il-valutazzjoni tal-elezzjonijiet u inizjattivi komuni mmirati lejn is-sensibilizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki dwar l-osservazzjoni elettorali biex jiġu appoġġati l-integrità, ir-reżiljenza u n-natura demokratika tal-elezzjonijiet. L-iskambji tal-aħjar prattiki rigward l-osservazzjoni elettorali bejn l-Istati Membri fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet jenħtieġ li jinkludu appoġġ għall-osservaturi elettorali u azzjonijiet speċifiċi biex titqajjem kuxjenza. |
|
(30) |
Il-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet tal-kampanji jenħtieġ li jiffaċilitaw ukoll l-attivitajiet tal-osservaturi elettorali li qed jikkooperaw magħhom, inkluż billi jipprovdulhom l-aċċess meħtieġ għall-informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest tal-elezzjonijiet. |
|
(31) |
Sistemi u proċessi elettorali robusti, bi tfixkil minimu, huma prerekwiżiti bażiċi tad-demokraziji. Żbalji umani, diżastri mhux previsti u diversi inċidenti oħra jistgħu jheddu l-proċessi elettorali. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw ir-reżiljenza tal-proċessi elettorali, inkluż permezz ta’ protezzjoni partikolari tal-infrastruttura relatata mal-elezzjonijiet u billi jieħdu l-miżuri meħtieġa vis-à-vis faċilitajiet, tagħmir, networks, sistemi u infrastruttura minn setturi oħra, użati għall-elezzjonijiet. |
|
(32) |
Kif sottolinjat fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, l-immarkar tal-proċessi elettorali jew ta’ aspetti tal-amministrazzjoni tagħhom bħala infrastruttura kritika jista’ jagħmel aktar effettivi l-isforzi biex jiġu indirizzati theddidiet speċifiċi. Dan ikun jimplika l-indirizzar tal-isfidi relatati mal-perjodi elettorali, l-osservazzjoni elettorali, is-sorveljanza elettorali indipendenti u r-rimedji effettivi u jkun ikopri wkoll il-monitoraġġ (inkluż online), l-identifikazzjoni tat-theddid, il-bini tal-kapaċità, l-operat tan-networks elettorali nazzjonali u l-involviment mas-settur privat. Fir-rigward tal-entitajiet li possibbilment ikunu qed joperaw infrastruttura li tista’ tkun qed tgħin fl-elezzjonijiet, jenħtieġ li jitqiesu kif xieraq, fejn applikabbli, ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttivi (UE) 2022/2555 (20) u (UE) 2022/2557 (21) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
|
(33) |
Minbarra l-obbligi skont id-Direttivi (UE) 2022/2555 u (UE) 2022/2557, fejn applikabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jiżguraw livell simili ta’ reżiljenza tal-entitajiet li joperaw infrastruttura relatata mal-elezzjonijiet, billi jwettqu u jaġġornaw il-valutazzjonijiet tar-riskju, iwettqu testijiet, u jsaħħu l-appoġġ u r-reżiljenza tal-entitajiet li għandhom rwol sinifikanti fit-twettiq tal-elezzjonijiet. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw ukoll li l-entitajiet rilevanti kollha jieħdu miżuri tekniċi, operattivi u organizzattivi xierqa u proporzjonati biex jimmaniġġaw ir-riskji maħluqa minn inċidenti naturali, ikkawżati mill-bniedem u ċibernetiċi. Jenħtieġ li huma jistabbilixxu metodoloġiji u pjanijiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet u biex jiżguraw irkupru rapidu wara inċidenti bħal dawn, u jiskambjaw esperjenzi u l-aħjar prattiki. |
|
(34) |
Jenħtieġ li jittieħdu miżuri speċifiċi biex tkompli titjieb iċ-ċibersigurtà tal-bażijiet tad-data tar-reġistrazzjoni tal-votanti, is-sistemi tal-e-Votazzjoni u sistemi oħra ta’ informazzjoni użati għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet elettorali, bħall-għadd, l-awditjar, u l-wiri tar-riżultati elettorali, u r-rapportar ta’ wara l-elezzjoni biex jiġu ċċertifikati u vvalidati r-riżultati. Miżuri oħra jistgħu jkopru s-sigurtà fiżika tal-postijiet tal-votazzjoni u l-postijiet tal-għadd, u l-faċilitajiet, l-assi u s-sistemi għall-istampar, it-trasport u l-ħażna tal-poloz tal-votazzjoni u materjali elettorali rilevanti oħra, bħal kaxxi tal-voti jew timbri speċifikament siguri. |
|
(35) |
F’Settembru 2022, il-Kummissjoni adottat proposta għal Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika (22), bl-għan li jiġu stabbiliti rekwiżiti obbligatorji komuni taċ-ċibersigurtà għal prodotti b’elementi diġitali, hardware u software. Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ċibernetika tal-elezzjonijiet, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li fl-elezzjonijiet jintużaw prodotti ta’ hardware u ta’ software aktar siguri, inkluż billi titqies din il-proposta. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-istandards internazzjonali rilevanti, bħar-Rakkomandazzjoni (2017) tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar standards għall-e-Votazzjoni (23) u l-Linji Gwida (2022) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fil-proċessi elettorali (24). Jenħtieġ li jagħmlu użu wkoll mill-kompendju dwar il-prattiki tal-e-Votazzjoni u tal-ICT. |
|
(36) |
Sabiex tkun protetta l-infrastruttura relatata mal-elezzjonijiet kontra l-attakki ċibernetiċi, jenħtieġ li jittieħdu wkoll miżuri speċifiċi mill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, inkluż permezz tal-mekkaniżmu konġunt għar-reżiljenza elettorali kif msemmi fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea. L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu sehem ukoll f’eżerċizzji prattiċi biex jivvalutaw ir-riskji u t-tħejjija, billi jużaw il-ħidma konġunta sostnuta mill-Kummissjoni fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u l-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar in-Networks u s-Sistemi tal-Informazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu wkoll l-aħjar użu mit-tagħlimiet meħuda fl-eżerċizzju ta’ simulazzjoni organizzat fil-qafas tal-mekkaniżmu konġunt għar-reżiljenza elettorali fil-21 ta’ Novembru 2023. Dan għandu jitqies meta jiġi aġġornat il-Kompendju dwar iċ-Ċibersigurtà tat-Teknoloġija Elettorali mħejji mill-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS. L-awtoritajiet elettorali u ċibernetiċi tal-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jiskambjaw informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari permezz ta’ skambji konġunti bejn in-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u l-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, speċjalment qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Abbażi ta’ dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-passi li l-partiti politiċi, l-organizzazzjonijiet tal-kampanja, il-kandidati, l-uffiċjali elettorali u entitajiet oħra involuti fit-twettiq tal-elezzjonijiet jistgħu jieħdu biex itejbu s-sigurtà online tagħhom u jimmitigaw l-attakki ċibernetiċi potenzjali. |
|
(37) |
Ġestjoni kontinwa tar-riskju abbażi ta’ kriterji predefiniti għall-aċċettazzjoni tar-riskju u metodoloġija predefinita hija essenzjali għall-protezzjoni tal-infrastruttura relatata mal-elezzjonijiet. Id-data miġbura matul il-valutazzjonijiet tar-riskju u t-testijiet tal-istress għandha rwol ewlieni f’dak ir-rigward. Jenħtieġ li l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, filwaqt li jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, jwettqu skambji dwar prattiki rilevanti fit-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju u miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju sabiex l-esperjenza u l-għarfien espert ikunu jistgħu jinfirxu malajr inkluż dwar l-innovazzjonijiet ta’ suċċess. L-iskambji jenħtieġ li jkopru l-iżvilupp ta’ metodoloġiji u pjanijiet komuni għall-ġestjoni tal-kriżijiet u biex jiġi żgurat irkupru rapidu wara kwalunkwe inċident naturali u kkawżat mill-bniedem, inklużi inċidenti ċibernetiċi. |
|
(38) |
Sabiex ikunu protetti b’mod xieraq kontra theddid bħal dan, il-partiti politiċi, il-fondazzjonijiet politiċi u l-organizzazzjonijiet tal-kampanji jenħtieġ li jieħdu azzjoni biex jindirizzaw ir-riskji għaċ-ċibersigurtà fl-attivitajiet interni tagħhom u fil-kampanji. L-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u l-miżuri biex tiġi żgurata r-reżiljenza jistgħu jinkludu t-tqassim ta’ informazzjoni lill-membri u lill-kandidati tal-partiti dwar ir-riskji għaċ-ċibersigurtà relatati mal-attivitajiet tagħhom u mal-attivitajiet ta’ entitajiet oħra qrib tagħhom, il-parteċipazzjoni f’taħriġ dwar iċ-ċibersigurtà, kif ukoll it-titjib tal-monitoraġġ tas-sigurtà tal-pjattaformi u l-għodod diġitali użati għall-kampanji elettorali. |
|
(39) |
Sabiex jiġi żgurat li l-votanti jirċievu informazzjoni affidabbli, huwa importanti li ma jkunx hemm lok għal diżinformazzjoni b’rabta mal-elezzjonijiet. Il-manipulazzjoni tal-informazzjoni, l-interferenza u t-tixrid tad-diżinformazzjoni, inkluż b’mezzi awtomatizzati fuq il-media soċjali, jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi fuq il-kwalità tad-dibattitu demokratiku, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot, il-perċezzjoni u l-attitudni tal-votanti, li jwasslu għal effetti negattivi fit-tul, inkluż fuq il-parteċipazzjoni f’elezzjonijiet futuri. L-intelliġenza artifiċjali tista’ tintuża biex tiġġenera jew timmanipula kontenut ta’ immaġni, awdjo jew vidjo li jixbah sew lil persuni, postijiet jew avvenimenti eżistenti u li jidher li persuna tkun awtentika mmeta ma tkunx (l-hekk imsejħin “deepfakes”). Ir-reklamar politiku jista’ jkun vettur ta’ diżinformazzjoni u ta’ interferenza barranija, b’mod partikolari fejn ir-reklamar ma jiżvelax in-natura politika tiegħu, l-identità tal-isponsors tiegħu u l-entitajiet li jiffinanzjawh, jew fejn u kif kien indirizzat. Il-Kummissjoni ressqet proposta dwar it-trasparenza u l-mira tar-reklamar politiku, li se jistabbilixxi qafas vinkolanti bbażat fuq standards komuni li jippermettu liċ-ċittadini jagħrfu r-reklami politiċi u jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom b’mod infurmat. Se jillimita u jinkwadra wkoll l-użu ta’ data personali biex jiġi mmirat ir-reklamar politiku. Il-Kodiċi msaħħaħ ta’ Prattika tal-2022 dwar id-Diżinformazzjoni (25) jipprovdi standards awtoregolatorji għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni ressqet proposta dwar l-intelliġenza artifiċjali (26) li se tiżgura l-immarkar tal-kontenut tal-intelliġenza artifiċjali u d-divulgazzjoni tal-oriġini tiegħu. |
|
(40) |
Sabiex l-awtoritajiet kompetenti u dawk li jfasslu l-politika jingħataw appoġġ, l-istħarriġiet tal-opinjoni jistgħu jitqiesu mill-Istati Membri bħala mezz għall-monitoraġġ tal-prevalenza u tad-distribuzzjoni soċjodemografika ta’ messaġġi ewlenin ta’ diżinformazzjoni relatati mal-elezzjonijiet. L-informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ tali stħarriġ tista’ tkun disponibbli għar-riċerkaturi, il-ġurnalisti, l-osservaturi elettorali u s-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. |
|
(41) |
Il-partiti politiċi għandhom ukoll responsabbiltà speċifika li jipproteġu l-ambjent tal-informazzjoni marbut mal-elezzjonijiet billi jiżguraw li l-votanti jirċievu informazzjoni korretta f’waqtha, aċċessibbli u li tinftiehem u billi jindirizzaw il-manipulazzjoni tal-informazzjoni, l-interferenza u d-diżinformazzjoni relatata mal-elezzjonijiet f’kollaborazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati oħra u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi. |
|
(42) |
Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu infurmati tajjeb u biex huma jiffurmaw l-opinjonijiet tagħhom b’mod liberu, jenħtieġ li jiġu promossi l-bini tar-reżiljenza, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ dwar l-interferenzi fl-elezzjonijiet. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili, tal-organizzazzjonijiet tal-media, tal-istituzzjonijiet tar-riċerka u tad-dinja akkademika fl-iżvilupp tas-sensibilizzazzjoni pubblika, tal-ħiliet fil-litteriżmu medjatiku u fil-ħsieb kritiku huwa essenzjali biex iċ-ċittadini jiġu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa biex jeżerċitaw il-ġudizzju f’realtajiet kumplessi li jaffettwaw l-isfera demokratika. Tali ħiliet huma partikolarment importanti fil-kuntest tar-rwol dejjem akbar tal-intelliġenza artifiċjali, inkluż f’kampanji elettorali pereżempju meta ċ-ċittadini jużaw sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali biex l-għażliet elettorali tagħhom ikunu infurmati. L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament disponibbli fil-livell tal-Unjoni għal attivitajiet li jindirizzaw il-manipulazzjoni tal-informazzjoni, l-interferenza u d-diżinformazzjoni u li jaffettwaw elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti, inkluż billi jippromwovu l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) u l-Programm Erasmus +, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28). Attivitajiet bħal dawn jenħtieġ li jappoġġaw l-għarfien u l-fehim dwar kif il-media għandha tiġi aċċessata u użata b’mod effettiv u sigur u kif jinħoloq kontenut tal-media b’mod responsabbli. L-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu lill-iskejjel u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex jinkludu l-litteriżmu medjatiku, il-ħsieb kritiku, id-drittijiet u l-obbligi politiċi taċ-ċittadini, u l-fehim tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi kemm f’pajjiżhom kif ukoll fil-livell tal-Unjoni u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni demokratika fil-kurrikuli tagħhom. |
|
(43) |
Il-konfutazzjoni antiċipata tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni, l-interferenza u tad-diżinformazzjoni relatata mal-elezzjonijiet tiddependi fuq il-pubblikazzjoni preventiva ta’ informazzjoni affidabbli dwar il-proċeduri elettorali. Il-konfutazzjoni tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u tad-diżinformazzjoni dwar il-proċeduri elettorali tiddependi fuq risposti rapidi u affidabbli. It-taħriġ tal-awtoritajiet elettorali u ta’ awtoritajiet rilevanti oħra dwar kif il-manipulazzjoni tal-informazzjoni, l-interferenza u d-diżinformazzjoni, online u offline, dwar il-proċeduri elettorali, għandhom jiġu prekkonfutati kif ukoll ikkonfutati, huwa partikolarment importanti fl-ambjent attwali ta’ sigurtà li qed jinbidel malajr. L-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw azzjonijiet komplementari oħra li jiġġieldu d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni li jfixklu l-elezzjonijiet. F’dan il-kuntest, huma jistgħu jiddependu fuq l-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali u ċ-ċentri tiegħu bħala sors ta’ informazzjoni għall-entitajiet involuti fil-proċessi elettorali, bħalma huma l-osservaturi tal-votazzjoni, l-edukaturi, u disseminaturi oħra, fir-rigward ta’ modi għall-konfutazzjoni tad-diżinformazzjoni relatata mal-elezzjonijiet. |
|
(44) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/234 (29) diġà ħeġġet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jidentifikaw, abbażi tal-esperjenzi tal-Istati Membri, l-aħjar prattiki fl-identifikazzjoni, il-mitigazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji għall-proċess elettorali mid-diżinformazzjoni. Minn dak iż-żmien ’l hawn, tibdil fl-ambjent tas-sigurtà, meta mqabbel ma’ elezzjonijiet preċedenti, għamel dawn ir-riskji aktar akuti. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkomplu jiżviluppaw u jaġġornaw dawk li huma l-aħjar prattiki, inkluż billi jagħmlu użu minn għodod ta’ detezzjoni tal-intelliġenza artifiċjali. In-networks elettorali nazzjonali jenħtieġ li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar dan is-suġġett inkluż billi jiskambjaw l-aħjar prattiki fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u billi jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Sistema ta’ Twissija Rapida. Dan jista’ jinvolvi skambji ta’ għarfien espert fost l-Istati Membri li jaffaċċjaw sfidi simili, inkluż minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom. |
|
(45) |
Kanali ċari ta’ kooperazzjoni bejn in-networks elettorali nazzjonali, in-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u l-pjattaformi tal-media u l-pubblikaturi tar-reklamar politiku jistgħu jgħinu biex jiġi mitigat ir-riskju ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u diżinformazzjoni matul l-elezzjonijiet, b’mod partikolari billi jiġi xprunat l-iżvilupp ta’ standards biex jittejjeb it-tixrid ta’ informazzjoni affidabbli. L-Istati Membri diġà jikkooperaw fi ħdan in-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (30), is-Sistema ta’ Twissija Rapida (31) u oqfsa oħra, biex jindirizzaw il-manipulazzjoni tal-informazzjoni, l-interferenza u d-diżinformazzjoni, filwaqt li jiżviluppaw rispons multidixxiplinari għal tali theddid fil-proċessi elettorali. Jenħtieġ li dawn in-networks ikomplu jiżviluppaw risponsi xierqa, inkluż billi jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-kooperazzjoni bejn in-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u dawn in-networks Ewropej l-oħra b’attivitajiet rilevanti għall-proċessi elettorali, inkluż fil-kuntest tal-mekkaniżmu konġunt għar-reżiljenza elettorali, jenħtieġ li tissaħħaħ. Jenħtieġ li jiġu appoġġati prattiki tajbin, inklużi laqgħat konġunti bejn networks differenti, bħas-sessjoni komuni bejn in-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-elezzjonijiet u s-Sistema ta’ Twissija Bikrija fis-6 ta’ Diċembru 2023. In-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet jenħtieġ li jkompli jiffaċilita wkoll l-involviment ma’ entitajiet internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, bħala parti mill-approċċ komprensiv tiegħu għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti fl-Ewropa. |
|
(46) |
Id-donazzjonijiet minn pajjiżi terzi lil partiti politiċi, fondazzjonijiet politiċi, kandidati politiċi u organizzazzjonijiet tal-kampanji nazzjonali, speċjalment meta ma jiġux ikkontrollati, jistgħu jinfluwenzaw b’mod indebitu l-proċessi demokratiċi fl-Unjoni u jkunu vettur ta’ interferenza minn pajjiżi terzi. Donazzjonijiet bħal dawn jistgħu jaffettwaw il-ġustizzja jew l-integrità tal-kompetizzjoni politika, iwasslu għal distorsjonijiet tal-proċess elettorali, ifixklu l-kundizzjonijiet ekwivalenti billi jiksru r-regoli dwar l-introjtu u l-limiti massimi tan-nefqa, jippermettu l-korruzzjoni jew ikunu ta’ theddida għall-ordni pubbliku nazzjonali. Donazzjonijiet minn pajjiżi terzi lil partiti politiċi, fondazzjonijiet politiċi, kandidati, organizzazzjonijiet tal-kampanji u movimenti politiċi, jenħtieġ li għalhekk ikunu limitati jew ipprojbiti u fi kwalunkwe każ ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ trasparenza. |
|
(47) |
Ir-Regolament 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) jirregola l-finanzjament tal-Partiti Politiċi Ewropej inkluż fir-rigward tal-finanzjament minn pajjiżi terzi. F’konformità ma’ dan ir-Regolament, il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ma jistgħux jaċċettaw donazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet anonimi, minn kwalunkwe awtorità pubblika ta’ Stat Membru jew pajjiż terz, jew minn kwalunkwe impriża li fuqha tali awtorità pubblika tista’ teżerċita, direttament jew indirettament, influwenza dominanti minħabba s-sjieda tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha fiha, jew ir-regoli li jirregolawha, jew donazzjonijiet minn kwalunkwe entità privata bbażata f’pajjiż terz jew minn individwi minn pajjiż terz li mhumiex intitolati li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. |
|
(48) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar regoli komuni kontra l-korruzzjoni fil-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali (33), tenfasizza li l-Istati jenħtieġ li jillimitaw speċifikament, jipprojbixxu jew jirregolaw b’mod ieħor id-donazzjonijiet minn donaturi barranin lill-partiti politiċi. Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi (34) jiddikjaraw li d-donazzjonijiet minn Stati jew intrapriżi barranin jenħtieġ li jkunu pprojbiti, għalkemm din il-projbizzjoni jenħtieġ li ma tipprevjenix donazzjonijiet minn ċittadini li jgħixu barra mill-pajjiż. F’konformità ma’ dawn il-linji gwida, jistgħu jiġu previsti wkoll limitazzjonijiet oħra, b’mod partikolari il-livell massimu għal kull kontribuzzjoni, il-projbizzjoni tal-kontribuzzjonijiet minn intrapriżi ta’ natura industrijali, jew kummerċjali jew minn organizzazzjonijiet reliġjużi, jew il-kontroll minn qabel tal-kontribuzzjonijiet minn membri tal-partiti li jkunu jixtiequ joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet minn organi pubbliċi speċjalizzati fi kwistjonijiet elettorali. |
|
(49) |
Sabiex jiġi evitat l-indħil barrani, l-Istati Membri jenħtieġ li jidentifikaw u jindirizzaw lakuni possibbli fil-leġiżlazzjoni tagħhom u miżuri regolatorji oħra relatati ma’ donazzjonijiet ipprovduti minn pajjiżi terzi lil partiti politiċi, fondazzjonijiet politiċi, kandidati politiċi, u organizzazzjonijiet tal-kampanja. Jenħtieġ li huma jindirizzaw b’mod effettiv iċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli rilevanti, inkluż billi jikkunsidraw li jipprojbixxu d-donazzjonijiet f’isem persuna oħra. Id-donazzjonijiet jenħtieġ li jinftiehmu bħala li jkopru kwalunkwe offerta ta’ flus, kwalunkwe offerta in natura, il-forniment ta’ kwalunkwe oġġett, servizz jew xogħol taħt il-valur tas-suq, u/jew kwalunkwe tranżazzjoni oħra li tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-entità kkonċernata (inkluż self), bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet politiċi tas-soltu mwettqa fuq bażi volontarja minn individwi. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-gwida tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Uffiċjali Għolja għall-Integrità Pubblika tal-OECD (35) u l-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa (36). |
|
(50) |
Il-Kummissjoni timmonitorja l-prevenzjoni tal-korruzzjoni marbuta mal-finanzjament tal-partiti politiċi fl-Istati Membri fil-kuntest tar-rapporti dwar l-Istat tad-Dritt, u sa mill-2022 toħroġ ir-rakkomandazzjonijiet relatati. |
|
(51) |
Biex tiġi appoġġata l-integrità tal-proċess elettorali u biex jiġu indirizzati l-effetti negattivi reali jew prevedibbli fuq elezzjonijiet ħielsa u ġusti, il-partiti politiċi u l-entitajiet affiljati tagħhom jenħtieġ li jivvalutaw ir-riskji li jirriżultaw minn donazzjonijiet minn pajjiżi terzi u donazzjonijiet potenzjalment marbuta mal-korruzzjoni jew xi attività kriminali oħra. Fil-valutazzjoni tar-riskju tagħhom, il-partiti politiċi u l-entitajiet affiljati magħhom jenħtieġ li jikkunsidraw miżuri biex jindirizzaw ir-riskji identifikati, inkluż billi jidentifikaw b’mod xieraq id-donaturi sabiex jevitaw kwalunkwe riskju ta’ finanzjament moħbi permezz ta’ dawk li jaġixxu f’isimhom. |
|
(52) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, inkluż billi jidentifikaw b’mod konġunt standards u referenzi komuni dwar donazzjonijiet u appoġġ ieħor minn pajjiżi terzi lil partiti politiċi nazzjonali, fondazzjonijiet politiċi u organizzazzjonijiet tal-kampanji. |
|
(53) |
Sabiex tkompli tissaħħaħ in-natura Ewropea u t-tmexxija effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, jenħtieġ li jitkomplew l-isforzi biex iċ-ċittadini kollha jiġu involuti fl-elezzjonijiet tafl-Parlament Ewropew u jiġi ffaċilitat aktar l-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali relatati. |
|
(54) |
It-tixrid tal-informazzjoni dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-postijiet tal-votazzjoni minn qabel sew kif ukoll li jiġi previst il-ftuħ bikri u l-għeluq tard tal-postijiet tal-votazzjoni fil-jum tal-elezzjoni, inkluż fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, jippermetti li aktar ċittadini jkunu jistgħu jivvutaw, inkluż dawk li jgħixu f’żoni remoti jew li jaħdmu sigħat atipiċi. |
|
(55) |
Kif msemmi fir-Rapport dwar l-elezzjonijiet tal-2019 tal-Parlament Ewropew, ir-Rapport tal-2018 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/80/KE (37) u r-Rapport tal-2020 dwar iċ-Ċittadinanza Ewropea (38), l-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw aktar l-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-Unjoni u jippromwovu s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-proċeduri applikabbli tagħhom. Jenħtieġ li huma jindirizzaw ukoll l-ostakli possibbli għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, bħala votanti jew bħala kandidati. L-għoti ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet rilevanti u l-proċeduri applikabbli jista’ jiġi appoġġat permezz tal-użu ta’ għodod diġitali disponibbli b’mod komuni, inkluża l-gateway diġitali unika stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39), li tagħti aċċess għal paġni web rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali, inkluż dwar id-drittijiet elettorali. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jagħmlu l-aħjar użu mis-servizzi ta’ komunikazzjoni u ta’ soluzzjoni tal-problemi fil-livell tal-Unjoni, bħaċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct (EDCC) u SOLVIT, magħmula disponibbli mill-Kummissjoni sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw informazzjoni akkurata u f’waqtha dwar id-drittijiet taċ-ċittadinanza u l-proċeduri elettorali. |
|
(56) |
Miżuri addizzjonali dwar il-komunikazzjoni jsaħħu n-natura Ewropea tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-partiti politiċi nazzjonali jenħtieġ li jibdew il-kampanji għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kemm jista’ jkun kmieni, peress li huma atturi ewlenin fis-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni, inklużi ċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni, dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Kif innutat fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-elezzjonijiet tal-2019 tal-Parlament Ewropew, l-isforzi konġunti ta’ komunikazzjoni tal-istituzzjonijiet differenti tal-UE, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili jibqgħu l-elementi ewlenin biex tissaħħaħ in-natura Ewropea tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. |
|
(57) |
Sabiex tiżdied ulterjorment it-trasparenza tar-rabta bejn il-partiti politiċi nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej u l-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, il-partiti politiċi nazzjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu u huma mħeġġa jiddikjaraw l-affiljazzjoni jew il-proċess ta’ affiljazzjoni ma’ partit politiku Ewropew qabel il-bidu tal-kampanja. Biex jgħinu fiż-żieda tad-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-għoti ta’ tali informazzjoni lill-pubbliku. L-Istati Membri u l-partiti politiċi jistgħu jappoġġaw miżuri oħra li jżidu t-trasparenza tar-rabta bejn il-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali; pereżempju l-appoġġ għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti konġunti ma’ partiti politiċi Ewropej u nazzjonali. |
|
(58) |
Sabiex jissodisfaw ir-rwol tagħhom kif previst fl-Artikolu 10(4) TUE biex jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u jesprimu r-rieda taċ-ċittadini Ewropej, il-partiti politiċi Ewropej jenħtieġ li jkunu jistgħu jilħqu lill-membri u lill-kostitwenzi tagħhom madwar l-Unjoni inkluż billi jwettqu kampanji transfruntiera fl-Unjoni. Sabiex jgħinu fiż-żieda tad-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri jenħtieġ li jiffaċilitaw it-twettiq ta’ kampanji transfruntieri effettivi mill-partiti politiċi Ewropej u l-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew fl-Unjoni. |
|
(59) |
Biex tkompli tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri jeħtieġ li jkunu mħeġġa biex ikomplu jindirizzaw ir-riskju ta’ votazzjoni u ta’ kandidaturi multipli. Għal dak l-għan, iċ-ċittadini tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu infurmati dwar ir-regoli u s-sanzjonijiet relatati ma’ votazzjoni multipla. Jenħtieġ li l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jiskambjaw, b’mod preċiż u f’waqtu, data dwar iċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet bħala votanti jew kandidati. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu t-tħejjijiet mibdija fil-qafas tal-Grupp ta’ Esperti dwar kwistjonijiet elettorali (40), biex jiġi żgurat skambju effiċjenti u kriptat tad-data meħtieġa biex tiġi evitata votazzjoni multipla permezz tal-għodda sigura rilevanti magħmula disponibbli mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li ċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni ma jitneħħewx mir-reġistru elettorali ta’ kull tip ta’ elezzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom minħabba l-fatt li jkunu ddaħħlu fir-reġistru elettorali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. |
|
(60) |
Sabiex jitrawmu proċessi elettorali ħielsa, ġusti u reżiljenti, il-kooperazzjoni fi ħdan in-networks elettorali nazzjonali, kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni (UE) C(2018) 5949, jenħtieġ li tissaħħaħ aktar. Il-membri tan-networks elettorali nazzjonali jenħtieġ li jiskambjaw informazzjoni malajr dwar kwistjonijiet li għandhom il-potenzjal li jaffettwaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew inkluż billi jidentifikaw b’mod konġunt it-theddid u l-lakuni, jikkondividu s-sejbiet u l-għarfien espert, u jistabbilixxu, kif meħtieġ, protokolli u modi kif jaħdmu favur il-kooperazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni, għall-prevenzjoni, il-protezzjoni, ir-rispons, il-mitigazzjoni u l-irkupru minn inċidenti ta’ tfixkil li jaffettwaw l-elezzjonijiet. Fejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ma jkunux parti min-networks elettorali nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jistabbilixxu kollegament permanenti bejn in-networks elettorali nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tal-infurzar tal-liġi, b’rispett sħiħ tal-valuri demokratiċi. In-networks tal-elezzjoni nazzjonali jistgħu jinvolvu ruħhom ma’ partijiet ikkonċernati oħra bħar-riċerkaturi, l-akkademiċi, l-osservaturi elettorali u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għal dak l-għan. Jenħtieġ li jikkollaboraw ukoll mal-Parlamenti nazzjonali u flimkien magħhom jappoġġaw is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-protezzjoni tal-integrità tal-proċessi elettorali inkluż kontra r-riskju ta’ interferenza. Sabiex jiġi żgurat li n-networks elettorali nazzjonali jkunu kapaċi jwettqu b’mod adegwat ir-rwol tagħhom u jwettqu l-attivitajiet tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdulhom l-oqfsa, ir-riżorsi u l-mezzi meħtieġa. |
|
(61) |
Qabel l-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew u ta’ warajhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn in-networks elettorali nazzjonali tagħhom, speċjalment fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jiddependu fuq mekkaniżmi li jappoġġaw l-iskambju ħafif ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet li jaffettwaw l-elezzjonijiet. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI
I. Is-Suġġett
|
1. |
Din ir-rakkomandazzjoni tippromwovi standards demokratiċi għoljin għall-elezzjonijiet fl-Unjoni u tippromwovi t-tisħiħ tan-natura Ewropea u t-tmexxija effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Hija indirizzata lill-Istati Membri, lill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali, lill-fondazzjonijiet politiċi u lill-organizzazzjonijiet tal-kampanji fil-kuntest tat-tħejjija għall-elezzjonijiet fl-Unjoni, inkluż l-elezzjonijiet tal-2024 tal-Parlament Ewropew. |
II. Prinċipji ġenerali dwar l-elezzjonijiet fl-Unjoni
|
2. |
L-elezzjonijiet fl-Unjoni għandhom isegwu l-ogħla standards demokratiċi. L-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw, fost l-oħrajn, il-parteċipazzjoni elettorali għolja, il-parteċipazzjoni inklużiva, l-eżerċizzju faċli u ugwali tad-drittijiet elettorali, ir-reżiljenza tal-proċessi elettorali, l-integrità u s-segretezza tal-vot, kif ukoll l-ugwaljanza tal-opportunitajiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-finanzjament pubbliku tal-partiti u tal-kampanji, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali. |
|
3. |
F’konformità mal-Kodiċi ta’ Prassi Tajba fi kwistjonijiet elettorali tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, l-elementi fundamentali tal-liġi elettorali jenħtieġ li ma jkunux miftuħa għal emenda anqas minn sena qabel elezzjoni. |
III. Appoġġ għall-parteċipazzjoni elettorali u għall-parteċipazzjoni inklużiva
|
4. |
Sabiex jappoġġaw parteċipazzjoni wiesgħa, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-passi meħtieġa biex jiffaċilitaw, fejn applikabbli, ir-reġistrazzjoni tal-votanti u tal-kandidati fl-elezzjonijiet, inkluż billi jipprovdu l-informazzjoni, l-għodod u l-appoġġ meħtieġa fil-livell lokali. L-użu ta’ għodod bħar-reġistrazzjoni online jew il-ġbir elettroniku ta’ firem ta’ appoġġ għall-kandidati jenħtieġ li jkun aċċessibbli faċilment u faċli għall-utent. |
|
5. |
Meta jintroduċu metodi ta’ votazzjoni komplementari, bħall-votazzjoni bil-quddiem, mobbli, postali u l-e-Votazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawn il-metodi jkunu soġġetti għas-salvagwardji meħtieġa. Barra minn hekk, jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ dawk il-metodi ta’ votazzjoni u jipprovdulhom l-appoġġ meħtieġ f’kull livell, inkluż fil-livell lokali. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu l-aħjar użu mill-kompendju dwar l-e-Votazzjoni u prattiki oħra tal-ICT imħejjija mill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-uffiċjali elettorali jirċievu taħriġ xieraq dwar metodi ġodda ta’ votazzjoni. |
|
6. |
Meta jappoġġaw il-parteċipazzjoni u l-perċentwal ta’ votanti, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu passi biex jindirizzaw b’mod effettiv il-ħtiġijiet ta’ gruppi differenti, inkluż fl-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħhom. Meta jipprovdu informazzjoni dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu l-aħjar użu mill-Gwida għaċ-ċittadinanza tal-UE biex ikomplu jmexxu ’l quddiem l-għarfien dwar iċ-ċittadinanza tal-UE maċ-ċittadini żgħażagħ tal-UE li b’mod demokratiku jibdew jinvolvu ruħhom. |
|
7. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jippromwovu miżuri biex jappoġġaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-rigward tal-aċċess għall-elezzjonijiet u l-parteċipazzjoni fihom. L-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu wkoll il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-korpi ta’ governanza tal-korpi ta’ ġestjoni elettorali. L-Istati Membri jenħtieġ li jimmonitorjaw, jappoġġaw u jevalwaw regolarment il-progress dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali, inkluż permezz tal-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta’ data dwar in-nisa u l-irġiel, kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati fl-elezzjonijiet, f’pożizzjonijiet eletti u f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-partiti politiċi. |
|
8. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw il-parteċipazzjoni elettorali ta’ persuni b’diżabilità, kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati, kif ukoll jaraw li ma jkunx hemm, u fejn ikun hemm ineħħu, ostakli li jiltaqgħu magħhom meta jipparteċipaw fl-elezzjonijiet inkluża t-tneħħija ġenerali tad-drittijiet elettorali ta’ persuni b’diżabilità intellettwali u psikosoċjali mingħajr valutazzjoni individwali u l-possibbiltà ta’ rieżami ġudizzjarju. Huma jenħtieġ li jappoġġaw ukoll il-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità bħala uffiċjali elettorali. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw it-tixrid wiesa’ tal-aħjar prattiki li jappoġġaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini b’diżabilità fil-proċess elettorali. Jenħtieġ li jagħmlu l-aħjar użu mill-gwida ta’ prattiki elettorali tajbin fl-Istati Membri li jindirizzaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini b’diżabilità fil-proċess elettorali, imħejjija fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet. |
|
9. |
Il-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali, il-fondazzjonijiet politiċi u l-organizzazzjonijiet tal-kampanji elettorali huma mħeġġa jieħdu passi biex jindirizzaw b’mod effettiv il-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi fl-elezzjonijiet. Huma jenħtieġ li jagħtu attenzjoni partikolari għal dan fil-materjali ta’ komunikazzjoni u r-reklamar politiku tagħhom, billi jużaw mezzi, modi u formati adegwati ta’ komunikazzjoni u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni politika attiva tagħhom. Il-partiti politiċi jenħtieġ li jinkoraġġixxu l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-listi elettorali tagħhom u fil-korpi ta’ governanza tagħhom. |
IV. l-inkoraġġiment tal-integrità elettorali u tal-kampanji ġusti
|
10. |
Il-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet tal-kampanji elettorali huma mħeġġa jadottaw l-impenji tal-kampanji u l-kodiċijiet ta’ kondotta dwar l-integrità elettorali u l-kampanji ġusti. L-Istati Membri huma mħeġġa jiffaċilitaw u jappoġġaw l-osservanza ta’ tali wegħdiet u kodiċijiet. |
|
11. |
Il-wegħdiet u l-kodiċijiet ta’ kondotta msemmija fil-punt 10 jenħtieġ li jinkludu b’mod partikolari dan li ġej:
|
V. Miżuri ta’ trasparenza għall-affiljazzjonijiet u r-reklamar politiku
|
12. |
Il-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni fuq is-siti web tagħhom dwar l-organizzazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u entitajiet legali oħra affiljati magħhom jew li jikkampanjaw f’isimhom. |
|
13. |
Jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali jipprovdu informazzjoni fuq is-siti web tagħhom dwar l-użu tar-reklamar politiku, inkluż dwar l-ammonti minfuqa fuq ir-reklamar politiku u s-sorsi ta’ finanzjament użati. Jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali jikkunsidraw li b’mod volontarju jiżguraw li r-reklamar politiku tagħhom jista’ jiġi identifikat b’mod ċar bħala tali, inkluż meta jinvolvi materjal imħejji internament għat-tixrid online bl-użu tal-media soċjali. Ir-reklamar politiku jenħtieġ li jkollu miegħu informazzjoni dwar l-identità tal-partit politiku li jisponsorja r-reklamar, u fejn applikabbli, informazzjoni sinifikanti dwar min hemm fil-mira tar-reklamar u dwar l-użu tas-sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali fil-preparazzjoni tal-kontenut jew fid-disseminazzjoni tar-reklamar. |
VI. Promozzjoni tal-osservazzjoni elettorali
|
14. |
Filwaqt li jitqies il-qafas legali u l-impenji internazzjonali tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet miċ-ċittadini, u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali li japprovaw l-istandards internazzjonali rilevanti, inkluż billi jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fejn applikabbli. |
|
15. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw attivitajiet ta’ taħriġ għall-osservaturi elettorali, anki meta l-osservazzjoni ssir miċ-ċittadini, biex jibnu għarfien espert u kapaċità ta’ rispons dwar suġġetti relatati mal-elezzjonijiet. It-taħriġ jenħtieġ li jkopri, fil-proċessi elettorali, il-parteċipazzjoni ta’ gruppi differenti, il-prattika ħażina u l-frodi elettorali, inkluż online, l-identifikazzjoni ta’ influwenzi moħbija u illegali, inkluż minn pajjiżi terzi, u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni. |
|
16. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw, permezz tan-networks elettorali nazzjonali tagħhom, mal-organizzazzjonijiet tal-osservaturi tal-elezzjonijiet:
|
|
17. |
L-Istati Membri, permezz tan-networks elettorali nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li jkomplu jiskambjaw l-aħjar prattiki rigward l-osservazzjoni elettorali fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet. |
|
18. |
Il-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet tal-kampanja jenħtieġ li jikkooperaw mal-osservaturi elettorali biex jiffaċilitaw l-attivitajiet tagħhom ta’ osservazzjoni elettorali. |
VII. Il-protezzjoni tal-infrastruttura relatata mal-elezzjonijiet u l-iżgurar ta’ reżiljenza kontra t-theddid ċibernetiku u theddid ibridu ieħor
|
19. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw il-protezzjoni adegwata tal-infrastruttura relatata mal-elezzjonijiet, inkluż billi jippromwovu s-sensibilizzazzjoni u l-ippjanar għall-kontinġenzi kollha li jista’ jkollhom effetti ta’ tfixkil sinifikanti fuq it-tmexxija bla xkiel tal-elezzjonijiet. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2022/2557, l-Istati Membri huma mħeġġa li jibdew jidentifikaw immedjatament l-entitajiet li joperaw infrastruttura relatata mal-elezzjonijiet li huma kritiċi għall-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-elezzjonijiet, u li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex itejbu r-reżiljenza ta’ dawk l-entitajiet u jgħinuhom biex jindirizzaw ir-riskji inerenti għall-operazzjonijiet tagħhom. |
|
20. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri li jiżguraw it-tħejjija għal inċidenti taċ-ċibersigurtà relatati mal-elezzjonijiet, kif jirrispondu għalihom u kif jirkupraw minnhom, filwaqt li jqisu r-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva (UE) 2022/2555. B’mod partikolari jenħtieġ li jiżguraw ukoll li t-teknoloġija użata fl-elezzjonijiet tkun imfassla, żviluppata u prodotta biex jiġi żgurat livell għoli ta’ ċibersigurtà. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw kooperazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi u privati li jieħdu ħsieb iċ-ċibersigurtà tal-elezzjonijiet. Jenħtieġ li jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-iġjene ċibernetika tal-partiti politiċi, il-kandidati, l-uffiċjali elettorali u entitajiet oħra relatati mal-elezzjonijiet. |
|
21. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu jew jaġġornaw il-valutazzjonijiet tar-riskju rigward ir-reżiljenza tal-infrastruttura relatata mal-elezzjonijiet u tal-entitajiet li joperawha, u jiġbru u jaggregaw id-data li tirriżulta minn tali valutazzjonijiet tar-riskju inkluż kwalunkwe test rilevanti tar-reżiljenza ċibernetika tas-sistemi elettorali tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkondividu l-esperjenzi fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, u fejn xieraq, f’sessjonijiet konġunti mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, dwar ir-riskji identifikati u s-sidien korrispondenti responsabbli għar-riskju, il-probabbiltà tagħhom u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji, il-konsegwenzi potenzjali, u l-livelli aċċettabbli, u, fejn applikabbli, deskrizzjoni tat-testijiet imwettqa fuq l-infrastruttura elettorali. L-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw, fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, u fejn xieraq, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, l-iżvilupp u l-aħjar użu ta’ standards u mudelli komuni dwar il-ġbir tad-data. |
|
22. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jagħmlu l-aħjar użu mill-mekkaniżmu konġunt għar-reżiljenza elettorali, magħmul disponibbli mill-Kummissjoni fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u miżuri prattiċi biex jiżguraw elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti fl-Unjoni inkluż fir-rigward tal-forensika online, id-diżinformazzjoni u ċ-ċibersigurtà tal-elezzjonijiet u l-appoġġ reċiproku biex jiġi indirizzat it-theddid. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkomplu japprofondixxu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni tagħhom u tal-aħjar prattiki fin-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet u fil-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, inkluż, fejn meħtieġ, permezz ta’ laqgħat konġunti, u aġġornamenti, kif ikun meħtieġ, għall-Kompendju dwar iċ-Ċibersigurtà tat-Teknoloġija Elettorali, speċjalment qabel l-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew. |
VIII. Protezzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-elezzjonijiet
|
23. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jipproteġu l-ambjent tal-informazzjoni madwar l-elezzjonijiet u jiżguraw li l-votanti jirċievu informazzjoni korretta b’mod f’waqtu u li jinftiehem. |
|
24. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jappoġġaw proġetti inkluż mis-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-media, l-istituti tar-riċerka u tal-edukazzjoni u d-dinja akkademika biex jibnu r-reżiljenza u jiżviluppaw is-sensibilizzazzjoni pubblika, il-litteriżmu medjatiku u l-ħsieb kritiku biex jindirizzaw il-manipulazzjoni tal-informazzjoni, l-interferenza u d-diżinformazzjoni relatata mal-elezzjoni jew li jaffettwaw b’xi mod ieħor l-elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti. Jenħtieġ li jippromwovu l-Programm Erasmus+ u l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u l-opportunitajiet ta’ finanzjament taħt il-fergħa tal-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, biex jiġu appoġġati dawn il-proġetti. |
|
25. |
L-Istati Membri jenħtieġ li, b’rispett sħiħ għal-libertà tal-espressjoni u għad-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi oħra, jappoġġaw u jiffaċilitaw it-trażmissjoni ta’ messaġġi u risposti b’ħeffa biex jipproteġu l-ambjent tal-informazzjni marbut mal-elezzjonijiet, bħall-konfutazzjoni antiċipata tal-messaġġi jew l-konfutazzjoni tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u tad-diżinformazzjoni dwar il-proċeduri elettorali. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw ukoll taħriġ għall-awtoritajiet elettorali u awtoritajiet rilevanti oħra biex jipproteġu l-ambjent tal-informazzjoni fl-elezzjonijiet u jiżguraw li jkunu mħejjija biex jindividwaw id-diżinformazzjoni dwar l-elezzjonijiet u biex id-diżinformazzjoni tiġi prekonfutata kif ukoll konfutata. F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ informazzjoni, manipulazzjoni u interferenza barranija, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu minn għodod eżistenti bħas-sett ta’ għodod għall-Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u l-Interferenza minn Barranin, biex jiddiskutu reazzjonijiet xierqa u jappoġġaw l-iskambju rapidu ta’ informazzjoni, inkluż fil-qafas tas-Sistema ta’ Twissija Rapida. |
|
26. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri, permezz tan-networks elettorali nazzjonali tagħhom, jiffaċilitaw il-kooperazzjoni f’livell nazzjonali mal-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili fejn xieraq, biex ikomplu jiżviluppaw u jaġġornaw l-aħjar prattiki għall-identifikazzjoni, il-mitigazzjoni u l-ġestjoni tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni, l-interferenza u r-riskji ta’ diżinformazzjoni fil-proċessi elettorali. L-Istati Membri jenħtieġ li jiffaċilitaw ukoll il-kooperazzjoni bejn in-networks elettorali nazzjonali u l-pjattaformi tal-media fir-rigward tas-sorsi ta’ informazzjoni verifikata relatata mal-proċeduri elettorali biex itejbu t-tixrid ta’ informazzjoni affidabbli u jirrestrinġu t-tixrid ta’ kontenut mhux preċiż jew immanipulat b’rabta mal-elezzjonijiet. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw li jappoġġaw aktar lill-media indipendenti u lill-organizzazzjonijiet tal-verifika tal-fatti fl-attivitajiet tagħhom li jindirizzaw il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni matul il-perjodi elettorali. |
|
27. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw standards komuni għall-kooperazzjoni dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni rigward l-elezzjonijiet fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, inkluż f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Sistema ta’ Twissija Rapida, fil-każ ta’ informazzjoni, manipulazzjoni u interferenza barranija. Għal dak l-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw il-mekkaniżmu konġunt għar-reżiljenza elettorali biex jiskambjaw għarfien espert rigward il-protezzjoni tal-ambjent tal-informazzjoni madwar l-elezzjonijiet u jorganizzaw skambji ddedikati li jinvolvu esperti mill-Istati Membri bi sfidi simili minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom jew vulnerabbiltajiet oħrajn. |
IX. Miżuri rigward il-finanzjament minn pajjiżi terzi ta’ partiti politiċi, fondazzjonijiet politiċi, kampanji elettorali, u kandidati
|
28. |
Biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ interferenza minn pajjiżi terzi fl-attivitajiet tal-partiti politiċi, il-fondazzjonijiet politiċi, il-kandidati politiċi u l-organizzazzjonijiet tal-kampanja nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jidentifikaw lakuni possibbli fil-leġiżlazzjoni tagħhom u miżuri regolatorji oħra relatati ma’ donazzjonijiet u finanzjament ieħor minn pajjiżi terzi. Fuq dik il-bażi u kif meħtieġ, l-Istati Membri huma mħeġġa jindirizzaw dawn il-lakuni, b’mod partikolari billi jippromwovu t-trasparenza tad-donazzjonijiet u finanzjament ieħor u billi jillimitaw id-donazzjonijiet għal ċertu ammont, jew jipprojbixxu d-donazzjonijiet għall-partiti politiċi nazzjonali, għall-fondazzjonijiet politiċi, għall-kandidati politiċi, għall-organizzazzjonijiet tal-kampanji u, fejn rilevanti, għall-movimenti politiċi, meta tali donazzjonijiet jiġu minn pajjiżi terzi u entitajiet bbażati f’pajjiżi terzi jew minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux intitolati li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jew fl-elezzjonijiet nazzjonali. Il-miżuri msemmija f’dan il-punt jenħtieġ li jirrispettaw b’mod sħiħ il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali. |
|
29. |
Il-partiti politiċi u l-entitajiet affiljati tagħhom jenħtieġ li jivvalutaw ir-riskji li jirriżultaw minn donazzjonijiet minn pajjiżi terzi u donazzjonijiet potenzjalment marbuta ma’ attività kriminali inklużi l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li tkopri l-kampanji elettorali u l-identifikazzjoni tad-donaturi. Jenħtieġ li tindirizza l-effetti negattivi attwali jew prevedibbli għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti u tinkludi miżuri biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati. |
|
30. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jidentifikaw, fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, standards komuni għal donazzjonijiet u appoġġ ieħor minn pajjiżi terzi lil partiti politiċi nazzjonali, fondazzjonijiet politiċi u organizzazzjonijiet tal-kampanji, inkluż biex itejbu s-sorveljanza tal-obbligi eżistenti fir-rigward ta’ tali donazzjonijiet u appoġġ. |
X. Il-promozzjoni ta’ aċċess faċli għad-drittijiet elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
|
31. |
L-Istati Membri jenħtieġ li, ferm qabel il-jiem tal-elezzjoni, jippromwovu inizjattivi, inkluż fil-livell lokali, bil-għan li tiżdied l-aċċessibbiltà tal-elezzjonijiet kif ukoll l-involviment politiku. Tali attivitajiet jistgħu jinkludu inizjattivi li jqajmu għarfien, kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni oħra permezz ta’ pjattaformi u kanali użati minn gruppi differenti ta’ ċittadini, konferenzi jew dibattiti, pereżempju billi jippromwovu skambji bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni dwar suġġetti relatati mal-Unjoni biex jitrawwem fehim aħjar ta’ perspettivi differenti. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ, speċjalment lil dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-ostakli li jillimitaw l-opportunitajiet tal-membri ta’ gruppi differenti biex jivvutaw u joħorġu bħala kandidati. L-informazzjoni dwar l-elezzjonijiet, inklużi l-forma u l-kontenut tagħha, jenħtieġ li tiġi adattata għall-ħtiġijiet speċjali ta’ dawk il-gruppi differenti. |
|
32. |
L-Istati Membri huma mħeġġa li jkollhom ħinijiet tal-votazzjoni twal biżżejjed biex jakkomodaw il-ħtiġijiet ta’ kemm jista’ jkun votanti u jgħinu biex jiġi żgurat li l-akbar numru ta’ persuni jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw. |
|
33. |
Qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri xierqa biex iżidu l-għarfien taċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi elettorali tagħhom, kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati. L-Istati Membri huma mħeġġa joħolqu kundizzjonijiet biex iċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni jkunu jistgħu jaċċessaw faċilment il-progress u l-istatus tar-reġistrazzjoni tagħhom. Meta l-awtoritajiet lokali jkollhom is-setgħa li jdaħħlu ċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni fir-reġistri elettorali, l-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu l-passi meħtieġa biex jappoġġaw lil dawn l-awtoritajiet, inkluż permezz ta’ gwida amministrattiva fl-azzjonijiet tagħhom biex jinfurmaw liċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni dwar id-drittijiet elettorali tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. F’konformità mar-regoli elettorali tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li bl-istess mod jieħdu miżuri biex jinfurmaw liċ-ċittadini tagħhom li jgħixu f’pajjiżi terzi dwar kif u fejn jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw. |
|
34. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu għażla lingwistika wiesgħa biżżejjed biex jispjegaw il-proċess elettorali lill-votanti. |
XI. It-tisħiħ tan-natura Ewropea tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
|
35. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu t-tħabbir tal-kandidati u l-bidu tal-kampanja fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mill-anqas 6 ġimgħat qabel il-jum tal-elezzjoni. |
|
36. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar l-affiljazzjoni bejn il-partiti politiċi nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej qabel u matul l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Huma jistgħu jagħmlu dan billi jindikaw tali affiljazzjoni fuq il-poloz tal-votazzjoni u billi jappoġġaw id-distribuzzjoni ta’ tali informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti. |
|
37. |
Il-partiti politiċi nazzjonali li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma mħeġġa jagħmlu pubblikament magħruf qabel il-bidu tal-kampanja elettorali, liema partit politiku Ewropew ikunu affiljati miegħu jew fil-proċess ta’ affiljazzjoni miegħu. Il-partiti politiċi nazzjonali jenħtieġ li jippromwovu miżuri mmirati biex iżidu l-għarfien tal-membri tagħhom dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. |
|
38. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw il-miżuri xierqa biex jgħinu lill-partiti politiċi Ewropej u lill-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew biex imexxu l-kampanji tagħhom fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. |
XII. L-indirizzar tar-riskju ta’ votazzjoni multipla fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
|
39. |
Fi żmien debitu qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu liċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni b’informazzjoni dwar ir-regoli u s-sanzjonijiet relatati ma’ votazzjoni multipla. |
|
40. |
Meta, fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, ċittadin jitneħħa mir-reġistru elettorali ta’ Stat Membru sabiex jivvota fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li l-ewwel Stat Membru, fl-istess ħin, jikkunsidra li jieħu miżuri biex jevita li tali tneħħija ma taffettwax ir-reġistrazzjoni ta’ dak iċ-ċittadin fir-reġistri elettorali tal-elezzjonijiet nazzjonali. |
XIII. Tisħiħ tan-networks elettorali, tal-kooperazzjoni elettorali u tar-rapportar
|
41. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu passi biex jippromwovu u jżidu l-kooperazzjoni fi ħdan in-networks elettorali nazzjonali, sabiex jitrawmu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u reżiljenti. Il-membri tan-networks elettorali nazzjonali jenħtieġ li jiskambjaw informazzjoni dwar kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw l-elezzjonijiet, inkluż billi jidentifikaw b’mod konġunt it-theddid u l-lakuni u jikkondividu s-sejbiet u l-għarfien espert. In-networks tal-elezzjoni nazzjonali jistgħu jinvolvu ruħhom ma’ partijiet ikkonċernati oħra bħar-riċerkaturi, l-akkademiċi, l-osservaturi elettorali u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għal dak l-għan. In-networks tal-elezzjonijiet nazzjonali jenħtieġ li jikkomunikaw mal-Parlamenti nazzjonali. L-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw in-networks elettorali nazzjonali billi jagħtuhom riżorsi u mezzi adegwati u jiżguraw li jkollhom il-qafas meħtieġ biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. |
|
42. |
Qabel l-elezzjonijiet tal-2024 tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri jenħtieġ li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-elezzjonijiet fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, inkluż permezz ta’ flussi ta’ ħidma operazzjonali li jindirizzaw il-finanzjament bil-moħbi minn pajjiżi terzi, u dwar attivitajiet u strateġiji ta’ sensibilizzazzjoni, fost kwistjonijiet oħra. L-Istati Membri huma mħeġġa biex ikomplu jiskambjaw l-aħjar prattiki u perspettivi dwar il-promozzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali u biex jappoġġaw l-iżvolġiment demokratiku u l-parteċipazzjoni għolja fl-elezzjonijiet tal-2024 tal-Parlament Ewropew u warajhom. |
|
43. |
Il-Kummissjoni se torganizza, kif ikun rilevanti, diskussjonijiet fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ networks Ewropej rilevanti oħra inkluża s-Sistema ta’ Twissija Rapida fil-każ ta’ informazzjoni, manipulazzjoni u interferenza barranija, u l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva dwar il-miżuri u l-azzjonijiet meħuda wara din ir-Rakkomandazzjoni. |
|
44. |
L-Istati Membri huma mistiedna jittrażmettu, fi żmien 6 xhur wara l-elezzjonijiet tal-2024 tal-Parlament Ewropew, informazzjoni dwar it-tmexxija ta’ dawn l-elezzjonijiet fit-territorju tagħhom, inkluż dwar il-miżuri biex tiġi implimentata din ir-Rakkomandazzjoni u, fejn ikun applikabbli, informazzjoni rilevanti dwar l-osservazzjoni elettorali miċ-ċittadini. |
|
45. |
Mill-2025 ’l quddiem, darba fis-sena, l-Istati Membri jenħtieġ li jiskambjaw informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-qafas tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet. |
|
46. |
Mhux aktar tard minn sena wara l-elezzjonijiet tal-2024 tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-informazzjoni trażmessa mill-Istati Membri f’konformità mal-punt 44, se tivvaluta l-impatt ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-kuntest tar-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-elezzjonijiet tal-2024 tal-Parlament Ewropew. |
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Didier REYNDERS
Membru tal-Kummissjoni
(1) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar networks ta’ kooperazzjoni fl-elezzjonijiet, it-trasparenza online, il-protezzjoni mill-inċidenti ċibernetiċi u l-ġlieda kontra l-kampanji ta’ diżinformazzjoni fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, C(2018) 5949, 12.9.2018, https://commission.europa.eu/system/files/2018-09/soteu2018-cybersecurity-elections-recommendation-5949_en.pdf.
(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-pjan ta’ azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, COM(2020) 790 final, 3.12.2020, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=COM%3A2020%3A790%3AFIN.
(3) Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza u t-tqegħid fil-mira tar-reklamar politiku, COM(2021) 731 final, 25.11.2021, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52021PC0731.
(4) Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (riformulazzjoni), COM(2021) 734 final, 25.11.2021, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52021PC0734.
(5) Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (riformulazzjoni), COM(2021) 732 final, 25.11.2021 u l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (riformulazzjoni), COM(2021) 733 final, 25.11.2021, https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/policies/justice-and-fundamental-rights/eu-citizenship/democracy-and-electoral-rights_en.
(6) Il-Kunsill tal-Ewropa, Il-Kummissjoni ta’ Venezja, it-30 ta’ Ottubru 2002, Kodiċi ta’ Prassi Tajba fi kwistjonijiet elettorali, adottat mill-Kummissjoni ta’ Venezja fil-51 u fit-52 sessjoni tagħha, https://rm.coe.int/090000168092af01
(7) Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/2102/oj).
(8) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj).
(9) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(10) https://commission.europa.eu/document/b0898ba3-c7ad-4af5-8467-5e23a0469a78_en.
(11) L-Anness I tad-Dikjarazzjoni 2/2019 tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-użu ta’ data personali matul kampanji politiċi, adottata fit-13 ta’ Marzu 2019.
(12) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Rapport lill-Parlament Ewropew dwar l-elezzjonijiet tal-2019, COM(2020) 252 final, 19.6.2020, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52020DC0252.
(13) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Unjoni tal-Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni, COM(2020) 620 final, 7.10.2020, https://commission.europa.eu/system/files/2021-01/eu_roma_strategic_framework_for_equality_inclusion_and_participation_for_2020_-_2030_0.pdf.
(14) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Unjoni ta’ Ugwaljanza: Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025, COM(2020) 565 final, 18.9.2020, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=COM%3A2020%3A0565%3AFIN.
(15) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025, COM(2020) 152 final, 5.3.2020, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=COM:2020:152:FIN.
(16) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, ir-rapport tal-2023 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023, https://data.europa.eu/doi/10.2838/4966.
(17) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030, COM(2021) 101 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=celex%3A52021DC0101.
(18) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Guide of good electoral practices in Member States addressing the participation of citizens with disabilities in the electoral process, SWD(2023) 408 final, https://commission.europa.eu/document/66b9212e-e9b0-409d-88a3-c0e505a5e670_en.
(19) In-Nazzjonijiet Uniti, is-27 ta’ Ottubru 2005, Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji għall-Osservazzjoni Internazzjonali tal-Elezzjonijiet, https://www.eeas.europa.eu/eeas/declaration-principles-international-election-observation_en?s=328.
(20) Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (id-Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2555/oj).
(21) Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2557/oj).
(22) Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020, COM(2022) 454 final, 15.9.2022, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52022PC0454.
(23) Ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2017)5 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar standards għall-e-Votazzjoni, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fl-14 ta’ Ġunju 2017 fl-1289 laqgħa tad-Deputati tal-Ministri.
(24) Il-Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fil-proċessi elettorali fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa (adottati mill-Kumitat Ewropew għad-Demokrazija u l-Governanza fid-9 ta’ Frar 2022 fl-1424 laqgħa tal-Kumitat tal-Ministri).
(25) Il-Kodiċi ta’ Prattika msaħħaħ dwar id-Diżinformazzjoni (2022), https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/policies/code-practice-disinformation.
(26) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-att dwar l-intelliġenza artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni, COM(2021) 206 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52021PC0206.
(27) Ir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 (ĠU L 156, 5.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/692/oj).
(28) Ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/817/oj).
(29) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/234 tal-14 ta’ Frar 2018 rigward it-tisħiħ tan-natura Ewropea u t-tmexxija effiċjenti tal-elezzjonijiet 2019 lill-Parlament Ewropew, (ĠU L 45, 17.2.2018, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2018/234/oj).
(30) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3.2.2014 dwar it-twaqqif tal-Grupp Ewropew ta’ Regolaturi għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, C (2014) 462 final.
(31) Il-Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni Ewropea, JOIN(2018) 36 final, https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/586157e5-923f-11e9-9369-01aa75ed71a1.
(32) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1141/2018-05-04).
(33) Il-Kunsill tal-Ewropa, Ir-Rakkomandazzjoni Rec(2003)4 tat-8 ta’ April 2003 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar regoli komuni kontra l-korruzzjoni fil-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanja elettorali, https://rm.coe.int/16806cc1f1.
(34) Il-Kummissjoni ta’ Venezja, Il-Linji Gwida u r-Rapport dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, adottati fis-46 Sessjoni Plenarja tagħha, CDL-INF(2001)8, https://www.venice.coe.int/webforms/documents/?pdf=CDL-INF(2001)008-e.
(35) Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Uffiċjali Għolja għall-Integrità Pubblika tal-OECD jippromwovi t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki dwar l-integrità u kontra l-korruzzjoni li jappoġġaw il-governanza tajba. Dawn għandhom l-għan ukoll li jsaħħu l-valuri ta’ kopertura, il-kredibbiltà u l-kapaċità tal-istituzzjonijiet involuti fil-proċessi tat-tfassil tal-politika. Aktar informazzjoni minn: https://www.oecd.org/corruption/ethics/working-party-of-senior-public-integrity-officials.htm
(36) Il-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) ġie stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa biex jimmonitorja l-konformità tal-Istati mar-regoli tal-Kunsill kontra l-korruzzjoni.
(37) Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/80/KE dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali, COM(2018)44 final, 25.1.2018, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/en/TXT/?uri=CELEX%3A52018DC0044.
(38) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, ir-Rapport dwar iċ-ċittadinanza tal-UE tal-2020 – It-tisħiħ tal-pożizzjoni taċ-ċittadini u l-protezzjoni ta’ drittijiethom, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020, https://data.europa.eu/doi/10.2775/559516.
(39) Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1724/oj).
(40) Grupp ta’ esperti dwar kwistjonijiet elettorali - Id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-PE u fl-elezzjonijiet muniċipali (E00617), https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=en&do=groupDetail.groupDetail&groupID=617.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2829/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)