European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2820

18.12.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2820

tal-15 ta’ Diċembru 2023

li tipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli milquta minn diżastri naturali fil-Greċja u fis-Slovenja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1465 (2) ipprovda appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza lil diversi Stati Membri, inklużi l-Greċja u s-Slovenja, għas-setturi agrikoli affettwati minn problemi speċifiċi li għandhom impatt fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-produtturi agrikoli, inklużi ċerti avvenimenti meteoroloġiċi avversi. Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, fil-Greċja u fis-Slovenja seħħew diżastri naturali avversi eċċezzjonali ġodda li kellhom impatt fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-produtturi agrikoli.

(2)

Matul Awwissu u Settembru 2023, partijiet mill-Greċja ġew affettwati minn nirien forestali kbar bla preċedent u sussegwentement minn għargħar li affettwa b’mod kiefer l-art agrikola tar-reġjuni affettwati.

(3)

Bejn it-3 u l-4 ta’ Awwissu 2023, is-Slovenja rreġistrat ammonti straordinarji ta’ xita u maltempati torrenzjali li rriżultaw f’uqigħ tal-art u għargħar li affettwaw b’mod negattiv parti sinifikanti mill-art agrikola ta’ dak l-Istat Membru.

(4)

Filwaqt li hemm indikazzjonijiet li avvenimenti simili jseħħu f’kuntest ġenerali ta’ żieda fir-riskji għall-agrikoltura relatati mat-tibdil fil-klima, l-intensità ta’ dawk l-avvenimenti fil-Greċja u fis-Slovenja kienet straordinarja.

(5)

Il-ħsarat sinifikanti għall-produtturi agrikoli kkawżati minn dawk l-avvenimenti u t-telf ta’ introjtu li jirriżulta għall-bdiewa affettwati fil-Greċja u fis-Slovenja jipperikolaw il-vijabbiltà ekonomika tal-azjendi agrikoli.

(6)

Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1465, il-Greċja u s-Slovenja rċevew għajnuna biex jindirizzaw b’mod immirat l-impatti ta’ problemi speċifiċi fuq il-produtturi agrikoli. Madankollu, din l-għajnuna mhijiex biżżejjed fid-dawl tal-kobor u s-severità tal-ħsarat ikkawżati lill-produtturi mill-avvenimenti meteoroloġiċi eċċezzjonali li seħħew matul is-sajf tal-2023. Għalhekk jenħtieġ tiġi adottata miżura eċċezzjonali ġdida biex tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-problemi speċifiċi wara dawn l-avvenimenti.

(7)

Id-diffikultajiet imsemmija jikkostitwixxu problema speċifika fis-sens tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ma tistax tiġi indirizzata faċilment mill-miżuri meħuda skont l-Artikoli 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament. Is-sitwazzjoni mhijiex marbuta speċifikament ma’ disturb uniku identifikat fis-suq jew ma’ theddida preċiża tiegħu. Mhijiex marbuta lanqas ma’ miżuri li jikkombattu t-tixrid tal-mard tal-annimali jew mat-telf fil-fiduċja tal-konsumaturi minħabba r-riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti.

(8)

L-ammonti li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Greċja u tas-Slovenja jenħtieġ li jiġu ddeterminati, filwaqt li jitqies b’mod partikolari, il-piż rispettiv tal-Greċja u s-Slovenja fis-settur agrikolu tal-Unjoni, abbażi tal-limiti massimi netti għall-pagamenti diretti sttipulati fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), kif ukoll l-impatt tal-avvenimenti reċenti f’dawn l-Istati Membri.

(9)

Il-Greċja u s-Slovenja jenħtieġ li jqassmu l-għajnuna permezz tal-aktar mezzi effettivi abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li jqisu l-kobor tad-diffikultajiet u d-danni ekonomiċi li jiffaċċaw il-bdiewa kkonċernati. Jenħtieġ li jiżguraw li l-bdiewa jkunu l-benefiċjarji aħħarin tal-għajnuna u jevitaw kwalunkwe distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni.

(10)

Billi l-ammonti allokati lill-Greċja u lis-Slovenja jindirizzaw biss b’mod parzjali d-diffikultajiet ekonomiċi mġarrba mill-bdiewa, jenħtieġ li l-Istat Membru jitħalla jagħti appoġġ nazzjonali addizzjonali lill-produtturi, skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti ta’ żmien stabbilit minn dan ir-Regolament.

(11)

Sabiex il-Greċja u s-Slovenja jingħataw il-flessibbiltà biex iqassmu l-għajnuna skont il-ħtieġa taċ-ċirkustanzi tal-bdiewa kkonċernati, jenħtieġ li l-Istat Membru jkun jista’ jakkumula din l-għajnuna ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, mingħajr ma jagħtu kumpens żejjed lill-bdiewa.

(12)

Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, jenħtieġ li l-Greċja u s-Slovenja jqisu l-appoġġ mogħti fil-qafas ta’ strumenti oħra ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni jew skemi privati bħala rispons għat-telf ekonomiku kkonċernat.

(13)

Għal raġunijiet baġitarji, jenħtieġ li l-Unjoni tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Greċja u s-Slovenja skont din il-miżura, biss meta tali nefqa ssir sa ċerta data ta’ eliġibbiltà. Għalhekk l-appoġġ għal din il-miżura eċċezzjonali jenħtieġ li jitħallas sal-31 ta’ Mejju 2024.

(14)

Il-Greċja u s-Slovenja jenħtieġ li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex l-Unjoni tkun tista’ timmonitorja l-effiċjenza tal-miżura introdotta b’dan ir-Regolament.

(15)

Sabiex ikun żgurat li l-bdiewa jirċievu l-għajnuna malajr kemm jista’ jkun, il-Greċja u s-Slovenja jenħtieġ li jkunu jistgħu jimplimentaw dan ir-Regolament mingħajr dewmien. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(16)

Il-miżura prevista f’dan ir-Regolament hija skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għajnuna tal-Unjoni ta’ ammont totali ta’ EUR 43 082 500 għandha tkun disponibbli għall-Greċja u għajnuna tal-Unjoni ta’ ammont totali ta’ EUR 8 585 500 għandha tkun disponibbli għas-Slovenja, biex jingħata appoġġ eċċezzjonali lill-bdiewa soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Il-Greċja u s-Slovenja għandhom jużaw l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 għal miżuri li għandhom l-għan li jikkumpensaw lill-bdiewa l-aktar affettwati għat-telf ekonomiku li għandu impatt fuq il-vijabbiltà tagħhom.

3.   Il-miżuri għandhom jittieħdu abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li jqisu t-telf ekonomiku mġarrab mill-bdiewa affettwati u għandhom jiżguraw li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżaw ebda distorsjoni fis-suq jew fil-kompetizzjoni.

4.   Il-Greċja u s-Slovenja għandhom jiżguraw li, meta l-bdiewa ma jkunux il-benefiċjarji diretti tal-pagamenti tal-għajnuna tal-Unjoni, il-benefiċċju ekonomiku tal-għajnuna tal-Unjoni jingħadda lilhom b’mod sħiħ.

5.   In-nefqiet imġarrba mill-Greċja u mis-Slovenja msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-pagamenti għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni biss jekk dawk il-pagamenti jkunu saru sal-31 ta’ Mejju 2024.

6.   Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jistgħu jiġu kumulati ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

7.   Il-Greċja u s-Slovenja jistgħu jagħtu appoġġ nazzjonali addizzjonali għall-miżuri meħuda skont il-paragrafu 2 sa massimu ta’ 200 % tal-ammont rispettiv stipulat fil-paragrafu 1, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, dment li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżaw ebda distorsjoni fis-suq jew fil-kompetizzjoni.

8.   Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, meta jingħata appoġġ skont dan ir-Regolament, il-Greċja u s-Slovenja għandhom iqisu l-appoġġ mogħti fil-qafas ta’ strumenti oħra ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni jew skemi privati biex iwieġbu għat-telf ekonomiku kkonċernat.

Artikolu 2

1.   Mingħajr dewmien u mhux aktar tard mid-29 ta’ Frar 2024, il-Greċja u s-Slovenja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dawn li ġejjin b’rabta mal-miżuri implimentati skont l-Artikolu 1:

(a)

deskrizzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu;

(b)

il-kriterji li ntużaw biex jiġu ddeterminati l-metodi għall-għoti tal-għajnuna u r-raġunament għad-distribuzzjoni tal-għajnuna fost il-bdiewa;

(c)

l-impatt maħsub tal-miżuri bl-għan li l-bdiewa jiġu kkumpensati għat-telf ekonomiku;

(d)

l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġi vverifikat li jinkiseb l-impatt maħsub tal-miżuri;

(e)

l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġu evitati d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kumpens żejjed;

(f)

il-previżjoni għall-pagamenti tan-nefqa tal-Unjoni imqassma kull xahar sal-31 ta’ Mejju 2024;

(g)

il-livell ta’ appoġġ addizzjonali mogħti skont l-Artikolu 1(7);

(h)

l-azzjonijiet meħuda biex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tal-bdiewa u biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2024, il-Greċja u s-Slovenja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-ammonti totali mħallsa għal kull miżura, fejn japplika mqassma skont l-għajnuna tal-Unjoni u l-għajnuna nazzjonali addizzjonali, in-numru u t-tip ta’ benefiċjarji u l-valutazzjoni tal-effettività tal-miżura.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1465 tal-14 ta’ Lulju 2023 li jipprovdi għal appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn problemi speċifiċi b’impatt fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-produtturi agrikoli (ĠU L 180, 17.7.2023, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1465/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2820/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)